31991L0676


Titolu u referenza

Direttiva tal-kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

 ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
 Edizzjoni Speċjali bil-Finlandiż: Chapter 15 Volume 10 P. 192 - 198
 Edizzjoni Speċjali bl-Iżvediż: Chapter 15 Volume 10 P. 192 - 198
 Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 15 Volume 02 P. 68 - 77
 Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 15 Volume 02 P. 68 - 77
 Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 15 Volume 02 P. 68 - 77
 Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 15 Volume 02 P. 68 - 77
 Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 15 Volume 02 P. 68 - 77
 Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 15 Volume 02 P. 68 - 77
 Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 15 Volume 02 P. 68 - 77
 Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 15 Volume 02 P. 68 - 77
 Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 15 Volume 02 P. 68 - 77
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 15 Volume 02 P. 81 - 90
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 15 Volume 02 P. 81 - 90

 DA  DE  EL  EN  ES  FR  IT  NL  PT

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-12 ta’ Diċembru 1991

dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(91/676/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 130s tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-kontenut tan-nitrat fl-ilma ta’ wħud miż-żoni ta’ l-Istati Membri qiegħed jiżdied u huwa diġà għoli meta paragunat ma’ l-istandards stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 75/440/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975 dwar il-kwalità meħtieġa fl-ilma tal-wiċċ maħsub għall-ġbir ta’ l-ilma tax-xorb fl-Istati Membri [4], kif emendata bid-Direttiva 79/869/KEE [5], u d-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta’ Lulju 1980 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem [6], kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1985;

Billi r-raba’ programm ta’ azzjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar l-ambjent [7] wera illi l-Kummissjoni kellha l-ħsieb tagħmel proposta għal Direttiva dwar il-kontroll u t-tnaqqis tat-tniġġis fl-ilma li jirriżulta mit-tixrid jew l-iskarigu ta’ l-effluwenti tal-bhejjem tar-rziezet u l-użu eċċessiv tal-fertilizzanti;

Billi r-riforma tal-politika komuni agrikola stabbilita fil-Green Paper tal-Kummissjoni "Perspettivi għall-politika komuni agrikola" uriet illi, waqt li l-użu tal-fertilizzanti u tad-demel li jkun fihom in-nitroġenu huwa meħtieġ għall-biedja Komunitarja, l-użu eċċessiv tal-fertilizzant jikkostitwixxi riskju għall-ambjent; illi hija meħtieġa azzjoni komuni għalbiex tikkontrolla l-problema li tirriżulta mill-produzzjoni eċċessiva tal-bhejjem tar-rziezet u li l-politika agrikola għandha tagħti aktar kas tal-politika ambjentali;

Billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1988 dwar il-protezzjoni tal-Baħar tat-Tramuntana u ta’ ibħra oħra fil-Komunità [8] tistieden lill-Kummissjoni tagħti proposti għal miżuri fil-livell Komunitarju;

Billi l-kawża prinċipali tat-tniġġis minn sorsi tat-tixrid li jaffettwaw l-ilmijiet Komunitarji hija n-nitrati minn sorsi agrikoli;

Billi huwa għalhekk meħtieġ, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi akwatiċi u sabiex jiġu salvagwardjati l-użi leġittimi l-oħra ta’ l-ilma, li jitnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma ikkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi prevenut iktar tniġġis bħal dan; billi għal dan il-għan huwa importanti li jittieħdu miżuri dwar il-ħażna u l-applikazzjoni fuq l-art tal-komponenti kollha tan-nitroġenu u dwar il-prattiċi tal-ġestjoni ta’ ċerti artijiet;

Billi ġaladarba t-tniġġis ta’ ilma minħabba n-nitrati fi Stat Membru wieħed jista’ jinfluwenza l-ilmijiet fi Stati Membri oħra, hija għalhekk meħtieġa azzjoni fil-livell Komunitarju skond l-Artikolu 130r;

Billi, bl-inkoraġġiment ta’ prattiċi agrikoli tajba, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-ilmijiet kollha b’livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis fil-ġejjieni;

Billi ċerti żoni, li jxaqilbu għal ġo ilmijiet vulnerabbli għat-tniġġis minn komponenti tan-nitroġenu, jinħtieġu protezzjoni speċjali;

Billi huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jidentifikaw iż-żoni vulnerabbli u jistabilixxu u jimplimentaw programmi ta’ azzjoni għalbiex inaqqsu t-tniġġis ta’ l-ilma mill-komponenti tan-nitroġenu fiż-żoni vulnerabbli;

Billi dawn il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu miżuri sabiex tiġi limitata l-applikazzjoni fl-art tal-fertilizzanti kollha li fihom in-nitroġenu u b’mod partikolari li jiġu ffissati limiti speċifiċi sabiex jiġi applikat id-demel tal-bhejjem;

Billi huwa meħtieġ illi jiġu monitorjati l-ilmijiet u li jiġu applikati metodi ta’ referenza għall-kejl tal-komponenti tan-nitroġenu sabiex jiġi żgurat illi l-miżuri jkunu effettivi;

Billi huwa magħruf illi l-idroġeoloġija f’ċerti Stati Membri hija hekk illi jistgħu jgħaddu ħafna snin qabel ma miżuri ta’ protezzjoni jwasslu għal titjib fil-kwalità ta’ l-ilma;

Billi għandu jiġi stabbilit Kumitat sabiex jgħin lill-Kummissjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u sabiex tiġi addattata għall-progress xjentifiku u tekniku;

Billi l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

Billi l-Kummissjoni għandha tirrapporta b’mod regolari dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva għandha l-mira li:

- tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

- tipprevjieni aktar tniġġis minn dan.

Artikolu 2

Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

(a) "ilma ta’ taħt l-art": ifisser l-ilma kollu li jkun taħt il-wiċċ ta’ l-art fiż-żona tas-saturazzjoni u f’kuntatt dirett ma l-art jew mal-ħamrija tal-qiegħ;

(b) "ilma ħelu": ifisser ilma li jiġri b’mod naturali li għandu konċentrazzjoni baxxa ta’ mluħa, li huwa spiss aċċettabbli bħala tajjeb għalbiex jiġi sseparat u ttrattat biex isir ilma tax-xorb;

(ċ) "komponent tan-nitroġenu": ifisser kull sustanza li fiha jkun jinsab in-nitroġenu minbarra n-nitroġenu molekulari fil-għamla ta’ gass;

(d) "bhejjem": ifissru l-bhejjem/annimali kollha miżmuma għall-użu jew għall-profitt;

(e) "fertilizzant": ifisser kull sustanza li jkun fiha komponent tan-nitrogenu jew komponenti tan-nitrogenu utilizzati fir-raba għalbiex jgħinu t-tkabbir tal-pjanti u s-siġar; jista’ jkun fih id-demel ta’ l-annimali, il-fdalijiet mill-farms tal-ħut u l-ħama tad-drenaġġ;

(f) "fertilizzant kimiku": ifisser kull ferilizzant li jiġi fabbrikat bi proċess industrijali;

(g) "demel tal-bhejjem": ifisser il-prodotti ta’ l-iskart tal-ħmieġ ta’ l-intestini tal-bhejjem/annimali jew taħlita tat-tiben ta’ taħt il-bhejjem/annimali u prodotti ta’ l-iskart tal-ħmieġ ta’ l-intestini tal-bhejjem/annimali, saħansitra jekk fil-għamla pproċessata;

(h) "applikazzjoni fuq l-art": tfisser iż-żieda ta’ materjali mal-ħamrija sewwa bit-tixrid fuq il-wiċċ, sewwa bit-tidħil ġewwa l-ħamrija, sewwa bit-tqegħid taħt il-wiċċ u sewwa bit-taħlit mas-saffi tal-wiċċ;

(i) "ewtrofikazzjoni": tfisser il-għoti tas-sinjurija lill-ilma bil-komponenti tan-nitroġenu, li jwassal għat-tkabbir imgħaġġel ta’ l-alka u għamliet ogħla tal-ħajja tal-pjanti hekk li jipproduċu disturbanza mhix mixtieqa fil-bilanċ ta’ l-organiżmi li jinsabu fl-ilma u fil-kwalità ta’ l-ilma interessat;

(j) "tniġġis": ifisser l-iskarigu, b’mod dirett jew indirett, tal-komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli fl-ambjent akwatiku, li r-riżultati tiegħu huma hekk illi jikkaġunaw perikli għall-ħajja tal-bniedem, ħsara għar-riżorsi ħajjin u għall-ekosistemi ta’ l-ilma, ħsara għall-amenitajiet jew interferenza fuq l-użi l-oħra leġittimi ta’ l-ilma;

(k) "żona vulnerabbli": tfisser żona ta’ art deskritta skond l-Artikolu 3(2).

Artikolu 3

1. L-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis jekk ma titteħidx azzjoni skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skond il-kriterji stabbiliti f’l-Anness I.

2. L-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmin ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jinominaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha ta’ l-art fit-territorji tagħhom li jxaqilbu lejn l-ilmijiet identifikati skond il-paragrafu I u li jikkontribwixxu għat-tniġġis. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’din in-nominazzjoni inizjali fi żmien sitt xhur.

3. Meta kull tip ta’ ilma identifikat minn Stat Membru skond il-paragrafu I jiġi affettwat minn tniġġiż minn ilmijiet minn Stat Membru ieħor li jkunu jxaqilbu b’mod dirett jew indirett għal ġo fih, l-Istati Membri li l-ilmijiet tagħhom ikunu affettwati jistgħu jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-fatti rilevanti.

L-Istati Membri interessati għandhom jorganizzaw, meta xierqa mal-Kummissjoni, l-orkestrazzjoni meħtieġa sabiex jidentifikaw is-sorsi fil-kwistjoni u l-miżuri li jridu jittieħdu għalbiex jipproteġu l-ilmijiet li jkunu affettwati sabiex jiżguraw it-tħaris ta’ din id-Direttiva.

4. L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jerġgħu jikkonsidraw jew iżidu man-nomini taż-żoni vulnerabbli kif aproprjat, u mill-inqas darba kull erba’ snin, sabiex iqisu t-tibdil u l-fatturi li ma setgħux ikunu previsti fin-nomini ta’ qabel. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull revjoni jew żieda man-nomini fi żmien sitt xhur.

5. L-Istati Membri għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jidentifikaw żoni vulnerabbli speċifiċi, jekk jistabbilixxu u japplikaw il-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 skond din id-Direttiva fit-territorju kollu tagħhom.

Artikolu 4

1. Bil-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva:

(a) jistabbilixxu kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, li għandhom jiġu mħaddma mill-bdiewa fuq bażi volontarja, li għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas l-intestaturi msemmija f’L-Anness II A;

(b) jistabbilixxu meta meħtieġ programm, li jinkludi l-provvediment tat-taħriġ u t-tagħrif għall-bdiewa, li jippromwovi t-tħaddim tal-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba.

2. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni d-dettalji tal-kodiċijiet tagħhom ta’ prattika agrikola tajba u l-Kummissjoni għandha tinkludi t-tagħrif dwar dawn il-kodiċijiet fir-rapport riferit fl-Artikolu 11. Fid-dawl tat-tagħrif li tkun irċeviet, il-Kummissjoni tista’, jekk tikkunsidrhom meħtieġa, tagħmel il-proposti xierqa lill-Kunsill.

Artikolu 5

1. Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

2. Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni.

3. Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

(a) l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

(b) il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

4. Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

(a) il-miżuri f’L-Anness III;

(b) dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

5. L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli.

6. L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xieraq sabiex jivvalutaw l-effiċjenza tal-programmi ta’ azzjoni stabbiliti skond dan l-Artikolu.

L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5 fit-territorju tagħhom kollu għandhom jimmonitorjaw il-kontenut tan-nitrat fl-ilma (l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) f’lokalitajiet magħżula għall-kejl li jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit l-ammont tat-tniġġis min-nitrat fl-ilmijiet minn sorsi agrikoli.

7. L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jikkorreġu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skond il-paragrafu 5, mill-inqas kull erba’ snin. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’ kull tibdil fil-programmi ta’ azzjoni.

Artikolu 6

1. Bil-għan tan-nominazzjoni u l-korrezzjoni tan-nomini taż-żoni vulnerabbli, l-Istati Membri għandhom:

(a) fi żmien sentejn min-notifika tad-Direttiva, jimmonitorjaw il-konċentrazzjoni tan-nitrat fl-ilma ħelu għall-perjodu taż-żmien ta’ sena:

(i) fl-istazzjonijiet tat-teħid ta’ kampjuni ta’ l-ilma tal-wiċċ, stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 75/440/KEE u/jew fi stazzjonijiet oħra ta’ teħid tal-kampjuni li huma rappreżentattivi ta’ ilmijiet tal-wiċċ ta’ l-Istati Membri, mill-inqas darba fix-xahar u aktar spiss fil-perjodi taż-żmien ta’ l-għargħar;

(ii) fl-istazzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni li huma rappreżentattivi ta’ l-akwiferi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ta’ l-Istati Membri, f’intervalli regolari u jagħtu kas tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/778/KEE;

(b) jirrepetu l-programm ta’ monitoraġġ deskritt fil-qosor f’(a) mill-inqas kull erba’ snin, għajr għal dawk l-istazzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni fejn il-konċentazzjoni tan-nitrat fil-kampjuni kollha ta’ qabel kienet taħt il-25 mg/l u fejn ma jkun deher l-ebda fattur ġdid li x’aktarx iżid il-kontenut tan-nitrat, fejn, f’dan il-każ, il-programm tal-monitoraġġ jeħtieġ jiġi mtenni biss kull tmien snin;

(ċ) jirrevedu l-istat ewtrofiku ta’ l-ilma ħelu tagħhom tal-wiċċ, l-ilmijiet estwarji u l-ilmijiet kostali kull erba’ snin.

2. Għandhom jintużaw il-metodi ta’ referenza għall-kejl iddikjarati f’l-Anness IV.

Artikolu 7

Jistgħu jitfasslu linji gwida għall-monitoraġġ riferit f’l-Artikoli 5 u 6 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.

Artikolu 8

L-Annessi ma’ din id-Direttiva jistgħu jiġu addattati għall-progress xjentifiku u tekniku skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.

Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat magħmul mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u ppresjedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kummissjoni abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu taż-żmien li l-President tiegħu jista’ jistabilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat tal-KEE fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom ikunu ppeżati fl-istess manjiera stabbilita f’dan l-Artikolu. Il-president ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha, bla dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

(ċ) Jekk, meta jiskadi l-perjodu taż-żmien ta’ tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx ħa azzjoni, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, għajr fejn il-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-miżuri msemmija b’maġġoranza sempliċi

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom, rigward il-perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni u rigward kull perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin li jiġu wara, jissottometti rapport lill-Kummissjoni li jkun fih it-tagħrif deskritt fil-qosor f’l-Anness V.

2. Għandu jiġi ssottomess lill-Kummissjoni rapport skond dan l-Artikolu fi żmien sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu taż-żmien li miegħu jkollu x’jaqsam.

Artikolu 11

Fuq il-bażi tat-tagħrif riċevut skond l-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapporti fil-qosor fi żmien sitt xhur minn meta jaslulha r-rapporti mill-Istati Membri u għandha tikkomunikahom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fid-dawl ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness III, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kunsill sa l-1 ta’ Jannar 1998 rapport akkumpanjat meta jixraq bi proposti għal reviżjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex iħarsu din id-Direttiva fi żmien sentejn min-notifika tagħha [9]. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih:

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-kamp irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fit-12 ta’ Diċembru 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

J. G. M. Alders

[1] ĠU C 54, tat-3.3.1989, p. 4 u ĠU C 51, tat-2.3.1990, p. 12.

[2] ĠU C 158, tas-26.6.1989, p. 487.

[3] ĠU C 159, tas-26.6.1989, p. 1.

[4] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 26.

[5] ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44.

[6] ĠU L 229, tat-30.8.1980, p. 11.

[7] ĠU C 328, tas-7.12.1987, p. 1.

[8] ĠU C 209, tad-9.8.1988, p. 3.

[9] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fid-19ta’ Diċembru 1991.

--------------------------------------------------

ANNESS 1

IL-KRITERJI SABIEX JIĠU IDENTIFIKATI L-ILMIJIET IMSEMMIJA F’L-ARTIKOLU 3(1)

A. L-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu identifikati billi jintużaw, fost ħwejjeġ oħra, il-kriterji li ġejjin:

1. jekk l-ilma ħelu tal-wiċċ, b’mod partikolari dak użat jew maħsub għalbiex minnu jittieħed l-ilma tax-xorb, ikunx fih jew jistax ikun fih jew le, jekk ma titteħditx l-azzjoni skond l-Artikolu 5, aktar mill-konċentrazzjoni ta’ nitrati stabbiliti skond id-Direttiva 75/440/KEE;

2. jekk l-ilma ta’ taħt l-art ikunx fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jew jistax ikun fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jekk ma titteħidx l-azzjoni skond l-Artikolu 5;

3. jekk l-għadajjar naturali ta’ l-ilma ħelu, korpi oħra ta’ l-ilma ħelu, l-estwarji, l-ibħra kostali u l-ilma baħar jinstabu li huma ewtrofiċi jew jistgħu jsiru ewtrofiċi fil-futur qrib jekk ma titteħidx l-azzjoni skond l-Artikolu 5.

B. Meta japplikaw dawn il-kriterji, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll:

1. il-karatteristiċi fiżiċi u ambjentali ta’ l-ilmijiet u ta’ l-art;

2. ll-għarfien korrenti ta’ l-imġiba tal-komponenti tan-nitroġenu fl-ambjent (fl-ilma u fil-ħamrija);

3. il-għarfien korrenti ta’ l-impatt ta’ l-azzjoni meħuda skond l-Artikolu 5.

--------------------------------------------------

ANNESS II

IL-KODIĊI(JIET) TA’ PRATTIKA AGRIKOLA TAJBA

A. Kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba bil-mira li jitnaqqas it-tniġġis min-nitrati u jingħata kas tal-kondizzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Komunità għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru l-intestaturi li ġejjin, sakemm ikunu rilevanti:

1. il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fir-raba tkun barra minn lokha;

2. l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna;

3. l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art mifqugħa bl-ilma, imgħarrqa, iffriżata jew miksija bil-borra;

4. il-kondizzjonijiet sabiex jiġi applikat il-fertilizzant fir-raba’ qrib il-korsijiet ta’ ilma;

5. il-kapaċità u l-kostruzzjoni tal-kontenituri li jaħżnu d-demel ta’ l-annimali, inklużi miżuri li jipprevjienu t-tniġġis ta’ ilma meta l-likwidi li jkun fihom id-demel tal-bhejjem tar-riezet u l-effluwenti mill-materjali tal-pjanti maħżuna bħall-għalf tal-ħaxix, jiskulaw jew inixxu fl-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ;

6. il-proċeduri sabiex jiġu applikati fir-raba, inklużi r-rata u l-uniformità tat-tferrix, kemm tal-fertilizzanti kimiċi u kemm tad-demel ta’ l-annimali, li żżomm it-telf tan-nutrijenti fl-ilma għal livell aċċettabbli.

B. L-Istati Membri jistgħu ukoll jinkludu fil-kodiċj/jiet ta’ prattiċi agrikoli tajba l-intestaturi li ġejjin:

7. il-ġestjoni ta’ l-użu ta’ l-art, inklużi s-sistemi tan-newba u l-proporzjon tad-daqs ta’ l-art mogħtija għall-prodotti li ma jitbiddlux skond kif għandhomu x’jaqsmu l-uċuh tar-raba maħdum kull sena;

8. iż-żamma ta’ kwantità minima ta’ kisja ta’ ħaxix matul il-perjodi taż-żmien (tax-xita) li tixrob in-nitroġenu mill-ħamrija li li kieku xorta oħra kien jista’ jikkawża t-tniġġis minn-nitrat fl-ilma;

9. kif jiġu stabbiliti l-pjani tal-għoti tal-ferilizzant fuq il-bażi ta’ għalqa b’għalqa u ż-żamma tar-reġistrazzjonijiet dwar l-użu tal-ferilizzant;

10. il-prevenzjoni tat-tniġġiż ta’ l-ilma meta dan jiskula u meta l-moviment tiegħu jinżel iktar fil-fond mill-għeruq tal-wiċċ fis-sistemi tat-tisqija.

--------------------------------------------------

ANNESS III

IL-MIŻURI LI GĦANDHOM JIĠU NKLUŻI FIL-PROGRAMMI TA’ AZZJONI SKOND L-ARTIKOLU 5(4)(a)

1. Il-miżuri għandhom jinkludu regoli li għandhom x’ jaqsmu ma’:

1. il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni fir-raba ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti hija projbita;

2. il-kapaċità tal-kontenituri tal-ħażna tad-demel ta’ l-annimali; din il-kapaċità għandha taqbeż dik meħtieġa għall-ħażna matul l-itwal perjodu taż-żmien li matulu tkun ipprojbita l-applikazzjoni fir-raba fiz-zona vulnerabbli, għajr fejn jista’ jintwera lill-awtoritajiet kompetenti illi kull kwantità ta’ demel li taqbeż il-kapaċità attwali tal-ħażna tiġi disponuta b’manjiera li ma tikkawżax ħsara lill-ambjent;

3. il-limitazzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-fertilizzanti fir-raba, konsistenti mal-prattika agrikola tajba u li tqis il-karatteristiċi taż-żona vulnerabbli interessata, b’mod partikolari:

(a) il-kondizzjonijiet tal-ħamrija, it-tip tal-ħamrija, u l-pendil;

(b) il-kondizzjonijiet klimatiċi, ix-xita u t-tisqija;

(ċ) l-użu ta’ l-art u l-prattiċi agrikoli, inklużi s-sistemi tan-newba;

u li jridu jkunu msejsai fuq bilanċ bejn:

(i) il-ħtiġiet imbassra tan-nitroġenu ta’ l-uċuħ tar-raba’,

u

(ii) il-forniment tan-nitroġenu lill-uċuh mill-ħamrija u mill-fertilizzant li jikkorrispondi għal:

- l-ammont tan-nitroġenu li jkun jinsab fil-ħamrija fil-waqt meta l-prodott jibda jużah f’qies sinifikanti (f’ammonti konsiderevoli fit-tmiem tax-xitwa),

- il-forniment tan-nitroġenu permezz tal-mineralizzazzjoni netta tar-riservi tan-nitroġenu organiku fil-ħamrija,

- iż-żidiet tal-komposti tan-nitrogenu minn fertilizzanti kimiċi u oħrajn.

2. Dawn il-miżuri jridu jiżguraw illi għal kull razzett jew unità ta’ bhima, l-ammmont tad-demel ta’ l-annimali applikat kull sena fuq l-art, inkluż dak mill-annimali nfushom, ma għandux jaqbeż ammont speċifiku għal kull ettaru.

L-ammont speċifikat għal kull ettaru għandu jkun l-ammont tad-demel li jkun fih 170 kg N. Madankollu:

(a) għall-ewwel programm ta’ azzjoni ta’ erba’ snin l-Istati Membri jistgħu jippermettu ammont ta’ demel li jkun fih sa 210 kg N;

(b) matul u wara l-ewwel programm ta’ azzjoni ta’ erba’ snin, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw ammonti differenti minn dawk riferiti hawn fuq. Dawn l-ammonti jridu ikunu ffissati b’mod li ma jippreġudikawx il-miri speċifikati fl-Artikolu 1 u għandhom jiġu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, per eżempju:

- l-istaġuni ta’ tkabbir fit-tul,

- l-uċuh tar-raba li jixorbu ħafna nitroġenu,

- preċipitazzjoni għolja netta fiż-żona vulnerabbli,

- ħamrija b’kapaċità eċċezzjonalment għolja ta’ denitrifikazzjoni.

Jekk Stat Membru jippermetti ammont differenti taħt is-sottoparagrafu (b), għandu jgħarraf lill-Kummissjoni li għandha teżamina l-ġustifikazzjoni skond il-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 9.

3. L-Istati Membri jistgħu jikkalkolaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 fuq il-bażi tan-numri ta’ l-annmali.

4. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-mod kif ikunu qegħdin japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2. Fid-dawl tat-tagħrif li tirċievi, il-Kummissjoni tista’, jekk tqis meħtieġ, tagħmel proposti xierqa lill-Kunsill skond l-Artikolu 11.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

IL-METODI TA' REFERENZA GĦALL-KEJL

Il-fertilizzant kimiku

Il-komposti tan- nitroġenu għandhom jitkejlu billi jintuża l-metodu deskritt fid-Direttiva tal-Kummissjoni 7/535/KEE tat-22 ta' Ġunju 1977 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-metodi tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi tal-fertilizzanti [1], kif emendata bid-Direttiva 89/519/KEE [2].

L-ilma ħelu, l-ilma kostali u l-ilma baħar

Il-konċentrazzjoni tan-nitrat għandha tkun imkejla skond l-Artikolu 4a (3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 77/795/KEE tat-12 ta' Diċembru 1977 li tistabbilixxi proċedura komuni għall-iskambju tat-tagħrif dwar il-kwalità ta' l-ilma ħelu tal-wiċċ fil-Komunità [3], kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 86/574/KEE [4].

[1] ĠU L 213, tat-22.8.1977, p. 1.

[2] ĠU L 265, tat-12.9.1989, p. 30.

[3] ĠU L 334, ta' l-24.12.1977, p. 29.

[4] ĠU L 335, tat-28.11.1986, p. 44.

--------------------------------------------------

ANNESS V

IT-TAGĦRIF LI JRID IKUN JINSAB FIR-RAPPORTI MSEMMIJA F’L-ARTIKOLU 10

1. Prospett ta’ l-azzjoni preventiva meħuda skond l-Artikolu 4.

2. Mappa li turi dan li ġej:

(a) l-ilmijiet identifikati skond l-Artikolu 3(1) u l-Anness I li tindika għal kull tip ta’ ilma liema mill-kriterji f’l-Anness I kien użat għall-iskop ta’ l-identifikazzjoni;

(b) il-lokazzjoni taż-żoni meqjusa vulnerabbli, bid-distinzjoni bejn żoni eżistenti u żoni nominati mir-rapport ta’ qabel.

3. Sommarju tar-riżultati tal-monitoraġġ miksub skond l-Artikolu 6, inkluż prospett tal-konsiderazzjonijiet li wasslu għan-nomina ta’ kull żona vulnerabbli u ta’ kull reviżjoni tan-nomini taż-żoni vulnerabbli jew żieda magħhom.

4. Sommarju tal-programmi ta’ azzjoni imfassla skond l-Artikolu 5 u, b’mod partikolari:

(a) il-miżuri meħtieġa skond l-Artikolu 5(4)(a) u (b);

(b) it-tagħrif mitlub minn l-Anness III (4);

(ċ) kull miżura addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa meħuda skond l-Artikolu 5(5);

(d) sommarju tar-riżultati tal-programmi ta’ monitoraġġ imħaddma skond l-Artikolu 5(6);

(e) is-suppożizzjonijiet magħmula mill-Istati Membri dwar iż-żmien li fih l-ilmijiet identifikati skond l-Artikolu 3(1) ikunu x’aktarx mistennija jwieġbu għall-miżura fil-programm ta’ azzjoni, flimkien ma’ indikazzjoni tal-livell ta’ inċertezza imdaħħla f’dawn is-suppożizzjonijiet.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet