31989L0336



Official Journal L 139 , 23/05/1989 P. 0019 - 0026
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 18 P. 0241
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 18 P. 0241


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-3 ta’ Mejju 1989

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-kompatibbiltà elettromanjetika

(89/336/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3],

Billi jeħtieġ li jkunu adottati miżuri bil-għan li jistabbilixxu b’mod progressiv is-suq intern tul perjodu li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern hu magħmul minn żona mingħajr fruntieri li fiha hu żgurat il-moviment ħieles tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital;

Billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jipprovdu protezzjoni adegwata għall-komunikazzjonijiet bir-radju u l-mezzi, l-apparat u s-sistemi li l-prestazzjoni tagħhom tista’ tiġi degradata minħabba interferenza elettromanjetika kkawżata minn apparat elettriku u elettroniku kontra d-degradazzjoni ikkawżata minn din l-interferenza;

Billi l-Istati Membri huma wkoll responsabbli biex jiżguraw li n-networks tad-distribuzzjoni ta’ l-enerġija elettrika huma mħarsa minn interferenzi elettromanjetiċi li jistgħu jaffettwawhom u, minħabba f’hekk, it-tagħmir li jkun sostnut minnhom;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 86/361/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-istadju inizjali tar-rikonoxximent tat-tip ta’ approvazzjoni ta’ l-apparat tat-terminal tat-telekomunikazzjonijiet [4] tkopri b’mod partikulari s-sinjali li joħorġu minn dak l-apparat meta jkun qed jaħdem sew u l-ħarsien tan-networks tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi minn ħsarat; billi għadu għalhekk meħtieġ li jkun hemm ħarsien biżżejjed għal dawn in-networks, inkluż l-apparat imqabbad magħhom kontra l-interferenzi temporanji kkawżati minn sinjali tat-tip aċċidentali li jistgħu joħorġu minn dan l-apparat;

Billi f’xi Stati Membri, dispożizzjonijiet obbligatorji jfissru b’mod partikulari l-livelli ta’ interferenzi elettromanjetiċi permissibbli li dan l-apparat x’aktarx jikkawża u l-livell ta’ immunità minn dawk is-sinjali; billi dawn id-dispożizzjonijiet obbligatorji mhux neċessarjament iwasslu għal-livelli differenti ta’ protezzjoni minn Stat Membru għall-ieħor iżda minħabba d-differenzi tagħhom, ifixklu l-kummerċ fil-Komunità;

Billi l-provvedimenti nazzjonali li jiżguraw li hemm dik il-protezzjoni għandhom jiġu armonizzati biex jiggarantixxu l-moviment liberu ta’ l-apparat elettriku u elettroniku mingħajr ma jbaxxu l-livelli eżistenti u ġustifikati ta’ protezzjoni fl-Istati Membri;

Billi l-leġislazzjoni tal-Komunità kif qiegħda bħalissa tara li, minkejja li waħda mir-regoli fundamentali tal-Komunità, jiġifieri il-moviment liberu tal-merkanzija, l-ostakli għall-kummerċ intra-Komunitarju li ġej mid-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar it-tqegħid ta’ prodotti jridu jkunu aċċettati sakemm dawk il-provvedimenti jistgħu jitqiesu neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali; billi l-armonizzazzjoni tal-liġijiet fil-każ imsemmi għandha għalhekk tkun limitata għal dawk il-provvedimenti meħtieġa biex jaqblu mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika; billi dawn il-ħtiġiet għandhom jieħdu post il-provvedimenti nazzjonali korrispondenti;

Billi din id-Direttiva għalhekk tiddefinixxi biss il-ħtiġiet ta’ protezzjoni marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika; billi, sabiex jiffaċilitaw il-prova ta’ konformità ma’ dawn il-ħtiġiet, jeħtieġ li jkun hemm standards armonizzati fuq livell Ewropew li jolqtu l-kompatibbiltà elettromanjetika, sabiex il-prodotti li jikkonformaw magħhom ikunu jistgħu jitqiesu li jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni; billi dawn l-istandards armonizzati fuq livell Ewropew huma mfassla minn korpi privati u għandhom jibqgħu testi li ma jorbtux; billi għal dak il-għan il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) huwa meqjus bħala l-korp kompetenti fil-qasam ta’ din id-Direttiva biex jadotta l-istandards armonizzati bi qbil mal-linji-gwida ġenerali għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u CENELEC iffirmati fit-13 ta’ Novembru 1984; billi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, standard armonizzat huwa speċifikazzjoni teknika (standard Ewropew jew dokument li jarmonizza) adottat mis-CENELEC fuq mandat mill-Kummissjoni skond il-provvedimenti tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards tekniċi u r-regolamenti [5], kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 88/182/KEE [6], u skond il-linji-gwida ġenerali msemmija hawn fuq;

Billi, sakemm jiġu adottati l-istandards armonizzati għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-moviment liberu tal-merkanzija jrid ikunu iffaċilitat billi jkun aċċettat, bħala miżura transitorja, fuq livell tal-Komunità, apparat li huwa konformi ma’ l-istandards nazzjonali adottati, skond il-proċedura ta’ spezzjoni tal-Komunità li tiżgura li dawk l-istandards nazzjonali jilħqu l-iskopijiet ta’ ħarsien ta’ din id-Direttiva;

Billi d-dikjarazzjoni ta l-KE tal-konformità rigward l-apparat tikkostitwixxi presunzjoni li huwa konformi ma’ din id-Direttiva; billi din id-dikjarazzjoni jrid ikollha l-iktar forma sempliċi possibbli;

Billi, għall-apparat kopert bid-Direttiva 86/361/KEE, sabiex tinkiseb protezzjoni effiċjenti rigward il-kompatibbiltà elettromanjetika, il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandha, madankollu, tkun ċertifikata permezz ta’ marki jew ċertifikati ta’ konformità maħruġa minn korpi nnotifikati mill-Istati Membri; billi, biex jiġi iffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tal-marki u ta’ ċertifikati maħruġa minn dawn il-korpi, il-kriterji li għandhom jitqiesu biex jinnominawhom għandhom ikunu armonizzati;

Billi minkejja kollox hu possibbli li l-apparat jista’ jtellef in-networks tal-komunikazzjonijiet tar-radju u tat-telekomunikazzjonijiet; billi jrid għalhekk ikun hemm provvediment għal proċedura biex tnaqqas dan il-periklu;

Billi din id-Direttiva tgħodd għal apparat u tagħmir u kopert bid-Direttivi 76/889/KEE [7] u 76/890/KEE [8] relatati ma’ l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-interferenzi tar-radju kkawżati minn apparat ta’ l-elettriku tad-dar, għodda li jinġarru u tagħmir simili u ż-żamma ta’ interferenzi tar-radju fir-rigward ta’ lampi tad-dawl florexenti bl-istarters; billi dawk id-Direttivi għandhom għalhekk jitħassru,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1. "apparat" ifisser t-tagħmir kollu elettriku u elettroniku flimkien ma’ l-apparat u l-installazzjonijiet li fihom komponenti elettriċi u/jew elettroniċi.

2. "interferenzi elettromanjetiċi" ifissru kwalunkwe fenomenu elettromanjetiku li jista’ jiddegrada il-ħidma ta’ apparat, unità ta’ apparat jew sistema. Interferenza elettromanjetika tista’ tkun ħoss elettromanjetiku, sinjal mhux mixtieq jew bidla fil-mezz ta’ propagazzjoni innifsu.

3. "immunità" tfisser l-abbiltà ta’ l-apparat, l-unità ta’ apparat jew sistema biex jaħdem mingħajr degradazzjoni fil-kwalità fil-preżenza ta’ interferenzi elettromanjetiċi.

4. "kompatibbiltà elettromanjetika" tfisser l-abbiltà ta’ l-apparat, unità ta’ apparat jew sistema biex jaħdem b’mod soddisfaċenti fl-ambjent elettromanjetiku tiegħu mingħajr ma jkun hemm interferenzi elettromanjetiċi intollerabbli għal kwalunkwe ħaġa f’dak l-ambjent.

5. "korp kompetenti" jfisser kwalunkwe korp li jilħaq il-kriterji mniżżla fl-Anness II u huwa meqjus hekk.

6. "ċertifikat tat-tip ta’ eżami tal-KE" huwa dokument li fih korp notifikat imsemmi fl-Artikolu 10(6) jiċċertifika li t-tip ta’ apparat eżaminat jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jikkonċernawh.

L-Artikolu 2

1. Din id-Direttiva tgħodd għall-apparat li x’aktarx jista’ jikkawża interferenzi elettromanjetiċi jew li l-prestazzjoni tiegħu x’aktarx tkun affetwata minn dik l-interferenza.

Hi tiddefinixxi l-ħtiġiet ta’ protezzjoni u l-proċeduri ta’ spezzjoni marbuta miegħu.

2. Sakemm il-ħtiġiet ta’ protezzjoni speċifikati f’din id-Direttiva huma armonizzati, fil-każ ta’ ċertu apparat, minn Direttivi speċifiċi, din id-Direttiva mhix se tgħodd jew għandha tieqaf milli tgħodd għal dak l-apparat jew il-ħtiġiet ta’ protezzjoni meta jidħlu fis-seħħ dawk id-Direttivi speċifiċi.

3. Apparat tar-radju użati minn dilettanti tar-radju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1, definizzjoni 53, tar-regolamenti tar-radju fil-Konvenzjoni tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali, għandu jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sakemm l-apparat ma jkunx disponibbli b’mod kummerċjali.

L-Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-apparat kif imsemmi fl-Artikolu 2 jista’ jitqiegħed fis-suq jew jiddaħħal fis-servizz biss jekk jikkonforma mal-ħtiġiet stabbiliti minn din id-Direttiva meta jkun imwaħħal u miżmum sew u meta jintuża’ għall-iskopijiet li hu maħsub għalihom.

L-Artikolu 4

L-apparat imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jkun mibni b’tali mod li:

(a) l-interferenzi elettromanjetiċi li joħloq ma jaqbżux livell li jħalli lill-apparat tar-radju u tat-telekomunikazzjoni u apparat ieħor biex jaħdem kif hu intenzjonat;

(b) l-apparat ikollu livell adegwat ta’ immunità intrinsika minn interferenzi elettromanjetiċi sabiex ikun jista’ jaħdem kif hu intenzjonat.

Il-ħtiġiet ewlenin ta’ protezzjoni huma mogħtija fl-Anness III.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri m’għandhomx jimpedixxu minħabba raġunijiet marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika t-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz fuq it-territorju tagħhom ta’ apparat kopert b’din id-Direttiva li jissodisfa l-ħtiġiet tagħha.

L-Artikolu 6

1. Il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux iżommu l-applikazzjoni fi kwalunkwe Stat Membru ta’ dawn il-miżuri speċjali li ġejjin:

(a) miżuri rigward id-dħul fis-servizz u l-użu ta’ apparat meħuda f’sit speċifiku sabiex jelimina problema ta’ kompatibbiltà elettromanjetika eżistenti jew prevedibbli;

(b) miżuri rigward l-installazzjoni ta’ l-apparat meħuda sabiex jipproteġu n-networks tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi jew l-istazzjonijiet li jirċievu jew jittrażmettu użati għal skopijiet ta’ sigurtà.

2. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 83/189/KEE, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri speċjali meħuda skond il-paragrafu 1.

3. Miżuri speċjali li tqiesu bħala ġustifikati għandhom ikunu miġbura f’avviż apposta magħmul mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jippresumu li hemm konformità mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4 fil-każ ta’ l-apparat li hu konformi;

(a) ma’ l-istandards nazzjonali relevanti li jwettqu t-trasposizzjoni ta’ l-istandards armonizzati, li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw in-numri tar-referenza ta’ dawk l-istandards nazzjonali;

(b) jew ma’ l-istandards relevanti nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 sakemm, fl-oqsma koperti b’dawk l-istandards, ma jeżistux standards armonizzati.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar it-testi ta’ l-istandards nazzjonali tagħhom, kif imsemmija fil-paragrafu 1(b), li huma jqisu li jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dawn it-testi mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2), hi għandha tgħarraf lill-Istati Membri b’dawk l-istandards nazzjonali li fir-rigward tagħhom hemm presunzjoni ta’ konformità mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw in-numri tar-referenza ta’ dawk l-istandards. Il-Kummissjoni għandha tippubblikahom ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. L-Istati Membri għandhom jaċċettaw li fejn il-fabbrikant ma applikax, jew applika parti biss, l-istandards imsemmija fil-paragrafu 1, jew fejn ma jeżistux dawk l-istandards, l-apparat għandu jkun meqjus li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ protezzjoni li ġew ċertifikati bil-mezzi ta’ attestazzjoni stipulati fl-Artikolu 10(2).

L-Artikolu 8

1. F’każ li xi Stat Membru jew il-Kummissjoni tqis li l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 7(1)(a) ma jissodisfawx għal kollox il-ħtiġiet imsemmija fl-Artikolu 4, l-Istat Membru konċernat jew il-Kummissjoni għandha tirreferi l-każ lill-Kumitat Permanenti stabbilit skond id-Direttiva 83/189/KEE, ’l quddiem magħruf bħala "l-Kumitat", u tagħti r-raġunijiet tagħha għal dan. Il-Kumitat għandu jagħti opinjoni mingħajr dewmien.

Wara li tirċievi l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kemm jista’ jkun malajr dwar jekk hux meħtieġ li l-istandards konċernati jew parti minnhom għandhomx jiġu rtirati mill-pubblikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a).

2. Meta tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 7(2), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Kumitat. Meta tirċievi l-opinjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kemm jista’ jkun malajr jekk l-istandard nazzjonali msemmi għandux igawdi mill-presunzjoni ta’ konformità u, jekk iva, li r-referenzi tiegħu jkunu pubblikati b’mod nazzjonali.

Jekk il-Kummissjoni jew xi Stat Membru jqis li l-istandard nazzjonali ma jissodisfax aktar il-kondizzjonijiet meħtieġa dwar il-presunzjoni ta’ konformità mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni imsemmija fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Kumitat, li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu mingħajr dewmien. Meta tirċievi l-opinjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kemm jista’ jkun malajr jekk l-istandard nazzjonali inkwistjoni għandux ikompli jgawdi mill-presunzjoni ta’ konformità u, jekk le, li għandu jkun irtirat kollu jew f’parti minnu mill-pubblikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2).

L-Artikolu 9

1. Meta Stat Membru jiżgura li l-apparat li jkollu miegħu wieħed mill-mezzi ta’ attestazzjoni imsemmi fl-Artikolu 10 mhux konformi mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4, hu jrid jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirtira l-apparat mis-suq, jipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq jew jirristrinġi ċ-ċaqliq ħieles tiegħu.

L-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura ta’ dan it-tip, u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, u, b’mod partikulari, jekk in-nuqqas ta’ konformità kienx ġej minn:

(a) nuqqas biex jilħqu l-ħtiġiet ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4, jekk l-apparat ma jilħaqx l-istandards imsemmija fl-Artikolu 7(1);

(b) applikazzjoni ħażina ta’ l-istandards imsemmija fl-Artikolu 7(1);

(ċ) nuqqasijiet fl-istandards imsemmija fl-Artikolu 7(1) infushom.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet konċernati kemm jista’ jkun malajr. Jekk il-Kummissjoni ssib li, wara dawk il-konsultazzjonijiet, li l-azzjoni hi ġustifikata, hi għandha minnufih tgħarraf lill-Istat Membru li jkun ħa l-azzjoni kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra.

F’każ li d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 hi attribwita lil xi nuqqasijiet fl-istandards, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-partijiet, għandha tressaq il-każ quddiem il-Kumitat fi żmien xahrejn jekk l-Istat Membru li jkun ħa l-miżuri jkun beħsiebu jżommhom,u għandha tibda l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 8.

3. F’każ li l-apparat ma jkunx konformi jkollu miegħu wieħed mill-mezzi ta’ attestazzjoni imsemmija fl-Artikolu 10, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-azzjoni xierqa kontra l-awtur ta’ l-attestazzjoni u jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jkunu infurmati dwar il-progress u r-riżultat ta’ din il-proċedura.

L-Artikolu 10

1. Fil-każ ta’ l-apparat li għalih il-fabbrikant applika l-istandards imsemmija fl-Artikolu 7(1), il-konformità ta’ l-apparat ma’ din id-Direttiva għandu jkun ċertifikat minn dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE maħruġa mill-fabbrikant jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità. Id-dikjarazzjoni għandha tinżamm għad-dispożizzjoni ta’ l-awtorità kompetenti għal għaxar snin wara t-tqegħid fis-suq ta’ l-apparat.

Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jrid iwaħħal ukoll il-marka ta’ konformità tal-KE ma’ l-apparat jew inkella ma’ l-imballaġġ, l-istruzzjonijiet għall-użu jew iċ-ċertifikat ta’ garanzija.

Fejn la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu m’huma stabbiliti fil-Komunità, l-obbligu ta’ hawn fuq li żżomm id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE disponibbli għandu jaqa’ fuq dak li jqiegħed l-apparat fis-suq tal-Komunità.

Il-provvedimenti li jirregolaw id-dikjarazzjoni tal-KE u l-marka tal-KE huma mogħtija fl-Anness I.

2. Fil-każ ta’ apparat li għalih il-fabbrikant ma applikax, jew applika parzjalment, l-istandards imsemmija fl-Artikolu 7(1) jew jekk fin-nuqqas ta’ dawk l-istandards, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu jżomm disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti relevanti, hekk kif l-apparat jitqiegħed fis-suq, fajl tekniku tal- kostruzzjoni. Dan il-fajl għandu jiddeskrivi l-apparat, jistabbilixxi l-proċeduri użati biex tiġi żgurata l-konformità ta’ l-apparat mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4 u jinkludi rapport tekniku jew ċertifikat, wieħed jew l-ieħor miksub mingħand il-korp kompetenti.

Il-fajl għandu jinżamm għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti għal għaxar snin wara t-tqegħid fis-suq ta’ l-apparat.

Fejn la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu m’huma stabbiliti fil-Komunità, l-obbligu ta’ hawn fuq li jinżamm fajl tekniku disponibbli għandu jaqa’ fuq dak li jqiegħed l-apparat fis-suq tal-Komunità.

Il-konformità ta’ l-apparat ma’ dak deskritt fil-fajl tekniku għandu jkun ċertifikat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1.

L-Istati Membri għandhom jippresumu, skond il-provvedimenti ta’ dan il-paragrafu, li dak l-apparat jilħaq il-ħtiġiet ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4.

3. F’każ li l-istandards imsemmija fl-Artikolu 7(1) għadhom ma jeżistux, u mingħajr preġudizzju għall-provvedimenti tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-apparat konċernat jista’, fuq bażi transitorja sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992, jibqa’ jkun regolat mill-ftehim nazzjonali li hemm fis-seħħ dakinhar ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, skond il-kompatibbiltà ta’ dak il-ftehim mal-provvedimenti tat-Trattat.

4. Il-konformità ta’ l-apparat kopert minn l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 86/361/KEE mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandha tkun ċertifikata skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 la darba l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jkun kiseb ċertifikat tat-tip ta’ l-eżami tal-KE rigward dan l-apparat maħruġ minn wieħed mill-korpi notifikati msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

5. Il-konformità ta’ l-apparat maħsub għat-trasmissjoni tal-komunikazzjonijiet tar-radju, kif imfissra fil-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ l-Unjoni tat-Telekomunikazzjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandha tkun ċertifikata skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 la darba l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jkun kiseb ċertifikat tat-tip ta’ l-eżami tal-KE rigward dan l-apparat maħruġ minn wieħed mill-korpi notifikati msemmija fil-paragrafu 6 hawn taħt.

Dan il-provvediment m’għandux jgħodd għall-apparat ta’ hawn fuq meta hu ddisinjat u maħsub esklussivament għad-dilettanti tar-radju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(3).

6. Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan l-Artikolu u bil-korpi responsabbli biex joħorġu ċ-ċertifikati tat-tip ta’ eżami tal-KE msemmija fil-paragrafi 4 u 5. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ dawk l-awtoritajiet u l-korpi, għal skopijiet ta’ informazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandha tiżgura li l-lista hi aġġornata.

Dik in-notifika għandha tindika jekk dawk il-korpi humiex kompetenti għall-apparat kollu kopert b’din id-Direttiva jew jekk ir-responsabbiltà tagħhom hiex limitata għal ċerti setturi speċifiċi.

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji mniżżla fl-Anness II għall-valutazzjoni tal-korpi li għandhom jiġu notifikati.

Il-korpi li jaqblu mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti mill-istandards armonizzati relevanti għandhom jitqiesu li jaqblu mal-kriterji msemmija qabel.

Stat Membru li nnotifika korp għandu jirtira l-approvazzjoni jekk isib li dak il-korp ma baqax jilħaq aktar il-kriterji msemmija fl-Anness II. Hu għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra minnufih dwar dan.

L-Artikolu 11

Id-Direttiva 76/889/KEE u d-Direttiva 76/890/KEE għandhom jitħassru mill-1 ta’ Jannar 1992.

L-Artikolu 12

1. Sa l-1 ta’ Lulju 1991, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u l-provvedimenti amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Huma għandhom japplikaw dawn il-provvedimenti mill-1 ta’ Jannar 1992.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar it-testi tal-provvedimenti tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-3 ta’ Mejju 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Solbes

[1] ĠU C 322, tat-2.12.1987, p. 4.

[2] ĠU C 262, ta’ l-10.10.1988, p. 82, u ĠU C 69, ta’ l-20.3.1989, p. 72.

[3] ĠU C 134, ta’ l-24.5.1988, p. 2.

[4] ĠU L 217, tal-5.8.1986, p. 21.

[5] ĠU L 109, tas-26.4.1983 p. 8.

[6] ĠU L 81, tas-26.3.1988, p. 75.

[7] ĠU L 336, ta’ l-4.12.1976, p. 1.

[8] ĠU L 336, ta’ l-4.12.1976, p. 22.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

1. Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE

Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE għandu jkun fiha dan li ġej:

- deskrizzjoni ta’ l-apparat li tirreferi għalih,

- referenza għall-ispeċifikazzjonijiet li skondhom hija dikjarata il-konformità, u, fejn jixraq, għall-miżuri nazzjonali implimentati biex jiżguraw il-konformità ta’ l-apparat mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva,

- identifikazzjoni tal-firmatarju li ngħata s-setgħa biex jorbot lill-fabbrikant jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu,

- fejn jixraq, referenza għaċ-ċertifikat tat-tip ta’ eżami tal-KE maħruġ minn korp notifikat.

2. Marka ta’ konformità tal-KE

- Il-marka ta’ konformità tal-KE għandha tkun magħmula mill-ittri CE kif jidher hawn taħt u ċ-ċifri tas-sena li fiha twaħħlet il-marka.

+++++ TIFF +++++

- Din il-marka għandha, fejn jixraq, ikollha magħha l-ittri distintivi użati mill-korp notifikat li joħroġ iċ-ċertifikat tat-tip ta’ eżami tal-KE.

- F’każ li l-apparat huwa s-suġġett ta’ Direttivi oħra li jipprovdu għall-marka ta’ konformità tal-KE, it-twaħħil tal-marka tal-KE għandu jindika wkoll il-konformità mal-ħtiġiet relevanti ta’ dawk id-Direttivi l-oħra.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Kriterji biex jiġu valutati l-korpi li għandhom jiġu nnotifikati

Il-korpi nnominati mill-Istati Membri għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet minimi li ġejjin:

1. disponibbiltà ta’ persunal u tal-mezzi u l-apparat meħtieġ;

2. kompetenza teknika u integrità professjonali tal-persunal;

3. indipendenza, waqt it-twettiq tat-testijiet, il-preparament ta’rapporti, il-ħruġ taċ-ċertifikati u t-twettiq tal-funzjoni ta’ verifika msemmija f’din id-Direttiva, ta’ l-istaff u tal-persunal tekniku fir-rigward taċ-ċirki kollha, il-gruppi jew persuni direttament jew indirettament marbuta mal-prodotti msemmija;

4. żamma tas-sigriet professjonali mill-persunal;

5. pussess ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili sakemm dik ir-responsabbiltà ma tkunx koperta mill-Istat skond il-liġi nazzjonali.

Is-sodisfazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-punti 1 u 2 għandu jkun verifikat f’intervalli mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

Lista illustrattiva tal-ħtiġiet ta’ protezzjoni ewlenija

L-interferenza elettromanjetika massima maħluqa mill-apparat għandha tkun tali li ma ttellifx l-użu b’mod partikulari ta’ l-apparat li ġej:

(a) riċevituri tar-radju domestiku u tat-televixin

(b) apparat ta’ fabbrikazzjoni industrijali

(ċ) apparat tar-radju mobbli

(d) apparat tar-radju u tar-radjutelefon kummerċjali

(e) apparat mediku u xjentifiku

(f) apparat ta’ l-informazzjoni teknoloġika

(g) tagħmir domestiku u apparat elettroniku tad-dar

(h) apparat tar-radju aeronawtiku u tal-baħar

(i) apparat edukattiv elettroniku

(j) apparat u networks tat-telekomunikazzjonijiet

(k) trasmettituri għax-xandir tar-radju u tat-televixin

(l) lampi u dwal florexenti.

Apparat, u speċjalment l-apparat imsemmi f’(a) sa (l), għandu jkun magħmul b’tali mod li jkollu livell adegwat ta’ immunità elettromanjetika fl-ambjent normali ta’ kompatibbiltà elettromanjetika fejn l-apparat hu maħsub biex jaħdem sabiex ikun jista’ jaħdem mingħajr xkiel billi jitqiesu l-livelli ta’ interferenza kkawżati mill-apparat li hu konformi ma’ l-istandards stabbiliti fl-Artikolu 7.

L-informazzjoni meħtieġa biex tiżgura l-użu skond l-għan maħsub ta’ l-apparat għandha tinstab fl-istruzzjonijiet li jkun hemm ma’ l-apparat.

--------------------------------------------------