31987R2658


Titolu u referenza

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana.

 ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1–675 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
 Edizzjoni Speċjali bil-Finlandiż: Chapter 11 Volume 13 P. 22 - 26
 Edizzjoni Speċjali bl-Iżvediż: Chapter 11 Volume 13 P. 22 - 26
 Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 02 Volume 02 P. 382 - 386
 Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 02 Volume 02 P. 382 - 386
 Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 02 Volume 02 P. 382 - 386
 Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 02 Volume 02 P. 382 - 386
 Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 02 Volume 02 P. 382 - 386
 Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 02 Volume 02 P. 382 - 386
 Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 02 Volume 02 P. 382 - 386
 Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 02 Volume 02 P. 382 - 386
 Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 02 Volume 02 P. 382 - 386
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 02 Volume 04 P. 3 - 7
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 02 Volume 04 P. 3 - 7

 DA  DE  EL  EN  ES  FR  IT  NL  PT

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87,

tat-23 ta' Lulju, 1987,

dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana.

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea u partikularment l-Artikoli 28, 43, 113 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni ta' Spanja u Portugall,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Komunità Ekonomika Ewropea hija mwaqqfa fuq għaqda doganali li tiġbor fiha l-użu ta' tariffi komuni ta' dwana;

Billi l-ġbir u l-bdil ta' statistika dwar negozju barrani tal-Komunità jista' jsir l-aħjar permezz ta' nomenklatura magħquda li tkun minflok in-nomenklaturi tat-Tariffa Doganali Komuni u Nimexe li diġa hemm, u dan sabiex jintlaħqu f'daqqa l-ħtiġijiet tat-tariffi u l-istatistika;

Billi l-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Sistema ArmonizzataArmonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifika ta' Merkanzija, magħrufa bħala "Sistema ArmonizzataArmonizzata", bil-ħsieb li tkun minflok il-Konvenzjoni tal-15 ta' Diċembru, 1950, dwar in-Nomenklatura għall-Klassifikazzjoni ta' Merkanzija f'Tariffi Doganali;

Billi, minħabba dan, l-imsemmija nomenklatura magħquda għandha ssir skond is-sistema armonizzata;

Billi jixraq li Stati Membri jitħallew joħolqu sub-diviżjonijiet ta' statistika nazzjonali;

Billi xi miżuri partikulari tal-Komunità ma jistgħux jitħaddmu fil-qafas ta' nomenklatura magħquda; Billi għalhekk jenħtieġ li jinħolqu sub-diviżjonijiet oħra Komunitarji u li dawn jinġabru f'tariffa magħquda tal-Komunitajiet Ewropej (Taric); Billi biex it-Taric titħaddem tajjeb jenħtiġilha sistema ta' aġġornament immedjat; Billi għalhekk jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tħaddem it-Taric;

Billi Spanja u Portugall ma jkunux jistgħu jużaw l-iskema tat-Taric bħal l-Istati Membri l-oħra minħabba l-arranġamenti transitorji dwar it-tariffa msemmija fl-Att ta' Aċċessjoni; Billi jixraq li dawn iż-żewġ Stati Membri jkunu awtoriżżati li ma japplikawx it-Taric għal matul iż-żmien li fih l-arranġamenti transitorji jkunu fis-seħħ;

Billi jidher xieraq li Stati Membri jkunu jistgħu jdaħħlu aktar sub-diviżjonijiet wara s-sub-titoli tat-Taric sabiex jilħqu ħtiġijiet oħra nazzjonali; Billi dawn is-sub-diviżjonijiet għandhom jintgħażlu minn xulxin oermezz ta' numri ta' kodiċi għal dan l-iskop skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2793/86, tat-22 ta' Lulju, 1986, li jsemmi l-kodiċi li għandhom jintużaw skond kif imsemmi fir-Regolamenti (KEE) Nru 678/85, (KEE) Nru 1900/85 u (KEE) Nru 222/77 [4];

Billi jenħtieġ li n-nomenklatura magħquda u kull nomenklatura oħra msejsa kollha, jew parti minnha, fuqha jew li żżid sub- diviżjonijiet fiha, ikunu applikati b'mod uniformi mill-Istati Membri kollha; Billi dispożizzjonijiet għal dan il-għan għandhom ikunu adottati fil-livell Komunitarju; Billi wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jassiguraw applikazzjoni uniformi tan-nomenklatura tat-Tariffa Doganali Komuni msemmija fid-Deċiżjoni 86/98/KEFA [5] japplikaw għal prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal Faħam u Azzar;

Billi t-tħejjija u l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet jenħtieġu koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; Billi t-twettiq ta' dawn id-dispożizzjonijiet għandu jsir malajr minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi serji li kull dewmien jista' jħalli warajh;

Billi biex sgur ikun hemm applikazzjoni uniformi tan-nomenklatura magħquda, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun megħjuna minn kumitat responsabbli għall-affarijiet kollha li jkollhom x'jaqsmu man-nomenklatura magħquda, mat-Taric u man-nomenklaturi l-oħra kollha msejsa fuq in-nomenklatura magħquda; Billi dan il-kumitat għandu jibda jaħdem malajr kemm jista' jkun qabel id-data ta' l-applikazzjoni tan-nomenklatura magħquda;

Billi sabiex il-għan tan-nomenklatura magħquda jkun imfisser sewwa, ikun aħjar li jsiru dispożizzjonijiet preliminari, noti oħra għal taqsimiet jew kapitoli u noti adattati f'qiegħ ta' paġna;

Billi t-Tariffa Doganali Komuni tiġbor fiha mhux biss dazji konvenzjonali u awtonomi u taxxi oħra rilevanti msemmija fl-Annex I ta' dan ir-Regolament u msejsa fuq in-nomenklatura magħquda, iżda wkoll il-miżuri ta' tariffi msemmija fit-Taric u liġijiet oħra tal-Komunita;

Billi meta jiġu biex isiru r-rati konvenzjonali ta' dazju jkun jixraq li jitqies il-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ (GATT);

Billi l-bidla min-nomenklatura l-antika għan-nomenklatura magħquda tista ġġib magħha diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-regoli ta' oriġini ma' ċerti sistemi preferenzjali, l-aktar jekk il-pajjiż terz li jkollu x'jaqsam ma jkunx adotta is-sistema armonizzata;

Billi jixraq illi f'dawn iċ-ċirkostanzi jittieħdu miżuri f'lokhom bil-ħsieb li jħollu dawn id-diffikultajiet;

Billi, għalkemm in-nomenklatura u r-rati ta' dazju għal prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat li jwaqqaf il-Komunita' Ewropea għal Faħam u Azzar ma jagħmlux parti mit-Tariffa Doganali Komuni , iżda, b'danakollu, jixraq li r-rati konvenzjonali għal dawn il-prodotti jingabru f'dan ir-Regolament biex isiru magħrufa;

Billi, wara li saret in-nomenklatura magħquda, għadd ta' atti Komunitarji, l-aktar fil-qasam tal-politika agrikola komuni, għandhom jinġiebu jaqblu biex iqisu l-użu ta' din in-nomenklatura; Billi biex issir din il-bidla aktarx ma jenħtieġx li jsir tibdil sostanzjali; Billi, biex l-affarijiet jiħfiefu, jixraq li l-Komunita' tadotta l-emendi tekniċi meħtieġa għall-atti li għandhom x'jaqsmu;

Billi d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament iġib miegħu it-tħassir tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 950/68, tat-28 ta' Ġunju, 1968, dwar it-Tariffa Doganali Komuni [6], u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 97/69, tas-16 ta' Jannar, 1969, dwar miżuri li għandhom jittieħdu għall-applikazzjoni uniformi tan-nomenklatura tat-Tariffa Doganali Komuni [7], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 2055/84 [8],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1.

1. Nomenklatura ta' merkanzija ('il quddiem imsejħa "nomenklatura magħquda" jew fil-qosor "NM"), qed tkun hawn stabbilita biex tilħaq, fl-istess waqt, il-ħtiġijiet kemm tat-Tariffa Doganali Komuni u kemm ta' l-istatistika tan-negozju barrani tal-Komunità.

2. In-nomenklatura magħquda għandha tiġbor fiha:

(a) n-nomenklatura tas-sistema armonizzata;

(b) sub-diviżjonijiet Komunitarji għal dik in-nomenklatura, imsejħa "sub-titoli NM", f'dawk il-każijiet fejn tintwera rata ta' dazju li tikkorrispondi;

(c) dispożizzjonijiet preliminari, noti oħra għal taqsimiet jew kapitoli u noti f'qiegħ ta' paġna li jkollhom x'jaqsmu ma' sub-titoli NM.

3. In-nomenklatura magħquda qed terġa' tinġieb f'Annex I.

Ir-rati ta' dazji awtonomi u konvenzjonali tat-Tariffa Doganali Komuni u t-taqsimiet supplimentari ta' l-istatistika, kif ukoll tagħrif ieħor meħtieġ, huma msemmija fl-istess Annex.

Artikolu 2.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej, ('il quddiem imsejħa "Taric", imsejsa fuq in-nomenklatura magħquda. Din għandha tiġbor fiha:

(a) sub-diviżjonijiet oħra Komunitarji, imsejħa "sub-titoli Taric", li jkunu meħtieġa biex juru merkanzija soġġetta għall-miżuri speċifiċi Komunitarji msemmija fil-lista f'Annex II;

(b) ir-rati ta' dazju ta' dwana u taxxi oħra li japplikaw;

(c) in-numri kodifikati msemmija fl-Artikolu 3 (3) u (4);

(d) kull tagħrif ieħor meħtieġ biex jitwettqu jew jitħaddmu l-miżuri tal-Komunità li jkollhom x'jaqsmu.

Artikolu 3

1. Kull sub-titolu NM għandu jkollu numru kodifikat bi tmien numri:

(a) l-ewwel sitt numri għandhom ikunu n-numri kodifikati li jkollhom x'jaqsmu mat-titoli u s-sub-titoli tan-nomenklatura tas-sistema armonizzata;

(b) is-seba' u t-tmien numri għandhom juru s-sub-titoli NM. Meta titolu jew sub-titolu tas-sistema armonizzata ma jinqasamx aktar għal fini tal-Komunita', is-seba' u t-tmien numri għandhom ikunu "00".

2. Id-disa' numru għandu jitħalla għall-użu ta' l-Istati Membri għal sub-diviżjonijiet ta' statistika nazzjonali, li għandhom jiddaħħlu skond Artikolu 5 (3).

3. Is-sub-titoli Taric għandhom jintwerew bl-għaxar u l-ħdax-il numru li, flimkien man-numri kodifikati msemmija fil-paragrafu 1, jiffurmaw in-numri kodifikati tat-Taric. Fin-nuqqas ta' sub-diviżjoni tal-Komunita', l-għaxar u l-ħdax-il numru għandhom ikunu "00".

4. F'każi eċċezzjonali, erba' numri oħra kodifikati tat-Taric jistgħu jintużaw għall-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi tal-Komunità li ma jkunux kodifikati, jew mhux kodifikati għal kollox, fil-livell ta' l-għaxar u l-ħdax-il numru.

Artikolu 4

1. In-nomenklatura magħquda, flimkien mar-rati ta' dazju u taxxi oħra rilevanti, u l-miżuri tat-tariffa msemmija fit-Taric jew f'arranġamenti oħra tal-Komunità, għandhom jagħmlu t-Tariffa Doganali Komuni msemmija fl-Artikolu 9 tat-Trattat, li għandha tapplika għall-importazzjoni ta' merkanzija fil-Komunità.

2. In-nomenklatura magħquda, flimkien man-numri kodifikati tagħha u, fejn jenħtieg, it-taqsimiet supplimentari ta' statistika dwarha, għandhom ikunu applikati mill-Komunità u mill-Istati Membri għall-istatistika li jkollha x'taqsam man-negozju barrani tal-Komunità.

Artikolu 5

1. It-Taric għandha tintuża mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-applikazzjoni ta' miżuri tal-Komunità li jkollhom x'jaqsmu ma' importazzjoni u, jekk jenħtieġ, ma' esportazzjoni u negozju bejn Stati Membri.

2. In-numri kodifikati tat-Taric għandhom japplikaw għal importazzjonijiet kollha ta' oġġetti milquta mis-sub-titoli li jikorrispondu. Jekk jenħtieġ, dawn għandhom japplikaw għal esportazzjoni u negozju bejn Stati Membri.

3. Stati Membri jistgħu jdaħħlu sub-diviżjonijiet wara s-sub-titoli NM għal fini ta' statistika nazzjonali, u wara s-sub-titolu Taric għal finijiet nazzjonali oħra.

Numri kodifikati ta' identifikazzjoni għandhom jingħataw lil sub-diviżjonijiet bħal dawn skond ir-Regolament (KEE) Nru 2793/86.

4. Stati Membri li jadottaw sub-diviżjonijiet għal finijiet nazzjonali, minbarra dawk ta' statistika, jistgħu, wara li jgħarrfu lill-Kummissjoni, iħallu għal wara l-użu tas-sub-titoli Taric u l-għaxar u l-ħdax-il numru li jikkorrispondi, iżda dan sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru, 1989.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tmexxija u l-pubblikazzjoni tat-Taric. Partikularment għandha tagħmel dak li jkun meħtieġ biex:

(a) tigbor flimkien il-miżuri msemmija fil-lista fl-Annex II tat-Taric;

(b) tagħti numri kodifikati tat-Taric;

(c) iżżomm it-Taric aġġornata;

(d) tgħarraf mill-ewwel lil Stati Membri b'tibdiliet lil sub-titoli u numri kodifikati tat-Taric.

Artikolu 7

1. Il-Kummissjoni għandha jkollha biex jgħinha kumitat dwar nomenklatura ta' tariffa u statistika, magħruf bħala "Kumitat tan-Nomenklatura" u 'l quddiem imsejjaħ "il-kumitat", maġhmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u mmexxi mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

2. Il-kumitat għandu jagħmel ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 8

Il-kumitat jista' jeżamina kull ħaġa mibgħuta lilu mil-president tiegħu minn jeddu jew fuq talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru:

(a) li jkollha x'taqsam man-nomenklatura magħquda;

(b) li jkollha x'taqsam man-nomenklatura tat-Taric u kull nomenklatura oħra kollha, jew parti minnha, imsejsa fuq in-nomenklatura magħquda, jew li żżidilha sub-diviżjoni oħra, u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunita', bil-ħsieb li tapplika tariffa jew miżuri oħra li jkollhom x'jaqsmu ma' negozju ta' merkanzija.

Artikolu 9

1. Miżuri li jkollhom x'jaqsmu ma' l-affarijiet msemmija hawn taħt għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10:

(a) applikazzjoni tan-nomenklatura magħquda u t-Taric, l-aktar dwar:

- il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-nomenklaturi msemmija fl-Artikolu 8,

- noti ta' spjegazzjoni;

(b) emendi fin-nomenklatura magħquda biex jitqiesu t-tibdiliet fil-ħtiġijiet dwar statistika jew politika kummerċjali;

(c) emendi fl-Annex II;

(d) emendi fin-nomenklatura magħquda u aġġustamenti fid-dazji skond deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni;

(e) emendi fin-nomenklatura magħquda bil-ħsieb li din tkun adattata biex tqis l-iżviluppi teknoloġiċi jew kummerċjali jew biex kliem ikun jaqbel u mfisser sewwa;

(f) emendi fin-nomenklatura maghquda li jiġu minn tibdiliet fin-nomenklatura tas-sistema armonizzata;

(g) ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazjoni, tħaddim u tmexxija tas-sistema armonizzata biex jinġiebu quddiem il-Kunsill ta' Dwana għal Koperazzjoni.

2. id-dispożizzjonijiet adottati taħt paragrafu 1 m'għandhomx jemendaw:

- ir-rati ta' dazji ta' dwana,

- taxxi agrikoli, ħlasijiet lura jew ammonti oħra li japplikaw fil-qafas tal-politika agrikola komuni jew fi skemi speċifiċi dwar merkanzija li tiġi mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli,

- restrizzjonijiet kwantitattivi msemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Komunità,

- nomenklaturi adottati fil-qafas tal-politika agrikola komuni.

3. Jekk ikun meħtieġ, emendi fis-sub-titoli NM għandhom jinġabru mill-ewwel bħala sub-titoli Taric. Dawn għandhom jinġabru biss fin-NM skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12.

Artikolu 10

1. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jagħti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li jkunu ser jiġu adottati. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fi żmien mogħti mill-president tal-kumitat skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata skond il-maġġoranza msemmija fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun jenħtieġlu li jadotta wara proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikollhom piż skond kif imsemmi f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux ikollu vot.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri, li għandhom japplikaw mill-ewwel. Iżda jekk dawk il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, dawn għandhom jgħaddu mill-ewwel mingħand il-Kummissjoni għal għand il-Kunsill. F'dak il-każ il-Kummissjoni għandha tħalli l-applikazzjoni tal-miżuri li hija tkun ħadet deċiżjoni dwarhom għal tlett xhur wara mid-data li fihom ikunu marru għandha.

3. Il-Kunsill, b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fiż-żmien imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 11

1. Fejn dispożizzjonijiet tal-Komunita' jagħmlu kundizzjonijiet dwar jekk merkanzija tistax ikollha arranġament għal tariffa favorevoli fuq l-importazzjoni, meqjusa x-xorta u l-użu aħħari tagħha, dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu magħmula skond il-proċeduri msemmija fl-artikolu 10.

2. Għall-fini tal-paragrafu 1, "arranġament ta' tariffa favorevoli" tfisser kull tnaqqis jew sospensjoni, ukoll taħt kwota ta' tariffa, ta' dazju tad-dwana jew taxxa li jkollha l-istess effett, jew ta' taxxa agrikola jew taxxa oħra ta' importazzjoni msemmija fil-politika agrikola komuni jew fl-arranġamenti speċifiċi li japplikaw għal xi merkanzija li tiġi mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

Artikolu 12

Il-Kummissjoni għandha taddotta kull sena, permezz ta' regolament, verżjoni sħiħa tan-nomenklatura magħquda, flimkien mar-rati awtonomi u konvenzjonali ta' dazju li jikkorrispondu mat-Tariffa Doganali Komuni , kif joħorġu mill-miżuri adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jkun ipppublikat sal-31 ta' Ottubru fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandu japplika mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara.

Artikolu 13

Ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża huma b'dan awtoriżżati li ma japplikawx it-Taric għall-perjodi li matulhom l-arranġamenti transitorji dwar affarijiet ta' tariffa msemmija fl-Att ta' l-Aċċessjoni għall-Komunità japplikaw.

Artikolu 14

Meta tingħata preferenza ta' tariffa li tkun imsejsa fuq jew skond ir-regoli ta' oriġini li joħorġu min-nomenklatura tal-Kunsill ta' Dwana għall-Koperazzjoni, fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru, 1987, dawk ir-regoli għandhom jibqgħu japplikaw skond l-atti tal-Komunità li jkunu jgħoddu f'dik id-data.

Artikolu 15

1. Il-kodiċi u d-deskrizzjonijiet tal-merkanzija skond in-nomenklatura magħquda għandhom ikunu flok dawk tan-nomenklatura tat-Tariffa Doganali Komuni u n-Nimexe, u dan bla ħsara għal ftehim internazzjonali magħmula mill-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għal atti li saru biex iwettquhom, li jirreferu għal dawk in-nomenklaturi. Atti tal-Komunità li jiġbru fihom in-nomenklatura tat-tariffa jew ta' l-istatistika għandhom ikunu hekk emendati mill-Komunità.

2. Riferenzi għan-Nimexe fid-diversi atti fis-seħħ tal-Komunità għandhom jitqiesu li jirreferu għan-nomenklatura magħquda.

Artikolu 16

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 950/68 u (KEE) Nru 97/69 huma b'dan imħassra.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal- Komunitajiet Ewropej.

Artikoli minn 1 sa 5 u minn 12 sa 16 m'għandhomx japplikaw qabel l-1 ta' Jannar, 1988.

Dan ir-Regolament għandu jorbot kollu kemm hu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha

Magħmul fi Brussel, 23 ta' Lulju, 1987.

Għall-Kunsill

Il-President

K. E. Tygesen

[1] ĠU Nru C 154, 12. 6. 1987, p. 6.

[2] ĠU Nru C 190, 20. 7. 1987.

[3] Opinjoni mogħtija fl-1 ta' Lulju, 1987 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU Nru L 263, 15. 9. 1986, p. 74.

[5] ĠU Nru L 81, 26. 3. 1986, p. 29.

[6] ĠU Nru L 172, 22. 7. 1968, p.1.

[7] ĠU Nru L 14, 21. 1. 1969, p.1.

[8] ĠU Nru L 191, 19. 7. 1984, p.1.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet