Official Journal L 074 , 27/03/1993 P. 0081 - 0083
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0090
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0090
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi sabiex tittejjeb il-kwalità ta' l-arja fir-rigward tad-diossidu tal-kubrit u emissjonijiet oħrajn, il-Komunità għandha tieħu miżuri biex tnaqqas progressivament il-kontenut tal-kubrit taż-żejt tal-gass użat minn vetturi self-propelled, inkluż inġenji ta' l-ajru u bastimenti, u għal skopijiet ta' tisħin, industrijali u marini; Billi, taħt l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 75/716/KEE [4], id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri jipprovdu żewġ limiti fir-rigward tal-kontenut tal-kubrit ta' karburanti likwidi; billi dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor; Billi dawn id-differenzi jobbligaw il-kumpanniji taż-żejt tal-Komunità biex jaġġustaw il-kontenut massimu tal-kubrit tal-prodotti tagħhom, skond liema Stat Membru qed ikun fornut; billi dawn id-differenzi għalhekk jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ, b'hekk jaffettwaw direttament it-twaqqif u l-funzjonament tas-suq ewlieni; Billi, kif ukoll, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 75/716/KEE jipprovdi li fid-dawl ta' kull informazzjoni ġdida disponibbli il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill akkumpanjat minn proposta xierqa biex ikun stabbilit valur waħdieni; Billi programmi ta' azzjoni suċċessivi tal-Komunitajiet Ewropej fuq l-ambjent [5] jisħqu fuq l-importanza tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-arja; Billi l-kwalità tal-karburant għandha rwol importanti fit-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-arja mill-emissjonijiet ta' l-exhaust tal-vetturi; Billi, kif ukoll, bis-saħħa tad-Deċiżjoni 81/462/KEE [6] il-Komunità hija parti kontraenti fil-Konvenzjoni fuq it-tniġġis ta' l-arja f'medda wiesgħa transfruntiera, li tipprovdi partikolarment għall-iżvilupp ta' strateġiji u politiki biex jillimitaw u, kemm jista' jkun possibbli, inaqqsu gradwalment u jipprevjenu t-tniġġis ta' l-arja; Billi t-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi iservi biex imexxi l-quddiem wieħed mill-oġġettivi tal-Komunità, li huwa biex tkun preservata, protetta u tittejjeb il-kwalità ta' l-ambjent u biex jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta' saħħet il-bniedem, billi titranġa l-ħsara ambjentali f'ras il-għajn; Billi, skond id-Direttiva 75/716/KEE, diversi Stati Membri diġa iffissaw valur ta' 0,2 % fil-piż; Billi l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li karburanti diesel ta' kontenut massimu ta' kubrit ta' 0,05 % fil-piż isiru gradwalment disponibbli; Billi, biex jintlaħqu l-livelli ta' emissjonijiet ta' particulate stabbiliti f'Direttivi speċifiċi tal-Komunità, il-kontenut tal-kubrit ta' karburanti diesel mqiegħda fis-suq ġewwa l-Komunità ma tistax teċċedi 0,2 % fil-piż mill-1 ta' Ottubru 1994 u 0,05 % fil-piż mill-1 ta' Ottubru 1996; billi l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex jintlaħaq dak l-iskop; Billi ż-żieda fl-użu ta' żejt tal-gass għall-vetturi bil-mutur jimplika sforzi oħra fir-rigward tal-kwalità tal-karburant diesel, biex ikunu limitati l-effetti ħżiena ta' dan l-użu fuq il-kwalità ta' l-arja; billi t-twaqqif ta' kontenut massimu ta' kubrit ta' 0,05 % fil-piż li japplika mill-1 ta' Ottubru 1996 għall-karburant diesel jippermetti l-industriji partikolari biżżejjed żmien biex isiru l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa; Billi l-użi oħra ta' żjut tal-gas u żjut medji jeħtieġu li jsir sforz biex jitnaqqas it-tniġġis ta' l-arja, fejn għandha titqies il-kontribuzzjoni tagħhom fir-rigward tat-titjib fil-kwalità ta' l-arja u l-ispejjeż u l-benefiċċji ambjentali; billi l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill, li għandu jieħu deċiżjoni fuq hekk mhux aktar tard sal-31 ta' Lulju 1994, proposta li tintroduċi, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 1999, limitu aktar baxx għall-kontenut ta' kubrit u t-twaqqif ta' valuri tal-limitu ġodda għall-keroseni (pitrolju) ta' l-avjazzjoni; Billi bidla f'daqqa fil-provisti ta' żejt mhux raffinat li jwassal għal żieda fil-kontenut tal-kubrit medju jista', minħabba l-kapaċità ta' desulferizzazzjoni disponibbli, jipperikola provisti lill-konsumaturi fi Stat Membru; billi għalhekk jidher kunsiljabbli li jkun awtorizzat li Stat Membru jidderoga taħt ċerti kondizzjonijiet mil-limiti tal-kontenut ta' kubrit provduti fir-rigward tas-suq tiegħu; Billi l-introduzzjoni ta' kontenut baxx ta' kubrit fiż-żjut tal-gas marini għal bastimenti tat-tbaħħir tqajjem problemi speċifiċi tekniċi u ekonomiċi għall-Greċja; billi deroga ta' durata limitata favur il-Greċja m'għandiex tiddeprimi l-kummerċ fiż-żjut tal-gas marini billi l-istallazzjonijiet tar-raffinar Griegi bħalissa jkopru mhux iżjed mid-domanda domestika għaż-żjut tal-gas u żjut medji; billi esportazzjonijiet għall-ħruq finali mill-Greċja lejn Stat Membri ieħor għandhom iħarsu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva applikabbli f'dak l-Istat Membru; billi l-Greċja tista' tingħata deroga ta' ħames snin qabel l-introduzzjoni ta' żjut tal-gas marini bil-konenut ta' kubrit meħtieġ; billi dan il-perjodu għandu jispiċċa fit-30 ta' Settembru 1999; Billi għandhom isiru verifiki fuq il-post biex ikun ivverifikat il-kontenut tal-kubrit taż-żjut tal-gass u żjut medji mpoġġija fis-suq; billi għal dan il-għan għandha ssir dispożizzjoni għal metodu uniformi bbażat fuq l-aħjar teknoloġija disponibbli, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva: (a) ‘żejt tal-gass' tfisser kull prodott taż-żejt (petroleum) li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2710 00 69, jew kull prodott taż-żejt li, minħabba l-limiti tad-distillazzjoni tiegħu, jaqa' f'kategorija tad-distillati medji maħsuba għall-użu bħala karburant u li 85 % minnu ta' lanqas fil-volum, inkluż telf mid-distillazzjoni, jiddistilla f'350º C; (b) ‘karburanti diesel' tfisser żjut tal-gass użat għall-vetturi self-propelled kif msemmija fid-Direttiva 70/220/KEE [7] u d-Direttiva 88/77/KEE [8]. 2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal żjut tal-gass: - li jkunu jinsabu fit-tankijiet ta' bastimenti, inġenji ta' l-ajru jew vetturi bil-mutur li jaqsmu l-fruntjiera bejn pajjiż terz u Stat Membru; - maħsubin għall-ipproċessar qabel l-aħħar ħruq. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom, biex jilħqu l-livelli ta' emissjonijiet ta' particulates provduti f'Direttivi speċifiċi tal-Komunità, jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' karburanti diesel fil-Komunità jekk il-kontenut tal-kompost tal-kubrit, espress f'kubrit (minn hawn ‘il quddiem "kontenut tal-kubrit"), jeċċedi: - 0,2 % fil-piż mill-1 ta' Ottubru 1994, - 0,05 % fil-piż mill-1 ta' Ottubru 1996. L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li karburanti diesel msemmija fl-ewwel paragrafu b'kontenut ta' kubrit li ma jeċċedix 0,05 % fil-piż isiru gradwalment disponibbli. 2. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tpoġġija fil-Komunità ta' żjut tal-gass li ma jkunx dawk, jew użati għall-għanijiet li ma jkunux dawk msemmija fil-paragrafu 1 bl-eċċezzjoni ta' kerosene (pitrolju) ta' l-avjazzjoni, mill-1 ta' Ottubru 1994, jekk il-kontenut tal-kubrit jeċċedi 0,2 fil-piż. Qabel l-1 ta' Jannar 1994, il-Kummissjoni għandha tindika, f'rapport lill-Kunsill, x'progress ikun sar fil-kontroll ta' emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit. Fl-istess ħin għandha tissottometti lill-Kunsill proposta, fil-qafas aktar ġenerali tal-politika biex tittejjeb il-kwalità ta' l-arja. għat-transizzjoni għat-tieni fażi, li tippreskrivi limitu aktar baxx sa' mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 1999, u t-twaqqif ta' valuri tal-limitu ġodda għall-kerosene (pitrolju) ta' l-avjazzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 1994. 3. Jekk, bħala riżultat ta' bidla f'daqqa fil-provista ta' żejt mhux raffinat jew prodotti taż-żejt (petroleum), issir diffiċli għal Stat Membru biex japplika l-limitu fuq il-kontenut massimu ta' kubrit taż-żejt tal-gass, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Il-Kummissjoni għandha tawtorizza limitu ogħla li għandu jkun applikabbli ġewwa t-territorju ta' dak l-Istat Membru għal perjodu li ma jeċċedix sitt xhur, u għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Kunsill. Kull Stat Membru jista' jikkontesta dik id-Deċiżjoni quddiem il-Kunsill fi żmien xahar. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jadotta deċiżjoni differenti fi żmien xahrejn. Bħala deroga l-Gvern tal-Greċja jista', sat-30 ta' Settembru 1999, jawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żejt tal-gass għall-użu marin b'kontenut tal-kubrit li jeċċedi 0,2 fil-piż. Artikolu 3 L-ebda Stat Membru ma jista', mid-dati ta' l-applikazzjoni provduti fl-Artikolu 2(1) u (2), jipprojbixxi, jirrestrinġi jew jipprevjeni t-tqegħid fis-suq taż-żjut tal-gass fuq il-bażi tal-kontenut tal-kubrit, jekk dawk iż-żjut tal-gass iħarsu l-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva. Artikolu 4 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex ikun verifikat il-kontenut tal-kubrit taż-żjut tal-gass li jitqiegħdu fis-suq. 2. Il-metodu ta' riferenza adottat għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-kubrit taż-żjut tal-gass li jitpoġġew fis-suq għandu jkun dak definit b'metodu ISO 8754. L-interpretazjoni statistika tar-riżultati tal-verifiki magħmula biex ikun determinat il-kontenut tal-kubrit taż-żjut tal-gass mpoġġija fis-suq għandhom jitpoġġew fis-suq skond l-istandard ISO 4259 (edizzjoni 1979). Artikolu 5 Sa mill-1 ta' Ottubru 1994, id-Direttiva 75/716/KEE għandha tinbidel b'din id-Direttiva. Artikolu 6 L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva qabel l-1 ta' Ottubru 1994. Għandhom jinfurmaw minnufih il-Kummissjoni bihom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Artikolu 7 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Marzu 1993. Għall-Kunsill Il-President S. Auken [1] ĠU Ċ 174, 5.7.1991, p. 18 uĠU Ċ 120, 12.5.1992, p. 12. [2] ĠU Ċ 94, 13.4.1992, p. 209 uĠU Ċ 337, 21.12.1992. [3] ĠU Ċ 14, 20.1.1992, p. 17. [4] ĠU L 307, 27.11.1975, p. 22. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 87/219/KEE (ĠU L 91, 3.4.1987, p. 19). [5] ĠU Ċ 112, 20.12.1973, p. 1,ĠU Ċ 139, 13.6.1977, p. 1 uĠU Ċ 46, 17.2.1983, p. 1. [6] ĠU L 171, 27.6.1981, p. 11. [7] ĠU L 76, 6.4.1970, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/441/KEE (ĠU l 242, 30.8.1991, p. 1). [8] ĠU L 36, 9.2.1988, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/542/KEE (ĠU L 295, 25.10.1991, p. 1). --------------------------------------------------