Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3149/92 tad-29 ta’ Ottubru 1992 li jippreskrivi regoli dettaljati għar-riforniment ta’ ikel mill-ħażna ta’ intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità.
ĠU L 313, 30.10.1992, p. 50–55 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 03 Volume 13 P. 196 - 201
Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 03 Volume 13 P. 196 - 201
Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 03 Volume 13 P. 196 - 201
Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 03 Volume 13 P. 196 - 201
Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 03 Volume 13 P. 196 - 201
Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 03 Volume 13 P. 196 - 201
Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 03 Volume 13 P. 196 - 201
Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 03 Volume 13 P. 196 - 201
Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 03 Volume 13 P. 196 - 201
Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 03 Volume 11 P. 174 - 179
Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 03 Volume 11 P. 174 - 179
DA DE EL EN ES FR IT NL PT
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | ||||
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3149/92
tad-29 ta’ Ottubru 1992
li jippreskrivi regoli dettaljati għar-riforniment ta’ ikel mill-ħażna ta’ intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità.
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3730/87 ta’ l-10 ta’ Diċembru 1987 li jippreskrivi r-regoli ġenerali għar-riforniment ta’ ikel minn ħażniet ta’ intervent lill-organizzazzjonijiet innominati għad-distribuzzjoni lill-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 6,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru1676/85 tal-11 ta’ Ġunju 1985 fuq il-valur ta’ l-unità ta’ kont u r-rati ta’ konverżjoni li għandhom jiġu applikati għall-għanjiet tal-politika agrikola komuni [2], kif ġie emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 2205/90 [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) u 12,
Billi, wara l-esperjenza ta’ numru ta’ snin ta’ ġestjoni ta’ l-arranġamenti introdotti mir-Regolament (KEE) Nru 3730/87, ir-regoli ta’ implimentazzjoni preskritti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3744/87 [4], kif ġie l-aħħar emendat mir-Regolament (KEE) Nru 583/91 [5], għandhom jiġu emendati; billi, għal għanijiet ta’ kjarezza u konvenjenza, dan ta’ l-aħħar għandu jinbidel b’dan ir-Regolament;
Billi l-proċedura u r-regoli li jwaqqfu l-pjan ta’ tqassim annwali għall-prodotti minn ħażniet ta’ intervent stipulati mill-Kummissjoni fuq informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri għandhom jiġu simplifikati u l-orarju għandu jiġi adattat billi wieħed jikkonsidra l-ħtiġijiet ta’ tqassim lid-destinatarji u l-ħtieġa ta’ ġestjoni finanzjarja tal-ħażniet ta’ intervent pubbliku;
Billi ir-riforniment ta’ prodotti agrikoli u ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità normalment jolqot prodotti pproċessati jew ippakkjati minn prodotti miġbura mil-ħażniet ta’ intervent tal-Komunità; billi, iżda, l-għan jista’ jinkiseb ukoll bir-riforniment ta’ prodotti agrikoli u ikel ġejjin mill-istess kategorija ta’ prodotti li jitpoġġew fis-suq tal-Komunità; billi f’każijiet bħal dawn jagħmel tajjeb għar-riforniment l-irtirar jew trasferiment ta’ prodotti mill-ħażniet ta’ intervent;
Billi, biex jiġu ġestiti sewwa l-arranġamenti, meta l-applikazzjoni tirrigwarda prodotti li ġew ipproċessati jew maħduma b’xi mod speċifiku, għandu jkun hemm sejħa għal offerti biex jiġu stabbiliti l-aqwa kondizzjonijiet għar-riforniment;
Billi il-kondizzjonijiet ta’ rifużjoni lil-organizzazzjonijiet ta’ karità ta’ spejjeż minfuqa fuq it-trasport ta’ prodotti u ukoll, fejn xieraq, spejjeż ta’ amministrazzjoni għandhom jiġu stabbiliti, fil-limiti tal-fondi disponibbli; billi spejjeż ta’ trasport għandhom jitħallsu skond rati standard; billi, iżda, għandhom isiru dispożizzjonijiet għall-possibbiltà li jitqiesu dawn l-ispejjes ta’ trasport b’sejħa għal offerti; billi r-regoli biex jiddaħħal fil-kontijiet il-valur ta’ prodotti rtirati mill-ħażniet ta’ intervent ghall-għanijiet tal-FAEGG, Sezzjoni Garanzija, l-ispiża għandha ukoll tiġi stipulata, flimkien mar-regoli li għandhom jiġu applikati f’każ illi l-ħażniet jiġu ttrasferiti minn Stat Membru għal ieħor;
Billi r-rati li għandhom jiġu applikati minn banda waħda għall-konverżjoni tal-valur kontabbli tal-prodotti, u mill-banda l-oħra, għall-konverżjoni ta’ spejjeż ta’ trasport u amministrazzjoni għandhom jiġu stabbiliti; billi fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż, biex jiġu evitati alterazzjonijiet ta’ valuta, għandha tintuża rata aktar qrib għar-rejaltà ekonomika mir-rata agrikola ta’ konverżjoni, fil-waqt li għandu jiġi applikat l-fattur korrettiv msemmi fl-Artiklu 2 (2) tar-Regolament (KEE) Nru1676/85; billi l-Artikolu 3a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3152/85 [6], kif ġie emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 3237/90 [7], fuq ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1676/85, fih dispożizzjonijiet biex din r-rata tiġi ppubblikata;
Billi l-għan ta’ dawn l-arranġamenti u n-natura tat-trasferiment tal-prodotti ta’ intervent jiġġustifikaw li ma jiġux applikati l-ammonti kompensattivi monetarji u, fejn meħtieġ, ir-regoli biex jitħaddem il-mekkaniżmu ta’ kummerċ supplementari li għalih hemm dispożizzjonijiet fl-Att ta’ Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall;
Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet biex jiġi applikat dan ir-Regolament fil-bidu tal-perijodu tat-twettieq tal-pjan ta’ tqassim, jiġifieri l-1 ta’ Ottubru 1992;
Billi l-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitati ta’ Ġestjoni rilevanti,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Stati Membri li jixtiequ japplikaw il-miżuri introdotti mir-Regolament (KEE) Nru 3730/87 f’isem dawk il-persuni li huma l-aktar fil-bżonn fil-Komunità għandhom jinformaw lill-Kummissjoni kull sena mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar qabel il-perijodu ta’ tħaddim tal-pjan annwali msemmi fl-Artikolu 2.
2. Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju, l-Istati Membri interessati għandhom javzaw lill-Kummissjoni dwar:
(a) il-kwantitajiet ta’ kull tip ta’ prodott (f’tunnellati) meħtieġa biex jitħaddem il-pjan fuq it-territorju tagħhom għas-sena msemmija;
(b) il-forma li fiha l-prodotti għandhom jitqassmu lid-destinatarji;
(ċ) il-kriterji ta’ eliġibbilità tad-destinatarji;
(d) ir-rata tat-tariffa, jekk ikun hemm, li tista’ tiġi mitluba lid-destinatarji skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 3730/87.
Artikolu 2
1. Qabel it-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, il-Kommissjoni għandha tadotta pjan annwali għat-tqassim tal-prodotti mill-ħażniet ta’ intervent, kull Stat Membru separatament għalih. Bil-għan li r-riżorsi jitqassmu bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha żżomm kont ta’ l-aħjar estimi tan-numru ta’ l-aktar persuni fil-bżonn fl-Istati Membri interessati, kif ukoll l-esperjenza akkwistata u l-użu li sar mir-riżorsi fis-snin ta’ qabel.
2. Qabel ma jiġi mniedi l-pjan annwali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-organizzazzjoniet prinċipali midħla tal-problemi tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità.
3. Il-pjan għandu jinkludi b’mod partikolari:
(a) il-kwantità ta’ kull tip ta’ prodott li jista’ jittieħed mill-ħażniet ta’ intervent għat-tqassim f’kull Stat Membru;
(b) ir-riżorsi finanzjarji disponibbli biex jitwettaq il-pjan f’kull Stat Membru;
(ċ) l-appropriazzjonijiet meħtieġa biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż ta’ trasferiment tal-prodotti ta’ intervent imsemmija fl-Artikolu 7.
4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjan kemm jista’ jkun malajr.
Artikolu 3
1. It-tħaddim tal-pjan jibda mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara. Għandu jkopri l-irtirar ta’ prodotti mill-ħażniet ta’ intervent mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Awissu.
2. Matul it-tħaddim tal-pjan, l-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni b’xi emendi fit-tħaddim li, iżda, m’għandhomx jinvolvu xi żieda fl-ispiża mistennija. Dan l-avviż għandu jintbagħat ma’ kull informazzjoni oħra li għandha x’taqsam.
3. L-Istati Membri għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni, u mhux aktar tard mill-aħħar ta’ April fil-perijodu ta’ tħaddim, ta’ xi tnaqqis prevedibbli fl-ispiża fit-tħaddim tal-pjan.
Il-Kummissjoni tista’ tqassam mill-ġdid xi riżorsi li baqgħu ma ntużawx lil Stati Membri l-oħra.
Artikolu 4
1. It-tħaddim tal-pjan għandu jinvolvi r-riforniment ta’ prodotti rtirati mill-ħażniet ta’ intervent.
2. Fejn jidħol ir-riforniment ta’ prodotti pproċessati u/jew ippakkjati, l-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru għandha tħejji sejħa għall-offerti biex tiżgura l-anqas kondizjonijiet għolja ta’ riforniment.
Ta’ l-inqas tliet offerenti għandhom jitfgħu offerta. Is-sejħa għall-offerti għandha tikkonċerna:
- it-tariffi għall-ipproċessar u/jew ippakkjar tal-prodotti li jridu jiġu mqassma,
- il-kwantità ta’ prodotti agrikoli jew ikel ipproċessat jew ippakkjat li jista’ jinkiseb mill-użu ta’ prodotti mill-ħażniet ta’ intervent, forniti bħala pagament għal dawn il-prodotti,
- Il-kwantità ta’ prodotti agrikoli pproċessati jew ta’ ikel li hija disponibbli jew li tista’ tinkseb fis-suq billi tipprovdi għall-prodotti ta’ pagament ta’ l-istess tip mill-ħażniet ta’ intervent.
3. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjonijiet biex ir-riforniment jinkludi t-trasport tal-prodotti lejn l-imħażen ta’ l-organizzazzjoni tal-karità u, fejn xieraq, it-tqassim lid-destinatarji. F’każijiet bħal dawn ir-riforniment għandu jittieħed b’sejħa għall-offerti li fiha għandu jkun hemm mill-inqas tliet offerenti.
Artikolu 5
1. Għall-għanijiet tas-Sezzjoni Garanzija tal-FAEGG, u minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1883/78 [8], il-valur ta’ akkont tal-prodotti disponibbli mill-intervent skond dan ir-Regolament għandu jittieħed bħala l-prezz ta’intervent applikabbli mill-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena.
Il-kambju f’valuta nazzjonali għandu jsir billi tintuża r-rata agrikola tal-kambju applikkabli fl-1 ta’ Ottubru.
Fil-każ tal-laħam taċ-ċanga, l-prezz ta’ l-intervent għandu jkun marbut mal-koeffijenti mniżżla fl-Anness I.
2. Meta l-prodotti ta’ intervent jiġu ttrasferiti minn Stat Membru għal ieħor, l-Istat Membru rifornitur għandu jniżżel bħala entratura zero fil-kotba tal-kontijiet il-prodott fornit u l-Istat Membru destinatarju għandu jniżżilha bħala riċevuta fix-xahar ta’ dispaċċ, billi juża l-prezz u r-rata mkejla skond paragrafu 1.
Artikolu 6
1. L-ispejjeż ta’ trasport mill-ħażniet ta’ l-intervent fit-territorju ta’ l-Istat Membru għall-bini tal-fabbrikant u/jew ta’ min jippakkja u minn dan ta’ l-aħħar lejn l-imħażen ta’ l-organizzazzjonijiet tal-karità għandhom, fuq applikazzjoni sostanzjata b’mod xieraq lill-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru, jiġu rifużi lill-organizzazzjoniet innominati biex iqassmu l-prodotti skond ir-rati mniżżla fl-Anness II.
2. Meta l-Artikolu 4(3) jiġi applikat, l-Istati Membri għandhom jiksbu rifużjoni ta’ l-ispejjeż ta’ riforniment, inkluz it-trasport u, meta jkun il-każ, l-ispejjeż ta’ tqassim fuq bażi ta’ l-aħjar offerta b’risposta tas-sejħa għall-offerti.
3. L-ispejjeż amministrattivi ġġenerati mir-rifornimenti li għalihom hemm dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament għandhom, wara li ssir talba ġustifikata b’mod xieraq lill-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru, jiġu mħallsa lura lill-orġanizzazzjonijiet ta’ karità soġġetti għal-limitu ta’ 1 % tal-valur tal-prodotti forniti lilhom, ikkalkolati skond l-Artikolu 5(1).
4. L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1, 2 u 3 għandhom jitħallsu lura lill-Istati Membri fil-limiti tar-riżorsi disponibbli kif imsemmi fl-Artikolu 2(3)(b).
Artikolu 7
1. Meta l-prodotti inklużi fil-pjan m’humiex disponibbli mill-intervent fl-Istat Membru fejn huma meħtieġa, l-Istat Membru msemmi għandu jibgħat applikazzjoni għal trasferiment lill-Kummissjoni, li fiha għandu jagħti kull informazzjoni meħtieġa fuq fejn qegħdin il-ħażniet u d-distanzi u l-kwantitajiet li hemm. Meta applikazzjoni ma tkunx ġustifikabbli, il-Kummissjoni għandha tagħti r-raġunijiet għax ma ntlaqgħitx.
2. Fejn hemm każ ta’ trasferiment, l-ispejjeż tat-trasport għandhom jiġu mħallsa mill-Komunità u mrodda lura lill-Istat Membru fuq il-bażi tar-rati stabbiliti fl-Anness II. L-ispiża għandha titħallas mill-appropriazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3)(c). Meta l-appropriazzjonijiet jiġu kollha mqassma, kull finanzjament ieħor tal-Komunità biex jagħmel tajjeb għal spejjeż ta’ trasport fil-Komunità stess għandu jittieħed in konformità ma’ l-Artikolu 6(4).
L-ispejjeż tat-trasport ma jistgħux jitħallsu ħlief bi flus; lanqas ma jistgħu jsiru bi skambju ta’ prodotti.
L-awtorità kompetenti għandha tpoġġi l-kondizzjonijiet għall-provvista ta’ u l-ħelsien mill-garanzija li jipprovdi minn iġorr. L-awtorità għandha tara li l-oġġetti ġew inxurjati kif xieraq.
3. Il-prodotti ttrasferiti m’għandhomx jkunu suġġetti għas-sistema ta’ ammonti kompensattivi ta’ l-‘aċċessjoni’, lanqas għall-mekkaniżmu tal-kummerċ supplimentari.
4. L-Istati Membri destinatarji għandhom jipprovdu lill-Istati Membri fornituri l-isem tal-persuna li magħha jkun sar il-kuntratt ta’ trasport tal-prodotti. Meta jieħu taħt idejh il-prodotti, il-kuntrattur għandhu jaċċetta li jipprovdi xhieda li ġew ittrasferiti fl-Istat destinatarju.
Il-preżentazzjoni ta’ dokument ta’ kunsenja maħruġ mill-aġenzija destinatarja ta’ intervent għandu jitqies bħala xhieda ta’ trasferiment ta’ prodotti.
Dikjarazzjonijiet ta’ kunsinja maħruġa mill-aġenzija ta’ l-intervent li tissupplixxi għandhom jinkludu waħda minn dawn il-kitbiet:
- Transferencia de productos de intervención - Aplicación del apartado 4 del l-Artikolu 7 del Reglamento (CEE) no 3149/92 y del apartado 3 del articolo 21 del Reglamento (CEE) no 3154/85
- Overfoersel af interventionsprodukter - anvendelse af artikel 7, stk. 4, i forordning (EOEF) nr. 3149/92 og artikel 21, stk. 3, i forordning (EOEF) nr. 3154/85
- Transfer von Interventionserzeugnissen - Anwendung von Artikel 7 Absatz 4 der Verordnung (EWG) Nr. 3149/92 und Artikel 21 Absatz 3 der Verordnung (EWG) Nr. 3154/85
- Μεταφορά προϊόντων παρεμβάσεως — εφαρμογή του άρθρου 7 παράγραφος 4 του κανονισμού (EOK) αριθ. 3149/92 και του άρθρου 21 παράγραφος 3 του κανονισμού (EOK) αριθ. 3154/85
- Transferiment ta’ prodotti ta’ intervent-Applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3149/92 u l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3154/85
- Transfert de produits d’interpretazzjoni - Application de l’article 7 paragraphe 4 du règlement (CEE) no 3149/92 et de l’article 21 paragraphe 3 du règlement (CEE) no 3154/85
- Trasferimento di prodotti d’intervento - Applicazione dell’articolo 7, paragrafo 4 del regolamento (CEE) n. 3149/92 e dell’articolo 21, paragrafo 3 del regolamento (CEE) n. 3154/85
- Overdracht van interventieprodukten - toepassing van artikel 7, lid 4, van Verordening (EEG) nr. 3149/92 en van artikel 21, lid 3, van Verordening (EEG) nr. 3154/85
- Transferência de produtos de intervençao - aplicaçao do no 4 do artigo 7o do Regulamento (CEE) no 3149/92 e do no 3 do artigo 21o do Regulamento (CEE) no 3154/85.
5. L-ispejjeż ta’ trasport għandhom jitħallsu mill-Istati Membri li lejnhom jintbagħtu l-prodotti msemmija fuq il-bażi tal-kwantitajiet li fil-fatt jaslu.
6. In-nieqes għandu jingħata kont tiegħu skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3597/90 (9).
Artikolu 8
Minkejja l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 1676/85, l-ammonti preskritti fl-Artikolu (1) u 7 għandhom jinqalbu fil-valuta nazzjonali skond ir-rata tas-suq rappreżentattiva msemmija fl-Artikolu 3a tar-Regolament (KEE) Nru 3152/85 applikabbli fl-1 ta’ Ottubru tas-sena li fiha jitwettaq il-pjan.
Artikolu 9
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jaraw li:
- il-prodotti ta’ intervent disponibbli jintużaw u jilħqu l-għan preskritt fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 3730/87,
- l-oġġetti li ma jiġux ikkonsenjati bl-igrossa lid-destinatarji għandhom din it-kitba fuq l-imballaġġ: ‘Għajnuna KEE ’,
- l-organizzazzjonijiet innominati għall-implimentazzjoni għandhom iżommu kontijiet xierqa u dokumenti ta’ appoġġ u jagħtu aċċess lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu l-kontrolli li jidrilhom meħtieġa.
Artikolu 10
Qabel l-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport fuq it-twettiq tal-pjan fit-territorju tagħhom matul is-sena ta’ qabel. Ir-rapport tal-progress għandu jinkludi:
- l-ammonti tal-prodotti varji meħuda mill-ħażniet ta’ intervent,
- it-tip u l-kwantità ta’ oġġetti mqassma lid-destinatarji, bl-oġġetti pproċessati u mhux ipproċessati mniżżlin separatament,
- in-numru ta’ destinatarji matul is-sena.
Ir-rapport għandu jispeċifika l-miżuri ta’ kontroll applikati li jkunu saru biex ġie żgurat li l-oġġetti kisbu l-għanijiet maħsuba għalihom.
Artikolu 11
Ir-Regolament (KEE) Nru 3744/87 b’ dan huwa mħassar.
Artikolu 12
Dan ir-Regolament għandu jibda jseħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Komunitajiet Ewropej.
Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Ottubru 1992.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, fid-29 ta’ Ottubru 1992.
Għall-Kummissjoni
Ray Mac Sharry
Membru tal-Kummissjoni
[1] ĠU L 352, tal-15.12.1987, p. 1.
[2] ĠU L 164, ta’ l-24.6.1985, p. 1.
[3] ĠU L 201, tal-31.7.1990, p. 9.
[4] ĠU L 352, tal-15.12.1987, p. 33.
[5] ĠU L 65, tat-12.3.1991, p. 32.
[6] ĠU L 310, tal-21.11.1985, p. 1.
[7] ĠU L 310, tad-9.11.1990, p. 18.
[8] ĠU Nr L 216, tal-5.8.1978, p. 1.
--------------------------------------------------
L-ANNESS I
A. Koeffiċjenti msemmija fl-Artikolu 5 - Ħażniet ta’ intervent bl-għadam
—il-partijiet ta' quddiem: | 0,775, |
—il-partijiet ta' wara: | 1,225. |
B. Koeffiċjenti msemmijja fl-Artikolu 5 - Hażniet ta’ intervent mingħajr għadam
Koeffiċjent | Stat Membru |
id-Danimarka | il-Ġermanja | Franza | l-Irlanda | l-Italja | l-Olanda | ir-Renju Unit |
4,1 | Mørbrod | Filet | Filet | Fillet | Filetto | Haas | Fillet |
2,4 | Fillet | Roastbeef | Faux-filet | Striploin | Roastbeef | — | Striploin |
1,4 | Inderlår | Oberschalen | Tende de tranche | Insides | Fesa interna | — | Topsides |
1,4 | Tykstegsfilet | Unterschalen | Tranche grasse | Outsides | Girello | — | Silversides |
1,4 | Klump | Kugeln | Rumsteak | Knuckles | Fesa esterna | — | Thick flank |
1,4 | Yderlår | Hüfte | Entrecôte | Rumps | Scamone | — | Rumps |
1,4 | — | — | Gîte à la noix | Cube rolls | Noce | — | — |
1,1 | Other | Other | Other | Other | Other | Other | Other |
--------------------------------------------------
L-ANNESS II
SPEJJEŻ TA’ TRASPORT
Ċanga u butir:
- għall-ewwel 200 kilometru: EKU 20,00/tunnellata,
- għal kull kilometru żejjed il-fuq minn 200: EKU 0,05/tunnellata.
Ċereali u ross:
- għall-ewwel 200 kilometru: EKU 5,50/tunnellata.
- għal kull kilometru żejjed il-fuq minn 200: EKU 0,20/tunnellata.
Żejt taż-żebbuġa:
- għall-ewwel 200 kilometru: EKU 20,00/tunnellata.
- għal kull kilometru żejjed ’ il fuq minn 200: EKU 0,04/tunnellata.
Trab tal-ħalib:
- għall-ewwel 200 kilometru: EKU 10,00/tunnellata.
- għal kull kilometru żejjed ’ il fuq minn 200: EKU 0,04/tunnellata.
--------------------------------------------------
| Fuq |