31983L0349



Official Journal L 193 , 18/07/1983 P. 0001 - 0017
Finnish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0059
Spanish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0119
Swedish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0059
Portuguese special edition Chapter 17 Volume 1 P. 0119


Is-Seba' Direttiva tal-Kunsill

tat-13 ta' Ġunju ta' l-1983

ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati

(83/349/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 54(3)(g) tiegħu;

Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi fil-25 ta' Lulju ta' l-1978 il-Kunsill adotta d-Direttiva 78/660/KEE [4] dwar il-kordinazzjoni ta' leġislazzjoni nazzjonali li tirregola l-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji; billi ħafna kumpanniji huma membri ta' korpi ta' impriżi; billi għandhom isiru kontijiet konsolidati sabiex informazzjoni finanzjarja dwar dawk il-korpi ta' impriżi jistgħu jintwerew lil membri u terzi; billi leġislazzjoni nazzjonali li tirregola kontijiet konsolidati għandha għalhekk tiġi kordinata sabiex tikseb l-għanijiet ta' komparabilità u ekwivalenza fl-informazzjoni li l-kumpanniji għandhom jippubblikaw fi ħdan il-Komunità

Billi fid-determinazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-konsolidazzjoni għandu jittieħed kont mhux biss ta' każijiet fejn is-setgħa ta' kontroll hija bażata fuq maġġoranza tal-jeddijiet għall-voti iżda wkoll ta' dawk fejn hija bażata fuq ftehim, meta dawn jitħallew; billi, barra dan, l-Istati Membri meta tiġri l-possibbilità għandhom jitħallew jirregolaw każijiet li fihom f'ċerti ċirkostanzi ġie effettivament eżerċitat kontroll fuq il-bażi ta' holding ta' minoranza; billi l-Istati Membri għandhom jitħallew jirregolaw il-każ ta' korpi ta' impriżi li fihom l-impriżi jeżistu taħt l-istess kondizzjonijiet ma' xulxin; [5]

Billi l-għan ta' kordinazzjoni tal-leġislazzjoni li tirregola kontijiet konsolidati hu biex jipproteġi l-interessi li jeżistu f'kumpanniji b'kapital ta' ishma; billi dik il-protezzjoni timplika l-prinċipju tal-preparazzjoni ta' kontijiet konsolidati meta dik il-kumpannija hija membru ta' korp ta' impriżi, u dawk il-kontijiet għandhom isiru għall-inqas meta dik il-kumpannija hija impriża ewlenija (parent company); billi, barra dan, il-kawża ta' informazzjoni sħiħa teħtieġ ukoll li impriża sussidjarja li hija nnifisha impriża omm tagħmel kontijiet konsolidati; billi, madankollu, dik l-impriża ewlenija tista' u f'ċerti ċirkostanzi, għandha tiġi eżentata mill-obbligu li tagħmel kontijiet konsolidati sakemm il-membri tagħha u terzi huma protetti biżżejjed;

Billi, għal korpi ta' impriżi li ma jeċċedux ċertu daqs, eżenzjoni mill-obbligu li jippreparaw kontijiet konsolidati tista' tkun ġustifikata; billi, għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti limiti massimi għal dawk l-eżenzjonijiet; billi jirriżulta minn hemm illi l-Istati Membri jistgħu jew jiddisponu illi huwa biżżejjed li jeċċedu l-limitu ta' wieħed biss mit-tliet kriterji biex l-eżenzjoni ma tapplikax jew jadottaw limiti inqas minn dawk preskritti fid-Direttiva;

Billi kontijiet konsolidati għandhom jagħtu stampa sewwa u xierqa ta' l-attiv u l-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ u telf ta' l-impriżi kollha konsolidati meħudin f'daqqa; billi, għalhekk, il-konsolidazzjoni għandha fil-prinċipju tinkludi dawk l-impriżi kollha; billi dik il-konsolidazzjoni teħtieġ l-inkorporazzjoni sħiħa ta' l-attiv u passiv u tad-dħul u l-infiq ta' dawk l-impriżi u l-indikazzjoni separata ta' l-interessi ta' persuni ma' dawk il-korpi; billi, għalhekk, il-korrezzjonijiet meħtieġa għandhom isiru biex jeliminaw l-effetti tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-impriżi konsolidati;

Billi għandhom jiġu preskritti numru ta' prinċipji dwar il-preparazzjoni ta' kontijiet konsolidati u valutazzjoni fil-kuntest ta' dawk il-kontijiet sabiex jiġi assigurat li entrati jintwerew konsistentement, u jistgħu jkunu mqabbla malajr mhux biss dwar il-metodi wżati fil-valutazzjoni tagħhom iżda wkoll dwar il-perjodi koperti bil-kontijiet;

Billi interessi parteċipanti fil-kapital ta' impriżi li fuqhom impriżi magħdudin f'konsolidazzjoni jeżerċitaw influwenza sinifikanti għandhom jiġu inklużi f'kontijiet konsolidati permezz tal-metodu ta' l-ekwità;

Billi n-noti dwar kontijiet konsolidati għandhom jagħtu dettalji ta' l-impriżi li għandhom jiġu konsolidati;

Billi ċerti derogi oriġinarjament previsti fuq bażi transitorja fid-Direttiva 78/660/KEE jistgħu jitkomplew bla ħsara għal reviżjoni f'data iktar tard,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

TAQSIMA 1

Kondizzjonijiet għall-preparazzjoni ta' kontijiet konsolidati

Artikolu 1

1. Stat Membru għandu jeħtieġ li kull impriża regolata bil-liġi nazzjonali tiegħu għandha tlesti kontijiet konsolidati u rapport annwali konsolidat jekk dik l-impriża (impriża ewlenija):

(a) għandha maġġoranza tal-jeddijiet għall-voti ta' l-azzjonisti jew tal-membri f'impriża oħra (impriża sussidjarja); jew

(b) għandha l-jedd li taħtar jew tneħħi maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza ta' impriża oħra (impriża sussidjarja) u hija fl-istess ħin azzjonista jew membru ta' dik l-impriża; jew

(ċ) għandha l-jedd teżerċita influwenza dominanti fuq impriża (impriża sussidjarja) li tagħha hija azzjonista jew membru, skond kuntratt li jsir ma' dik l-impriża jew skond dispożizzjoni fl-istatut ta' assoċjazzjoni, meta l-liġi li tirregola dik l-impriża sussidjarja tippermetti li tiġi suġġetta għal dawk il-kuntratti jew dispożizzjonijiet. Stat Membru ma għandux għalfejn jippreskrivi li impriża ewlenija għandha tkun azzjonista jew membru ta' l-impriża sussidjarja tagħha. Dawk l-Istati Membri li l-liġijiet tagħhom ma jiddisponux għal dawk il-kuntratti jew klawsoli ma għandhomx jintalbu japplikaw din id-dispożizzjoni; jew

(d) hija azzjonist jew membru ta' impriża, u:

(aa) maġġoranza tal-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza ta' dik l-impriża li kellhom xi kariga matul is-sena finanzjarja, matul is-sena finanzjarja li tiġi qabel u saż-żmien meta saru l-kontijiet konsolidati, inħatru biss bħala riżultat ta' l-ezerċizzju tal-jeddijiet tagħha ġħall-vot; jew

(bb) tikkontrolla waħedha, skond ftehim ma' azzjonisti oħra jew membri ta' dik l-impriża (impriża sussidjarja), maġġoranza ta' jeddijiet għall-vot ta' azzjonisti jew membri f'dik l-impriża. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu iktar dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-forma u kontenut ta' ftehim bħal dan.

L-Istati Membri għandhom jippreskrivu għall-inqas l-arranġamenti msemmija f'(bb) ta' hawn fuq.

Huma jistgħu jagħmlu l-applikazzjoni ta' (aa) ta' hawn fuq dipendenti fuq il-holdings li jirrappreżentaw 20 % jew iżjed tad-jeddijiet għall-vot ta' l-azzjonisti jew membri

Iżda, (aa) ta' hawn fuq ma għandhiex tapplika meta impriża oħra għandha l-jeddijiet imsemmija f'subparagrafi (a), (b) jew (ċ) ta' hawn fuq dwar dik l-impriża sussidjarja.

2. Minbarra l-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq u sakemm ikun hemm kordinazzjoni oħra, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li kull impriża regolata bil-liġi nazzjonali tagħhom tagħmel kontijiet konsolidati u rapport annwali konsolidat jekk dik l-impriża (impriża ewlenija) iżżomm interess parteċipanti kif imfisser fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 78/660/KEE f'impriża oħra (impriża sussidjarja), u:

(a) hija teżerċita attwalment influwenza dominanti fuqha; jew

(b) hija u l-impriża sussidjarja huma amministrati fuq bażi ta' għaqda mill-impriża principali.

Artikolu 2

1. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 1(1)(a), (b) u (d), il-jeddijiet għall-vot u l-jeddijiet ta' ħatra u tneħħija ta' kull impriża sussidjarja oħra kif ukoll dawk ta' kull persuna li taġixxi f'isimha stess iżda għan-nom ta' l-impriża omm jew ta' impriża sussidjarja oħra għandhom jiżdiedu ma' dawk ta' l-impriża ewlenija.

2. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 1(1)(a), (b) u (d), il-jeddijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq għandhom jitnaqqsu bil-jeddijiet:

(a) li jmorru ma' ishma miżmuma għan-nom ta' persuna li la hija l-impriża ewlenija u lanqas sussidjarja tagħha; jew

(b) li jmorru ma' ishma miżmuma bħala garanzija, sakemm il-jeddijiet relattivi huma eżerċitati skond l-istruzzjonijiet riċevuti, jew miżmuma b'konnessjoni ma' l-għoti ta' self bħala parti mill-attivitajiet normali ta' negozju sakemm il-jeddijiet għall-vot huma eżerċitati fl-interessi tal-persuna li tipprovdi dik il-garanzija.

3. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 1(1)(a) u (d), it-total tal-jeddijiet għall-vot ta' l-azzjonisti jew membri fl-impriża sussidjarja għandhom jitnaqqsu bil-jeddijiet għall-vot li jmorru ma' l-ishma miżmuma minn dik l-impriża nnifisha minn impriża sussidjarja ta' dik l-impriża jew minn persuna li taġixxi f'isimha stess iżda għan-nom ta' dawk l-impriżi.

Artikolu 3

1. Bla ħsara għall-Artikoli 13, 14 u 15, impriża ewlenija u l-impriżi sussidjarji kollha tagħha għandhom ikunu impriżi li għandhom jiġu konsolidati mingħajr każ ta' fejn qegħdin l-uffiċċji reġistrati ta' dawk l-impriżi sussidjarji.

2. Għall-finijiet ta' paragrafu 1 ta' hawn fuq, kull impriża sussidjarja ta' impriża sussidjarja għandha tiġi kunsidrata bħala impriża sussidjarja ta' l-impriża ewlenija li hija l-bazi principali ta' l-impriżi li għandhom jiġu konsolidati.

Artikolu 4

1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, impriża ewlenija u l-impriżi sussidjarji kollha tagħha għandhom ikunu impriżi li għandhom jiġu konsolidati meta jew l-impriża ewlenija jew xi waħda jew iktar mill-impriżi sussidjarji tkun stabbilita bħala waħda mit-tipi ta' kumpanniji li ġejjin:

(a) fil-Ġermanja:

Die aktiengesellschaft, die kommanditgesellschaft auf aktien, die gesellschaft mit beschraenkter haftung;

(b) fil-Belġju:

La société anonyme/de naamloze vennootschap - la societe en commandite par actions/de commanditaire vennootschap op aandelen - la société de personnes à responsabilité limitée/de personenvennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

(ċ) fid-Danimarka:

Aktieselskaber, kommanditaktieselskaber, anpartsselskaber;

(d) fi Franza:

La societe anonyme, la societe en commandite par actions, la societe a responsabilite limitee;

(e) fil-Greċja:

ή ανώνυμη εταιρία, ή εταιρία περιορισμένης ευθύνης, ή ετερόρρυθμη κατά μετοχές εταιρία;

(f) fl-Irlanda:

Public companies limited by shares or by guarantee, private companies limited by shares or by guarantee;

(g) fl-Italja:

La società per azioni, la società in accomandita per azioni, la società a responsabilità limitata;

(h) fil-Lussemburgu:

La societe anonyme, la societe en commandite par actions, la societe a responsabilite limitee;

(i) fl-Olanda:

De naamloze vennootschap, de besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

(j) fir-Renju Unit:

Public companies limited by shares or by guarantee, private companies limited by shares or by.

2. Stat Membru jista', iżda, jagħti eżenzjoni mill-obbligu impost fl-Artikolu 1(1) meta l-impriża ewlenija m`hiex stabbilita bħala waħda mit-tipi ta' kumpanniji elenkati fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq.

Artikolu 5

1. Stat Membru jista' jagħti eżenzjoni mill-obbligu impost fl-Artikolu 1(1) meta l-impriża principali hija kumpannija holding finanzjarja kif imfisser fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 78/660/KEE, u

(a) hija ma ndaħlitx matul is-sena finanzjarja, direttament jew indirettament, fl-amministrazzjoni ta' impriża sussidjarja

(b) hija ma eżerċitatx il-jeddijiet għall-vot li jmorru ma' l-interess parteċipanti tagħha dwar il-ħatra ta' xi membru tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza ta' impriża sussidjarja matul is-sena finanzjarja jew il-ħames snin finanzjarji li jiġu qabel jew, meta l-eżerċizzju ta' jeddijiet għall-vot kien meħtieġ għall-operazzjoni tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza ta' l-impriża sussidjarja, ebda azzjonista jew membru ta' l-impriża ewlenija b'jeddijiet għall-vot tal-maġġoranza jew membru tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza ta' dik l-impriża jew ta' membru tagħhom b'jeddijet għall-vot tal-maġġoranza huwa membru tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza ta' l-impriża sussidjarja u l-membri ta' dawk il-korpi hekk maħtura issodisfaw il-funzjonijiet tagħhom mingħajr indħil min-naħa ta' l-impriża ewlenija jew ta' xi wieħed mill-impriżi sussidjarji tagħha;

(ċ) hija għamlet self biss lil impriżi li fihom hija żżomm interessi parteċipanti. Meta dak is-self sar lil partijiet oħra, huma bilfors iridu jkunu ġew imħallsa lura sa l-aħħar tas-sena finanzjarja ta' qabel; u

(d) l-eżenzjoni tingħata minn awtorità amminstrattiva wara li ġie ċekkjat it-twettiq tal-kondizzjonijiet ta' hawn fuq.

2. (a) meta kumpannija holding finanzjarja ġiet eżentata, l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 78/660/KEE ma għandux japplika għall-kontijiet annwali tagħha dwar holdings ta' maġġoranza f'impriżi sussidjarji sa mid-data prevista fl-Artikolu 49(2).

(b) l-indikazzjoni dwar dawk il-holdings ta' maġġoranza prevista f'punt 2 ta' l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 78/660/KEE tista' titħalla barra meta n-natura tagħhom hija tali illi tista' tkun ta' ħsara b'mod serju għall-kumpannija, għall-azzjonisti jew membri tagħha jew għal xi waħda mis-sussidjarji tagħha. Stat Membru jista' jagħmel dawk l-omissjonijiet bla ħsara għal awtorizzazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja minn qabel. Kull omissjoni bħal dik għandha tintwera fin-noti tal-kontijiet.

Artikolu 6

1. Bla ħsara għall-Artikoli 4(2) u 5, Stat Membru jista' jiddisponi għal eżenzjoni mill-obbligu impost fl-Artikolu 1(1) jekk fid-data tal-karta tal-bilanċi ta' impriża ewlenija l-impriżi li għandhom jiġu konsolidati ma jeċċedux flimkien, fuq il-bażi tal-kontijiet annwali tagħhom ta' l-aħħar, il-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji li hemm fl-Artikolu 27 tad- Direttiva 78/660/KEE.

2. Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti li t-tpaċija msemmija fl-Artikolu 19(1) u t-tneħħija msemmija fl-Artikolu 26(1)(a) u (b) ma jiġux effettwati meta l-limiti msemmija qabel huma kalkolati. F'dak il-każ, il-limiti għat-total tal-karta tal-bilanċi u l-kriterji tat-turnover net għandhom jiżdiedu b'20 %.

3. L-Artikolu 12 tad-Direttiva 78/660/KEE għandu japplika għall-kriterji ta' hawn fuq.

4. Dan l-Artikolu ma għandux japplika meta waħda mill-impriżi li għandha tiġi konsolidata hija kumpannija li s-sigurtajiet tagħha ġew aċċettati fl-elenku uffiċjali f'borża stabbilita fi Stat Membru.

5. Għal għaxar snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 49(2), l-Istati Membri jistgħu jimmoltiplikaw il-kriterji espressi f'eku sa 2,5 u jistgħu jżidu n-numru medju ta' persuni impjegati matul is-sena finanzjarja sa massimu ta' 500.

Artikolu 7

1. Minkejja l-Artikoli 4(2), 5 u 6, Stat Membru għandu jeżenta mill-obbligu impost fl-Artikolu 1(1) kull impriża ewlenija regolata bil-liġi nazzjonali tiegħu li hija wkoll impriża sussidjarja tagħha jekk l-impriża omm tagħha stess hija regolata bil-liġi ta' Stat Membru fiż-żewġ każijiet li ġejjin:

(a) meta dik l-impriża ewlenija jkollha l-ishma kollha ta' l-impriża eżentata. L-ishma f'dik l-impriża miżmuma minn membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza skond obbligu fil-liġi jew fil-memorandum jew statut ta' assoċjazzjoni għandhom jiġu injorati għal dan l-iskop; jew

(b) meta dik l-impriża ewlenija jkollha 90 % jew iżjed ta' l-ishma fl-impriża eżentata u l-bqija ta' l-azzjonisti jew membri ta' dik l-impriża approvaw l-eżenzjoni.

Sa fejn il-liġijiet ta' Stat Membru jippreskrivu konsolidazzjoni f'dan il-każ fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, dak l-Istat Membru ma għandux għalfejn japplika din id-dispożizzjoni għal għaxar snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 49(2).

2. L-eżenzjoni għandha tkun taħt il-kondizzjoni li jiġu mħarsa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) l-impriża eżentata u, bla ħsara għall-Artikoli 13, 14 u 15, l-impriżi sussidjarji kollha tagħha għandhom jiġu konsolidati fil-kontijiet ta' korp ikbar ta' impriżi, li l-impriża ewlenija tagħhom hija regolata bil-liġi ta' Stat Membru;

(b) (aa) il-kontijiet konsolidati msemmija f'(a) ta' hawn fuq u r-rapport annwali konsolidat tal-korp ikbar ta' impriżi għandhom isiru mill-impriża omm ta' dak il-korp u verifikati, skond il-liġi ta' l-Istat Membru li biha hija regolata l-impriża ewlenija ta' dak il-korp ikbar ta' impriżi, skond din id-Direttiva;

(bb) il-kontijiet konsolidati msemmija f'(a) ta' hawn fuq u r-rapport annwali konsolidat imsemmi f'(aa) ta' hawn fuq, ir-rapport mill-persuna responsabbli għall-verifika ta' dawk il-kontijiet u, meta xieraq, l-appendici msemmi fl-Artikolu 9 għandhom jiġu pubblikati għall-impriża eżentata bil-mod preskritt mil-liġi ta' l-Istat Membru li jirregola dik l-impriża skond l-Artikolu 38. Dak l-Istat Membru jista' jeħtieġ li dawk id-dokumenti għandhom jiġu pubblikati fl-ilsien uffiċjali tiegħu u li tiġi ċertifikata t-traduzzjoni;

(ċ) in-noti tal-kontijiet annwali ta' l-impriża eżentata għandhom juru:

(aa) l-isem u uffiċċju reġistrat ta' l-impriża omm li tfassal il-kontijiet konsolidati msemmija f'(a) ta' hawn fuq; u

(bb) l-eżenzjoni mill-obbligu li jitfasslu kontijiet konsolidati u rapport annwali konsolidat.

3. Stat Membru ma għandux bżonn, madankollu, japplika dan l-Artikolu għal kumpanniji li t-titoli tagħhom ġew ammessi fl-elenku uffiċjali ta' borża stabbilita fi Stat Membru.

Artikolu 8

1. F'każijiet mhux regolati bl-Artikolu 7(1), Stat Membru jista', bla ħsara għall- l-Artikoli 4(2), 5 u 6, jeżenta mill-obbligu impost fl-Artikolu 1(1) kull impriża ewlenija regolata bil-liġi nazzjonali tiegħu li hija wkoll impriża sussidjarja, l-impriża ewlenija li hija regolata bil-liġi nazzjonali ta' Stat Membru, basta li l-kondizzjonijiet kollha mniżżla fl-Artikolu 7(2) jitwettqu u li l-azzjonisti jew membri ta' l-impriża eżentata li għandhom proporzjon minimu tal-kapital sottoksritt ma talbux il-preparazzjoni ta' kontijiet konsolidati għall-inqas sitt xhur qabel l-aħħar tas-sena finanzjarja l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu dak il-proporzjon għal mhux iżjed minn 10 % għal kumpanniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata u għal soċjetajiet limitati b'kapital ta' ishma, u għal mhux iżjed minn 20 % għal impriżi ta' tipi oħra.

2. Stat Membru jista' ma jagħmilhiex kundizzjoni għal din l-eżenzjoni li l-impriża ewlenija li preparat il-kontijiet konsolidati deskritti fl-Artikolu 7(2)(a) għandha wkoll tiġi regolata bil-liġi nazzjonali tiegħu.

3. Stat Membru ma jistax jagħmel eżenzjoni suġġetta għal kondizzjonijiet dwar il-preparazzjoni u verifika tal-kontijiet konsolidati msemmija fl-Artikolu 7(2)(a).

Artikolu 9

1. Stat Membru jista' jagħmel l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikoli 7 u 8 dipendenti mill-indikazzjoni ta' iktar informazzjoni, skond din id-Direttiva, fil-kontijiet konsolidati msemmija fl-Artikolu 7(2)(a), jew f'appendiċi tiegħu, jekk dik l-informazzjoni hija meħtieġa minn impriżi regolati bil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru li huma obbligati jippreparaw kontijiet konsolidati u huma fl-istess ċirkostanzi.

2. Stat Membru jista' ukoll jagħmel l-eżenzjoni dipendenti mill-indikazzjoni, fin-noti tal-kontijiet konsolidati msemmija fl-Artikolu 7(2)(a), jew fil-kontijiet annwali ta' l-impriża eżentata, ta' l-informazzjoni kollha li ġejja jew xi ftit minnha dwar il-korp ta' impriżi, li l-impriża ewlenija tiegħu tkun qed teżenta mill-obbligu li jfassal kontijiet konsolidati:

- l-ammont ta' attiv fiss,

- it-turnover nett,

- il-qligħ jew telf għas-sena finanzjarja u l-ammont tal-kapital u riżervi,

- in-numru medju ta' persuni impjegati matul is-sena finanzjarja.

Artikolu 10

L-Artikoli 7 sa 9 ma għandhomx jaffettwaw kull leġislazzjoni ta' Stat Membru dwar it-tfassil ta' kontijiet konsolidati jew rapporti annwali konsolidati sa fejn dawk id-dokumenti huma meħtieġa:

- għall-informazzjoni ta' impjegati jew tar-rappreżentanti tagħhom, jew

- minn awtorità amminstrattiva jew ġudizzjarja għall-iskopijiet tagħha stess.

Artikolu 11

1. Bla ħsara għall-Artikoli 4(2), 5 u 6, Stat Membru jista' jeżenta mill-obbligu impost fl-Artikolu 1(1) kull impriża ewlenija regolata bil-liġi nazzjonali tiegħu li hija wkoll impriża sussidjarja ta' impriża omm li m`hiex regolata bil-liġi ta' Stat Membru, jekk il-kondizzjoniiet kollha li ġejjin jitħarsu:

(a) l-impriża eżentata u, bla ħsara għall-Artikoli 13, 14 u 15, l-impriżi sussidjarji kollha tagħha għandhom jiġu konsolidati fil-kontijiet ta' korp ikbar ta' impriżi,

(b) il-kontijiet konsolidati msemmija f'(a) ta' hawn fuq u, meta xieraq, ir-rapport annwali konsolidat għandhom isiru skond din id-Direttiva jew b'mod ekwivalenti għal kontijiet konsolidati u rapporti annwali konsolidati magħmula skond din id-Direttiva;

(ċ) il-kontijiet konsolidati msemmija f'(a) ta' hawn fuq ġew verifikati minn persuna waħda jew iktar awtorizzati biex jivverifikaw il-kontijiet skond il-liġi nazzjonali li tirregola l-impriża li għamlithom.

2. L-Artikoli 7(2)(b) (bb) u (ċ) u 8 sa 10 għandhom japplikaw.

3. Stat Membru jista' jiddisponi għal eżenzjonijiet taħt dan l-Artikolu biss jekk jiddisponi għall-istess eżenzjonijiet taħt l-Artikoli 7 sa 10.

Artikolu 12

1. Bla ħsara għall-Artikoli 1 sa 10 Stat Membru jista' jeħtieġ li kull impriża regolata bil-liġi nazzjonali tiegħu biex tagħmel kontijiet konsolidati u rapport annwali konsolidat jekk:

(a) dik l-impriża u impriża waħda jew iżjed li m`humiex konnessi magħha, kif deskritt fl-Artikolu 1(1) jew (2), huma amministrati fuq bażi unifikata skond kuntratt konkluż ma' dik l-impriża jew dispożizzjonijiet fil-memorandum jew statut ta' assoċjazzjoni ta' dawk l-impriżi; jew

(b) il-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza ta' dik l-impriża u ta' impriża waħda jew iżjed li m`humiex konnessi magħha, kif deskritt fl-Artikolu 1(1) jew (2), jikkonsistu fil-biċċa l-kbira mill-istess persuni fil-kariga matul is-sena finanzjarja u sakemm isiru l-kontijiet konsolidati.

2. Meta jiġi applikat paragrafu 1 ta' hawn fuq, impriżi relattati kif definit f'dak il-paragrafu flimkien ma' l-impriżi sussidjarji kollha tagħhom għandhom ikunu impriżi li għandhom jiġu konsolidati, kif definit f'din id-Direttiva, meta impriża waħda jew iktar minn dawk l-impriżi tiġi stabbilita bħala waħda mit-tipi ta' kumpannija elenkati fl-Artikolu 4.

3. L-Artikoli 3, 4 (2), 5, 6, 13 sa 28, 29 (1), (3), (4) u (5), 30 sa 38 u 39 (2) għandhom japplikaw għall-kontijiet konsolidati u r-rapport annwali konsolidat regolati minn dan l-Artikolu, filwaqt li riferenzi għal impriżi ewlenin għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-impriżi kollha speċifikati fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq. Bla ħsara għall-Artikolu 19(2), iżda, l-entrati "kapital", kont ta' premiums ta' "ishma", "riżerva" ta' valutazzjoni mill-ġdid, "riżervi", "qligħ jew telf li jinġieb 'il quddiem", u "qligħ jew telf għas-sena finanzjarja", li għandhom jiġu magħdudin fil-kontijiet konsolidati għandhom ikunu l-ammonti kollha li jiġu attribwiti lil kull waħda mill-impriżi speċifikati fil-paragrafu 1.

Artikolu 13

1. Impriża m'hemmx għalfejn tiġi inkluża f'kontijiet konsolidati meta m`hiex importanti għall-finijiet ta' l-Artikolu 16(3).

2. Meta żewġ impriżi jew iktar jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' paragrafu 1 ta' hawn fuq, huma għandhom madankollu jiġu inklużi f'kontijiet konsolidati jekk, b'mod ġenerali, huma importanti għall-finijiet ta' l-Artikolu 16(3).

3. Barra hekk, impriża m'hemmx għalfejn tiġi inkluża f'kontijiet konsolidati meta:

(a) restrizzjonijiet severi u fit-tul ifixklu sostanzjalment:

(aa) l-impriża ewlenija fl-eżerċizzju tal-jeddijiet tagħha fuq l-attiv jew l-amministrazzjoni ta' dik l-impriża; jew

(bb) l-eżerċizzju ta' amministrazzjoni magħquda ta' dik l-impriża meta qiegħda f'waħda mir-relazzjonijet definiti fl-Artikolu 12(1); jew

(b) l-informazzjoni meħtieġa għall-preparazzjoni ta' kontijiet konsolidati skond din id-Direttiva ma tistax tinkiseb mingħajr spiża sproporzjonata jew dewmien żejjed; jew

(ċ) l-ishma ta' dik l-impriża huma miżmuma esklussivament bl-għan li jerġgħu jinbiegħu mill-ġdid.

Artikolu 14

1. Meta l-attivitajiet ta' impriża waħda jew iktar li għandhom jiġu konsolidati huma tant differenti li l-inklużjoni tagħhom fil-kontijiet konsolidati tkun inkompatibbli ma' l-obbligu impost fl-Artikolu 16(3), dawk l-impriżi għandhom, bla ħsara għall- l-Artikolu 33 ta' din id-Direttiva, jiġu esklużi mill-konsolidazzjoni.

2. Il-paragrafu 1 ta' hawn fuq ma għandux ikun applikabbli biss permezz tal-fatt li l-impriżi li għandhom jiġu konsolidati huma parti industrijali, parti kummerċjali, u parti jagħtu servizzi, jew għaliex dawk l-impriżi jwettqu attivitajiet industrijali jew kummerċjali li jinvolvu prodotti differenti jew jagħtu servizzi differenti.

3. Kull applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta' hawn fuq u r-raġunijiet għaliha għandhom jintwerew fin-noti tal-kontijiet. Meta l-kontijiet annwali jew konsolidati ta' l-impriżi hekk esklużi mill-konsolidazzjoni m`humiex ippubblikati fl-istess Stat Membru skond id-Direttiva 68/151/KEE [6], huma għandhom ikunu mehmuża mal-kontijiet konsolidati jew magħmula disponibbli għall-pubbliku. F'dan l-aħħar każ għandu jkun possibbli li tinkiseb kopja ta' dawk id-dokumenti fuq talba. Il-prezz ta' dik il-kopja ma għandux ikun iżjed mill-ispiża amministrattiva tagħha.

Artikolu 15

1. Stat Membru jista', għall-finijiet ta' l-Artikolu 16(3), jippermetti l-omissjoni minn kontijiet konsolidati ta' kull impriża omm li ma tmexxix xi attività industrijali jew kummerċjali li għandha ishma f'impriża sussidjarja fuq il-bażi ta' ftehim konġunt ma' impriża waħda jew iżjed li m`humiex inklużi fil-kontijiet konsolidati.

2. Il-kontijiet annwali ta' l-impriża ewlenija għandhom jiġu mehmuża mal-kontijiet konsolidati.

3. Meta jsir użu minn din id-deroga, jew l-Artikolu 59 tad-Direttiva 78/660/KEE għandu japplika għall-kontijiet annwali ta' l-impriża ewlenija jew għandha tingħata l-informazzjoni li kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tagħha fin-noti ta' dawk il-kontijiet

TAQSIMA 2

Il-preparazzjoni ta' kontijiet konsolidati

Artikolu 16

1. Kontijiet konsolidati għandu jkun fihom il-karta konsolidata tal-bilanci, il-kont konsolidat tal-qligħ u telf u n-noti tal-kontijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jikkostitwixxu ħaġa sħiħa komposta.

2. Kontijiet konsolidati għandhom isiru b'mod ċar u skond din id-Direttiva.

3. Kontijiet konsolidati għandhom jagħtu stampa sewwa u xierqa ta' l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew telf ta' l-impriżi inklużi fihom meħuda b'mod ġenerali.

4. Meta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma tkunx biżżejjed biex tagħti stampa sewwa u xierqa fis-sens tal-paragrafu 3 ta' hawn fuq, għandha tingħata informazzjoni iżjed.

5. Meta f'każijiet eċċezzjonali l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni ta' l-Artikoli 17 sa 35 u 39 hija inkompatibbli ma' l-obbligu fil-paragrafu 3 ta' hawn fuq, dik id-dispożizzjoni trid titwarrab sabiex tingħata stampa sewwa u xierqa fis-sens tal-paragrafu 3. Kull twarrib bħal dak għandu jintwera fin-noti tal-kontijiet flimkien ma' spjegazzjoni tar-raġunijiet għalih u dikjarazzjoni dwar l-effett tiegħu fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew telf. L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-każijiet eċċezzjonali relattivi u jispeċifikaw ir-regoli speċjali rilevanti.

6. Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti l-indikazzjoni fil-kontijiet konsolidati ta' informazzjoni oħra kif ukoll dak li għandu jintwera skond din id-Direttiva.

Artikolu 17

1. L-Artikoli 3 sa 10, 13 sa 26 u 28 sa 30 tad-Direttiva 78/660/KEE għandhom japplikaw relattivament għat-taqsim tal-kontijiet konsolidati, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u b'konsiderazzjoni ta' l-aġġustamenti essenzjali li jirriżultaw mill-karatteristiċi partikolari ta' kontijiet konsolidati kif imqabbla ma' kontijiet annwali.

2. Meta jkun hemm ċirkostanzi speċjali li jinvolvu spiża żejda Stat Membru jista' jippermetti li ħażniet jingħaqdu fil-kontijiet konsolidati.

Artikolu 18

L-attiv u l-passiv ta' impriżi inklużi f'konsolidazzjoni għandhom jiġu inkorporati sħaħ fil-karta konsolidata tal-bilanċi.

Artikolu 19

1. Il-valuri imniżżla fil-kotba ta' ishma fil-kapital ta' impriżi inklużi f'konsolidazzjoni għandhom jitpaċew mal-proporzjon li huma jirrappreżentaw tal-kapital u r-riżervi ta' dawk l-impriżi:

(a) dik-it-tpaċija għandha tiġi effettwata fuq il-bażi tal-valuri mniżżla fil-kotba fid-data li fiha dawk l-impriżi huma inklużi fil-konsolidazzjonijiet għall-ewwel darba differenzi li joħorġu minn dik it-tpaċija għandhom sa fejn possibbli jiġu reġistrati direttament kontra dawk l-entrati fil-karta konsolidata tal-bilanċi li għandhom valuri ogħla jew iktar baxxi mill-valuri tagħhom imniżżla fil-kotba.

(b) Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti tpaċija fuq il-bażi tal-valuri ta' attiv u passiv identifikabbli fid-data ta' akkwist ta' l-ishma jew, fil-każ ta' akkwist f'żewġ stadji jew iktar, fid-data li fiha l-impriża saret sussidjarja.

(ċ) kull differenza li tibqa' wara l-applikazzjoni ta' (a) jew li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' (b) għandha tintwera bħala entrata separata fil-karta konsolidata tal-bilanċi b'intestatura xierqa. Dik l-entrata, il-metodi wżati u kull tibdil sinifikanti dwar is-sena finanzjarja ta' qabel għandhom jiġu spjegati fin-noti tal-kontijiet. Meta t-tpaċija ta' differenzi pożittivi u negattivi hija awtorizzata minn Stat Membru, taqsim ta' dawk id-differenzi għandu jingħata wkoll fin-noti tal-kontijiet.

2. Madankollu, il-paragrafu 1 ta' hawn fuq ma għandux japplika għal ishma fil-kapital ta' l-impriża ewlenija miżmuma jew minn dik l-impriża innifisha jew minn impriża oħra inkluża fil-konsolidazzjoni. Fil-kontijiet konsolidati dawk l-ishma għandhom jiġu trattati bħala ishma tagħhom stess skond id-Direttiva 78/660/KEE.

Artikolu 20

1. Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti li l-valuri mniżżla fil-kotba ta' ishma miżmuma fil-kapital ta' impriża inkluża fil-konsolidazzjoni biex jiġu paċuti mal-perċentwal li jikkorrispondi tal-kapital biss, basta:

(a) li l-ishma miżmuma jirrappreżentaw għall-inqas 90 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-valur tal-parità fil-kontijiet ta' l-ishma ta' dik l-impriża minbarra ishma ta' l-ispeċi deskritta fl-Artikolu 29(2)(a) tad-Direttiva 77/91/KEE [7];

(b) il-proporzjon imsemmi f'(a) ta' hawn fuq inkiseb skond ftehim li jiddisponi għall-ħruġ ta' ishma minn impriża inkluża fil-konsolidazzjoni; u

(ċ) il-ftehim imsemmi f'(b) ta' hawn fuq ma inkludiex ħlas bil-flus li jkun iżjed minn 10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-valur tal-parità fil-kontijiet ta' l-ishma maħruġa.

2. Kull differenza li toħroġ taħt il-paragrafu 1 ta' hawn fuq għandha tiżdied jew titnaqqas minn riżervi konsolidati kif xieraq.

3. L-applikazzjoni tal-metodu deskritt fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq, il-moviment li jirriżulta f'riservi u l-ismijiet u uffiċċji reġistrati ta' l-impriżi konċernati għandhom jintwerew fin-noti tal-kontijiet.

Artikolu 21

L-ammont li jista' ikun attribwit lil ishma f'impriżi sussidjarji inklużi fil-konsolidazzjoni miżmuma minn persuni minbarra l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni għandhom jintwerew fil-karta konsolidata tal-bilanċi bħala entrati separati b'intestatura xierqa.

Artikolu 22

Id-dħul u l-infiq ta' impriżi inklużi f'konsolidazzjoni għandhom jiġu inkorporati sħaħ fil-kont konsolidat ta' qligħ u telf.

Artikolu 23

L-ammont ta' kull qligħ jew telf li jista' jkun attribwit lil ishma f'impriżi sussidjarji inklużi fil-konsolidazzjoni miżmuma minn persuni minbarra l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni għandhom jintwerew fil-kont konsolidat tal-qligħ u telf bħala entrata separata b'intestatura xierqa.

Artikolu 24

Kontijiet konsolidati għandhom isiru skond il-prinċipji enunzjati fl-Artikoli 25 sa 28.

Artikolu 25

1. Il-metodi ta' konsolidazzjoni għandhom jiġu applikati konsistentement minn sena finanzjarja waħda għal oħra.

2. Derogi mid-disposizzjoniijet tal-paragrafu 1 ta' hawn fuq għandhom jitħallew f'każijiet eċċezzjonali. Derogi bħal dawk għandhom jintwerew fin-noti tal-kontijiet u r-raġunijiet għalihom għandhom jingħataw flimkien ma' valutazzjoni ta' l-effett tagħhom fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew telf ta' l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meħuda b'mod ġenerali.

Artikolu 26

1. Kontijiet konsolidati għandhom juru l-attiv, il-passiv, il-pożizzjonijiet finanzjarji u l-qligħ jew telf ta' l-impriżi inklużi f'konsolidazzjoni bħallikieku dawn ta' l-aħħar kienu impriża waħda. B'mod partikolari:

(a) djun u pretensjonijiet bejn l-impriżi inklużi f'konsolidazzjoni għandhom jitneħħew mill-kontijiet konsolidati;

(b) dħul u nfiq li għandu x'jaqsam ma' transazzjonijiet ta' ishma bejn l-impriżi inklużi f'konsolidazzjoni għandhom jitneħħew mill-kontijiet konsolidati,;

(ċ) meta qligħ u telf li jirriżultaw minn transazzjonijiet bejn l-impriżi inklużi f'konsolidazzjoni huma inklużi fil-valuri ta' l-attiv mogħtija fil-kotba, għandhom jitneħħew mill-kontijiet konsolidati. Sakemm ikun hemm konsolidazzjoni oħra, iżda, Stat Membru jista' jippermetti li t-tneħħija imsemmija hawn fuq tiġi effettwata proporzjonatament mal-perċentwal tal-kapital miżmum mill-impriża ewlenija f'kull impriża sussidjarja inkluża fil-konsolidazzjoni.

2. Stat Membru jista' jippermetti derogi mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 (ċ) ta' hawn fuq meta ġiet konkluża transazzjoni skond il-kondizzjonijiet normali tas-suq u meta t-tneħħija tal-qligħ jew telf kienu jinvolvu spiża żejda. Kull deroga bħal dik għandha tintwera u meta l-effett fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew telf ta' l-impriżi, inklużi fil-konsolidazzjoni, meħuda b'mod ġenerali, huwa importanti, dak il-fatt għandu jintwera fin-noti tal-kontijiet konsolidati.

3. Derogi mid-dispożizzjonijiet tal- paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ) ta' hawn fuq għandhom jitħallew meta l-ammonti konċernati m`humiex importanti għall-finijiet ta' l-Artikolu 16(3).

Artikolu 27

1. Kontijiet konsolidati għandhom isiru fl-istess data bħall-kontijiet annwali ta' l-impriża ewlenija.

2. Stat Membru jista', iżda, jeħtieġ jew jippermetti li jsiru kontijiet konsolidati f'data oħra sabiex tittieħed konsiderazzjoni tad-dati tal-karta tal-bilanċi ta' l-ikbar numru jew l-iktar importanti mill-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni. Meta jsir użu minn dik id-deroga dak il-fatt għandu jintwera fin-noti tal-kontijiet konsolidati flimkien mar-raġunijiet għaliha. Barra hekk, għandu jittieħed kont ta', jew jintwerew il-każijiet importanti dwar l-attiv u l-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja jew il-qligħ jew telf ta' impriża inkluża f'konsolidazzjoni li seħħew bejn dik id-data tal-karta tal bilanċi tal-impriża u d-data tal-karta konsolidata tal-bilanċi

3. Meta d-data tal-karta tal-bilanċi ta' impriża tiġi qabel id-data tal-karta konsolidata tal-bilanċi b'iktar minn tliet xhur, dik l-impriża għandha tiġi konsolidata fuq il-bażi ta' kontijiet interim magħmula fid-data tal-karta tal-bilanċi konsolidata.

Artikolu 28

Jekk il-kompożizzjoni ta' l-impriżi inklużi f'konsolidazzjoni inbidlet b'mod sinifikanti fil-kors ta' sena finanzjarja, il-kontijiet konsolidati għandhom jinkludu informazzjoni li tagħmel sinifikattiv il-qbil ta' settijiet suċċessivi ta' kontijiet konsolidati. Meta dik il-bidla hija waħda prinċipali, Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti li dan l-obbligu għandu jitwettaq bil-preparazzjoni ta' karta tal-bilanċi tal-ftuħ aġġustata u kont aġġustat ta' qligħ u telf.

Artikolu 29

1. Attiv u passiv li għandhom jiġu inklużi f'kontijiet konsoldati għandhom jiġu valutati skond metodi uniformi u skond l-Artikoli 31 sa 42 u 60 tad-Direttiva 78/660/KEE.

2. (a) impriża li tagħmel kontijiet konsolidati għandha tapplika l-istess metodi ta' valutazzjoni bħal fil-kontijiet annwali tagħha. Iżda, Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti l-użu f'kontijiet konsolidati ta' metodi oħra ta' valutazzjoni skond l-Artikoli msemmija hawn fuq tad- Direttiva 78/660/KEE.

(b) meta jsir użu minn din id-deroga dak il-fatt għandu jintwera fin-noti tal-kontijiet konsolidati u għandhom jingħataw ir-raġunijiet għalih.

3. Meta attiv u passiv li għandhom jiġu inklużi f'kontijiet konsolidati ġew valutati minn impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni b'metodi li jvarjaw minn dawk użati għall-konsolidazzjoni, huma għandhom jiġu valutati mill-ġdid skond il-metodi wżati għall-konsolidazzjoni, kemm-il darba r-riżultati ta' dik il-valutazzjoni mill-ġdid m`humiex importanti għall-finijiet ta' l-Artikolu 16(3). Tbegħid minn dan il-prinċipju għandu jitħalla f'każijiet eċċezzjonali. Kull tbegħid bħal dak għandu jintwera fin-noti tal-kontijiet konsolidati u għandhom jingħataw ir-raġunijiet għalih.

4. Għandu jittieħed kont fil-karta konsolidata tal-bilanċi u fil-kont konsolidat tal-qligħ u telf ta' kull differenza li toħroġ mal-konsolidazzjoni bejn it-taxxa dovuta għas-sena finanzjarja u għas-snin finanzjarji ta' qabel u l-ammont ta' taxxa mħallsa jew li għandha titħallas relattivament għal dawk is-snin, basta li huwa probabbli li jinħoloq ħlas attwali ta' taxxa fil-futur qrib għal waħda mill-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni.

5. Meta attiv li għandu jiġi inkluż f'kontijiet konsolidati kien is-suġġett ta' aġġustamenti eċċezzjonali tal-valur għal skopijiet esklussivament ta' taxxa, dan għandu jiġi inkorporat fil-kontijiet konsolidati biss wara li jkunu ġew eliminati dawk l-aġġustamenti. Stat Membru jista', iżda, jeħtieġ jew jippermetti li dak l-attiv jiġi inkorporat fil-kontijiet konsolidati mingħajr it-tneħħija ta' l-aġġustamenti, basta li l-ammonti tagħhom, flimkien mar-raġunijiet għalihom, jintwerew fin-noti tal-kontijiet konsolidati.

Artikolu 30

1. Entrata separata kif definita fl-Artikolu 19(1)(ċ) li tikkorrispondi għal differenza posittiva tal-konsolidazzjoni għandha tiġi trattata skond ir-regoli li hemm fid-Direttiva 78/660/KEE għall-entrata "avvjament".

2. Stat Membru jista' jippermetti differenza posittiva ta' konsolidazzjoni li għandha titnaqqas minnufih u b'mod ċar minn riservi.

Artikolu 31

Ammont li jidher bħala entrata separata, kif definit fl-Artikolu 19(1)(ċ), li jikkorrispondi għal differenza negattiva tal-konsolidazzjoni jista' jiġi trasferit fil-kont konsolidat ta' qligħ u telf biss:

(a) meta dik id-differenza tikkorrispondi għall-istennija fid-data ta' l-akkwist ta' riżultati futuri u mhux favorevoli f'dik l-impriża, jew għall-istennija ta' spejjeż li dik l-impriża kienet teħel, sa fejn isseħħ dik l-istennija; jew

(b) sa fejn dik id-differenza tikkorrispondi għal qligħ li jkun sar.

Artikolu 32

1. Meta impriża inkluża f'konsolidazzjoni tamministra impriża oħra flimkien ma' impriża waħda jew aktar mhux inklużi f'dik il-konsolidazzjoni, Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti l-inklużjoni ta' dik l-impriża l-oħra fil-kontijiet konsolidati bi proporzjon għall-jeddijiet fil-kapital tagħha li jkun fl-impriża inkluża fil-konsolidazzjoni.

2. L-Artikoli 13 sa 31 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-konsolidazzjoni proporzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq.

3. Meta dan l-Artikolu huwa applikat, l-Artikolu 33 ma għandux japplika jekk l-impriża konsolidata proporzjonalment hija impriża assoċjata kif imfisser fl-Artikolu 33.

Artikolu 33

1. Meta impriża inkluża f'konsolidazzjoni teżercita influwenza sinifikanti fuq il-politika ta' ħidma u finanzjarja ta' impriża mhux inkluża fil-konsolidazzjoni (impriża assoċjata) li fiha għandha interess parteċipanti, kif imfisser fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 78/660/KEE, dak l-interess parteċipanti għandu jintwera fil-karta konsolidata tal-bilanċi bħala entrata separata b'intestatura xierqa. Impriża għandha titqies li teżerċita influwenza sinifikanti fuq impriża oħra meta jkollha 20 % jew iktar tal-jeddijiet għall-vot ta' l-azzjonisti jew membri f'dik l-impriża. L-Artikolu 2 għandu japplika.

2. Meta dan l-Artikolu huwa applikat għall-ewwel darba għal interess parteċipanti kopert bil-paragrafu 1 ta' hawn fuq, dak l-interess parteċipanti għandu jintwera fil-karta konsolidata tal-bilanċi jew:

(a) bil-valur tiegħu fil-kotba ikkalkolat skond ir-regoli ta' valutazzjoni li hemm fid-Direttiva 78/660/KEE. Id-differenza bejn dak il-valur u l-ammont li tikkorrispondi għall-proporzjon ta' kapital u riservi rappreżentati b'dak l-interess parteċipanti għandha tintwera separatament fil-karta konsolidata tal-bilanċi jew fin-noti tal-kontijiet. Dik id-differenza għandha tiġi kalkolata fid-data li fiha jkun użat dak il-metodu għall-ewwel darba; jew

(b) b'ammont li jikkorrispondi għall-proporzjon tal-kapital u riservi ta' l-impriżi assoċjati rappreżentati b'dak l-interess parteċipanti. Id-differenza bejn dak l-ammont u l-valur fil-kotba kalkolat skond ir-regoli ta' valutazzjoni li hemm fid-Direttiva 78/660/KEE għandha tintwera separatament fil-karta konsolidata tal-bilanci jew fin-noti tal-kontijiet. Dik id-differenza għandha tiġi kalkolata fid-data li fiha jkun użat dak il-metodu għall-ewwel darba.

(ċ) Stat Membru jista' jippreskrivi l-applikazzjoni ta' wieħed jew iktar ta' (a) u (b) ta' hawn fuq. Il-karta konsolidata tal-bilanċi jew in-noti tal-kontijiet għandhom jindikaw jekk ġiex użat (a) jew (b).

(d) barra hekk, għall-finijiet ta' (a) u (b) ta' hawn fuq, Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti l-kalkolu tad-differenza fid-data ta' akkwist ta' l-ishma jew, meta huma ġew akkwistati f'żewġ stadji jew iktar, fid-data li fiha l-impriża saret impriża assoċjata.

3. Meta attiv u passiv ta' impriżi assoċjati ġew valutati b'metodi minbarra dawk użati għal konsolidazzjoni skond l-Artikolu 29(2), huma jistgħu, għall-iskop ta' kalkolu tad-differenza msemmija fil-paragrafu 2 (a) jew (b) ta' hawn fuq, jiġu valutati mill-ġdid bil-metodi wżati għal konsolidazzjoni. Meta dik il-valutazzjoni mill-ġdid ma ġietx imwettqa dak il-fatt għandu jintwera fin-noti tal-kontijiet. Stat Membru jista' jeħtieġ dik il-valutazzjoni mill-ġdid.

4. Il-valur fil-kotba imsemmi fil-paragrafu 2 (a) ta' hawn fuq, jew l-ammont li jikkorrispondi għall-proporzjon tal-kapital u riservi ta' l-impriżi assoċjati msemmija fil-paragrafu 2 (b) ta' hawn fuq, għandu jiżdied jew jitnaqqas bl-ammont ta' kull varjazzjoni li saret matul is-sena finanzjarja fil-proporzjon tal-kapital u riservi ta' l-impriżi assoċjati rappreżentati b'dak l-interess parteċipanti; huwa għandu jitnaqqas bl-ammont tad-dividendi li jirreferixxu għal dak l-interess parteċipanti.

5. Sa fejn id-differenza pozittiva msemmija fil-paragrafu 2 (a) jew (b) ta' hawn fuq ma tistax tirreferixxi għal xi kategorija ta' attiv jew passiv hija għandha tiġi trattata skond l-Artikoli 30 u 39 (3).

6. Il-proporzjon tal-qligħ jew telf ta' l-impriżi assoċjati li jista' jkun attribwit lil dawk l-interessi parteċipanti għandu jintwera fil-kont konsolidat ta' qligħ u telf bħala entrata separata taħt intestatura xierqa.

7. It-tneħħija msemmija fl-Artikolu 26(1)(ċ) għandha tiġi effettwata sa fejn il-fatti huma magħrufa jew jistgħu jkunu aċċertati. L-Artikolu 26(2) u (3) għandu japplika.

8. Meta impriża assoċjata tagħmel kontijiet konsolidati, id-dispożizzjonijiet ta' qabel għandhom japplikaw għall-kapital u r-riservi murija f'dawk il-kontijiet konsolidati.

9. Dan l-Artikolu m'għandux għalfejn jiġi applikat meta l-interess parteċipanti fil-kapital ta' l-impriża assoċjata m`huwiex importanti għall-finijiet ta' l-Artikolu 16(3).

Artikolu 34

B'żieda ma' l-informazzjoni meħtieġa taħt disposizzjonijet oħra ta' din id-Direttiva, in-noti tal-kontijiet għandhom jagħtu informazzjoni għall-inqas dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

1. Il-metodi ta' valutazzjoni applikati għall-entrati diversi fil-kontijiet konsolidati, u l-metodi użati fil-kalkolu ta' l-aġġustamenti fil-valur għal entrati inklużi fil-kontijiet konsolidati li huma jew kienu oriġinarjament espressi fi flus barranin il-bażijiet ta' konverżjoni użati biex tesprimihom fil-flus li bihom isiru l-kontijiet konsolidati għandhom jintwerew.

2. (a) l-ismijiet u l-uffiċċji reġistrati ta' l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni; il-proporzjon tal-kapital miżmum f'impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni, minbarra l-impriża ewlenija, mill-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni jew minn persuni li jaġixxu f'isimhom stess iżda għan-nom ta' dawk l-impriżi; liema mill-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 u 12 (1) wara l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2 tkun ifformat il-bażi li fuqha twettqet il-konsolidazzjoni. L-indikazzjoni ta' din ta' l-aħħar tista', madankollu, titħalla barra meta l-konsolidazzjoni tkun twettqet fuq il-bażi ta' l-Artikolu 1(1)(a) u meta l-proporzjon tal-kapital u l-proporzjon tal-jeddijiet għall-vot miżmuma huma l-istess.

(b) l-istess informazzjoni għandha tingħata relattivament għal impriżi esklużi minn konsolidazzjoni skond l-Artikoli 13 u 14 u, bla ħsara għall-Artikolu 14(3), għandha tingħata spjegazzjoni għall-esklużjoni ta' l-impriżi msemmija fl-Artikolu 13.

3. (a) l-ismijiet u l-uffiċċji reġistrati ta' impriżi assoċjati ma' impriża inkluża fil-konsolidazzjoni kif deskritta fl-Artikolu 33(1) u l-proporzjon tal-kapital tagħhom miżmum minn impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni jew minn persuni li jaġixxu f'isimhom stess iżda għan-nom ta' dawk l-impriżi.

(b) l-istess informazzjoni għandha tingħata dwar l-impriżi assoċjati msemmija fl-Artikolu 33(9), flimkien mar-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni.

4. (a) l-ismijiet u l-uffiċċji reġistrati ta' impriżi proporzjonalment konsolidati skond l-Artikolu 32, il-fatturi li fuqhom hija bażata amministrazzjoni konġunta, u l-proporzjon tal-kapital tagħhom li jkollhom l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni jew persuni li jaġixxu f'isimhom stess iżda għan-nom ta' dawk l-impriżi.

5. L-isem u l-uffiċċju reġistrat ta' kull waħda mill-impriżi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' hawn fuq, li bihom impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni u dawk esklużi skond l-Artikolu 14, jew huma innifishom jew permezz ta' persuni li jaġixxu f'isimhom stess iżda għan-nom ta' dawk l-impriżi, ikollhom għall-inqas perċentwal tal-kapital li l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu għal iktar minn 20 %, li juri l-proporzjon tal-kapital li jkollhom, l-ammont tal-kapital u riservi, u l-qligħ jew telf ta' l-aħħar sena finanzjarja ta' l-impriża konċernata li għaliha ġew adottati l-kontijiet. Din l-informazzjoni tista' titħalla barra meta, għall-finijiet ta' l-Artikolu 16(3), hija biss ta' importanza żgħira. L-informazzjoni dwar kapital u riservi u l-qligħ jew telf tista' titħalla wkoll barra meta l-impriża konċernata ma tippubblikax il-karta tal-bilanċi tagħha u meta inqas minn 50 % tal-kapital tagħha ikun (direttament jew indirettament) ta' l-impriżi msemmija hawn fuq.

6. L-ammont totali muri bħala li għandu jingħata fil-karta konsolidata tal-bilanċi u li għandu jitħallas u li jista' jitħallas wara iktar minn ħames snin, kif ukoll l-ammont totali muri bħala li għandu jingħata fil-karta konsolidata tal-bilanċi u kopert b'sigurtà ta' valur mogħtija minn impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni, b'indikazzjoni tan-natura u forma tas-sigurtà.

7. L-ammont totali ta' kull obbligu finanzjarju li m`huwiex inkluż fil-karta konsolidata tal-bilanċi, sa fejn din l-informazzjoni hija ta' għajnuna fil-valutazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja ta' l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meħuda b'mod ġenerali. Kull obbligu dwar pensjonijiet u impriżi affiljati li mhumiex inklużi fil-konsolidazzjoni għandu jintwera separatament.

8. It-turnover nett konsolidat kif imfisser fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 78/660/KEE, imqassam f'kategoriji ta' attività u fi swieq ġeografiċi sa fejn, meta jittieħed kont tal-mod li bih huma organizzati b'mod ġenerali l-bejgħ ta' prodotti u l-provvista ta' servizzi li jaqgħu fi ħdan l-attivitajiet ordinarji ta' l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni, dawn il-kategoriji u swieq jiddifferixxu sostanzjalment minn xulxin.

9. (a) in-numru medju ta' persuni impjegati matul is-sena finanzjarja minn impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni imqassma f'kategoriji u, jekk ma jintwerewx separatament fil-kont konsolidat ta' qligħ u telf, l-ispejjeż tal-persunal li għandhom x'jaqsmu mas-sena finanzjarja.

(b) in-numru medju ta' persuni impjegati matul is-sena finanzjarja minn impriżi li għalihom ġie applikat l-Artikolu 32 għandu jintwera separatament.

10. Sa fejn il-kalkolu tal-qligħ jew telf konsolidat għas-sena finanzjarja ġie affettwat minn valutazzjoni ta' l-entrati li, b'deroga mill-prinċipji enunzjati fl-Artikoli 31 u 34 sa 42 tad-Direttiva 78/660/KEE u fl-Artikolu 29(5) ta' din id-Direttiva, sar fis-sena finanzjarja relattiva jew fis-sena finanzjarja ta' qabel bil-għan li jinkiseb tnaqqis mit-taxxa. Meta l-influwenza ta' dik il-valutazzjoni fuq il-ħlasijiet futuri tat-taxxa ta' l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meħuda b'mod ġenerali hija importanti, għandhom jintwerew dettalji.

11. Id-differenza bejn it-taxxa addebitata fil-kont konsolidat ta' qligħ u telf għas-sena finanzjarja u għal dawk ta' snin finanzjarji ta' qabel u l-ammont ta' taxxa li għandha titħallas relattivament għal dawk is-snin, previst li din id-differenza hija importanti għall-iskopijiet ta' tassazzjoni futura. Dan l-ammont jista' jintwera wkoll fil-karta tal-bilanċi bħala ammont kumulattiv taħt entrata separata b'intestatura xierqa.

12. L-ammont ta' qligħ mill-impiegi mogħti relattivament għas-sena finanzjarja lill-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza ta' l-impriża ewlenija u l-impriża sussidjarja tagħha, u kull obbligu li joħroġ jew isir taħt l-istess kondizzjonijiet li jirreferixxu għal pensjonijiet ta' irtirar għal membri ta' qabel ta' dawk il-korpi, b'indikazzjoni tat-total għal kull kategorija. Stat Membru jista' jeħtieġ li qligħ mill-impiegi mogħti għal responsabbiltajiet meħuda f'impriżi konnessi kif deskritt fl-Artikolu 32 jew 33 għandhom jiġu inklużi wkoll ma' l-informazzjoni speċifikata fl-ewwel sentenza.

13. L-ammont ta' self bil-quddiem u krediti mogħtija lill-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza ta' l-impriża ewlenija minn dik l-impriża jew minn waħda mill-impriżi sussidjarji tagħha, b'indikazzjoni tar-rati ta' l-interessi, kondizzjonijiet prinċipali u kull ammont imħallas lura, kif ukoll obbligi li jsiru għan-nom tagħhom permezz ta' garanzija ta' kull xorta b'indikazzjoni tat-total għal kull kategorija. Stat Membru jista' jeħtieġ li self bil-quddiem u krediti mogħtija minn impriżi konnessi kif deskritt fl-Artikolu 32 jew 33 għandhom jiġu inklużi wkoll ma' l-informazzjoni specifikata fl-ewwel sentenza.

Artikolu 35

1. Stat Membru jista' jippermetti li l-indikazzjoni preskritta fl-Artikolu 34(2), (3), (4) u (5):

(a) jieħu l-forma ta' dikjarazzjoni depożitata skond l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 68/151/KEE; dan għandu jintwera fin-noti tal-kontijiet;

(b) jitħalla barra meta n-natura tiegħu hija tali li kien ikun ta' ħsara serja għal kull waħda mill-impriżi milquta minn dawn id-dispożizzjonijiet. Stat Membru jista' jagħmel dawk l-omissjonijiet bla ħsara għal awtorizzazzjoni minn qabel amministrattiva jew ġudizzjarja. Kull omissjoni bħal dik għandha tintwera fin-noti tal-kontijiet.

2. Il-paragrafu 1 (b) għandu wkoll japplika għall-informazzjoni preskritta fl-Artikolu 34(8).

TAQSIMA 3

Ir-rapport annwali konsolidat

Artikolu 36

1. Ir-rapport annwali konsolidat għandu jinkludi għall-inqas reviżjoni ġusta ta' l-iżvilupp tan-negozju u l-pożizzjoni ta' l-impriżi inklużi fil-konsolidazzjoni meħuda b'mod ġenerali.

2. Relattivament għal dawk l-impriżi, ir-rapport għandu jagħti wkoll indikazzjoni ta':

(a) kull każ importanti li seħħ mit-tmiem tas-sena finanzjarja;

(b) l-iżvilupp probabbli u futur ta' dawk l-impriżi meħud b'mod ġenerali;

(ċ) l-attivitajiet ta' dawk l-impriżi meħuda b'mod ġenerali fil-kamp tar-riċerka u żvilupp;

(d) in-numru u l-valur nominali jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, il-valur tal-parità fil-kontijiet ta' l-ishma kollha ta' l-impriża omm li jkollha dik l-impriża nnifisha, l-impriżi sussidjarji ta' dik l-impriża jew il-persuna li taġixxi f'isimha stess iżda għan-nom ta' dawk l-impriżi. Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti li dawk id-dettalji jintwerew fin-noti tal-kontijiet.

TAQSIMA 4

Il-verifika ta' kontijiet konsolidati

Artikolu 37

1. Impriża li tlesti kontijiet konsolidati għandha teħtieġ li jiġu verifikati minn persuna waħda jew iżjed awtorizzati biex jivverifikaw kontijiet skond il-liġijiet ta' l-Istat Membru li jirregolaw dik l-impriża.

2. Il-persuna jew persuni responsabbli għall-verifika tal-kontijiet konsolidati għandhom ukoll jivverifikaw li r-rapport annwali konsolidat jaqbel mal-kontijiet konsolidati għall-istess sena finanzjarja.

TAQSIMA 5

Il-pubblikazzjoni ta' kontijiet konsolidati

Artikolu 38

1. Kontijiet konsolidati, approvati kif imiss, u r-rapport annwali konsolidat, flimkien ma' l-opinjoni li tkun ingħatat mill-persuna responsabbli biex tivverifika l-kontijiet konsolidati, għandhom jiġu pubblikati għall-impriża li għamlet il-kontijiet konsolidati kif speċifikat mil-liġijiet ta' l-Istat Membru li jirregolaha skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE.

2. It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 78/660/KEE għandu japplika għar-rapport annwali konsolidat.

3. Dan li ġej għandu jinbidel mat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 78/660/KEE: "għandu jkun possibbli li tinkiseb kopja tar-rapport kollu jew parti minnu fuq talba. Il-prezz ta' dik il-kopja ma għandux ikun iżjed mill-ispiża amministrattiva tagħha".

4. Madankollu, meta l-impriża li għamlet il-kontijiet konsolidati mhijiex stabbilita bħala waħda mit-tipi ta' kumpanniji elenkati fl-Artikolu 4 u m`hiex mitluba mil-liġi nazzjonali tiegħu li tippubblika d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 bl-istess mod kif preskritt fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE, hija għandha għall-inqas tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku fil-uffiċċju principali tagħha. Għandu jkun possibbli li tinkiseb kopja ta' dawk id-dokumenti fuq talba. Il-prezz ta' dik il-kopja ma għandux ikun iżjed mill-ispiża amministrattiva tagħha.

5. L-Artikoli 48 u 49 tad-Direttiva 78/660/KEE għandhom japplikaw.

6. L-Istati Membri għandhom jiddisponu għal sanzjonijiet xierqa għal nuqqas ta' tħaris ta' l-obbligazzjonijiet ta' pubblikazzjoni imposti f'dan l-Artikolu.

TAQSIMA 6

Dispożizzjonijiet transitorji u finali

Artikolu 39

1. Meta, għall-ewwel darba, isiru kontijiet konsolidati skond din id-Direttiva għal korp ta' impriżi li kien diġa konness, kif deskritt fl-Artikolu 1(1), qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49(1), Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti li, għall-finijiet ta' l-Artikolu 19(1), għandu jittieħed kont tal-valur fil-kotba ta' holding u l-proporzjon tal-kapital u riservi li dan jirrappreżenta f'data qabel jew l-istess bħal dik ta' l-ewwel konsolidazzjoni.

2. Il-paragrafu 1 ta' hawn fuq għandu japplika mutatis mutandis għall-valutazzjoni għall-finijiet ta' l-Artikolu 33(2) ta' holding, jew tal-proporzjon ta' kapital li dan jirrappreżenta, fil-kapital ta' impriża assoċjata ma' impriża inkluża fil-konsolidazzjoni, u għall-konsolidazzjoni proporzjonali msemmija fl-Artikolu 32.

3. Meta l-entrata separata mfissra fl-Artikolu 19(1) tikkorrispondi għal differenza pożittiva ta' konsolidazzjoni li seħħet qabel id-data ta' l-ewwel kontijiet konsolidati magħmula skond din id-Direttiva, Stat Membru jista':

(a) għall-finijiet ta' l-Artikolu 30(1), jippermetti l-kalkolu tal-perjodu limitat ta' iżjed minn ħames snin previst fl-Artikolu 37(2) tad-Direttiva 78/660/KEE mid-data ta' l-ewwel kontijiet konsolidati magħmula skond din id-Direttiva; u

(b) għall-finijiet ta' l-Artikolu 30(2). jippermetti li t-tnaqqis isir minn riservi mid-data ta' l-ewwel kontijiet konsolidati magħmula skond din id-Direttiva.

Artikolu 40

1. Sa l-għeluq taż-żmien impost għall-applikazzjoni f'liġi nazzjonali tad-direttivi li jissupplimentaw id-Direttiva 78/660/KEE dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kontijiet annwali ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra u impriżi ta' assigurazzjoni, Stat Membru jista' jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar it-taqsima ta' kontijiet konsolidati, l-metodi ta' valutazzjoni ta' l-entrati inklużi f'dawk il-kontijiet u l-informazzjoni li għandha tingħata fin-noti tal-kontijiet.

(a) rigward kull impriża li għandha tiġi konsolidata li hija bank, istituzzjoni finanzjarja oħra jew impriża ta' assigurazzjoni;

(b) meta l-impriżi li għandhom jiġu konsolidati ikunu magħmula prinċipalment minn banek, istituzzjonijiet finanzjarji jew impriżi ta' assigurazzjoni.

Huma jistgħu wkoll jidderogaw mill-Artikolu 6, iżda biss sa fejn huma konċernati l-limiti u l-kriterji li għandhom jiġu applikati għall-impriżi ta' hawn fuq.

2. Sa fejn Stat Membru ma jeħtieġx li l-impriżi kollha li huma banek, istituzzjonijiet finanzjarji jew impriżi ta' assigurazzjoni jagħmlu kontijiet konsolidati qabel l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49(1), huwa jista', sakemm il-liġi nazzjonali tiegħu timplimenta waħda mid-direttivi msemmija fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq, iżda mhux relattivament għal snin finanzjarji li jispiċċaw wara l-1993:

(a) jissospendi l-applikazzjoni ta' l-obbligu impost fl-Artikolu 1(1) dwar kull waħda mill-impriżi ta' hawn fuq li hija impriża ewlenija Dak il-fatt għandu jintwera fil-kontijiet annwali ta' l-impriża ewlenija u l-informazzjoni preskritta f'punt 2 ta' l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 78/660/KEE għandha tingħata għall-impriżi sussidjarji kollha;

(b) meta jsiru kontijiet konsolidati u bla ħsara għall-Artikolu 33, jippermetti l-omissjoni mill-konsolidazzjoni ta' kull waħda mill-impriżi ta' hawn fuq li hija impriża sussidjarja. L-informazzjoni preskritta fl-Artikolu 34(2) għandha tingħata fin-noti tal-kontijiet relattivament għal kull impriża sussidjarja bħal dik.

3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 (b) ta' hawn fuq, il-kontijiet annwali jew konsolidati ta' l-impriża sussidjarja għandhom, sa fejn il-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja, jiġu mehmuża mal-kontijiet konsolidati jew, fin-nuqqas ta' kontijiet konsolidati, mal-kontijiet annwali ta' l-impriża ewlenija jew magħmula disponibbli għall-pubbliku. F'dan l-aħħar każ għandu jkun possibbli li tinkiseb kopja ta' dawk id-dokumenti fuq talba. Il-prezz ta' dik il-kopja ma għandux ikun iżjed mill-ispiża amministrattiva tagħha.

Artikolu 41

1. Impriżi li huma konnessi kif deskritt fl-Artikolu 1(1)(a), (b) u (d) (bb), u dawk l-impriżi l-oħra li huma konnessi b'mod simili ma' waħda mill-impriżi msemmija hawn fuq, għandhom jiġu affiljati għall-finijiet ta' din id-Direttiva u tad-Direttiva 78/660/KEE.

2. Meta Stat Membru jippreskrivi l-preparazzjoni ta' kontijiet konsolidati skond l-Artikolu 1(1)(ċ), (d) (aa) jew (2) jew l-Artikolu 12(1), l-impriżi li huma konnessi kif deskritt f'dawk l-Artikoli u dawk l-impriżi l-oħra li huma konnessi b'mod simili, jew huma konnessi kif deskritt fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq ma' waħda mill-impriżi msemmija hawn fuq, għandhom ikunu impriżi affiljati kif imfisser fil-paragrafu 1.

3. Anki meta Stat Membru ma jippreskrivix il-preparazzjoni ta' kontijiet konsolidati skond l-Artikolu 1(1)(ċ), (d) (aa) jew (2) jew l-Artikolu 12(1), huwa jista' japplika l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

4. L-Artikoli 2 u 3 (2) għandhom japplikaw.

5. Meta Stat Membru japplika l-Artikolu 4(2), huwa jista' jeskludi mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta' hawn fuq lill-impriżi affiljati li huma impriżi ewlenin u li permezz tal-forma legali tagħhom m`humiex mitluba minn dak l-Istat Membru biex jagħmlu kontijiet konsolidati skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Jista' jsir l-istess fir-rigward ta' impriżi ewlenin b'forma legali simili.

Artikolu 42

Dan li ġej għandu jinbidel ma' l-Artikolu 56 tad-Direttiva 78/660/KEE:

"Artikolu 56

1. L-obbligu li jintwerew fil-kontijiet annwali l-entrati preskritti mill-Artikoli 9, 10 u 23 sa 26 li għandhom x'jaqsmu ma' impriżi affiljati, kif imfisser mill-Artikolu 41 tad-Direttiva 83/349/KEE, u l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar dawn l-impriżi skond l-Artikoli 13(2), u 14 u punt 7 ta' l-Artikolu 43(1) għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data stabbilita fl-Artikolu 49(2) ta' dik id-Direttiva.

2. In-noti tal-kontijiet għandhom juru wkoll:

(a) l-isem u l-uffiċċju reġistrat ta' l-impriża li tagħmel il-kontijiet konsolidati ta' l-ikbar korp ta' impriżi li l-kumpannija tifforma parti minnu bħala impriża sussidjarja;

(a) l-isem u l-uffiċċju reġistrat ta' l-impriża li tagħmel il-kontijiet konsolidati ta' l-iżgħar korp ta' impriżi li l-kumpannija tifforma parti minnu bħala impriża sussidjarja u li hija inkluża wkoll fil-korp ta' impriżi msemmija f'(a) ta' hawn fuq;

(ċ) il-post fejn kopji tal-kontijiet konsolidati msemmija f'(a) u (b) ta' hawn fuq jistgħu jinkisbu previst li huma jkunu disponibbli."

Artikolu 43

Dan li ġej għandu jinbidel ma' l-Artikolu 57 tad-Direttiva 78/660/KEE:

"Artikolu 57

Minkejja d-dispożizzjonijiet tad-direttivi 68/151/KEE u 77/91/KEE, Stat Membru ma għandux għalfejn japplika d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-kontenut, verifika u pubblikazzjoni ta' kontijiet annwali għal kumpanniji regolati bil-liġijiet nazzjonali tagħhom li huma impriżi sussidjarji, kif imfisser fid-Direttiva 83/349/KEE, meta jitwettqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-impriża ewlenija għandha tkun suġġetta għal-liġijiet ta' Stat Membru;

(b) l-azzjonisti kollha jew membri ta' l-impriża sussidjarja iridu bilfors ikunu dikjaraw il-ftehim tagħhom għall-eżenzjoni minn dak l-obbligu; din id-dikjarazzjoni għandha ssir relattiva għal kull sena finanzjarja;

(ċ) l-impriża ewlenija trid bilfors tkun iddikjarat illi hija tiggarantixxi l-obbligi li tkun daħlet għalihom l-impriża sussidjarja;

(d) id-dikjarazzjonjiet imsemmija f'(b) u (ċ) għandhom jiġu pubblikati mill-impriża sussidjarja kif speċifikat mil-liġijiet ta' l-Istat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE;

(e) l-impriża sussidjarja għandha tiġi inkluża fil-kontijiet konsolidati magħmula mill-impriża ewlenija skond id-Direttiva 83/349/KEE;

(f) l-eżenzjoni ta' hawn fuq għandha tintwera fin-noti tal-kontijiet konsolidati magħmula mill-impriża ewlenija;

(d) il-kontijiet konsolidati msemmija f'(e), ir-rapport annwali konsolidat, u r-rapport mill-persuna responsabbli għall-verifika ta' dawk il-kontijiet għandhom jiġu pubblikati għall-impriża sussidjarja kif speċifikat mil-liġijiet ta' l-Istat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE;"

Artikolu 44

Dan li ġej għandu jinbidel ma' l-Artikolu 58 tad-Direttiva 78/660/KEE:

"Artikolu 58

Stat Membru ma għandux ġħalfejn japplika d-dispożizzjonijiet ta', u telf għal, kumpanniji regolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom li huma impriżi ewlenin għall-finijiet tad-Direttiva 83/349/KEE meta jitwettqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-impriża ewlenija għandha tagħmel kontijiet konsolidati skond id-Direttiva 83/349/KEE u tiġi inkluża fil-kontijiet konsolidati;

(b) l-eżenzjoni ta' hawn fuq għandha tintwera fin-noti tal-kontjiet konsolidati ta' l-impriża ewlenija;

(ċ) l-eżenzjoni ta' hawn fuq għandha tintwera fin-noti tal-kontijiet konsolidati magħmula mill-impriża ewlenija;

(d) il-qligħ jew telf tal-kumpannija ewlenija, stabbiliti skond din id-Direttiva, għandhom jintwerew fil-karta tal-bilanċi ta' dik il-kumpannija ewlenija."

Artikolu 45

Dan li ġej għandu jinbidel ma' l-Artikolu 59 tad-Direttiva 78/660/KEE:

"Artikolu 59

1. Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti li interessi parteċipanti, kif imfisser fl-Artikolu 17, fil-kapital ta' impriżi fuq il-politika tax-xogħol u dik finanzjarja li l-influwenza sinifikanti tagħhom hija eżerċitata, għandhom jintwerew fil-karta tal-bilanċi skond il-paragrafi 2 sa 9 ta' hawn isfel, bħala sub-entrati ta' l-entrati "ishma f'impriżi affiljati" jew "interessi parteċipanti", skond il-każ. Impriża għandha titqies li teżerċita influwenza sinifikanti fuq impriża oħra meta hija għandha 20 % jew iktar tal-jeddijiet għall-vot ta' l-azzjonisti jew membri f'dik l-impriża. L-Artikolu 2 tad- Direttiva 83/349/KEE għandu japplika.

2. Meta dan l-Artikolu huwa applikat għall-ewwel darba għal interess partecipanti regolat bil-paragrafu 1, huwa għandu jintwera fil-karta konsolidata tal-bilanċi jew:

(a) Bil-valur tiegħu kif jidher fil-kotba ikkalkolat skond l-Artikoli 31 sa 42. Id-differenza bejn dak il-valur u l-ammont li jaqbel mal-proporzjon ta' kapital u riservi rappreżentati mill-interess parteċipanti għandha tintwera separatament fil-karta konsolidata tal-bilanċi jew fin-noti tal-kontijiet. Dik id-differnza għandha tiġi kalkolata fid-data li fiha dak il-metodu huwa applikat għall-ewwel darba; jew

(b) bl-ammont li jaqbel mal-proporzjon tal-kapital u riservi rappreżentati minn dak l-interess parteċipanti. Id-differenza bejn dak l-ammont u l-valur li jidher fil-kotba ikkalkolat skond l-Artikoli 31 sa 42 għandha tintwera separatament fil-karta tal-bilanċi jew fin-noti tal-kontjiet. Dik id-differenza għandha tiġi kalkolata fid-data li fiha dak il-metodu huwa applikat għall-ewwel darba.

(ċ) Stat Membru jista' jippreskrivi l-applikazzjoni ta' paragrafu wieħed jew iktar ta' hawn fuq. Il-karta tal-bilanċi jew in-noti tal-kontijiet għandhom jindikaw jekk intużawx (a) jew (b) ta' hawn fuq.

(d) barra minn hekk, fl-applikazzjoni ta' (a) u (b) ta' hawn fuq, Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti l-kalkolu tad-differenza fid-data ta' l-akkwist ta' l-interess parteċipanti msemmi fil-paragrafu 1 jew, meta l-akkwist seħħ f'żewġ stadji jew iktar, fid-data meta l-azjenda saret interess parteċipanti fis-sens tal-paragrafu 1 ta' hawn fuq.

3. Meta l-attiv jew passiv ta' impriża li jkollha interess parteċipanti fis-sens tal-paragrafu 1 ta' hawn fuq ikunu ġew ivvalutati b'metodi minbarra dawk użati mill-kumpannija li tagħmel il-kontijiet annwali, huma jistgħu, għall-iskop tal-kalkolu tad-differenza msemmija fil-paragrafu 2 (a) jew (b) ta' hawn fuq, jerġgħu jiġu valutati bil-metodi użati mill-kumpannija li qed tagħmel il-kontijiet annwali. Għandha ssir indikazzjoni fin-noti tal-kontijiet meta dik il-valutazzjoni mill-ġdid ma ġietx imwettqa. Stat Membru jista' jeħtieġ dik il-valutazzjoni mill-ġdid.

4. Il-valur fil-kotba msemmi fil-paragrafu 2 (a) ta' hawn fuq, jew l-ammont li jaqbel mal-proporzjon ta' kapital u riservi msemmija fil-paragrafu 2 (b) ta' hawn fuq, għandu jiżdied jew jitnaqqas bl-ammont tal-varjazzjoni li seħħet matul is-sena finanzjarja fil-proporzjon ta' kapital u riservi rappreżentati minn dak l-interess parteċipanti; huwa għandu jitnaqqas bl-ammont tad-dividendi li jirreferixxu għall-interess parteċipanti.

5. Sa fejn differenza posittiva regolata mill-paragrafu 2 (a) jew (b) ta' hawn fuq ma tistax tirreferixxi għal kull kategorija ta' attiv jew passiv, hija għandha tiġi trattata skond ir-regoli applikabbli għall-entrata "avvjament".

6. (a) Il-proporzjon tal-qligħ jew telf li jista' jkun attribwit lill-interessi parteċipanti fis-sens tal-paragrafu 1 ta' hawn fuq għandu jintwera fil-kont ta' qligħ u telf bħala entrata separata taħt intestatura xierqa.

(b) meta dak l-ammont jeċċedi l-ammont ta' dividendi li diġà ġew riċevuti jew li l-ħlas tiegħu jista' jintalab, l-ammont tad-differenza għandu jitqiegħed f'riserva li ma tistax tiġi mqassma lil azzjonisti.

(ċ) Stat Membru jista' jeħtieġ jew jippermetti li l-proporzjon tal-qligħ jew telf li jista' jkun attribwit lill-interessi parteċipanti msemmija fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq jidher fil-kont ta' qligħ u telf biss sa fejn l-ammont li jaqbel ma' dividendi li diġà ġew riċevuti jew li l-ħlas tagħhom jista' jintalab.

7. It-tneħħijiet imsemmija fl-Artikolu 26(1)(ċ) tad- Direttiva 83/349/KEE għandhom jiġu effettwati sa fejn il-fatti huma magħrufa jew jistgħu jiġu aċċertati. L-Artikolu 26(2) u (3) ta' dik id-Direttiva għandu japplika.

8. Meta impriża li jkollha interess parteċipanti fis-sens tal-paragrafu 1 ta' hawn fuq tagħmel kontijiet konsolidati, l-paragrafi ta' qabel għandhom japplikaw għall-kapital u riservi li jidhru f'dawk il-kontijiet konsolidati.

9. Ma hemmx bżonn li dan l-Artikolu jiġi applikat meta l-interess parteċipanti kif imfisser fil-paragrafu 1 m`huwiex importanti għall-finijiet ta' l-Artikolu 2(3)."

Artikolu 46

Dan li ġej għandu jinbidel ma' l-Artikolu 61 tad-Direttiva 78/660/KEE:

"Artikolu 61

Stat Membru ma għandux għalfejn japplika d-dispożizzjonijiet tal-punt 2 ta' l-Artikolu 43(1) ta' din id-Direttiva dwar l-ammont ta' kapital u riservi u qligħ u telf ta' l-impriżi konċernati lil kumpanniji regolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom li huma impriżi ewlenin għall-finijiet tad-Direttiva 83/349/KEE.

(a) meta l-impriżi konċernati huma inklużi f'kontijiet konsolidati magħmula minn dik l-impriża ewlenija, jew fil-kontijiet konsolidati ta' korp ikbar ta' impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 83/349/KEE; jew

(b) meta l-holdings fl-impriżi konċernati ġew trattati mill-impriża ewlenija fil-kontijiet annwali tagħha skond l-Artikolu 59, jew fil-kontijiet konsolidati magħmula minn dik l-impriża ewlenija skond l-Artikolu 33 tad-Direttiva 83/349/KEE."

Artikolu 47

Il-Kumitat ta' Kuntatt stabbilit skond l-Artikolu 52 tad-Direttiva 78/660/KEE għandu wkoll:

(a) iħaffef, bla ħsara għall-Artikoli 169 u 170 tat-Trattat, l-applikazzjoni armonizzata ta' din id-Direttiva permezz ta' laqgħat regolari li jittrattaw, b'mod partikolari, problemi prattiċi li jinqalgħu b'konnessjoni ma' l-applikazzjoni tagħha.;

(b) jagħti parir lill-Kummissjoni, jekk meħtieġ, dwar żidiet jew emendi għal din id-Direttiva.

Artikolu 48

Din id-Direttiva ma għandhiex tolqot liġijiet fl-Istati Membri li jeħtieġu li kontijiet konsolidati li fihom huma inklużi impriżi li ma jaqgħux fil-ġurisdizzjoni tagħhom jiġu reġistrati f'reġistru li fih huma elenkati fergħat ta' dawk l-impriżi.

Artikolu 49

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għalihom biex iħarsu din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar ta' l-1988. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

2. Stat Membru jista' jiddisponi li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq għandhom l-ewwel japplikaw għal kontijiet konsolidati għal snin finanzjarji li jibdew mill-1 ta' Jannar ta' l-1990 jew matul is-sena kalendarja 1990.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li huma jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 50

1. Ħames snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 49(2), il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jeżamina u jekk meħtieġ jirrevedi l-Artikoli 1(1)(d) (it-tieni subparagrafu), 4 (2), 5, 6, 7 (1), 12, 43 u 44 fid-dawl ta' l-esperjenza akkwistata fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-għanijiet ta' din id-Direttiva u s-sitwazzjoni ekonomika u monetarja ta' dak iż-żmien.

2. Il-paragrafu 1 ta' hawn fuq ma għandux jaffettwa l-Artikolu 53(2) tad-Direttiva 78/660/KEE.

Artikolu 51

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Ġunju 1983.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Tietmeyer

[1] ĠU C 121, tat-2.6.1976, Pġ. 2.

[2] ĠU C 163, ta' l-10.7.1978, Pġ. 60.

[3] ĠU C 75, tas-26.3.1977, Pġ. 5.

[4] ĠU L 222, ta' l-14.8.1978, Pġ. 11.

[5] ĠU L 222, ta' l-14.8.1978, Pġ. 11.

[6] ĠU L 26, tal- 31.1.1977, Pġ. 1.

[7] GU Nru 1 26, 31.1.1977, p. 1.

--------------------------------------------------