31991L0629



Official Journal L 340 , 11/12/1991 P. 0028 - 0032
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 39 P. 0198
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 39 P. 0198


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tad-19 ta’ Novembru 1991

li tipprovdi l-livelli minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġġiela

(91/629/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għall-iskopijiet ta’ biedja; billi l-Komunità approvat ukoll din il-Konvenzjoni bid-Deċiżjoni 78/923/KEE [4] u ddepożitat l-istrument ta’ l-approvazzjoni tagħha;

Billi l-Parlament Ewropew, bir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-20 ta’ Frar 1987 fuq il-politika tas-saħħa ta’ l-annimali [5], sejjaħ lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti fuq il-livelli minimi għall-biedja intensiva ta’ l-għoġġiela tal-vitella;

Billi l-għoġġiela, li huma annimali ħajjin, huma inklużi fil-lista tal-prodotti preżentati fl-Anness II tat-Trattat;

Billi ż-żamma ta’ l-għoġġiela hija parti integrali ta’ l-agrikoltura; billi tikkostitwixxi sors ta’ introjtu għal parti mill-popolazzjoni agrikola;

Billi d-differenzi li jistgħu jħarbtu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni jfixklu l-operat hieni ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni ta’ l-għoġġiela u l-prodotti ta’ l-għoġġiela;

Billi għalhekk hemm il-bżonn li jkunu stabbiliti livelli komuni minimi għall-protezzjoni tat-trobbija ta’ l-għoġġiela jew biex iħaxxnu l-għoġġiela sabiex ikun żgurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni;

Billi hemm bżonn li s-servizzi uffiċjali, il-produtturi, il-konsumaturi u oħrajn jinżammu aġġornati bl-iżviluppi f’dan il-qasam; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk, fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kumitat Veterinarju Xjentifiku, timxi lejn riċerka xjentifika attiva fis-sistema(i) l-iktar effiċjenti tal-biedja ta’ l-istokk min-naħa ta’ l-aħjar għall-għoġġiela; billi dispożizzjonijiet għandhom għalhekk isiru f’perjodu proviżorju biex il-Kummissjoni tlesti dan l-inkarigu b’suċċess,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tipprovdi l-livelli minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġġiela li jinżammu għat-trobbija u li jkunu mħaxxna.

L-Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

1. "għoġol" ifisser annimal ta’ l-ispeċi bovin li għandu sa sitt xhur;

2. "l-awtorità kompetenti" tfisser l-awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 90/425/KEE [6].

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri jiżguraw li mill-1 ta’ Jannar 1994 u għal perjodu transitorju ta’ erba’ snin, kull beni mibnija ġdida jew mibnija mill-ġdid u/jew bdiet tkun użata għall-ewwel darba wara dik id-data għandhom iħarsu mill-inqas il-ħtiġiet li ġejjin:

- fejn l-għoġġiela jinżammu fi gruppi, għandhom ikollhom spazju liberu biżżejjed biex ikunu jistgħu jduru u jimteddu mingħajr tfixkil ta’ mill-inqas 1,5 m2 għal kull għoġol ta’ 150 kg toqol,

- fejn l-għoġġiela jinżammu f’kaxxi individwali jew marbutin fi stalel, il-kaxxi jew l-istalel ikollhom il-ħitan bit-toqob u l-wisa’ tagħhom ma jkunx inqas minn 90 ċm iktar jew inqas b10 %, jew 0,80 darba l-għoli ta’ daharhom.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jgħoddux għal min għandu inqas minn sitt għoġġiela.

3. Kondizzjonijiet speċjali jistgħu jkunu applikati lil:

- l-għoġġiela, li s-saħħa jew l-imġieba tagħhom teħtieġ li jkunu iżolati mill-grupp biex jirċievu trattament xieraq,

- l-annimali mrobbija puri ta’ l-ispeċi bovina msemmija fid-Direttiva 77/504/KEE [7],

- għoġġiela li jinżammu ma’ ommhom biex jitreddgħu,

- għoġġiela li jinżammu ħielsa ġewwa.

4. It-tul ta’ żmien ta’ l-użu ta’ l-istallazzjonijiet mibnija

- qabel l-1 ta’ Jannar 1994 li ma jħarsux il-ħtiġiet tal-paragrafu 1 għandhom ikunu stabbiliti mill-awtorità kompetenti minħabba r-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet li hemm provduti fl-Artikolu 7(1), u taħt l-ebda ċirkostanzi ma jestendu aktar mill-31 ta’ Diċembru 2003;

- matul il-perjodu transitorju, skond il-paragrafu 1, taħt l-ebda ċirkostanzi ma għandhom jestendu wara l-31 ta’ Diċembru 2007, sakemm f’dik id-data huma jħarsu l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet għat-trobbija ta’ l-għoġġiela jimxu mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.

2. Barra minn hekk, qabel din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni, bil-kooperazzjoni ta’ l-Istati Membri, għandhom joħroġ rakkomandazzjoni li tiddefinixxi xi livelli minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġġiela li tissupplimenta dawk fl-Anness.

L-Artikolu 5

Id-dispożizzjonijiet fl-Anness jistgħu jkunu emendati skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 10 sabiex tikkunsidra l-progress xjentifiku.

L-Artikolu 6

Mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 1997, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill rapport, imħejji fuq il-bażi ta’ l-opinjoni mill-Kumitat Veterinarju Xjentifiku, dwar is-sistema(i) tal-biedja intensiva li jimxu mal-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-għoġġiela min-naħa patoloġika, żooteknika, fisjoloġika u ta’ l-imġieba, kif ukoll l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tas-sistemi differenti, flimkien mal-proposti rilevanti tal-konklużjonijiet tar-rapport.

Il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq dawn il-proposti mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jintbagħtu.

L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet isiru taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtorità kompetenti sabiex jiċċekkjaw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-Anness tagħha huma mħarsa.

Dawn l-ispezzjonijiet, li jistgħu jsiru fl-okkażjoni ta’ l-ispezzjonijiet li saru għal skopijiet oħra, kull sena jkopru kampjun statistikament rappreżentattiv tas-sistemi differenti tal-bidja wżati f’kull Stat Membru.

2. Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 10, tħejji kodiċi tar-regoli li għandhom ikunu applikati meta jsiru l-ispezzjonijiet li hemm provduti fil-paragrafu 1.

3. Kull sentejn, sa l-aħħar ġurnata xogħol ta’ April u għall-ewwel darba sat-30 ta’April 1996, l-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet li saru matul is-sentejn ta’ qabel skond dan l-Artikolu, inklużi n-numri ta’ l-ispezzjonijiet li saru rigward in-numru ta’ beni fit-territorju tagħhom.

L-Artikolu 8

Sabiex ikunu importati fil-Komunità, l-annimali li ġejjin minn pajjiż mhux membru jridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti, li jiċċertifika li rċevew trattament mill-inqas daqs dak mogħti lill-annimali li ġejjin mill-Komunità kif hemm provdut f’din id-Direttiva.

L-Artikolu 9

Esperti veterinari mill-Kummissjoni jistgħu, fejn meħtieġ għall-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva, iwettqu spezzjonijiet fuq il-post bil-kooperazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti. Il-persuni li qed iwettqu dawn l-ispezzjonijiet għandhom jimplimentaw il-miżuri personali speċjali ta’ l-Iġjene meħtieġa biex jeskludu kull riskju li jinfirex il-mard.

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed issir spezzjoni għandhu jagħti l-assistenza kollha li hemm bżonn lill-esperti biex iwettqu dmirijiethom. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membru konċerant bir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet.

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat għandha tieħu l-miżuri kollha li jistgħu jkunu meħtieġa biex jikkunsidraw ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet.

Rigward ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi li mhumiex membri, għandhom jgħoddu d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 91/496/KEE [8].

Ir-regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 10.

L-Artikolu 10

1. Fejn il-proċedura mniżżla f’dan l-Artikolu trid tkun segwita, il-president għandu jirreferi l-kwistjoni mingħajr dewmien lill-Kumitat Veterinarju Permanenti mwaqqaf bid-Deċiżjoni 68/361/KEE [9], minn issa’ l quddiem msemmi bħala "il-Kumitat", jew fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jwassal l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-president jista’ jippreskrivi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha titwassal bil-maġġoranza mniżżla fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill jeħtieġ jaddotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom ikunu mwieżna fil-mod ippreżentat f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri ppjanati jekk huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

4. Jekk il-miżuri ppjanati mhumiex skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma titwassal, il-Kummissjoni mingħajr dewmien għandha tibgħat lill-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq maġġoranza kwalifikata.

Jekk, fi żmien tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill għadu ma aġixxix, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni ħlief fejn il-Kunsill iddeċieda kontra l-miżuri b’maġġoranza sempliċi.

L-Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, inklużi xi sanzjonijiet, meħtieġa biex jimxu ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1994. Huma għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Fejn l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, ta’ l-aħħar għandhom jinkludu riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-riferenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Id-dettalji ta’ din ir-riferenza għandhom ikunu adottati mill-Istati Membri.

2. Iżda, mid-data preskritta fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, b’konformità mar-regoli ġenerali tat-Trattat, iżommu jew japplikaw ġewwa t-territorji tagħhom dispożizzjonijiet aktar stretti għall-protezzjoni ta’ l-għoġġiela minn dawk imniżżla f’din id-Direttiva. Huma għandhom javżaw lill-Kummissjoni b’kull miżura bħal din.

L-Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta’ Novembru 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Bukman

[1] ĠU C 214, tal-21.8.1989, p. 28.

[2] ĠU C 113, tas-7.5.1990, p. 180.

[3] ĠU C 62, tat-12.3.1990, p. 37.

[4] ĠU L 323, tas-17.11.1978, p. 12.

[5] ĠU C 76, tat-23.3.1987, p. 185.

[6] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/496/KEE (ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56).

[7] ĠU L 206, tat-12.8.1977, p. 8. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/174/KEE (ĠU L 85, tal-5.4.1991, p. 37).

[8] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56.

[9] ĠU L 255, tat-18.10.1968, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

1. Il-materjal użat għall-bini ta’ l-akkomodazzjoni ta’ l-għoġġiela u partikolarment il-kaxxi u t-tagħmir li miegħu jistgħu jkollhom kuntatt l-għoġġiela m’għandux jagħmel ħsara lill-għoġġiela u għandu jkun kapaċi jitnaddaf u jkun disinfettat.

2. Sakemm regoli tal-Komunità huma preskritti fuq din il-kwistjoni, iċ-ċirkwiti elettriċi u t-tagħmir irid ikun installat skond ir-regoli nazzjonali kurrenti biex ikunu evitati xokkijiet elettriċi.

3. Insulazzjoni, tisħin u ventilazzjoni tal-bini għandhom jiżguraw li ċ-ċirkolazzjoni ta’ l-arja, il-livell tat-trab, it-temperatura, l-umdita’ relattiva ta’ l-arja u l-konċentrazzjonijiet tal-gass jinżammu fil-limiti li ma jagħmlux ħsara lill-għoġġiela.

4. It-tagħmir kollu awtomatiku jew mekkaniku li hu meħtieġ għas-saħħa ta’ l-għoġġiela irid ikun spezzjonat mill-inqas darba kuljum. Fejn jinstabu difetti, dawn iridu jkunu rranġati minnufih jew, jekk dan impossibbli, jittieħdu l-passi meħtieġa biex tkun salvagwardjata s-saħħa ta’ l-għoġġiela sakemm id-difett ikun irranġat, l-aktar bl-użu ta’ metodi alternattivi ta’ għalf u li jinżamm ambjent sodisfaċenti.

Fejn sistema artifiċjali ta’ ventilazzjoni hija wżata, għandha ssir dispożizzjoni għal sistema tajba bħala rinforz biex tiggarantixxi li l-arja titbiddel biżżejjed biex tippriserva s-saħħa u l-istat tajjeb ta’ l-għoġġiela fil-każ li ma taħdimx is-sistema u sistema ta’ alarm trid tkun provduta biex tavża lil dak li jżomm l-istokk bil-ħsara. Is-sistema ta’ l-alarm trid tkun eżaminata regolarment.

5. L-għoġġiela ma għandhomx jinżammu dejjem fid-dlam. Biex jitħarsu l-bżonnijiet ta’ l-imġiba u fisjoloġika tagħhom, trid issir dispożizzjoni, biex tippermetti għall-kondizzjonijiet differenti ta’ klima fl-Istati Membri, għal dawl xieraq naturali jew artifiċjali; jekk dan ta’ l-aħħar, irid jaħdem għal perjodu ta’ mill-inqas daqs il-perjodu tad-dawl naturali normalment disponibbli bejn id-9 a.m. u l-5 p.m. Barra minn hekk, irid ikun disponibbli dawl xieraq (imwaħħal jew jista’ jinġarr) b’saħħtu biżżejjed biex jippermetti li l-għoġġiela jkunu spezzjonati f’kull ħin.

6. L-għoġġiela kollha mkabbra fi gruppi jew f’ kaxxi jridu jkunu spezzjonati mis-sid jew mill-persuna responsabbli għall-annimali mill-inqas darba kuljum. Kull għoġol li jidher marid jew imweġġa jrid ikun ittrattat kif suppost mingħajr dewmien.

Għandu jkun possibbli, meta jkun hemm bżonn, li jkunu iżolati l-għoġġiela morda jew imweġġa’ f’akkomodazzjoni adegwata b’sodda niexfa u komda.

Parir ta’ veterinarju għandu jinkiseb mill-aktar fis possibbli għall-għoġġiela li mhux qed jirkupraw mill-kura ta’ dak li jżomm l-istokk.

7. L-akkomodazzjoni għall-għoġġiela trid tinbena b’tali mod li tippermetti kull għoġol:

- li jimtedd, jistrieħ, iqum bil-wiefqa u jnaddaf lilu nnifsu mingħajr diffikultà;

- li jara għoġġiela oħra.

8. Fejn huma wżati ħbula, dawn m’għandhomx jagħmlu ħsara lill-għoġġiela u jridu jkunu spezzjonati regolarment u aġġustati kif hemm bżonn biex jiżguraw li jiġuhom komdi. Kull ħabel irid ikun ta’ tul biżżejjed biex jippermetti li l-għoġġiela jiċċaqalqu kif stipulat fil-paragrafu 7. Id-disinn għandu jkun tali li jevita, kemm jista’ jkun, kull riskju ta’ tgħalliq jew korriment.

9. Akkomodazzjoni, maqjel, tagħmir u għodda wżati għall-għoġġiela jridu jitnaddfu u jkunu disinfettati sew biex ikunu evitati infezzjonijiet minn wieħed għall-ieħor u ż-żieda ta’ l-organiżmi li jġorru l-mard. Ħmieġ, urina u ikel mhux mittiekel jew maqlub irid jitneħħa kull meta hemm bżonn biex titnaqqas ir-riħa u jkun evitat li jiġbdu l-attenzjoni tad-dubbien u l-gerriema.

10. L-art trid tkun lixxa imma mhux tiżloq biex ikun evitat l-korriment ta’ l-għoġġiela u ddisinjata biex ma tkorrix jew tikkawża sofferenza lill-għoġġiela weqfin jew li jimteddu fuqha. Għandha tkun adattata għad-daqs u t-toqol ta’ l-għoġġiela u tifforma wiċċ riġidu, indaqs u stabbli. In-naħa fejn jimteddu trid tkun komda, nadifa, u jitneħħa l-ilma b’mod adegwat u ma tridx taffettwa ħażin lill-għoġġiela. Sodod xierqa jridu jkunu provduti għall-għoġġiela kollha li għandhom inqas minn ħmistax.

11. L-għoġġiela kollha jridu jkunu provduti b’dieta xierqa adattata għaż-żmien, il-piż u l-bżonnijiet ta’ l-imġiba u fisjoloġiċi tagħhom, biex tippromwovi stat pożittiv ta’ saħħa. Sabiex jiżgurastatpożittiv ta’ saħħa kif ukoll rata ta’ żvilupp b’saħħtu u biex jilqa’ l-bżonnijiet tagħhom ta’ l-imġiba, l-ikel ta’ l-għoġġiela jrid jinkludi biżżejjed ħadid u minimu ta’ għalf niexef li fih fibra li tittiekel (100-200 gr kuljum skond iż-żmien ta’ l-annimal). Iżda, il-ħtieġa ta’ kwantità minima għall-għalf niexef li fih il-fibri li jittieklu ma tgħoddx għall-produzzjoni ta’ l-għoġġiela tal-vitella għall-laħam abjad. L-għoġġiela m’għandhomx ikunu msarrma.

12. L-għoġġiela kollha jridu jitgħallfu għall-inqas darba kuljum. Fejn l-għoġġiela jinżammu fi gruppi u mhux mgħalfa ad libitum, jew b’sistema awtomatika ta’ għalf, kull għoġol irid ikollu aċċess għall-ikel fl-istess ħin bħall-oħrajn tal-grupp.

13. L-għoġġiela kollha li għandhom iktar minn ħmistax irid ikollhom aċċess għal kwantità suffiċjenti ta’ ilma frisk jew ikunu jistgħu jaqtgħu l-għatx tagħhom billi jixorbu likwidu oħra.

14. It-tagħmir ta’ l-għalf u ta’ l-ilma jrid ikun iddisinjat, mibni, impoġġi u miżmum sabiex il-kontaminazzjoni ta’ l-għalf u l-ilma ta’ l-għoġġiela jitnaqqas kemm jista’.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet