31986L0613



Official Journal L 359 , 19/12/1986 P. 0056 - 0058
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0133
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0133


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-11 ta' Diċembru 1986

dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal

(86/613/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 1982 dwar il-promozzjoni ta' opportunitajiet ugwali għan-nisa [4], il-Kunsill approva l-miri ġenerali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li jikkonċernaw programm ġdid ta' azzjoni Komunitarja dwar il-promozzjoni ta' opportunitajiet ugwali għan-nisa (1982 sa l-1985) u esprima li jixtieq jimplimenta miżuri approprjati sabiex jilħaqhom;

Billi l-azzjoni 5 tal-programm imsemmi fuq jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal nisa li jaħdmu għal rashom u nisa fl-agrikoltura;

Billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal irġiel u nisa ħaddiema, kif stabbilit fl-Artikolu 119 tat-Trattat, jifforma parti integrali ta' l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni;

Billi fl-10 ta' Frar 1975 il-Kunsill adotta d-Direttiva 75/117/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal irġiel u nisa [5];

Billi, fir-rigward ta' aspetti oħra ta' ugwaljanza ta' trattament bejn irġiel u nisa, fid-9 ta' Frar 1976 il-Kunsill adotta d-Direttiva 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa fir-rigward ta' l-aċċess għall-impieg, għat-taħriġ professjonali u għall-promozzjoni, u l-kondizzjonijiet tax-xogħol [6] u fid-19 ta' Diċembru 1978 id-Direttiva 79/7/KEE dwar l-implimentazzjoni progressive tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali [7];

Billi, fir-rigward ta' persuni involuti f' kappaċità li fiha jaħdmu għal rashom, f'attività fejn il-konjuġi tagħhom huma involuti wkoll, l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għandha tiġi segwita permezz ta' l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet dettaljati maħsuba biex ikopru s-sitwazzjoni speċifika ta' dawn il-persuni;

Billi jippersistu differenzi bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam, billi, għalhekk huwa neċessarju li jiġu approssiati dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali;

Billi f'ċerti aspetti t-Trattat ma jikkonferix il-poteri neċessarji għall-azzjonijiet speċifiċi meħtieġa;

Billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali hija mingħajr preġudizzju għal miżuri li jikkonċernaw il-protezzjoni ta' nisa waqt it-tqala u meta jkunu qegħdin irabbu t-tfal,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA I

Il-miri u l-oqsma ta' applikazzjoni

L-Artikolu 1

L-iskop ta' din id-Direttiva huwa li tassigura, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin, applikazzjoni fl-Istati Membri tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn irġiel u nisa involuti f'attività li fiha jaħdmu għal rashom, jew li tikkontribwixxi biex tiġi prattikata din l-attività, fir-rigward ta' dawk l-aspetti mhux koperti bid-Direttivi 76/207/KEE u 79/7/KEE.

L-Artikolu 2

Din id-Direttiva tkopri:

(a) ħaddiema li jaħdmu għal rashom, jiġifieri l-persuni kollha li jipprattikaw attività li trendi għall-kont proprju, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, inklużi bdiewa u membri tal-professjonijiet liberali;

(b) il-konjuġi tagħhom, li ma jkunux impjegati jew soċji, meta abitwalment, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu u jwettqu l-istess kompiti jew kompiti anċillari.

L-Artikolu 3

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva il-prinċipju ta' trattament ugwali jimplika l-assenza tad-diskriminazzjoni kollha abbażi ta' sess, direttament jew indirettament, b'referenza b'mod partikolari għall-istatus maritali jew tal-familja.

IT-TAQSIMA II

Trattament ugwali bejn ħaddiema rġiel u nisa li jaħdmu għal rashom — pożizzjoni tal-konjuġi mingħajr status professjonali ta' min jaħdem għal rasu — protezzjoni ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom jew in-nisa ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala jew qegħdin irabbu t-tfal

L-Artikolu 4

Fir-rigward ta' persuni li jaħdmu għal rashom, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw l-eliminazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li huma kuntrarji għall-prinċipju ta' trattament ugwali kif definit fid-Direttiva 76/207/KEE, speċjalment fir-rigward ta' l-istabbiliment, it-tagħmir jew l-estensjoni ta' negozju jew il-bidu jew l-estensjoni ta' kwalunkwe forma oħra ta' attività fejn wieħed jaħdem għal rasu inklużi faċilitajiet finanzjarji.

L-Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet speċifiċi għal aċċess għal ċerti attivitajiet li japplikaw ugwalment għaż-żewġ sessi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-kondizzjonijiet għall-formazzjoni ta' kumpannija bejn konjuġi mhumiex iktar restrittivi mill-kondizzjonijiet għall-formazzjoni ta' kumpannija bejn persuni mhux miżżewġin.

L-Artikolu 6

Meta teżisti sistema kontributorja ta' sigurtà soċjali għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jippermetti lill-konjuġi msemmija fl-Artikolu 2(b) li mhumiex protetti taħt l-iskema ta' sigurtà soċjali ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom sabiex jingħaqdu volontarjament ma' skema kontributorja tas-sigurtà soċjali.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu fuqhom li jeżaminaw taħt liema kondizzjonijiet ir-rikonoxximent tax-xogħol tal-konjuġi msemmija fl-Artikolu 2(b) jista' jiġi inkoraġġit u, fid-dawl ta' dan il-kontroll, jikkunsidraw kwalunkwe passi approprjati sabiex jiġi inkoraġġit dan ir-rikonoxximent.

L-Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jieħdu fuqhom li jeżaminaw jekk, u taħt liema kondizzjonijiet, ħaddiema femminili li jaħdmu għal rashom u n-nisa ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom, waqt interruzzjonijiet fl-attività tax-xogħol tagħhom minħabba t-tqala jew qegħdin irabbu t-tfal,

- jista' jkollhom aċċess għal servizzi li jfornu sostituzzjonijiet temporanji jew servizzi soċjali nazzjonali eżistenti, jew

- ikunu intitolati għal benefiċċji fi flus taħt skema tas-sigurtà soċjali jew taħt kwalunkwe sistema pubblika oħra ta' protezzjoni soċjali.

IT-TAQSIMA III

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

L-Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma neċessarji sabiex il-persuni kollha li jikkunsidraw lilhom infushom effettwati b'nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali f'attivitajiet fejn wieħed jaħdem għal rasu jsegwu l-pretensjonijiet tagħhom bi proċess ġudizzjarju, possibilment wara rikors għal awtoritajiet kompetenti oħra.

L-Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-miżuri adottati skond din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ, jinġjiebu għal-attenzjoni ta' korpi li jirrappreżentaw ħaddiema li jaħdmu għal rashom u ċentri ta' taħriġ professjonali.

L-Artikolu 11

Il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Direttiva, fuq proposta mill-Kummissjoni, qabel l-1 ta' Lulju 1993.

L-Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 1989.

Madankollu, jekk Stat Membru li, sabiex jikkonforma ma' l-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva, jkollu jemenda l-leġislazzjoni tiegħu dwar drittijiet u obbligi matrimonajli, id-data li fiha dan l-Istat Membru għandu jikkonforma ma' l-Artikolu 5 għandha tkun it-30 ta' Ġunju 1991.

L-Artikolu 13

L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1991, l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tkun tista' tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal sottomissjoni lill-Kunsill.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-11 ta' Diċembru 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Clarke

[1] ĠU C 113, tas-27.4.1984, p. 4.

[2] ĠU C 172, tat-2.7.1984, p. 90.

[3] ĠU C 343, ta' l-24.12.1984, p. 1.

[4] ĠU C 186, tal-21.7.1982, p. 3.

[5] ĠU L 45, tad-19.2.1975, p. 19.

[6] ĠU L 39, ta' l-14.2.1975, p. 40.

[7] ĠU L 6, ta' l-10.1.1979, p. 24.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet