Official Journal L 040 , 11/02/1989 P. 0038 - 0044
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0207
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0207
Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel (89/109/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [2]; Billi d-Direttiva tal-Kunsill 76/893/KEE tat-23 ta’ Novembru 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel [3], kif emendata l-aħħar bl-att ta’ l-Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall [4], ġiet kemm-il darba emendata sostanzjalment; billi meta jsiru l-emendi l-ġodda għad-Direttiva msemmija, trid tittieħed l-opportunità biex jiġu kkonsolidati l-provvedimenti tat-testi relevanti eżistenti bil-għan li tkun żgurata ċ-ċarezza legali; Billi d-Direttiva 76/893/KEE ġiet adottata fuq il-bażi li d-differenzi li eżistew dak iż-żmien bejn il-liġijiet nazzjonali dwar il-materjali u l-oġġetti msemmija qabel fixklu l-moviment liberu tagħhom, setgħu joħolqu kondizzjonijiet mhux ugwali għall-kompetizzjoni u għalhekk setgħu affettwaw direttament it-twaqqif jew it-tħaddim tas-suq komuni; Billi dawk il-liġijiet kellhom jiġu approssimati jekk ried jinkiseb il-moviment liberu għall-materjali u l-oġġetti msemmija qabel, billi jittieħed kont primarjament tal-ħtiġijiet tas-saħħa tal-bniedem iżda ukoll, fi ħdan il-limiti meħtieġa għall-ħarsien tal-bżonnijiet tas-saħħa, ta’ l-ekonomija u tat-teknoloġija; Billi l-metodu magħżul kellu jistabbilixxi, l-ewwelnett, fi struttura ta’ direttiva, prinċipji ġenerali li fuq il-bażi tagħhom id-differenzi legali bejn ċerti gruppi ta’ materjali u oġġetti kienu ġew u setgħu jussegwentement jiġu eliminati permezz ta’ direttivi speċifiċi; billi dan il-metodu ġie ppruvat u għalhekk għandu jinżamm; Billi s-sustanzi li jgħattu jew li jiksu, li kollha kemm huma jew parti minnhom jifformaw parti minn oġġetti ta’ l-ikel, ma setgħux jiġu meqjusa bala sempliċiment f’kuntatt ma’ dawn l-oġġetti ta’ l-ikel; billi, f’dak il-każ, għamdu jittieħed kont tal-konsum dirett possibbli mill-konsumaturi; billi r-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva huma għalhekk inapproprjati f’dawn iċ-ċirkostanzi; Billi l-prinċipju li fuqu hi bbażata din id-Direttiva għandu jkun li kull materjal jew oġġett maħsub li jiġi f’kuntatt kemm jekk direttament kif ukoll jekk indirettament ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel, għandu jkun suffiċjentement stabbli biex ma jiġux trasferiti sustanzi għall-oġġetti ta’ l-ikel f’ammonti li jistgħu jipperikolaw saħħet il-bniedem jew joħolqu bidla inaċċettabbli fil-komposizzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew xi deterjorament fil-propjetajiet organoleptiċi tagħhom; Billi, sabiex jintlaħaq dan il-għan, jista’ jkun neċessarju li jiġu stabbiliti tipi differenti ta’ limitazzjonijiet, waħedhom jew jekk mgħaqqda jew mħallta; billi hu approprjat li jiġu miżmuma f’direttivi speċifiċi dawk il-limitazzjonijiet li huma l-iżjed approprjati għal fini mixtieqa, billi jittieħed kont tal-karatteristiċi teknoloġiċi tiġiċi ta’ kull grupp ta’ materjali u oġġetti; Billi, sabiex ikun jista’ jsir użu infurmat tal-materjali u l-oġġetti, għandu jkun hemm tikkettjar approprjat; billi l-metodi użati għal dan it-tikkettjar jistgħu ivarjaw skond min ikun qed jużahom; Billi din id-Direttiva ma tapplikax għat-tiketti ta’ prodotti li, minħabba l-effett tagħhom fil-preżenza ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, m’għandhomx ikunu ddisinjati biex jiġu f’kuntatt jew ikunu f’kuntatt magħhom; Billi l-abbozz ta’ direttivi speċifiċi li jimplimentaw l-prinċipji bażiċi u ta’ l-emendi tagħhom jirriżultaw f’miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni; billi, sabiex tiġi ssimplifikata u mħaffa l-proċedura, l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri għandha tiġi f’data f’idejn il-Kummissjoni; Billi l-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 74/234/KEE [5], għandu jiġi mitlub l-opinjoni tiegħu qabel ma jiġu adottati dispożizzjonijiet taħt direttivi speċifiċi li jistgħu jaffettwaw is-saħħa; Billi, hu mixtieq li fil-każijiet kollha fejn il-Kunsill jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex timplimenta regoli dwar l-oġġetti ta’ l-ikel, għandu jkun hemm provvediment għal proċedura li tistabbilixxi koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti għall-Oġġetti ta’ l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 69/414/KEE [6], ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-materjal u l-oġġetti li, fl-istat komplut tagħhom, huma maħsuba li jiġu f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew li jinġiebu f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel u li huma maħsuba għal dak il-għan, hawn iżjed il-quddiem imsejħa "materjal u oġġetti". Sustanzi li jgħattu (covering substance) jew jiksu, bħal ma huma s-sustanzi li jgħattu l-qxur tal-ġobon, il-prodotti ppreparati tal-laħam jew tal-frott, u li jagħmlu parti minn oġġetti ta’ l-ikel u li jistgħu jiġu kkonsmati flimkien ma’ dawk l-oġġetti ta’ l-ikel, m’għandhomx ikunu soġġetti għal din id-Direttiva. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għal materjali u oġġetti li huma f’kuntatt ma’ l-ilma li hu ddestinat għall-konsum mill-bnedmin. M’għandiex, madankollu, tapplika għal tagħmir pubbliku jew privat li jforni l-ilma. 3. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-antikitajiet. L-Artikolu 2 Il-materjal u l-oġġetti għandhom jiġu manifatturati skond il-prattika tajba tal-manifattura sabiex, taħt il-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom normali jew prevedibbli, ma jittrasferixxux il-kostitwenti tagħhom lill-oġġetti ta’ l-ikel u kwantitajiet li jistgħu: - jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem, - iġibu bidla inaċċettabbli fil-komposizzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew deterjorament tal-karatteristiċi organolettiċi tagħhom. L-Artikolu 3 1. Il-gruppi ta’ materjali u oġġetti elenkati fl-Anness I u, fejn jixraq, it-tagħqid u taħlit flimkien ta’ dawk il-materjali u l-oġġetti għandhom ikunu soġġetti għal direttivi speċifiċi. 2. Id-direttivi speċifiċi, inklużi l-emendi għad-direttivi speċifiċi eżistenti, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8. 3. Id-direttivi speċifiċi jistgħu jinkludu: (a) lista tas-sustanzi li l-użu tagħhom hu awtorizzat bl-esklużjoni ta’ l-oħrajn kollha (lista pożittiva); (b) standards ta’ purità għal dawk is-sustanzi; (ċ) kondizzjonijiet speċjali għall-użu ta’ dawn is-sustanzi u/jew il-materjali u l-oġġetti li fihom jintużaw; (d) limiti speċifiċi dwar it-trasferiment ta’ ċerti komponenti jew gruppi ta’ komponenti ġewwa jew fuq l-oġġetti ta’ l-ikel; (e) limitu fuq kollox tat-trasferiment tal-komponenti ġewwa jew fuq l-oġġetti ta’ l-ikel; (f) jekk neċessarju, dispożizzjonijiet maħsuba biex iħarsu is-saħħa tal-bniedem minn xi perikli li jistgħu jinqalgħu permezz tal-kuntatt mill-ħalq mal-materjali u l-oġġetti; (g) regoli oħra sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ l-Artikolu 2; (h) ir-regoli bażiċi meħtieġa biex tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punti (d), (e), (f) u (g); (i) regoli ddettaljati li jirrigwardaw t-teħid ta’ kampjuni u l-metodi ta’ l-analiżi meħtieġa biex tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punti (a) sa (g). Id-dispożizzjonijiet li jista’ jkollhom effett fuq is-saħħa pubblika għandhom jiġu adottati biss wara li tkun saret konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku għall-ikel. Dawn għandhom jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness II. L-Artikolu 4 1. Minkejja l-Artikolu 3, Stat Membru jista’, fejn tkun ġiet imħejjija lista tas-sustanzi skond il-paragrafu 3(a) ta’ dak l-Artikolu, jawtorizza l-użu ġewwa t-territorju tiegħu l-użu ta’ sustanza li mhix inkluża fil-lista, sakemm jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin: (a) l-awtorizzazzjoni għandha tkun illimitata għal perjodu massimu ta’ sentejn; (b) l-Istat Membru għandu jagħmel kontroll uffiċjali fuq il-materjali u l-oġġetti mmanifatturati minn sustanza li jkun awtorizza l-użu tagħha; (ċ) il-materjali u l-oġġetti mmanifatturati b’dak il-mod għandu jkollhom fuqhom indikazzjoni speċjali li għandha tiġi ddefinita fl-awtorizzazzjoni. 2. L-Istat Membru għandu jgħaddi lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni t-test ta’ kull awtorizzazzjoni mħejjija skond il-paragrafu 1, fi żmien xahrejn mid-data li fiha jkun daħal fis-seħħ. 3. Qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ sentejn previst fil-paragrafu 1(a), Stat Membru jista’ jibgħat lill-Kummissjoni talba għall-inklużjoni fil-lista msemmija fl-Artikolu 3(3)(a) tas-sustanza li tkun ingħatat awtorizzazzjoni nazzjonali skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fl-istess ħin, għandu jipprovdi d-dokumenti ta’ sostenn u jagħti l-argumenti li fuqhom iqis illi dik l-inklużjoni hija waħda ġġustifikata u għandu jindika l-użi li għalihom din s-sustanza hi meħtieġa. Fi żmien 18-il xahar minn meta tkun ġiet ppreżentata t-talba, għandha tittieħed deċiżjoni bbażata fuq l-informazzjoni rrelatata mas-saħħa pubblika, wara li jkun ġie kkonsultat l-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 dwar jekk is-sustanza in kwistjoni tistax tiġi inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 3(a) jew jekk għandhiex tiġi irtirata l-awtorizzazzjoni nazzjonali. Jekk d-dipozizzjonijiet jirriżultaw neċessarji skond l-Artikolu 3(3)(b), (ċ) u (d), dawn għandhom jiġu adottati skond l-istess proċedura. Minkejja l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu, l-awtorizzazzjoni nazzjonali għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal inklużjoni fil-lista. Jekk jiġi deċiż skond is-subparagrafu preċedenti illi l-awtorizzazzjoni nazzjonali għandha tiġi irtirata, din id-deċiżjoni għandha tapplika għal kull awtorizzazzjoni nazzjonali oħra fir-rigward tas-sustanza inkwistjoni. Id-deċiżjoni tista’ tistipula illi l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ din is-sustanza għandha tiġi estiża għal użi oħra li mhumiex dawk imsemmija fit-talba għall-inklużjoni fil-lista. L-Artikolu 5 1. Meta Stat Membru, minħabba li jkun hemm informazzjoni ġdida jew li tkun saret evalwazzjoni mill-ġdid ta’ informazzjoni eżistenti magħmula minn meta waħda mid-direttivi speċifiċi tkun ġiet adottata, ikollu raġunijiet iddettaljati li għalihom jista’ jiġi stabbilit illi l-użu ta’ xi materjal jew oġġett li jipperikola s-saħħa tal-bniedem anki jekk dan ikun konformi mad-direttiva relevanti partikolari, dak l-Istat Membru jista’ temporanjament jissospendi jew jirristrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ġewwa t-territorju tiegħu. Għandu minnufih jinforma b’dan l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu. 2. Il-Kummissjoni għandha teżamina kemm jista’ jkun malajr u fi ħdan il-Kumitat Permanenti għall-Oġġetti ta’ l-Ikel l-argumenti ppreżentati mill-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 u għandha tagħti l-opinjoni tagħha mingħajr dewmien u tieħu l-miżuri appropriati. 3. Jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li l-emendi għad-direttivi speċifiċi in kwistjoni huma neċessarji sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, għandha tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9, bil-għan li tadotta dawk l-emendi; l-Istat Membru li jkun adotta miżuri preventivi jista’ f’dak il-każ iżommhom sakemm l-emendi jkunu ġew adottati. L-Artikolu 6 1. Mingħajr preġudizzju għal xi eċċezzjonijiet previsti fid-direttivi speċifiċi, materjali u oġġetti li mhumiex diġà f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel għandhom, meta jitqiegħdu fis-suq, jiġu akkumpanjati: (a) - bil-kliem "għall-użu ta’ l-ikel", - jew b’indikazzjoni speċifika dwar l-użu tagħhom, per eżempju magni tal-kafé, flixkun ta’ l-inbid, mgħarfa tas-soppa, - jew b’simbolu stabbilit skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9; (b) fejn jixraq, b’xi kondizzjonijiet speċjali li għandhom jiġu sodisfatti meta jkunu qegħdin jintużaw; (ċ) - jew bl-isem jew bl-isem tan-negozju u l-indirizz jew l-uffiċċju reġistrat, - jew bil-marka tal-fabbrika rreġistrata, - jew ta’ min jipproċessa, jew ta’ bejjiegħ stabbilit fil-Komunità. 2. Id-dettalji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jagħtu fl-għajn, ikunu leġibbli u ma jitħassrux: (a) fl-istadju tal-bejgħ: - fuq il-materjali u l-oġġetti jew fuq l-imballaġġ, - fuq it-tikketti mwaħħla fuq l-materjali u l-oġġetti jew fuq il-pakkett tagħhom, - jew fuq avviż fil-viċinanza diretta tal-materjali u l-oġġetti u li jkunu jidhru lill min ikun qed jixtri; fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(e), madankollu, l-aħħar għażla għandha tkun possibbli biss jekk dawn id-dettalji jew it-tikketta li jkunu fuqha ma tkunx tista’, minħabba raġunijiet tekniċi, titwaħħal mal-materjali u l-oġġetti msemmija jew fl-istadju tal-manifattura jew fl-istadju ta’ bejgħ; (b) fl-istadji tat-tqegħid fis-suq ħlief fl-istadju tal-bejgħ: - fuq id-dokumenti li jakkompanjaw, - fuq it-tikketti jew l-imballaġġ, - fuq il-materjali u l-oġġetti nfushom. 3. Madankollu, id-dettalji previsti fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu obbligatorji għall-materjali u l-oġġetti li minħabba n-natura tagħhom huma bla dubju iddestinati li jiġu f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel. 4. Id-dettalji previsti fil-paragrafu 1(a) u (b) għandhom jgħoddu biss għall-materjali u l-oġġetti li jikkonformaw: (a) mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2; (b) mad-direttivi speċifiċi, u fin-nuqqas ta’ dawk id-direttivi, ma’ xi dispożizzjonijiet nazzjonali. 5. Id-direttivi speċifiċi għandhom jirrikjedu li dawk il-materjal u l-oġġetti jiġu akkumpanjati b’dikjarazzjoni bil-miktub li tiċċertifika li dawn jikkonformaw mar-regoli applikabbli għalihom. Fin-nuqqas ta’ direttivi speċifiċi, l-Istati Membri jistgħu iżommu d-dispożizzjonijiet eżistenti jew jadottaw dispożizzjonijiet għal dan il-għan. 6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kummerċ bil-prezz tas-suq ta’ materjali u oġġetti jiġi projbit jekk id-dettalji meħtieġa skond il-paragrafu 1(a) u (b) ma jingħatawx b’lingwa li tiftiehem malajr mix-xerrejja, sakemm ix-xerrej ma jiġix mgħarraf b’mezzi oħra. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tipprekludi ċerti dettalji milli jidhru b’diversi lingwi. L-Artikolu 7 1. L-Istati Membri m’għandhomx, minħabba raġunijiet relatati mal-komposizzjoni, il-komportament fil-preżenza ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew it-tikkettjar, jipprojbixxu jew jirrestrinġu jew il-kummerċ jew l-użu ta’ materjali u oġġetti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva jew mad-Direttivi speċifiċi. 2. Il-paragrafu 1 mhux se jaffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jgħoddu fin-nuqqas tad-direttivi speċifiċi. L-Artikolu 8 L-emendi magħmula lid-direttivi speċifiċi eżistenti sabiex jiġu allinjati ma’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9. L-Artikolu 9 1. Fejn il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-president għandu iressaq il-każ quddiem il-Kumitat Permanenti għall-Oġġetti ta’ l-Ikel jew fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru. 2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jippreżenta lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fit-terminu li l-president jista’ jistabilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tiġi mogħtija permezz tal-maġġoranza kkwalifikata stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president ma jistax jivvota. 3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba fejn dawn skond l-opinjoni tal-kumitat; (b) meta l-miżuri maħsuba mhumiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew fin-nuqqas ta’ opinjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tippreżenta lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Jekk, wara li jiskadu tliet xhur mid-data li fiha l-każ ikun ġie mgħoddi lilu, il-Kunsill ma jkun adotta l-ebda miżura, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u tapplikahom immedjatament. L-Artikolu 10 1. Id-Direttiva 76/893/KEE qiegħda tiġi mħassra. 2. Referenzi għad-Direttiva mħassra bil-paragrafu 1 għandhom jiġu meqjusa bħala referenzi għal din id-Direttiva. Referenzi għall-Artikoli tad-Direttiva mħassra għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni li tidher fl-Anness III. L-Artikolu 11 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufiħ jgħarrfu lill-Kummissjoni dwarhom. Il-miżuri meħuda għandhom: - mhux iżjed tard minn 18-il xahar wara n-notifika [7], jippermettu l-kummerċ u l-użu ta’ materjali u oġġetti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li, fin-nuqqas ta’ direttivi speċifiċi, japplikaw għal ċerti gruppi ta’ materjali u oġġetti; - jipprojbixxu mhux aktar tard minn 36 xahar min-notifika, l-kummerċ u l-użu ta’ materjali u oġġetti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva. 2. Il-paragrafu 1 m’għandux jaffetwa dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li, fin-nuqqas ta’ direttivi speċifiċi, japplikaw għal ċerti gruppi ta’ materjali u oġġetti ddestinati li jiġu f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel. L-Artikolu 12 Din id-Direttiva m’għandix tapplika għal materjali u oġġetti ddestinati għall-esportazzjoni barra l-Komunità. L-Artikolu 13 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1988. Għall-Kunsill Il-President V. Papandreou [1] ĠU C 99, tat-13.4.1987, p. 65 u ĠU C 12, tas-16.1.1989. [2] ĠU C 328, tat-22.12.1986, p. 5. [3] ĠU L 340, tad-9.12.1976, p. 19. [4] ĠU L 302, tal-15.11.1985, p. 216. [5] ĠU L 136, ta’ l-20.5.1974, p. 1. [6] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9. [7] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fl-10 ta’ Jannar 1989. -------------------------------------------------- L-ANNESS I Lista ta’ gruppi ta’ materjali u oġġetti koperti b’direttivi speċifiċi Oġġetti magħmulin mill-plastik, inkluż lostru u kisi Ċelluloża rriġenerata Elastomeri u gomma Karta u bord Ċeramika Ħġieġ Metall u ligi Injam, inkluż is-sufra Prodotti tat-tessut Xama’ tal-pitrolju u xeama’ mikro-kristallina -------------------------------------------------- L-ANNESS II Il-kriterji tas-saħħa għandhom jiġu applikati fl-abbozzar ta’ direttivi speċifiċi 1. Fejn approprjat, listi pożittivi tas-sustanzi u l-oġġetti għandhom jiġu ddeterminati għall-materjali u l-oġġetti ddestinati li jiġu f’kuntatt ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel. Jekk sustanza tiġix aċċettata jew le biex tiġi inkluża fil-lista pożittiva għandhu jiġi ddeterminat billi jittieħed kont kemm ta’ l-ammont tas-sustanza li x’aktarx tgħaddi għal ġo l-oġġetti ta’ l-ikel kif ukoll it-tossiċità tas-sustanza. 2. Sustanza tista’ tiġi mniżżla fil-lista pożittiva biss jekk, taħt il-kondizzjonijiet normali jew prevedibbli ta’ l-użu ta’ kwalunkwe materjal jew oġġett li din tkun tagħmel parti minnu, mhux probabbli li s-sustanza tgħaddi għall-oġġetti ta’ l-ikel f’ammont li x’aktarx ikun ta’ periklu għal saħħet il-bniedem. 3. Għal ċerti materjali jista’ ma jkunx xieraq li tiġi stabbilita lista pożittiva minħabba li dik il-lista ma tkunx ta’ benefiċċju tanġibbli f’dak li jirrigwarda l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. F’dawk iċ-ċirkostanzi, is-sustanzi kollha li għalihom jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-limiti tat-trasferiment speċifiku tagħhom sabiex dawn ma jitħallewx jiġu trasferiti fl-oġġetti ta’ l-ikel f’ammonti li jistgħu jkunu ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem għandhom jiġu identifikati. Il-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 se jgħoddu wkoll għal dawn is-sustanzi. 4. Is-sustanzi kollha għandhom jinżammu taħt eżami u jiġu evalwati mill-ġdid meta dan jiġi ġġustifikat b’data xjentifika ġdida jew b’evalwazzjoni mill-ġdid tad-data xjentifika eżistenti. 5. Fejn doża ta’ kuljum aċċettabbli tiġi stabbilita għal sustanza partikolari, il-bżonn li jiġi stabbilit limitu speċifiku ta’ trasferiment sabiex din id-doża ma tinqabiżx għandu jiġi kkunsidrat. Fejn dan il-limitu speċifiku ta’ trasferiment jiġi stabbilit għal sustanza, għandu tingħata attenzjoni xierqa lil fonti oħra possibbli ta’ espożizzjoni għas-sustanza. 6. F’ċerti ċirkostanzi, il-limitu speċifiku ta’ trasferiment fuq sustanza jista’ ma jkunx l-iżjed mezz validu għall-ħarsien tas-saħħ tal-bniedem. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-bżonn li tiġi mħarsa s-saħħa tal-bniedem għandha tkun il-konsiderazzjoni ewlenija biex jiġi stabbilit x’tip ta’ azzjoni tista’ tkun approprjata. -------------------------------------------------- L-ANNESS III TABELLA TA’ KORRELAZZJONI Direttiva 76/893 KEE | Direttiva preżenti | L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 | L-Artikolu 2 | L-Artikolu 2 | L-Artikolu 3 | L-Artikolu 3 | L-Artikolu 4 | L-Artikolu 4 | L-Artikolu 5 | L-Artikolu – | L-Artikolu 6 | L-Artikolu 5 | L-Artikolu 7 | L-Artikolu 6 | L-Artikolu 8 | L-Artikolu 7 | L-Artikolu – | L-Artikolu 8 | L-Artikolu 9 | L-Artikolu – | L-Artikolu 10 | L-Artikolu 9 | L-Artikolu – | L-Artikolu 10 | L-Artikolu 11 | L-Artikolu – | L-Artikolu 12 | L-Artikolu 12 | L-Artikolu 13 | L-Artikolu 11 | L-Artikolu 14 | L-Artikolu – | L-Artikolu 15 | L-Artikolu 13 | --------------------------------------------------