31992L0042


Titolu u referenza

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-ħtiġiet ta’ effiċjenza għal kaldaruni tal-misħun ġodda li jaħdmu b’karburanti likwidi jew gassużi

 ĠU L 167, 22.6.1992, p. 17–28 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
 Edizzjoni Speċjali bil-Finlandiż: Chapter 13 Volume 23 P. 55 - 66
 Edizzjoni Speċjali bl-Iżvediż: Chapter 13 Volume 23 P. 55 - 66
 Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 13 Volume 011 P. 186 - 197
 Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 13 Volume 011 P. 186 - 197
 Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 13 Volume 011 P. 186 - 197
 Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 13 Volume 011 P. 186 - 197
 Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 13 Volume 011 P. 186 - 197
 Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 13 Volume 011 P. 186 - 197
 Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 13 Volume 011 P. 186 - 197
 Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 13 Volume 011 P. 186 - 197
 Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 13 Volume 011 P. 186 - 197
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 13 Volume 11 P. 115 - 127
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 13 Volume 11 P. 115 - 127

 DA  DE  EL  EN  ES  FR  IT  NL  PT

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE

tal-21 ta’ Mejju 1992

dwar il-ħtiġiet ta’ effiċjenza għal kaldaruni tal-misħun ġodda li jaħdmu b’karburanti likwidi jew gassużi

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunita Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-Deċiżjoni 91/565/KEE [4] tipprovdi għall-promozzjoni ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija fil-Komunità’ taħt il-programm SAVE;

Billi huwa meħtieġ li jiġu mħeġġa miżuri bil-għan li jiġi stabbilit b’mod progressiv is-suq intern fil-perjodu li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa assigurat;

Billi r-resoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 1985 dwar it-titjib ta’ programmi għall-konservazzjoni ta’ l-enerġija fl-Istati Membri [5] tistieden lill-Istati Membri sabiex ikomplu u fejn ikun meħtieġ iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jippromwovu użu iktar razzjonali ta’ enerġija permezz ta’ żvilupp ulterjuri tal-politika integrata ta’ konservazzjoni ta’ enerġija;

Billi r-resoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 1986 tirrigwarda għanijiet ġodda tal-politika Komunitarja dwar l-enerġija għall-1995 u l-konverġenza tal-politika ta’ l-Istati Membri [6], u b’mod partikolari l-għan li tittejjeb l-effiċjenza tad-domanda finali ta’ enerġija mill-inqas bi 20 %;

Billi l-Artikolu 130r tat-Trattat jipprovdi li l-azzjoni Komunitarja li għandha x’taqsam ma’ l-ambjent għandu jkollha l-għan li tiżgura li jkun hemm użu prudenti u razzjonali ta’ risorsi naturali;

Billi huwa xieraq li jittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni fi proposti għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati mill-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri, u li jirrigwardaw is-saħħa, is-sigurta’, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur;

Billi r-resoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 1989 tiddikjara li ‘l-Komunità’ għandha tqis sew il-bidla klimatika potenzjali konnessa ma’ l-effett tas-serer [7] u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 1990 jistqarru li l-emissjonijiet ta’ CO2 fis-sena 2000 għandhom ikunu stabbilizzati matul il-Komunità kollha fuq il-livelli ta’ l-1990;

Billi l-importanza tas-settur domestiku u terzjarju, li jassorbi proporzjon kbir tal-konsum finali ta’ enerġija fil-Komunità, hija konsiderevoli;

Billi dan is-settur ser isir iktar importanti minħabba tendenzi lejn sistemi ta’ iktar sħana ċentrali u żjieda ġenerali fil-kumdità termali;

Billi t-titjib fl-effiċjenza tal-kaldaruni huwa fl-interess tal-konsumatur; billi l-konservazzjoni ta’ l-enerġija għandha twassal għal inqas importazzjonijiet ta’ idrokarburi; billi tnaqqis fid-dipendenza tal-Komunità fir-rigward ta’ l-enerġija għandu jkollu impatt posittiv fuq il-bilanċ tal-kummerċ tagħha;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 78/170/KEE tat-13 ta’ Frar 1978 dwar kif jaħdmu l-ġeneraturi tas-sħana li jsaħħnu l-ispazju u l-produzzjoni ta’ misħun f’bini industrijali ġdid jew eżistenti u dwar l-insulazzjoni tas-sħana u d-distribuzzjonioni domestika tal-misħun f’bini ġdid mhux industrijali [8], wasslet sabiex ikun hemm livelli ta’ effiċjenza li huma sostanzjalment differenti bejn Stat Membru wieħed u ieħor;

Billi r-rekwiżit ta’ effiċjenza għolja għal kaldaruni tal-misħun għandu jnaqqas il-firxa tal-karatteristiċi tekniċi ta’ l-apparat imqiegħed fis-suq, b’mod li tiġi faċilitata l-produzzjoni ta’ serje u li jkun hemm tifdil proporzjonat billi wieħed juża kwantitajiet ikbar; billi n-nuqqas ta’ miżura li tistipula rekwiżiti ta’ l-enerġija fuq livell li huwa għoli biżżejjed jista’ jrriżulta, mat-tlestija tas-suq intern, fi tnaqqis sinjifikanti fil-livelli ta’ effiċjenza ta’ l-installazzjonijiet li jsaħħnu, u dan minħabba li jinfirxu fuq is-suq kaldaruni ta’ effiċjenza baxxa;

Billi l-kondizzjonijiet klimatiċi lokali u l-karatteristiċi ta’ l-enerġija u ta’ okkupanza tal-bini ivarjaw ħafna fil-Komunità; billi l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw din id-diversità meta jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-użu tal-kaldaruni waqt li jimplimentaw din id-Direttiva; billi dawn iċ-ċirkostanzi jiġġustifikaw il-fatt li Stati Membri fejn kaldaruni ta’ fuq wara u kaldaruni disinjati biex jiġu installati fiż-żona ta’ l-għixien huma komunament installati fid-data ta’ meta tiġi adottata din id-Direttiva għandhom ikomplu jawtorizzaw, f’limiti speċifiċi, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dawn il-kaldaruni; billi dawn l-arranġamenti għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza partikolari mill-Kummissjoni;

Billi din id-Direttiva, li hija immirata lejn l-eliminazzjoni ta’ ostakoli tekniċi fir-rigward ta’ l-effiċjenza tal-kaldarun, għandha ssegwi l-metodu l-ġdid stabbilit mir-resoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1985 [9] li tistipula speċifikament li l-armonizzazzjoni leġislattiva hija limitata għall-adozzjoni, permezz ta’ direttivi ibbażati fuq l-Artikolu 100 tat-Trattat tal-KEE, tal-ħtiġiet essenzjali li magħhom għandhom jikkonformaw il-prodotti mqiegħda fis-suq u li ‘dawn il-ħtiġiet essenzjali għandhom jinkitbu bi kliem preċiż biżżejjed li joħloq obbligazzjonijiet li jorbtu legalment li jistgħu jiġu enforzati u li jippermettu lill-korpi ta’ ċertifikazzjoni li jiċċertifikaw li l-prodotti jikkonformaw, waqt li jingħata kont ta’ dawk il-ħtiġiet fin-nuqqas ta’ standards;

Wara li kkunsidra d-Direttiva 83/189/KEE [10] li tistipula proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards tekniċi u regolamenti;

Wara li kkunsidra id-Deċiżjoni 90/683/KEE [11] li tirrigwarda l-moduli għad-diversi fażijiet tal-proċeduri ta’ l-evalwazzjoni ta’ konformità li huma intenzjonati biex jintużaw fid-direttivi ta’ armonizzazzjoni teknika;

Billi l-kaldaruni li jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ effiċjenza għandhom juru l-marka KE u, fejn xieraq, sinjali sabiex ikunu jistgħu jiċċaqalqu liberament u sabiex ikunu jistgħu jintużaw b’mod konformi ma’ l-iskop intenzjonat tagħhom ġewwa l-Komunità;

Wara li kkunsidra d-Direttiva 89/106/KEE [12] dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti tal-bini;

Billi l-ħtiġiet ta’ effiċjenza li jinkoraġġixxu l-użu razzjonali ta’ l-enerġija, kif stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 90/396/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’ jaqsmu ma’ apparati li jaħarqu karburanti gassużi [13] għandhom jiġu stabbiliti għall-kaldaruni tal-gass imsemmija f’din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva, li taqa’ taħt il-programm SAVE li jirrigwarda l-promozzjoni ta’ effiċjenza fir-rigward ta’ l-enerġija fil-Komunità, tistabbilixxi l-ħtiġiet ta’ effiċjenza applikabbli għal kaldaruni ġodda tal-misħun li jitħaddmu b’karburanti likwidi jew gassużi bi produzzjoni ratata ta’ mhux inqas minn 4 kW u mhux iktar minn 400 kW, minnhawn iżjed ‘l quddiem imsejjħa ‘kaldaruni’.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

- kaldarun: l-unità kombinata tal-body-burner tal-kaldarun, disinjat biex jitrasmetti fl-ilma s-sħana li tinħoloq mill-ħruq,

- apparat:

- il-korp tal-kaldarun disinjat b’mod li għandu jintramalu burner,

- il-burner ddisinjat b’mod li jista’ jiġi armat mal-korp tal-kaldarun,

- produzzjoni ratata effettiva (espressa bħala kW): il-produzzjoni massima kalorifika stabbilita u garantita mill-manifattur bħala li tista’ tiġi konsenjata waqt ħidma kontinwa u waqt li tikkonforma ma’ l-effiċjenza utli indikata mill-manifattur,

- effiċjenza utli (espressa bħala %): il-proporzjon bejn l-produzzjoni ta’ sħana trasmessa fl-ilma tal-kaldarun u l-prodott tal-valur nett kalorifiku bi pressjoni kostanti tal-karburanti għal kull unità ta’ ħin,

- tagħbija parzjali (espressa bħala %): il-proporzjon bejn il-produzzjoni effettiva ta’ kaldarun li jaħdem b’mod intermettenti jew bi produzzjoni iktar baxxa mill-produzzjoni effettiva ratata u l-istess produzzjoni effettiva ratata;

- it-temperatura medja ta’ l-ilma tal-kaldarun: il-medja tat-temperaturi ta’ l-ilma fid-dħul u fil-ħruġ tal-kaldarun,

- kaldarun standard: kaldarun li fir-rigward tiegħu t-temperatura medja ta’ l-ilma tista’ tiġi ristretta mid-disinn,

- kaldarun ta’ wara: kaldarun disinjat biex jissupplixxi sistema ċentrali li ssaħħan u biex jiġi installat f’alkova ta’ fuklar bħala parti minn kombinazzjoni ta’ kaldarun ta’ fuq wara/nar bil-gass,

- kaldarun ta’ temperatura baxxa: kaldarun li jista’ jaħdem kontinwament b’temperatura ta’ provvista ta’ l-ilma ta’ 35 sa 40 °C, u li possibilment jipproduċi l-fwar f’ċerti ċirkostanzi, inklużi kaldaruni li jikkondensaw li jużaw karburanti likwidi,

- kaldarun li jikkondensa bil-gass: kaldarun disinjat biex jikkondensa b’mod permanenti il-parti kbira tal-fwar li jkun jinsab fil-gass ta’ kombustjoni,

- kaldarun li għandu jiġi installat fl-ispazju ta’ l-għijxien: kaldarun bi produzzjoni ratata effettiva ta’ inqas minn 37 kW, disinjat biex jipprovdi s-sħana lill-parti ta’ l-ispazju ta’ l-għixien fejn ikun installat permess ta’ l-emissjoni ta’ sħana mill-qoxra ta’ barra li jkollu kompartiment miftuħ ta’ espansjoni, li jissupplixxi l-misħun permezz ta’ ċirkolazzjoni li taħdem bil-gravità; kaldaruni ta’ din ix-xorta għandhom juru fuq il-qoxra ta’ barra tagħhom li għandhom jiġu installati fl-ispazju ta’ l-għixien.

Artikolu 3

1. Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi minn din id-Direttiva:

- kaldaruni tal-misħun li jistgħu jitħaddmu minn karburanti differenti, inklużi karburanti solidi,

- apparat għat-tħejjija instantanja ta’ misħun,

- kaldaruni maħsuba li jitħaddmu b’karburanti li l-proprjetajiet tagħhom ivarjaw b’mod sostanzjali mill-proprjetajiet tal-karburanti likwidi u gassużi li komunament jinsabu fis-suq (gass minn skart industrijali, biogass, eċċ),

- kukers u apparat disinjati prinċipalment sabiex isaħħnu l-post fejn ikunu installati u li, bħala funzjoni sussidjarja, jissupplixxu misħun għas-sistema tas-sħana ċentrali u misħun sanitarju,

- apparat bi produzzjoni ratata ta’ inqas minn 6 kW li jużaw ċirkolazzjoni li taħdem bil-gravità u li huma disinjati biss għall-produzzjoni ta’ misħun sanitarju maħżun,

- kaldaruni manifatturati f’unit sħiħ.

2. Fil-każ ta’ kaldaruni b’funzjoni doppja, dik li jsaħħnu l-fond u li jipprovdu wkoll misħun sanitarju, il-ħtiġiet ta’ effiċjenza msemmija fl-Artikolu 5(1) jirrigwardaw il-funzjoni ta’ sħana biss.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri ma jisgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq jew l-użu fit-territorju tagħhom ta’ apparat u ta’ kaldaruni li jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, ħlief jekk ikun hemm xi dispossizjoni kuntrarja fit-Trattat jew f’Direttivi jew dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li l-kaldaruni ma jintużawx sakemm ma jissodisfawx l-ħtiġiet ta’ effiċenza stipulati fl-Artikolu 5(1) u l-kondizzjonijiet għal użu li l-Istati Membri jistgħu jistipulaw fuq il-bażi ta’ kondizzjonijiet lokali klimatiċi u l-karatteristiċi ta’ enerġija u ta’ okkupanza tal-bini.

3. Iżda, l-Istati Membri fejn kaldaruni ta’ fuq wara u kaldaruni disinjati biex jiġu installati fiż-żona ta’ l-għijxien huma komunament installati fid-data ta’ meta tiġi adottata din id-Direttiva, għandhom ikomplu jawtorizzaw l-użu tagħhom, b’dan illi l-effiċjenza tagħhom kemm fir-rigward tal-produzzjoni ratata u fi 30 % ta’ tagħbija parzjali ma tkunx iktar minn 4 % taħt il-ħtiġiet stipulati fl-Arikolu 5 (1) għall-kaldaruni standard.

4. L-effetti tad-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu sorvelljati l-ħin kollu mill-Kummissjoni u analizzati fir-rapport li għandu jingħata taħt l-Artikolu 10. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jinbħatu lill-Kumissjoni kull informazzjoni li hija trid tibgħat lill-Kunsill għall-emendi proposti, stipulati f’dak l-Artikolu, u disinjati biex jiggarantixxu f’kull każ l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-moviment liberu ta’ kaldaruni fil-Komunità.

Artikolu 5

1. Il-kaldaruni għandhom iħarsu l-ħtiġiet li ġejjin ta’ effiċjenza utli:

- fi produzzjoni ratata, jiġifieri li joperaw bi produzzjoni ratata Pn espressa bħala kW, b’temperatura medja ta’ l-ilma tal-kaldaruni ta’ 70 °C,

u

- tagħbija parzjali, jiġifieri li joperaw b’tagħbija parzjali ta’ 30 %, b’temperatura medja ta’ l-ilma tal-kaldarun li tvarja skond it-tip ta’ kaldarun.

Il-ħtiġiet ta’ effiċjenza utli li għandhom jiġu mħarsa jinsabu elenkati fil-lista li ġejja:

Tip ta’ kaldarun | Marġni ta’ produzzjoni ta’ enerġija | Effiċjenza bi produzjoni ratata | Effiċjenza b’tagħbija parzjali |

| kW | Temperatura ta’ l-ilma tal-bojler (bħala °C) | Effiċjenza meħtieġa espressa (bħala %) | Temperatura medja ta’ l-ilma tal-kaldarun (bħala °C) | Ħtieġa ta’ l-effiċjenza espressa (bħala %) |

Kaldaruni standard | 4 sa 400 | 70 | ≥ 84 + 2 logPn | ≥ 50 | ≥ 80 + 3 logPn |

Kaldaruni ta’ temperatura baxxa | 4 sa 400 | 70 | ≥ 87,5 + 1,5 logPn | 40 | ≥ 87,5 + 1,5 logPn |

Kaldaruni li jikkondensaw bil-gass | 4 sa 400 | 70 | ≥ 91 + 1 logPn | 30 | ≥ 97 + 1 logPn |

2. L-istandards armonizzati li għandhom x’jaqsmu mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, imħejjija taħt mandat mill-Kummissjoni skond id--Direttiva 83/189/KEE u 88/182/KEE [16] għandhom jistabbilixxu, fost affarijiet oħrajn, il-metodi ta’ verifikazzjoni validi għall-produzzjoni u għall-kejl. Tolleranzi xierqa għandhom jiġu inkorporati fil-livelli ta’ effiċjenza.

Artikolu 6

1. Taħt il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw sistema speċifika ta’ tabelli li jippermettu li jiġi żgurat b’mod ċar kemm jipproduċu enerġija l-kaldaruni. Din is-sistema għandha tapplika għal kaldaruni li l-effiċjenza tagħhom hija superjuri għal-ħtiġiet tal-kaldaruni standard stipulati fl-Artikolu 5(1).

Jekk l-effiċjenza tiegħu bil-produzzjoni ratata u l-effiċjenza bit-tagħbija parzjali ikunu daqs jew iktar mill-valuri relevanti għall-kaldaruni standard, kaldarun għandu jingħata kif stipulat fl-Anness I, taqsima 2.

+++++ TIFF +++++

.

Jekk l-effiċjenza tiegħu bil-produzzjoni ratata u l-effiċjenza bit-tagħbija parzjali ikunu tlett punti jew iżjed ogħla mill-valuri relevanti għall-kaldaruni standard, kaldarun għandu jingħata

+++++ TIFF +++++

.

Għal kull grad iżjed ta’ effiċjenza ta’ tlett punti bil-produzzjonir ratata u f’tagħbija parzjali għandu jippermetti l-attribuzzjoni ta’ ’

+++++ TIFF +++++

' żejjed, kif stipulat fl-Anness II.

2. L-Istati Membri ma għandhomx jawtorizzaw xi tikketta oħra li x’aktarx tista’ tiġi mħawwda ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom iqisu li kaldaruni li jikkonformaw ma’ l-istandards armonizzati, li n-numri ta’ referenza tagħhom ikun ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri jkun ppubblikaw in-numri ta’ referenza ta’ l-istandards nazzjonali li jirrtrasponu dawk l-istandards armonizzati, li jkun f’konformità mal-ħtiġiet essenzjali ta’ effiċjenza stipulati fl-Artikolu 5(1). Dawn il-kaldaruni għandhom juru l-marka CE msemmija fl-Anness 1, taqsima 1, u għandu jiġu akkumpanjati b’dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE.

2. Il-konformità ta’ kaldaruni manifatturati f’serje għandha tiġi ċertifikata minn:

- eżami ta’ l-effiċjenza tat-tip ta’ kaldarun skond il-modulu B kif deskritt fl-Anness III,

- dikjarazzjoni ta’ konformità mat-tip approvat b’mod konformi mal-modulu Ċ, D jew E kif deskritt fl-Anness IV.

Fir-rigward ta’ kaldaruni li jaħarqu karburanti gassużi, il-proċeduri sabiex tiġi evalwata l-konformità tagħhom għandhom ikunu dawk użati biex jevalwaw il-konformità mal-ħtiġiet tas-sigurta’ stipulati fid-Direttiva 90/396/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’ jaqsmu ma’ apparat li jaħraq karburanti gassużi.

3. Meta apparati li jkunu marketed separatament jitqiegħdu fis-suq, dawn għandhom juru l-marka CE u għandhom jiġu akkumpanjati b’dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE, li tiddefinixxi l-parametri li jippermettulhom li jiksbu wara l-irmuntar il-livelli ta’ effiċjenza utli stipulati fl-Artikolu 5(1).

4. Il-marka CE ta’ konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn li jirrigwardaw l-għoti tal-marka CE, kif ukoll l-iskrizzjonijiet speċifikati fl-Anness I, għandom jitwaħħlu fuq kaldaruni b’mod li jidhru, li jinqaraw faċilment u li ma jitħassrux. It-twaħħil fuq dawn il-prodotti ta’ xi marka, sinjal jew indikazzjoni oħra li aktarx tista’ toħloq konfużjoni mal-marka CE kemm fir-rigward tas-sinjfikat tagħha kif ukoll fir-rigward tad-dehra tagħha għandu jkun projbit.

Artikolu 8

1. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-korpi li jkunu ħatru biex iwettqu d-dmirijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 7, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjħa ‘korpi notifikati’.

Il-Kummissjoni għandha talloka numri ta’ identifikazzjoni lil dawk il-korpi u għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dan.

Listi ta’ korpi notifikati għandha tiġi ppubblikata mill-Kunsill fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandha tiġi aġġornata kontinwament.

2. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-kriterji minimi stipulati fl-Anness V għall-ħatra ta’ dawn il-korpi. Il-korpi li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-istandards armonizzati korrispondenti għandhom jitqiesu li jikkonformaw mal-kriterji stipulati f’dak l-Anness.

3. Stat Membru li jkun innotifika korp partikolari għandu jirtira dik in-notifikazzjoni jekk isib li l-korp konċernat ma jissodisfax il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2. Huwa għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill- Kummissjoni u għandu jirtira n-notifika.

Artikolu 9

1. Sa l-ta’ Jannar 1993, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu bihom minnufih lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 1994.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b’referenza ta’ dan it-tip malli jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

2. Sal-31 ta’ Diċembru 1997, l-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz ta’ apparat li jikkonforma mar-regoli nazzjonali u l-iskemi fis-seħħ fit-territorji tagħhom fid-data ta’ meta tiġi adottata din id-Direttiva.

Artikolu 10

Tlett snin wara l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati miksuba. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għal kull bidliet li għandhom isiru f’din id-Direttiva fid-dawl ta’ dawk ir-riżultati u ta’ l-avvanzi fit-teknoloġija.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Mejju 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Luis Mira amaral

[1] ĠU Ċ 292, 22.11.1990, p. 8.

[2] ĠU Ċ 129, 20.5.1991, p. 97 u ĠU Ċ 94, 13.4.1992.

[3] ĠU Ċ 102, 18.4.1991, p. 46.

[4] ĠU L 307, 8.11.1991, p. 34.

[5] ĠU Ċ 20, 22.1.1985, p. 1.

[6] ĠU Ċ 241, 25.9.1986, p. 1.

[7] ĠU Ċ 183, 20.7.1989, p. 4.

[8] ĠU L 52, 23.2.1978, p. 32. Direttiva emendata mid-Direttiva 82/885/KEE (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 19).

[9] ĠU Ċ 136, 4.6.1985, p. 1.

[10] ĠU L 109, 26.4.1983, p. 8; Direttiva l-aħħar emendata mid-Deċiżjoni 90/230/KEE (ĠU L 128, 18.5.1990, p. 15).

[11] ĠU L 380, 31.12.1990, p. 13.

[12] ĠU L 40, 11.2.1989, p. 12.

[13] ĠU L 196, 26.7.1990, p. 15.

[16] ĠU L 81, 26.3.1988, p. 75.

--------------------------------------------------

ANNESS I

MARKI TA’ KONFORMITÀ U MARKI ADDIZZJONALI SPEĊIFIĊI

1. Marka ta’ konformità

Il-marka ta’ konformità tikkonsisti fl-ittri CE kif jidhru hawn isfel u l-aħħar żewġ figuri tas-sena ta’ meta l-marka ġiet imwaħħla.

+++++ TIFF +++++

2. Marki speċifiċi addizzjonali

It-tikketta ta’ produzzjoni ta’ enerġija mogħtija taħt l-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva tikkonsisti fis-simbolu li ġej:

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS II

GĦOTI TA’ TIKKETTI TA’ RENDIMENT TA’ L-ENERĠIJA

Rekwiżiti ta’ effiċjenza li għandhom jiġu sodisfatti kemm mill-produzzjoni nominali kif ukoll mit-tagħbija parzjali ta’ 0,3 Pn

Tikketta | Ħtieġa ta’ effiċjenza tal-produzzjoni nominali Pn u b’temperatura medja ta’ l-ilma tal-kaldarun ta’ 70 °C % | Ħtieġa ta’ effiċjenza tat-tagħbija parzjali ta’ 0,3 Pn u b’temperatura medja ta’ l-ilma tal-kaldarun ta’ ≥ 50 °C % |

+++++ TIFF +++++

| ≥ 84 + 2 log Pn | ≥ 80 + 3 log Pn |

+++++ TIFF +++++

| ≥ 87 + 2 log Pn | ≥ 83 + 3 log Pn |

+++++ TIFF +++++

| ≥ 90 + 2 log Pn | ≥ 86 + 3 log Pn |

+++++ TIFF +++++

| ≥ 90 + 2 log Pn | ≥ 89 + 3 log Pn |

--------------------------------------------------

ANNESS III

Modulu B: Eżami tat-tip KE

1. Dan il-modulu jiddeskrivi dik il-parti tal-proċedura li permezz tagħha l-korp notifikat jista’ jivverifika u jiċċertifika li kampjun, li huwa rappresentattiv tal-produzzjoni maħsuba, jissodisfa d-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva.

2. L-applikazzjoni għall-eżami tat-tip KE tintbagħat mill-manifattur jew mir-rappreżentant tiegħu stabbilit fil-Komunità lill-korp notifikat ta’ l-għażla tiegħu.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

- l-isem u l-indirizz tal-manifattur, jekk l-applikazzjoni tintbagħat mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz b’żieda ma’,

- dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazjoni ma tkunx intbagħtet lil xi korp notifikat ieħor,

- id-dokumenti tekniċi, kif deskritti fis-taqsima 3.

L-applikant għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-korp notifikat eżempju kampjun rappresentattiv tal-produzzjoni maħsuba, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ ‘tip’. Il-korp notifikat jista’ jitlob aktar kampjuni jekk dawn ikunu meħtieġa għat-twettiq tat-test tal-programm.

3. Id-dokumenti tekniċi għandhom jippermettu li ssir evalwazzjoni tal-konformità ta’ l-apparat mal-ħtiġiet tad-Direttiva. Dawn għandhom, sal-limitu li huwa relevanti għal din l-evalwazzjoni, ikopru d-disinn, il-manifattura u t-tħaddim ta’ l-apparat, u għandu ikun fihom, sal-limitu li jkun relevanti għall-evalwazzjoni:

- deskrizzjoni ġenerali tat-tip,

- tpinġijiet konċettwali tad-disinn u tal-manifattura u diagrammi tal-komponenti, sub- immuntar, ċirkwiti, eċċ.,

- id-deskrizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jifhem it-tpinġijiet u d-diagrammi u kif jaħdem il-prodott,

- lista ta’ l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5(2), applikati bi sħiħ jew f’parti, u deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet addottati sabiex jiġu mħarsa l-ħtiġiet essenzjali tad-Direttiva fejn l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5 ma jkunux ġew applikati,

- ir-riżultati ta’ kalkoli magħmula fuq id-disinn, l-eżamijiet imwettqa, eċċ.,

- rapporti tat-testijiet.

4. Il-korp notifikat għandu:

4.1. jeżamina d-dokumenti tekniċi, jivverifika li t-tip ikun ġie manifatturat b’mod konformi ma’ dawk id-dokumenti, u jidentifika l-elementi li jkunu ġew iddisinjati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti ta’ l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5(2), kif ukoll il-komponenti li jkunu ġew iddisinjati mingħajr ma jkunu ġew applikati d-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dawk l-istandards;

4.2. jagħmel jew ikun għamel l-eżamijiet u t-testijiet meħtieġa sabiex jikkontrolla jekk, f’każ li ma jkunux ġew applikati l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5(2), is-soluzzjonijiet adottati mill-manifattur jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali tad-Direttiva;

4.3. jagħmel jew ikun għamel l-eżamijiet u t-testijiet meħtieġa sabiex jivverifika jekk, f’kas li l-manifattur ikun għażel li japplika l-istandards relevanti, dawn ikunux attwalment ġew applikati;

4.4. jiftiehem ma’ l-applikant dwar il-post fejn għandhom isiru l-eżamijiet u t-testijiet meħtieġa.

5. Meta t-tip jissodisfa d-dispożizzjonijiet relevanti ta’ din id-Direttiva, l-korp notifikat joħroġ ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE lill-applikant. Iċ-ċertifikat juri l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjoni ta’ l-eżami u l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tip approvat.

Lista tal-partijiet relevanti tad-dokumenti tekniċi hija annessa maċ-ċertifikat u għandha tinżamm kopja mill-korp notifikat.

Jekk il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu li jkun stabbilit fil-Komunità jiġi miċħud ċertifikat tat-tip, il-korp notifikat għandu jagħti r-raġunijiet dettaljati għal din iċ-ċaħda.

Għandu jsiru provvedimenti dwar proċedura ta’ appell.

6. L-applikant jinforma lill-korp notifikat li jżomm id-dokumenti tekniċi li jirrigwardaw iċ-ċertifikat ta’ eżami tat-tip tal-KE, dwar il-modifikazzjonijiet kollha għall-applikazzjoni approvata li trid tirċievi approvazzjoni addizzjonali kull meta dawn il-bidliet jistgħu jaffettwaw il-konformità mal-ħtiġiet essenzjali jew mal-kondizzjonijiet preskritti għall-użu tal-prodott. Din l-approvazjoni addizzjonali hija mogħtija fil-forma ta’ żieda maċ-ċertifikat oriġinali ta’ l-eżami tat-tip tal-KE.

7. Kull korp notifikat għandu jikkomunika lill-korpi notifikati l-oħrajn l-informazzjoni relevanti li tirrigwarda ċ-ċertifikati ta’ l-eżami tat-tip KE u ż-żidiet maħruġa u rtirati.

8. Il-korpi notifikati l-oħrajn jistgħu jirċievu kopji taċ-ċertifikati ta’ l-eżami tat-tip tal-KE u/jew taż-żiediet tagħhom. L-Annessi li jinsabu maċ-ċertifikati għandhom jinżammu għad-dispożizzjoni tal-korpi notifikati l-oħrajn.

9. Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu iżomm mad-dokumenti tekniċi kopji taċ-ċertifikati ta’ l-eżami tat-tip KE u ż-żidiet tagħhom għal perjodu ta’ mill-inqas 10 snin wara l-aħħar data ta’ manifattura tal-prodott konċernat.

Jekk la l-manifattur u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma jkun stabbilit fil-Komunità, l-obbligazzjoni li jinżammu disponibbli d-dokumenti tekniċi hija r-responsabbiltà tal-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq tal-Komunità.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

Modulu Ċ: Konformità mat-tip

1. Dan il-modulu jiddeskrivi dik il-parti tal-proċedura li permess tagħha l-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jiżgura u jiddikjara li l-apparati konċernati jikkonformaw mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE, u jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ din id-Diretiva li japplikaw għalihom. Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE ma’ kull apparat u għandu jagħmel dikjarazzjoni ta’ konformità bil-miktub.

2. Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassigura li l-proċess ta’ manifattura jassigura li l-apparati manifatturati jikkonformaw mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE u mal-ħtiġiet ta’ effiċjenza tad-Direttiva.

3. Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu iżomm kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità għal perjodu ta’ mill-inqas 10 snin wara l-aħħar data ta’ manifattura tal-prodott konċernat.

Jekk la l-manifatturjew lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma jkun stabbiliti fil-Komunità, l-obbligazzjoni li jinżammu disponibbli d-dokumenti tekniċi hija r-responsabbiltà tal-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq tal-Komunità.

4. Korp notifikat magħżul mill-manifattur għandu jwettaq jew għandu jkun wettaq l-eżamijiet tal-prodott f’intervalli kif jiġi jiġi. Kampjun addattat tal-prodotti finali, meħuda fuq il-post mill-korp notifikat, għandu jiġi eżaminat u testijiet xierqa, kif definiti skond l-istandard jew standards applikabbli msemmija fl-Artikolu 5(2) jew testijiet ekwivalenti għandhom isiru sabiex tiġi kontrollata l-konformità tal-prodott mal-ħtiġiet tad-Direttiva relattiva. F’kas li kampjun wieħed jew iżjed minn dawk eżaminati ma jikkonformax, il-korp notifikat għandu jieħu l-miżuri xierqa.

Modulu D: Assigurazzjoni tal-kwalità tal-produzzjoni

1. Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura li permess tagħha l-manifattur li jissodisfa l-obbligazzjonijiet tat-taqsima 2 jassigura u jiddikjara li l-apparati konċernati jikkonformaw mat-tip, skond kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ eżamii tat-tip KE, u li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva. Il-manifattur għandu iwaħħal il-marka CE ma’ kull apparat u għandu jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub ta’ konformità. Il-marka CE hija akkumpanjata bis-simbolu ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat responsabbli għall-kontrolli msemmija fit-taqsima 4.

2. Il-manifattur għandu jħaddem sistema ta’ kwalità approvata ta’ produzzjoni, spezzjoni u testijiet finali ta’ l-apparat kif speċifikat fit-taqsima 3. Huwa soġġett għall-verifiki msemmija fit-taqsima 4.

3. Sistema ta’ kwalità

3.1. Il-manifattur jippresenta applikazzjoni għall-evalwazzjoni tas-sistema ta’ kwalità tiegħu, lill-korp notifikat li jagħżel hu stess, għall-apparati konċernati.

L-applikazjoni għandha tinkludi:

- l-informazzjoni relevanti kollha għall-kategorija ta’ apparati maħsuba,

- id-dokumenti li jirrigwardaw is-sistema ta’ kwalità,

- id-dokumenti tekniċi li għandhom x’jaqsmu mat-tip approvat u kopja taċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE.

3.2. Is-sistema ta’ kwalità għandha tiżgura l-konformità ta’ l-apparati mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE u mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva li japplikaw għalihom.

L-elementi, il-ħtiġiet u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom jiġu dokumentati b’mod sistematiku u ordinat fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet ta’ politika, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Id-dokumenti tas-sistema ta’ kwalità għandhom jippermettu interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, tal-pjanijiet, tal-manwali u tar-rekords ta’ kwalità.

Għandu jkun fiha b’mod partikolari, deskrizzjoni adegwata ta’:

- l-għanijiet ta’ kwalità u l-istruttura, ir-responsabbiltajiet u l-poteri ta’ l-amministrazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ l-istrumenti,

- il-metodi tat-teknika tal-manifattura, tal-kontroll ta’ kwalità u ta’ l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li sejrin jintużaw,

- l-eżamijiet u t-testijiet li sejrin jiġu mwettqa qabel, matul u wara l-manifattura, kif ukoll il-frekwenza li biha għandhom jiġu mwettqa,

- ir-rekords tal-kwalità, bħal rapporti ta’ spezzjoni u tagħrif dwar it-testijiet, tagħrif dwar il- kalibrazzjoni, rapporti tal-kwalifikazzjoni ta’ l-impjegati konċernati, eċċ.,

- il-mezzi ta’ sorveljar għall-kisba tal-kwalità meħtieġa ta’ l-apparat u t-tħaddim effettiv tas-sistema ta’ kwalità.

3.3. Il-korp notifikat għandu jevalwa s-sistema ta’ kwalità sabiex jistabbilixxi jekk din tissodisfax il-ħtiġiet msemmija fit-taqsima 3.2. Għandu jippreżumi l-konformità ma’ dawk il-ħtiġiet fir-rigward ta’ sistemi ta’ kwalità li jimplimentaw l-istandard armonizzat relevanti. Il-grupp ta’ awdituri għandu ikollu ta’ mill-inqas membru wieħed li jkollu esperjenza meta tiġi evalwata t-teknoloġija relevanti tal-prodott. Il-proċedura ta’ evalwazzjoni tinkludi żjara ta’ spezzjoni fil-fond tal-manifattur.

Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-manifattur. In-notifikazzjoni għandu jkun fiha l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni debitament sostanzjata.

3.4. Il-manifattur għandu jimpennja ruħu li jissodisfa l-obbligazzjonijiet li joħorġu mis-sistema ta’ kwalità kif approvata, u li jżommha f’livell adegwat u effiċjenti.

Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu iżomm lill-korp notifikat li jkun approva s-sistema ta’ kwalità nfurmat dwar kull bidla proposta fis-sistema ta’ kwalità.

Il-korp notifikat għandu jevalwa l-bidliet proposti u għandu jiddeċiedi jekk is-sistema ta’ kwalità mibdula tibgħax tissodisfa l-ħtiġiet msemmija f’3.2 jew jekk hux meħtieġa ri- evalwazzjoni.

Huwa għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifikazzjoni għandu kun fiha l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni sostanzjata.

4. Sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat.

4.1. L-iskop tas-sorveljanza hu li jiġi żgurat li l-manifattur debitament iwettaq l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema ta’ kwalità approvata.

4.2. Il-manifattur għandu jippermetti lill-korp notifikat l-aċċess għall-għanijiet ta’ spezzjoni għall-post tal-manifattura, spezzjoni, ta’ fejn isiru t-testijiet, u tal-ħażna, u għandu jipprovdih bl-informazzjoni kollha meħtieġa, b’mod partikolari:

- id-dokumenti tas-sistema ta’ kwalità,

- ir-rekords ta’ kwalità, bħal rapporti ta’ spezzjoni u tagħrif dwar it-testijiet, tagħrif dwar il- kalibrazzjoni, rapporti ta’ kwalifikazzjoni ta’ l-impjegati konċernati, eċċ.,

4.3. Il-korp notifikat għandu perjodikament iwettaq verifika biex jassigura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema ta’ kwalità u jipprovdi rapport tal-verifika lill-manifattur.

4.4. B’żieda, l-korp notifikat jista’ jagħmel żjarat mhux imħabbra lill-manifattur. Waqt dawn iż-żjarat il-korp notifikat jista’ jwettaq testijiet jew iġiegħel li jitwettqu biex jivverifika li s-sistema ta’ kwalità tkun qiegħda taħdem sew; fejn meħtieġ, il-korp notifikat għandu jipprovdi lill-manifattur b’rapport taż-żjara u, jekk ikun sar test, b’rapport tat-test.

5. Il-manifattur għandu, għal perjodu ta’ mill-inqas 10 snin wara l-aħħar data ta’ manifattura tal-prodott, iżomm għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali:

- id-dokument imsemmi fit-tieni inċiż ta’ 3.1,

- l-aġġornar imsemmi fit-tieni paragrafu ta’ 3.4,

- id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp notifikat li huma msemmija fil-paragrafu finali ta’ 3.4, u fi 4.3 u 4.4.

6. Kull korp notifikat għandu jagħti lill-korpi notifikati l-oħrajn l-informazzjoni relevanti li tirrigwarda l-approvazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità maħruġa u rtirati.

Modulu E: Assigurazzjoni tal-kwalità tal-prodotti

1. Dan il-modulu jiddeskrivi l-proċedura li permess tagħha l-manifattur li jissodisfa l-obbligazzjonijiet tat-taqsima 2 jassigura u jiddikjara li l-kaldaruni u l-apparati konċernati jikkonformaw mat-tip, skond kif huwa deskritt fiċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip KE. Il-manifattur għandu iwaħħal il-marka CE ma’ kull apparat u għandu jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub tal-konformità. Il-marka CE hija akkumpanjata bis-simbolu ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat responsabbli għall-kontrolli msemmija fit-taqsima 4.

2. Il-manifattur għandu iħaddem sistema ta’ kwalità approvata għall-ispezzjoni u l-ittestjar finali tal-kaldarun u ta’ l-apparati kif speċifikat fit-taqsima 3. Huwa għandu jkun soġġett għall-verifiki msemmija fit-taqsima 4.

3. Sistema tal-kwalità

3.1. Il-manifattur jippresenta applikazzjoni lill-korp notifikat ta’l-għażla tiegħu għall-evalwazzjoni tas-sistema ta’ kwalità, għall-kaldaruni u għall-apparati tiegħu.

L-applikazjoni għandha tinkludi:

- l-informazzjoni kollha relevanti għall-kategorija ta’ kaldarun jew apparat maħsuba,

- id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità,

- id-dokumenti tekniċi li għandhom x’ jaqsmu mat-tip approvat u kopja taċ-ċertifikat ta’ l-eżami tat-tip tal-KE.

3.2. Taħt is-sistema ta’ kwalità, kull kaldarun jew apparat jiġi eżaminat u testijiet xierqa kif definiti fl-istandard/s relevanti msemmija fl-Artikolu 5 jew testijiet ekwivalenti għandhom jitwettqu sabiex tiġi verifikata l-konformità tagħhom mal-ħtiġiet relevanti tad-Direttiva. L-elementi kollha, il-ħtiġiet u d-dispożizzjonijiet adottati mill-manifattur għandhom jiġu dokumentati b’mod sistematiku u ordinat fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet ta’ politika, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Din id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità għandha tippermetti li l-programm, il-pjanijiet, il-manwali u r-rekords ta’ kwalità jiġu interpretati b’mod uniformi.

B’mod partikolari, għandu jkun fihom deskrizzjoni adegwata ta’:

- l-għanijiet ta’ kwalità u l-istruttura ta’ l-organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat ta’ l-amministrazzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-prodott,

- l-eżami u t-testijiet li għandhom jiġu mwettqa wara l-manifattura,

- il-mezz ta’ kif għandha tiġi sorveljata l-operazzjoni effettiva tas-sistema ta’ kwalità,

- ir-rekords ta’ kwalità, bħal rapporti ta’ spezzjoni u informazzjoni li tirriżulta minn tagħrif dwar it-testijiet, tagħrif dwar il-kalibrazzjoni, rapporti ta’ kwalifikazzjoni ta’ l-impjegati konċernati, eċċ.,

3.3. Il-korp notifikat għandu jevalwa s-sistema ta’ kwalità sabiex jistabbilixxi jekk ikunx jissodisfa l-ħtiġiet msemmija fit-taqsima 3.2. Għandu jippreżumi l-konformità ma’ dawk il-ħtiġiet fir-rigward tas-sistemi ta’ kwalità li jimplimentaw l-istandard armonizzat relevanti.

Il-grupp ta’ awdituri jrid ikollu ta’ mill-inqas membru wieħed li jkollu esperjenza meta tiġi evalwata t-teknoloġija relevanti tal-prodott. Il-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha tinkludi żjara ta’ spezzjoni fil-fond tal-manifattur.

Il-manifattur għandu jiġi notifikat bid-deċiżjoni. In-notifikazzjoni għandu jkun fiha l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni sostanzjata.

3.4. Il-manifattur għandu jimpenja ruħu li jissodisfa l-obbligazzjonijiet li joħorġu mis-sistema ta’ kwalità kif approvata, u li jżommha f’livell adegwat u effiċjenti.

Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jżomm lill-korp notifikat li jkun approva s-sistema ta’ kwalità nfurmat dwar kull bidla proposta fis-sistema ta’ kwalità.

Il-korp notifikat għandu jevalwa l-bidliet proposti u għandu jiddeċiedi jekk is-sistema ta’ kwalità mibdula tistgħax tissodisfa l-ħtiġiet msemmija f’3.2 jew jekk hijiex meħtieġa ri- evalwazzjoni.

Huwa għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifikazzjoni għandu jkun fiha l-konklużjonijiet ta’ l-eżami u d-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni sostanzjata.

4. Sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat.

4.1. L-iskop tas-sorveljanza hu li jiġi żgurat li l-manifattur debitament iwettaq l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema ta’ kwalità approvata.

4.2. Il-manifattur għandu jippermetti li l-korp notifikat ikollu aċċess għal skopijiet ta’ spezzjoni fil-fond ta’ spezzjoni, ta’ l-ittestjar u tal-ħażna u li jipprovdih bl-informazzjoni kollha meħtieġa, b’mod partikolari:

- id-dokumenti tas-sistema ta’ kwalità,

- id-dokumenti tekniċi,

- ir-rekords ta’ kwalità, bħal rapporti ta’ spezzjoni u tagħrif dwar it-testijiet, tagħrif dwar il- kalibrazzjoni, rapporti tal-kwalifikazzjoni ta’ l-impjegati konċernati, eċċ.,

4.3. Il-korp notifikat għandu perjodikament iwettaq verifiki sabiex jiżgura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema ta’ kwalità u jipprovdi rapport tal-verifiki lill-manifattur.

4.4. B’żieda, l-korp notifikat jista’ jagħmel żjarat mhux imħabbra lill-manifattur. Matul dawn iż- żjarat il-korp notifikat jista’ jagħmel testijiet jew iġeigħel li dawn jitwettqu sabiex jivverifika li s-sistema ta’ kwalità tkun qiegħda taħdem sew; fejn meħtieġ, il-korp notifikat għandu jipprovdi lill-manifattur b’rapport taż-żjara u, jekk ikun sar test, b’rapport tat-test.

5. Il-manifattur għandu, għal perjodu ta’ mill-inqas 10 snin wara l-aħħar data tal-manifattura tal-kaldarun jew apparat, iżomm għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali:

- id-dokumenti msemmija fit-tieni inċiż ta’ 3.1,

- il-bidliet imsemmija fit-tieni paragrafu ta’ 3.4,

- id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp notifikat li huma msemmija fil-paragrafu finali ta’ 3.4, u fl- 4.3 u 4.4.

6. Kull korp notifikat għandu jibgħat lill-korpi notifikati l-oħrajn l-informazzjoni relevanti li tirrigwarda l-approvazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità maħruġa u rtirati.

--------------------------------------------------

ANNESS V

Il-kriterji minimi li għandu jingħata kont tagħhom mill-Istati Membri għan-notifikazzjoni tal-korpi.

1. Il-korp, id-direttur tiegħu u l-impjegati responsabbli biex iwettqu t-testijiet ta’ verifikazzjoni ma jistgħux ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur jew il-persuna responsabbli għall-installazzjoni ta’ l-apparati li jispezzjonaw, u l-anqas ir-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Ma jistgħux jinvolvu ruħhom direttament jew bħala rappreżentanti awtorizzati fid-disinn, fil-kostruzzjoni, fit-tqegħid fis-suq jew fil-manutenzjoni ta’ dawn il-kaldaruni jew apparati. Dan ma jipprekludix il-possibiltà li jsir bdil ta’ informazzjoni teknika bejn il-manifattur u l-korp.

2. Il-korp u l-impjegati tiegħu għandhom iwettqu t-testijiet ta’ verifikazzjoni bl-ogħla grad ta’ integrità professjonali u kompetenza teknika u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni jew suġġerimenti, b’mod partikolari finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom tar-riżultati ta’ l-ispezzjoni, speċjalment minn persuni jew minn gruppi ta’ persuni li għandhom interess fir-riżultat tal-verifikazzjonijiet.

3. L-organu għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-impjegati meħtieġa u għandu jipposjedi l-faċilitajiet meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq sew id-dmirijiet amministrattivi u tekniċi marbuta mal-verifikazzjoni; għandu jkollu aċċess ukoll għall-apparat meħtieġ għall-verifikazzjoni speċjali.

4. L-impjegati responsabbli għal spezzjoni għandu jkollhom:

- taħriġ tekniku u professjonali sod,

- għarfien sodisfaċenti tal-ħtiġiet tat-testijiet li jwettqu u l-esperjenza adegwata ta’ dawk it-testijiet,

- il-kapaċità li jħejju ċ-ċertifikati, ir-rekords u r-rapporti meħtieġa sabiex jawtentikati it-twettieq ta’ dawk it-testijiet.

5. L-imparzjalità ta’ l-impjegati ta’ spezzjoni għandha tiġi garantita. Il-ħlas tagħhom m’ għandux jiddependi fuq in-numru ta’ testijiet imwettqa jew fuq ir-riżultati ta’ dawk it-testijiet.

6. Il-korp għandu jagħmel assigurazzjoni dwar ir-responsabbiltà, ħlief jekk ir-responsabbiltà tiegħu taqa’ fuq l-Istat skond il-liġi nazzjonali, jew jekk l-Istat Membru nnifsu jkun direttament responsabbli għat-testijiet.

7. L-impjegati tal-korp għandhom ikunu marbuta li josservaw s-segretezza professjonali (ħlief fir-rigward ta’ l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ l-Istat li fih jitwettqu l-attivitajiet tiegħu) taħt din id Direttiva jew kull dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tagħtiha effett.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet