Official Journal L 206 , 29/07/1991 P. 0016 - 0018
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 5 P. 0060
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 5 P. 0060
Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 1991 li temenda d-Direttiva 83/477/KEE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji konnessi ma' l-esposizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE) (91/382/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni mfassla wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar Sigurtà, Iġjene u Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol [1], Bil-kooperazzjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jiddisponi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' direttivi, il-kundizzjonijiet minimi mitluba biex jinkoraġġixxi titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiżgura livell aħjar ta' protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema; Billi, taħt il-kundizzjonijiet ta' dak l-Artikolu, dawn id-direttivi għandhom jevitaw li jimponu limitazzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' mpriżi żgħar u ta' daqs medju; Billi l-komunikazzjoni mingħand il-Kummissjoni dwar il-programm dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [4] tipprovdi biex jiġu adottati xi direttivi mfassla biex jiggarantixxu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema; Billi l-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tal-21 ta' Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [5], innota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti lill-Kunsill fil-futur qarib il-kundizzjonijiet minimi mitluba fuq il-livell tal-Komunità dwar protezzjoni kontra r-riskji li joħorġu minn sustanzi perikolużi, inklużi sustanzi karċinoġeniċi; billi deherlu li inkonnessjoni ma' dan għandu jittieħed bħala bażi l-prinċipju tas-sostituzzjoni billi tintuża xi sustanza magħrufa li mhix perikoluża jew li hija anqas perikoluza; Billi l-asbestos huwa aġent partikolarment perikoluż li jista' jġib mard serju u li jinstab f'diversi forom f'numru kbir ta' ċirkostanzi fuq ix-xogħol; Billi, invista tal-progress li sar fit-tagħrif xjentifiku u teknoloġiku u fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba waqt l-applikazzjoni tad- Direttiva tal-Kunsill 83/447/KEE tad-19 ta' Settembru 1983 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi ma' l-esposizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE) [6], il-protezzjoni tal-ħaddiema għandha tittejjeb u l-livelli ta' l-azzjoni u l-limiti tal-valuri stabbiliti fid-Direttiva 83/477/KEE għandhom jitnaqqsu; Billi l-projbizzjoni li jiġi applikat l-asbestos bi proċess ta' traxxix mhijiex biżżejjed biex tipprevjeni li l-fibri ta' l-asbestos jitħallew joħorġu fl-atmosfera; billi proċeduri oħra ta' xogħol li jinvolvu l-użu ta' xi materjali li jkunu jinsab fihom l-asbestos għandhom jiġu projbiti wkoll; Billi għadha ma tistax tittieħed deċiżjoni li tistabilixxi metodu wieħed biex jitkejlu l-konċentrazzjonijiet ta' l-asbestos fl-arja fuq il-livell tal-Komunità; Billi din id-Direttiva għandha terġa' tiġi eżaminata mill-ġdid qabel il-31 ta' Diċembru 1995, biex jittieħed inkonsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-progress li sar fit-tagħrif xjentifiku u teknoloġiku u tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva; Billi d-Deċiżjoni 74/325/KEE [7], kif emendata l-aħħar bl-Att tas-Sħubija tal-1985, tipprovdi li l-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà', l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni bl-iskop li tfassal proposti f'dan il-qasam, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Id-Direttiva 83/477/KEE hija b'dan emendata skond dan li ġej: 1. L-Artikolu 3(3) jinbidel b'dan li ġej: "3. Jekk l-istima msemmija fil-paragrafu 2 turi li l-konċentrazzjoni tal-fibri ta' l-asbestos fl-arja fuq il-post tax-xogħol fin-nuqqas ta' xi tagħmir protettiv personali huwa, fuq l-għażla ta' l-Istati Membri, fuq livell skond kif imkejjel jew ikkalkulat: (a) għall-krisotile - aktar baxx minn 0,20 fibra għal kull ċm3 in konnessjoni ma' perjodu ta' riferenza ta' tmien sigħat, u/jew - aktar baxx minn doża kumulattiva ta' 12,00 jum ta' fibra għal kull ċm3 fuq perjodu ta' tliet xhur; (b) għall-forom l-oħra kollha ta' l-asbestos kemm jekk waħedhom kemm jekk f'taħlit, inklużi taħlit li jkun fihom il-krisotile: - aktar baxx minn 0,10 fibra kull ċm3 inkonnessjoni ma' perjodu ta' referenza ta' tmien sigħat, u/jew - aktar baxx minn doża kumulattiva ta' 6,00 jiem ta' fibra għal kull ċm3 fuq perjodu ta' tliet xhur, L-Artikoli 4, 7, 13, 14(2), 15 u 16 ma japplikawx." 2. L-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej: "L-Artikolu 5 L-applikazzjoni ta' l-asbestos bi proċess ta' traxxix u proċeduri ta' xogħol li jinvolvu l-użu ta' materjali iżolanti jew li jwaqqfu l-ħsejjes ta' densità baxxa (anqas minn 1g/ċm3) li jkun jinsab fihom l-asbestos jiġu pprojbiti." 3. Fil-punt (1) ta' l-Artikolu 7, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej: "B' konformità ma' l-Artikolu 118a tat-Trattat u waqt li jittieħed inkonsiderazzjoni b'mod partikolari l-progress magħmul fit-tagħrif xjentifiku u teknoloġiku u l-esperjenza miksuba permezz ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina mill-ġdid id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel paragrafu qabel il-31 ta' Diċembru 1995, bil-għan li jwaqqaf metodu wieħed biex jitkejlu l-konċentrazzjonijiet ta' l-asbestos fl-arja bħala livell tal-Komunità;". 4. L-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej: "L-Artikolu 8 Għandhom jiġu applikati l-limiti ta' valuri li ġejjin: (a) konċentrazzjoni ta' fibri tal-krisotile fl-arja fil-post tax-xogħol: 0,60 fibra kull ċm3 imkejla jew ikkalkulati inkonnessjoni ma' perjodu ta' riferenza ta' tmien sigħat; (b) konċentrazzjoni fl-arja fil-post tax-xogħol tal-forom l-oħra kollha ta' fibri ta' l-asbestos, kemm jekk waħedhom kemm f'taħlit, inklużi taħlit li jkun jinsab fihom il-krisotile: 0,30 fibra kull ċm3 imkejla jew ikkalkulati inkonnessjoni ma' perjodu ta' riferenza ta' tmien sigħat." 5. L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej: "L-Artikolu 9 1. Mingħajr preġudizzju għat-tielet paragrafu tal-punt 1 ta' l-Artikolu 7, konformi ma' l-Artikolu 118a tat-Trattat u waqt li jittieħed inkonsiderazzjoni b'mod partikolari l-progress li sar fit-tagħrif xjentifiku u teknoloġiku u l-esperjenza miksuba meta tiġi applikata din id-Direttiva, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva qabel il-31 ta' Diċembru 1995. 2. L-emendi meħtieġa biex jiġi adattat l-Anness ta' din id-Direttiva biex jittieħed inkonsiderazzjoni l-progress tekniku iridu jsiru b'mod konformi mal-proċedura deskritta fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/1107/KEE tas-27 ta' Novembru 1980 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji konnessi ma' l-esposizzjoni għal aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi fuq ix-xogħol [8]." 6. L-Artikolu 12 huwa b'dan emendat kif ġej: (a) is-sottoparagrafu li ġej jiżdied mal-paragrafu 2: "Fuq it-talba ta' l-awtoritajiet kompetenti, il-pjan għandu jinsab fih informazzjoni dwar dan li ġej: - in-natura tax-xogħol u kemm x'aktarx li jdum sejjer, - il-post fejn isir ix-xogħol, - il-metodi applikati meta x-xogħol jinvolvi l-immaniġġar ta' l-asbestos jew ta' materjali li jkun jinsab fihom l-asbestos, - il-karatteristiċi tat-tagħmir użat għal: - protezzjoni u d-dekontaminazzjoni ta' dawk li qed jagħmlu x-xogħol, - protezzjoni tal-persuni l-oħra preżenti jew qrib tal-post tax-xogħol." (b) il-paragrafu li ġej għandu jiżdied: "3. Fuq it-talba ta' l-awtoritajiet kompetenti, il-pjan imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi nnotifikat lilhom qabel il-bidu tax-xogħol proġettat." L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jaderixxu ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1993. Huma għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni minnufih. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn trid tinsab fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandha tkun tinsab magħha riferenza ta' din ix-xorta meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi li bihom issir riferenza ta' din ix-xorta għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Iżda, id-data ta' l-1 ta' Jannar 1993 għandha tinbidel fl-1 ta' Jannar 1996 fil-każ ta' attivitajiet ta' tħaffir għall-asbestos. Iżda, għal dak li għandu x'jaqsam mar-Repubblika Ellenika: - id-data msemmija fl-ewwel sottoparagrafu għandha tkun l-1 ta' Jannar 1996, - id-data msemmija fir-raba sottoparagrafu għandha tkun l-1 ta' Jannar 1999. 2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. L-Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fil-25 ta' Ġunju 1991. Għall-Kunsill Il-President J.-C. Juncker [1] ĠU C 161, tat-30.6.1990, p. 14. [2] ĠU C 284, tat-12.11.1990, p. 98 u ĠU C 129, ta' l-20.5.1991, p. 93. [3] ĠU C 332, tal-31.12.1990, p. 162. [4] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 3. [5] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 1. [6] ĠU L 263, ta' l-24.9.1983, p. 25. [7] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15. [8] ĠU L 327, tat-3.12.1980, p. 8. --------------------------------------------------