31992R2082


Titolu u referenza

Ir-Regolament tal-Kunsilll (KEE) Nru 2082/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar ċertifikati ta’ karattru speċifiku għall-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel

 ĠU L 208, 24.7.1992, p. 9–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
 Edizzjoni Speċjali bil-Finlandiż: Chapter 03 Volume 43 P. 160 - 165
 Edizzjoni Speċjali bl-Iżvediż: Chapter 03 Volume 43 P. 160 - 165
 Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 03 Volume 13 P. 12 - 17
 Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 03 Volume 13 P. 12 - 17
 Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 03 Volume 13 P. 12 - 17
 Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 03 Volume 13 P. 12 - 17
 Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 03 Volume 13 P. 12 - 17
 Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 03 Volume 13 P. 12 - 17
 Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 03 Volume 13 P. 12 - 17
 Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 03 Volume 13 P. 12 - 17
 Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 03 Volume 13 P. 12 - 17

 DA  DE  EL  EN  ES  FR  IT  NL  PT

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

Ir-Regolament tal-Kunsilll (KEE) Nru 2082/92

ta’ l-14 ta’ Lulju 1992

dwar ċertifikati ta’ karattru speċifiku għall-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 ta’ dan it-Trattat,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-produzzjoni, il-manufattura u d-distribuzzjoni tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel għandhom sehem importanti fl-ekonomija tal-Komunità;

Billi, fil-kuntest ta’ orjentazzjoni mill-ġdid tal-politika agrikola komuni, id-diversifikazzjoni tal-prodotti agrikoli għandha tiġi mħeġġa; billi l-promozzjoni ta’ prodotti speċifiċi tista’ tkun ta’ benefiċċju konsiderevoli għall-ekonomija fil-kampanja, b’mod partikolari f’żoni mbiegħda jew inqas vantaġġjati, kemm billi ittejjeb id-dħul tal-bdiewa kif ukoll għaliex iżżomm il-popolazzjoni rurali f’dawn iż-żoni;

Billi, fil-kuntest ta’ l-ikkompletar tas-suq intern tal-prodotti ta’ l-ikel, l-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw l-istrumenti illi bihom ikunu jistgħu iżidu il-valur tas-suq tal-prodotti tagħhom filwaqt li jiġi protett il-konsumatur kontra l-prattiċi ħżiena u jiġi garantit fl-istess waqt il-kummerċ ġust;

Billi, skond ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 1989 dwar il-prijoritajiet futuri sabiex terġa’ tiġi mnieda l-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur [4], għandha tiġi meqjusa d-domanda tal-konsumaturi li dejjem qiegħda tiżdied sabiex ikun hemm aktar enfasi fuq il-kwalità u l-informazzjoni dwar in-natura, il-metodu ta’ produzzjoni u kif jiġu proċessati l-prodotti ta’ l-ikel u l-karatteristiċi speċjali tagħhom; billi, minħabba d-diversifikazzjoni tal-prodotti li hawn fuq is-suq u l-abbundanza ta’ informazzjoni dwarhom, il-konsumaturi għandhom, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla aħjar, jingħataw informazzjoni ċara u preċiża dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti ta’ l-ikel;

Billi sistema volontarja ibbażata fuq kriterji regolatorji għandha tgħin sabiex jintlaħqu dawn l-iskopijiet; billi sistema bħal din li tippermetti li l-produtturi jipprovdu informazzjoni dwar il-kwalità ta’ prodott ta’ l-ikel fil-Komunità għandha toffri kull garanzija sabiex kull referenza li tista’ ssir fil-kummerċ tkun tista’ tiġi ippruvata;

Billi ċerti produtturi jixtiequ jiksbu valur fis-suq mill-karattru speċifiku tal-prodotti agrikoli jew l-prodotti ta’ l-ikel minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom li jiddistingwuhom b’mod ċar minn prodotti simili; billi, sabiex jiġi protett il-konsumatur, il-karattru speċifiku u iċċertifikat għandu jkun soġġett għal spezzjoni;

Billi, minħabba l-karattru speċifiku ta’ dawn il-prodotti, hemm bżonn li jiġu addottati disposizzjonijiet speċjali sabiex jissuplimentaw ir-regoli dwar it-tikkettjar li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklami tal-prodotti ta’ l-ikel [5] u billi, b’mod partikolari, espressjoni u, jekk ikun approprjat, simbolu tal-Komunità għandu jiġi ddisinjat sabiex jintuża flimkien mad-deskrizzjoni tan-negozju li takkumpanja dawn il-prodotti jew prodotti ta’ l-ikel li jinfurmaw lill-konsumatur li huwa prodott b’karatteristiċi speċjali li ġew spezjonati;

Billi, sabiex ikun garantit li l-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel dejjem ikollhom il-karatteristiċi speċifiċi, il-gruppi ta’ produtturi għandhom jiddefinixxu dawn il-karatteristiċi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, iżda billi ir-regoli sabiex jiġu approvati l-gruppi ta’ spezzjoni responsabbli biex jikkontrollaw illi l-ispeċifikazzjoni tal-prodott hija mħarsa għandhom ikunu uniformi fil-Komunità kollha;

Billi, sabiex ma jinħolqux kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni inġusti, kull produttur għandu jkun jista’ juża jew deskrizzjoni tan-negozju reġistrata flimkien mad-dettalji u fejn xieraq, simbolu tal-Komunità jew deskrizzjoni tan-negozju hekk irreġistrata, sakemm il-prodott agrikolu jew il-prodott ta’ l-ikel li hu jipproduċi jew jipproċessa jħares ir-rekwiżiti ta’ l-ispeċifikazzjoni relevanti u l-grupp ta’ l-ispezzjonijiet li hu jkun għażel jiġi approvat;

Billi hemm bżonn li jkun hemm disposizzjoni sabiex tippermetti negozju ma’ pajjiżi terzi li joffru garanziji ekwivalenti għall-ħruġ u l-ispezzjoni ta’ ċertifikati ta’ karattru speċifiku fit-territorju tagħhom;

Billi, sabiex ikunu attraenti għall-produtturi u affidabbli għall-konsumaturi, l-espressjonijiet dwar il-karattru speċifiku ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel għandhom jingħataw protezzjoni legali u għandhom ikunu soġġeti għal spezzjonijiet uffiċjali;

Billi għandha tiġi stabbilita proċedura li tistabilixxi kooperazzjoni mil-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’kumitat regolatorju stabbilit għal dan l-iskop,

ADOTTA DAN IL-REGOLAMENT:

L- Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li taħthom jista’ jingħata ċertifikat ta’ karattru speċifiku għall-:

- prodotti agrikoli imsemmija fl-Anness II tat-Trattat u li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem,

- prodotti agrikoli li huma elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

L-Anness jista’ jiġi emendat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra speċifiċi tal-Komunità.

3. Id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1989 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti dwar metodi ta’ teknika [6] m’għandhiex tapplika għaċ-ċertifikati ta’ karattru speċifiku li huma soġġetti għal dan ir-Regolament.

L- Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

1. "karattru speċifiku" tfisser il-karatteristika jew is-sett ta’ karatteristiċi li jiddistingwu b’mod ċar prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel minn prodotti oħra simili li jappartjenu għall-istess kategorija.

Il-preżentazzjoni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel m’hijiex meqjusa bħala karatterstika fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu.

Il-karattru speċifiku ma jistax jiġi ristrett għall-kompożizzjoni kwalitattiva jew kwantitattiva jew għall-mod ta’ produzzjoni skond il-liġijiet tal-Komunità jew dawk nazzjonali, fi standards stabbiliti minn gruppi li jistabbilixxu l-istandards jew minn standards volontarji; madanakollu, din ir-regola ma tapplikax meta l-imsemmija leġislazzjoni jew standard ikunu ġew stabiliti sabiex jiddefinixxu l-karattru speċifiku ta’ prodott;

2. "grupp" għandu jfisser kull assoċjazzjoni ta’ produtturi u/jew nies li jipproċessaw u li jaħdmu l-istess prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel, irrispettivament mill-forma legali jew mill-kompożizzjoni. Partijiet oħra interessati jistgħu jipparteċipaw fil-grupp;

3. "ċertifikat ta'" karattru speċifiku’ tfisser għarfien mill-Komunità tal-karattru speċifiku ta’ prodott permezz tar-reġistrazzjoni skond dan ir-Regolament.

L- Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha toħloq u tamministra reġistru ta’ ċertifikati ta’ karattru speċifiku li għandu juri l-ismijiet tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel li l-karattru speċifiku tagħhom ġie rikonoxxut fuq livell Komunitarju skond dan ir-Regolament.

Ir-reġistru għandu jiddistingwi bejn l-ismijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) u dawk imsemmija fl-Artikolu 13(2).

L- Artikolu 4

1. Sabiex jidher fir-reġistru li għalih issir referenza fl-Artikolu 3, prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel għandu jew ikun manufatturat minn materjali tradizzjonali mhux proċessati jew irid ikun ikkaratterizzat minn komposizzjoni tradizzjonali jew mod ta’ manufattura u/jew ipproċessar li jirrifletti tip ta’ produzzjoni u/jew ipproċessar tradizzjonali.

2. Ma’ jistax ikun hemm reġistrazzjoni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel meta li l-karattru speċifiku tiegħu huwa dovut:

(a) għall-provenjenza jew l-oriġini ġeografika tiegħu;

(b) unikament għall-applikazzjoni ta’ innovazzjoni teknoloġika.

L- Artikolu 5

1. Sabiex jiġi reġistrat, l-isem irid:

- jkun speċifiku fih innifsu, jew

- jesprimi l-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta’ l-ikel.

2. Isem li jesprimi karattru speċifiku, kif imsemmi fit-tieni paragrafu tal-paragrafu 1, ma jistax jiġi rreġistrat jekk:

- dan jirreferi għal pretensjoni ta’ natura ġenerali użata għall-sett ta’ prodotti agrikoli jew prodotti ta’ l-ikel, jew għal dawk stabbiliti fil-liġi tal-Komunità,

- ikun qarrieqi, tant li, b’mod partikolari, jirreferi għall-karatteristika ovvja tal-prodott jew li ma tikkorrispondix ma’ l-ispeċifikazzjoni jew ma’ l-aspettattivi tal-konsumatur skond il-karattru tal-prodott.

3. Sabiex jiġi rreġistrat, isem speċifiku kif imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-paragrafu 1 għandu jkun isem tradizzjonali u li jħares id-disposizzjonijiet nazzjonali jew li jkun stabbilit b’konswetudini.

4. L-użu ta’ termini ġeografiċi għandu jkun awtorizzat f’isem li m’huwiex regolat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u deskrizzjoni ta’ oriġini għall-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel ( [7]).

L- Artikolu 6

1. Sabiex jikkwalifika għal ċertifikat ta’ karattru speċifiku, prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel għandu jħares l-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott.

2. L-ispeċifikazzjoni ta’ prodott għandha mill-inqas tinkludi:

- l-isem kif imfisser fl-Artikolu 5, fl-lingwa waħda jew iżjed,

- deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni, inklużi n-natura u l-karatteristiċi tal-materjal nej u/jew l-ingredjenti użati u/jew il-metodu ta’ preparazzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta’ l-ikel, li jirreferu għall-karattru speċifiku tal-prodott,

- aspetti li jippermettu l-evalwazzjoni tal-karattru tradizzjonali, kif imfisser fl-Artikolu 4(1),

- deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta’ l-ikel li tagħti l-karatteristiċi fisiċi, kimiċi, mikrobioloġiċi u/jew organolettiċi tal-prodott li jirreferu għall-karattru speċifiku tiegħu,

- ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri ta’ spezzjoni li għalihom il-karattru speċifiku huwa soġġett.

L- Artikolu 7

1. Grupp biss huwa intitolat li japplika għar-reġistrazzjoni ta’ karattru speċifiku ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel.

2. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni flimkien ma’ l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Pajjiż Membru li fih il-grupp huwa stabbilit.

3. L-awtorità kompetenti għandha tgħaddi l-applikazzjoni lill-Kummissjoni jekk jidhrilha li r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 4, 5 u 6 huma sodisfatti.

4. Sa mhux iktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Pajjiżi Membri għandhom jippubblikaw id-dettalji ta’ l-awtoritajiet kompetenti li huma jinnominaw u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

L- Artikolu 8

1. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-applikazzjoni tradotta għar-reġistrazzjoni lill-Pajjiżi Membri l-oħra fi żmien sitt xhur mid-data minn meta tirċievi l-applikazzjoni li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 7(3).

Hekk kif l-applikazzjoni tintbagħat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tippubblika fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej il-punti prinċipali ta’ l-applikazzjoni li tkun waslet minngħand l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 u, b’mod partikolari, l-isem tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta’ l-ikel, kif stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6(2), u r-referenzi ta’ l-applikant.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-persuni kollha li jistgħu juru interess ekonomiku leġittimu jkunu awtorizzati biex jikkonsultaw l-applikazzjoni li għaliha ssir referenza fil-paragrafu 1. Barraminnhekk, u skond ir-regoli fis-seħħ fil-Pajjiżi Membri, l-imsemmija awtoritajiet kompetenti jistgħu ukoll jipprovdu aċċess lil partijiet oħra b’interess leġittimu.

3. Fi żmien ħames xhur mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kull persuna fisika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu fir-reġistrazzjoni tista' toġġezzjona għar-reġistrazzjoni maħsuba billi tibgħat dikjarazzjoni sostanzjata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih dik il-persuna hija residenti jew stabbilita.

4. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jaddottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkunsidraw id-dikjarazzjoni imsemmija fil-paragrafu 3 fil-perjodu stipulat. L-Istati Membri jistgħu joġġezzjonaw fuq inizzjattiva tagħhom.

L- Artikolu 9

1. Jekk il-Kummissjoni ma tiġi notifikata b’ebda oġġezzjoni fi żmien sitt xhur, il-Kummissjoni għandha tniżżel fir-reġistru imsemmi fl-Artikolu 3 il-punti ewlenin imsemmija fl-Artikolu 8(1) u tippubblikahom fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Jekk ma jiġu notifikati ebda oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet xhur, titlob lill-Istati Membri involuti sabiex jilħqu ftehim bejniethom skond il-proċeduri interni tagħhom matul perjodu ieħor ta’ tliet xhur. Jekk:

(a) jintlaħaq dan il-ftehim, l-Istati Membri involuti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-fatturi kollha li wasslu biex jintlaħaq il-ftehim u l-opinjonijiet ta’ l-applikant u tal-persuna li tkun oġġezzjonat. Jekk l-informazzjoni rċevuta skond l-Artikolu 6(2) ma tkunx ġiet mibdula, il-Kummissjoni għandha tipproċedi skond il-paragrafu 1 imsemmi hawn fuq. Inkella, hija għandha terġa’ tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8;

(b) jekk ma jintlaħaq ebda ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar ir-registrazzjoni skond il-proċedura fl-Artikolu 19. Jekk tittieħed deċiżjoni biex jiġi reġistrat il-karattru speċifiku, il-Kummissjoni għandha tipproċedi skond il-paragrafu 1 imsemmi hawn fuq.

L- Artikolu 10

1. Kull Stat Membru jista’ jsostni illi kondizzjoni stabbilita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li għandu ċertifikat ta’ karattru speċifiku maħruġ mill-Komunità, m’għadhiex sodisfatta.

2. L-Istat Membru li għalih issir referenza fil-paragrafu 1 għandu jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu lill-Istat Membru ikkonċernat. L-Istat Membru inkwestjoni għandu jeżamina l-ilment u jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn bis-sejbiet tiegħu u bil-miżuri li jkunu ittieħdu.

3. F’każ li jkun hemm irregolaritajiet ripetuti u l-Istati Membri jonqsu li jilħqu ftehim, applikazzjoni sostanzjata għandha tintbagħat lill-Kummissjoni.

4. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni billi tikkonsulta l-Istati Membri ikkonċernati. Fejn ikun approprjat, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa skond il-proċedura fl-Artikolu 19. Dawn jistgħu jinkludu il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni.

L- Artikolu 11

1. Stat Membru jista', fuq talba ta’ grupp stabbilit fit-territorju tiegħu, japplika għal emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura illi t-talba għall-emenda u r-referenza ta’ l-applikant jiġu ippubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 8(2),(3) u (4) għandu japplika.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jiżguraw illi kull produttur u/jew persuna li tipproċessa u taħdem prodott u li tapplika l-ispeċifikazzjoni tal-prodott li tagħha ġiet mitluba emenda, tkun infurmata bil-pubblikazzjoni.

3. Fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, kull produttur u/jew persuna li tipproċessa u taħdem prodott u li tapplika l-ispeċifikazzjoni tal-prodott li tagħha ġiet mitluba amenda, tista' tezerċita d-dritt li tippreserva l-ispeċifikazzjoni tal-prodott oriġinali billi tibgħat dikjarazzjoni lil awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih huwa stabbilit. L-Istat Membru għandu jibgħat din id-dikjarazzjoni lill-Kummissjoni flimkien mal-kummenti tiegħu kif xieraq.

4. Jekk ebda oġġezzjoni jew dikjarazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3 ma tiġi notifikata lill-Kummissjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha teffettwa l-emenda fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 3 u għandha tippubblikaha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. Jekk il-Kummissjoni tirċievi xi oġġezzjoni jew dikjarazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3, l-emenda m’għandhiex tiġi rreġistrata. F’dak il-każ, il-grupp li jkun qed jagħmel it-talba, kif imsemmi fil-paragrafu 1, jista’ japplika sabiex jinħareġ ċertifikat ta’ karattru speċifiku ġdid, skond il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 7 sa 9.

L- Artikolu 12

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19, il-Kummissjoni tista’ tiddefinixxi simbolu tal-Komunita’ li jista’ jintuża fit-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti agrikoli u prodotti ta’ l-ikel li għandhom ċertifikat ta’ karattru speċifiku maħruġ mill-Komunità skond dan ir-Regolament.

L- Artikolu 13

1. Mid-data tal-publikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), l-isem imsemmi fl-Artikolu 5, flimkien ma’ l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1), u, fejn xieraq, is-simbolu tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 12, għandhom jiġu riżervati għal prodotti agrikoli u prodotti ta’ l-ikel li jikkorrispondu ma’ l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ippublikata.

2. B’deroga mill-paragrafu 1, għandu jiġi riservat l-isem biss għal prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li jikkorrispondi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott kif ippublikat jekk:

(a) il-grupp ikun talab hekk fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

(b) il-proċedura li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 9(2)(b) ma turix li l-isem huwa leġittimu, rikonoxxut u ekonomikament sinifikanti għal prodotti agrikoli jew ta’ l-ikel li huma simili.

L- Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert li fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, dawn ikollhom strutturi ta’ spezzjoni f’posthom sabiex ikunu jistgħu jiżguraw illi l-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel illi għandhom ċertifikat ta’ karattru speċjali jissodisfaw il-kriterji imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet.

2. Struttura ta’ spezzjoni tista' tinkludi waħda jew iżjed mill-awtoritajiet ta’ spezzjoni nominati u/jew entitajiet privati approvati għal dak il-għan mill-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet u/jew l-entitajiet approvati u il-poteri rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippublika dawn id-dettalji fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. L-awtoritajiet ta’ spezzjoni nominati u/jew l-entitajiet privati jridu joffru garanzija ta’ l-oġġettività u l-imparzjalità tagħhom fir-rigward ta’ dawk il-produtturi u dawk li jipproċessaw il-prodotti li huma soġġetti għall-kontroll minnhom u għandhom dejjem ikollhom għad-disposizzjoni tagħhom nies kwalifikati u riżorsi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jagħmlu spezzjonijiet ta’ prodotti agrikoli jew prodotti ta’ l-ikel li jkollhom ċertifikat ta’ karattru speċifiku maħruġ mill-Komunità.

Jekk struttura ta’ spezzjoni tuża s-servizzi ta’ entità oħra għal ċerti spezzjonijiet, dik l-entità għandha toffri l-istess garanziji. Madanakollu, l-awtoritajiet ta’ spezzjoni nominati u/jew l-entitajiet privati li jkunu ġew approvati għandhom jibqgħu responsabbli lejn l-Istat Membru għall-ispezzjonijiet kollha.

Sa mill-1 ta’ Jannar 1998, sabiex jiġu approvati minn Stat Membru għall-iskop ta’ dan ir-Regolament,l- entitajiet għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-istandard EN 45011 tas-26 ta’ Ġunju 1989.

4. Jekk awtorità ta’ l-ispezzjoni li tkun ġiet nominata minn Stat Membru u/jew entità privata tistabbilixxi illi prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li għandu ċertifikat ta’ karattru speċifiku maħruġ mill-Istat Membru ma jissodisfax il-kriterji ta’ l-ispeċifikazzjoni, din għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura illi dan ir-Regolament jiġi mħares. Hija għandha tinforma lill-Istat Membru bil-miżuri meħuda waqt it-tmexxija ta’ l-ispezzjonijiet tagħha. Il-partijiet milquta għandhom jiġu notifikati bid-deċizzjonijiet kollha li jkunu ittieħdu.

5. Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni ta’ entità ta’ l-ispezzjoni meta din ma tissodisfax aktar il-kriterji msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Għandu jinforma lill-Kummissjoni, li għandha tippublika fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej lista ta’ entitajiet approvati riveduta.

6. L-Istati Membri għandhom jaddottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi produttur li jħares dan ir-Regolament ikollu aċċess għas-sistema ta’ spezzjoni.

7. L-ispejjez ta’ l-ispezzjonijiet rikjesti minn dan ir-Regolament għandhom jiġu mħallsa minn dawk li jużaw iċ-ċertifikat ta’ karattru speċifiku.

L- Artikolu 15

1. Dan li ġej jista' jintuża biss minn dawk il-produtturi li jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjoni ta’ prodott irreġistrat:

- indikazzjoni li għandha tiġi stabbilita skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 19,

- fejn ikun approprjat, is-simbolu tal-Komunità, u,

- bla ħsara għall-Artikolu 13(2), l-isem irreġistrat.

2. Produttur li juża għall-ewwel darba wara r-reġistrazzjoni, isem riservat skond l-Artikolu 13(1) jew (2), ukoll jekk huwa membru tal-grupp li għamel l-applikazzjoni oriġinali, għandu maż-żmien javża lill-awtorità ta’ spezzjoni nominata jew lil entità ta’ l-Istat Membru fejn huwa stabbilit, b’dan il-fatt.

3. L-awtorità ta’ ispezzjoni nominata jew l-entità għandhom jiżguraw illi l-produttur jikkonforma ma’ l-informazzjoni ippubblikata qabel ma’ l-prodott jitqiegħed fuq is-suq.

L- Artikolu 16

Mingħajr preġudizzju għal kull ftehim internazzjonali, dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti agrikoli u prodotti ta’ l-ikel li ġejjin minn pajjiż terz, kemm-il darba il-pajjiż terz:

- ikun kapaċi jipprovdi garanziji identiċi jew ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikoli 4 u 6,

- ikollu arranġamenti ta’ spezzjoni ekwivalenti għal dawk definiti fl-Artikolu 14,

- ikun lest li jagħti protezzjoni kif mogħtija fil-Komunità lill-prodotti agrikoli jew prodotti ta’ l-ikel ekwivalenti li ġejjin mill-Komunità u li għandhom ċertifikat ta’ karattru speċifiku maħruġ mill-Komunità.

L- Artikolu 17

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tingħata protezzjoni legali kontra min juża ħażin jew juża b’mod qarrieqi, it-terminu msemmi fl-Artikolu 15(1) u, fejn applikabbli, is-simbolu tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 12 u kontra kull imitazzjoni ta’ l-ismijiet reġistrati u riżervati skond l-Artikolu 13.

2. L-ismijiet reġistrati għandhom ikunu protetti minn kull azzjoni li tista’ twassal biex tqarraq lill-pubbliku, inkluż, inter alia, azzjonijiet li jissuġġerixxu illi prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel igawdi minn ċertifikat ta’ karattru speċifiku maħruġ mill-Komunità.

3. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri li jittieħdu.

L- Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw illi d-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ użati fuq livell nazzjonali ma joħolqux konfużjoni ma’ l-ismijiet reġistrati u riżervati skond l-Artikolu 13(2).

L- Artikolu 19

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fil-perjodu li jista' jiġi stipulat mill-president skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tittieħed skond il-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill għandu jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-kumitat għandhom jittieħdu kif imsemmi f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux konformi ma’ l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandhu jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata.

Jekk, fi żmien perjodu ta’ tliet xhur minn meta tkun saret referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti.

L- Artikolu 20

Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 19.

L- Artikolu 21

Fi żmien ħames snin mid-data li fiha dan ir-regolament jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament flimkien ma’ proposti xierqa.

Ir-rapport għandu jkopri b’mod partikolari il-konsegwenzi ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 9 u 13.

L- Artikolu 22

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ tnax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-14 ta’ Lulju 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Gummer

[1] ĠU C 30, tas-6.2.1991, p. 4 u ĠU C ta' l-71, 20.3.1992, p. 14.

[2] ĠU C 326, tas-16. 12.1991, p. 40.

[3] ĠU C 40, tas-17.2.1992, p. 3.

[4] ĠU C 294, tat-22.11.1989, p. 1.

[5] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1. Emendat l-aħħar permezz tad-Direttiva 91/72/KEE (ĠU L 42, tal-15.2.1991, p. 27).

[6] ĠU L 109, 26.4.1983, p. 8. Emendat l-aħħar permezz tad-Direttiva 90/230/KEE (ĠU L 128, tat-18.5.1990, p. 15).

[7] Ara p. 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Prodotti ta’ l-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(1)

- Birra,

- Ċikkulata u preparazzjonijiet oħra ta’ l-ikel li fihom il-kawkaw,

- Ħelu, ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u ħwejjeġ oħra tal-furnar,

- Għaġin, kemm jekk ikun imsajjar jew mimli u kemm jekk le,

- Ikliet imsajra minn qabel,

- Zlazi ta’ kondimenti ppreparati,

- Sopop jew brodu,

- Xorb magħmul minn estratti tal-pjanti,

- Ġelati u sorbets.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet