EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991L0226

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Marzu 1991 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw għas-sistemi ta’ soppressjoni ta’ titjir ta’ ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

OJ L 103, 23.4.1991, p. 5–28 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 13 Volume 020 P. 71 - 93
Special edition in Swedish: Chapter 13 Volume 020 P. 71 - 93
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 010 P. 251 - 274
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 010 P. 251 - 274
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 010 P. 251 - 274
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 010 P. 251 - 274
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 010 P. 251 - 274
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 010 P. 251 - 274
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 010 P. 251 - 274
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 010 P. 251 - 274
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 010 P. 251 - 274
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 010 P. 66 - 90
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 010 P. 66 - 90
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 026 P. 111 - 135

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2014; Imħassar b' 32009R0661

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/226/oj

31991L0226



Official Journal L 103 , 23/04/1991 P. 0005 - 0028
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 20 P. 0071
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 20 P. 0071


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-27 ta’ Marzu 1991

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw għas-sistemi ta’ soppressjoni ta’ titjir ta’ ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

(91/226/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Socjali [3],

Billi huwa importanti li jiġu adottati miżuri bl-iskop li jiġi stabbilit progressivament is-suq intern tul perjodu li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa assigurat;

Billi l-ħtiġiet tekniċi li ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom għandhom jissodisfaw skond il-liġijiet nazzjonali jirrelataw, inter alia, mas-sistemi ta’ soppressjoni ta’ titjir ta’ dawn il-vetturi bil-mutur;

Billi dawn il-ħtiġiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor; billi huwa għalhekk neċessarju li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet sabiex, b’mod partikolari, tista’ ssir l-implimentazzjoni għal kull tip ta’ vettura tal-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [4], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 87/403/KEE [5];

Billi, bl-iskop li titjieb is-sigurtà fit-toroq, huwa importanti li l-vetturi kummerċjali kollha fil-kategoriji ta’ piż ogħla u b’ċerta veloċità ddisinjata minima għandu jkollhom sistemi effiċjenti ta’ soppressjoni ta’ titjir sabiex iżommu l-ilma;

Billi huwa mixtieq li jiġi stabbilit test wieħed ta’ prestazzjoni għal sistemi ta’ dan it-tip li jitwaħħlu mat-tipi differenti ta’ vetturi bħala mezz sabiex is-sitwazzjoni titjieb konsiderevolment; billi għall-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent ta’ mezzi ta’ dan it-tip ittieħed kont taż-żewġ tipi ta’ mezzi bħalissa fis-suq, jiġifieri t-tip ta’ assorbiment ta’ l-enerġija u t-tip ta’ separatur bejn arja/ilma; billi kien neċessarju li jiġu previsti żewġ testijiet differenti skond it-tip ta’ mezz li għandu jiġi approvat;

Billi, fid-dawl ta’ l-istudju, r-riċerka u testijiet li għaddejjin fil-preżent, test ta’ prestazzjoni fuq it-tipi ta’ vetturi armati b’dawn il-mezzi jiġi stabbilit malajr kemm jista’ jkun;

Billi l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni lill-fatt li l-formazzjoni tat-titjir jiddependi wkoll fuq il-karatteristiċi tal-wiċċ tat-triq, il-konfigurazzjoni tad-disinn tat-tyre u l-karatteristiċi ta’ veloċità u erodinamiċi tal-vettura;

Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirrigwardaw il-vetturi bil-mutur tinvolvi r-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Memmbri ta’ l-ispezzjonijiet imwettqa minn kull wieħed minnhom abbażi ta’ ħtiġiet komuni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal kwalunkwe tip ta’ mezz, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘mezz ta’ soppressjoni ta’ titjir’, maħsub għat-tnaqqis ta’ titjir minn tyres ta’ vetturi mexjin, jekk jissoddisfa l-ħtiġiet li jirrigwardaw id-disinn u l-ittestjar stabbiliti fl-Anness II u b’kont meħud tad-definizzjonijiet mogħtija fl-Anness I.

2. Stat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jivverifika, sa fejn hu neċessarju u, jekk jkun hemm il-bżonn, f’koperazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra, li l-mudelli ta’ produzzjoni jikkonformaw mat-tip approvat. Għal dan l-iskop l-Istat Membru għandu japplika l-ħtiġiet ta’ l-Anness IV.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom, għal kull mezz ta’ soppressjoni ta’ titjir li japprovaw skond l-Artikolu 1, joħorġu lill-manifattur jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent li tikkonforma mal-mudell fl-Anness II, Appendiċi 3.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jipprevjienu l-użu ta’ marki li x’aktarx jikkreaw konfużjoni bejn mezzi ta’ soppressjoni ta’ titjir li ġew approvati skond l-Artikolu 1 u mezzi oħrajn.

Artikolu 3

L-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojbixxi t-tqiegħid fis-suq ta’ mezzi ta’ soppressjoni ta’ titjir għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni u l-prestazzjoni tagħhom jekk dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent.

Madankollu, din id-disposizzjoni ma għandhiex tipprevjieni lil Stat Membru milli jieħu dawn il-miżuri fir-rigward ta’ mezzi ta’ soppressjoni ta’ titjir li jkollhom il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent li konsistentement ma jikkonformax mat-tip approvat.

L-Istat Membru ikkonċernat għandu immedjatament jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda, filwaqt li jispeċifika r-raġuni għad-deċizjoni tiegħu. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu --5 għandhom japplikaw ukoll.

Il-mezzi għandhom jitqiesu bħala li ma jikkonformawx mat-tip approvat, fis-sens tat-tieni paragrafu, jekk il-ħtiġiet ta’ l-Anness II ma jkunux ġew osservati.

Artikolu 4

L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom, fi żmien xahar, jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra kopji taċ-ċertifikati ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent maħruġa għal kull tip ta’ mezz ta’ soppressjoni ta’ titjir li huma japprovaw jew jirrifjutaw li japprovaw.

Artikolu 5

1. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ xi Stat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent isibu li l-mezzi ta’ soppressjoni ta’ titjir akkompanjati minn ċertifikati ta’ konformità għal tip wieħed ma jikkonformawx mat-tip approvat minn dak l-Istat Membru, huma għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-konformità ta’ mudelli ta’ produzzjoni għat-tip approvat tiġi rrestitwita. Għandhom javżaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra bil-miżuri meħuda, li jistgħu jestendu sa l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent.

L-awtoritajiet imsemmija għandhom jieħdu l-istess miżuri jekk jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor b‘dan in-nuqqas ta’ konformità.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom, fi żmien xahar, jinformaw lil xulxin bl-irtirar ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent, billi jibagħtu kopja taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ komponent, iffirmata u ddatata u li jkollha b’ittri kbar il-kliem ‘APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KEE IRTIRATA’, filwaqt li ġġib ir-raġunijiet għal din il-miżura.

3. Jekk Stat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent jikkontesta l-allegat nuqqas ta’ konformità, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jippruvaw isolvu n-nuqqas ta’ ftehim. Il-Kummissjoni għandha tinżamm informata. Meta neċessarju, għandha tirranġa diskussjonijiet xierqa bl-iskop li jaslu għal soluzzjoni.

Artikolu 6

Kull deċiżjoni meħuda skond id-disposizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għal ċaħda jew irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal mezzi ta’ soppressjoni tat-titjir jew li tipprojbixxi t-tqiegħid fis-suq jew l-użu tagħhom għandha tistabbilixxi fid-dettal ir-raġuni li fuqha ġiet ibbażata. Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-parti kkonċernata, li fl-istess ħin għandha tiġi informata bir-rimedji disponibbli lilha skond il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri u bil-limiti ta’ żmien stabbiliti sabiex tagħmel użu minn dawn ir-rimedji.

Artikolu 7

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, "vettura" tfisser kull vettura bil-mutur fil-kategorija N u kull karru fil-kategorija O kif definit fl-Anness I mad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 8

Ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal vetturi, jew jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, it-tqegħid fis-servizz jew l-użu tagħhom għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sistema tagħhom ta’ soppressjoni ta’ titjir jekk dawn huma armati skond il-ħtiġiet ta’ l-Anness III u jekk il-mezzi ta’ soppressjoni tat-titjir li bih il-vetturi huma armati għandhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent.

Artikolu 9

Kwalunkwe emenda neċessarja sabiex jiġu addattati l-ħtiġiet ta’ l-Annessi għal din id-Direttiva sabiex jittieħed kont ta’ progress tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-disposizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-10 ta’ April 1992. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw id-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

3. Meta l-Istati Membri jadottaw id-disposizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Marzu 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Goebbels

[1] ĠU C 203, ta’ l-14.8.1990, pġ. 16.

[2] ĠU C 96, tas-17.4.1990, pġ. 92 u id-Deċizjoni tat-13 ta’ Marzu 1991 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 62, tat-12.3.1990, pġ. 2.

[4] ĠU Nr L 42, tat-23.2.1970, pġ. 1.

[5] ĠU Nr L 220, tat-8.8.1987, pġ. 44.

--------------------------------------------------

LISTA TA’ L-ANNESSI

ANNESS I: | Definizzjonijiet |

Appendiċi 1: | Testijiet fuq mezzi ta’ soppressjoni tat-titjir tat-tip li jassorbi l-enerġija |

Appendiċi 2: | Testijiet fuq mezzi ta’ soppressjoni tat-titjir tat-tip li jissepara l-arja/l-ilma |

Appendiċi 3: | Mudell għal marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

Appendiċi 4: | Mudell għaċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

|

Appendiċi: | l-Anness għaċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE fir-rigward ta’ tip ta’ vettura f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-armar ta’ sistemi ta’ soppressjoni ta’ titjir. |

|

ANNESS IV: | Konformità ta’ produzzjoni Waqfien mill- Ċessjoni ta’ produzzjoni |

ĊIFRI: | (1 sa 9) |

--------------------------------------------------

Top