31980L0777



Official Journal L 229 , 30/08/1980 P. 0001 - 0010
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 10 P. 0226
Greek special edition: Chapter 13 Volume 9 P. 0132
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 10 P. 0226
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 11 P. 0047
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 11 P. 0047


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-15 ta’ Lulju 1980

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali

(80/777/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 ta’ dan,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, l-liġijiet ta’ l-Istati Membri jiddefinixxu l-ilmijiet minerali naturali; filwaqt li, definizzjonijiet li jvarjaw huma adottati għal dak li għandu x’jaqsam ma’ dan fi ħdan il-Komunità; filwaqt li dawn il-liġijiet jistabbilixxu t-termini li fuqhom l-ilmijiet minerali naturali huma rikonoxxuti bħala tali u jirregolaw il-kondizzjonijiet għall-isfruttament tan-nixxigħat; filwaqt li, barra minn hekk, huma jistipulaw ukoll ir-regoli speċifiċi għat-tqegħid fis-suq ta’ l-ilmijiet inkwistjoni;

Billi, d-differenzi bejn dawn il-liġijiet ifixklu l-moviment ħieles ta’ l-ilmijiet minerali naturali, billi jikkrejaw sitwazzjonijiet kompetittivi diversi, u konsegwentement jaffettwaw direttament l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni;

Billi, f’dan il-każ partikolari, l-eliminazzjoni ta’ dawn il-barrieri tista’ tinkiseb kemm bl-obbligu fuq kull Stat Membru li jippermetti t-tqegħid fis-suq fuq it-territorju tiegħu ta’ ilmijiet minerali naturali rikonoxxuti bħala tali minn kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra u wkoll bl-istabbiliment ta’ regoli komuni li jikkonċernaw b’mod partikolari l-kondizzjonijiet mikrobijoloġiċi li għandhom jiġu ssodisfati u l-kondizzjonijiet fejn għandhom jintużaw ismijiet speċifiċi għal ċerti ilmijiet minerali;

Billi, sakemm jiġi konkluż il-ftehim dwar ir-rikonnoxximent reċiproku ta’ ilmijiet minerali naturali bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, għandhom jiġu stipulati t-termini li fuqhom, sakemm jiġi implimentat il-ftehim imsemmi, prodotti simili impurtati minn pajjiżi terzi jistgħu jitħallew jidħlu fil-Komunità bħala ilmijiet minerali naturali;

Billi, wieħed irid jieħu ħsieb li jassigura li l-ilmijiet minerali naturali jżommu fl-istadju tat-tqegħid fis-suq dawk il-karatteristiċi li ppermettewlhom li jiġu rikonoxxuti bħal tali; filwaqt li, għaldaqstant, il-kontenituri użati għall-imballaġġ tagħhom għandhom ikollhom għeluq adattat;

Billi, fir-rigward ta’ twaħħil ta’ tikketti, l-ilmijiet minerali naturali huma suġġetti għar-regoli ġenerali stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mat-twaħħil ta’ tikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel għall-bejgħ lill-konsumatur finali [4]; filwaqt li, għal din ir-raġuni, din id-Direttiva tista’ tiġi limitata għall-provvediment ta’ żidiet u d-derogi li jridu jsiru għal dawk ir-regoli ġenerali;

Billi, sabiex il-proċedura tiġi ssimplifikata u mħaffa, il-Kummissjoni għandha tkun fdata bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi, u b’mod partikolari bid-definizzjoni tal-proċedura biex jittieħdu l-kampjuni u l-metodi ta’ analiżi neċessarji biex tiġi kkontrollata l-kompożizzjoni ta’ l-ilmijiet minerali naturali;

Billi, fil-każijiet kollha fejn il-Kunsill jinkariga lill-Kummissjoni bir-responsabbiltà ta’ l-implimentazzjoni tar-regoli stabbiliti li jikkonċernaw l-oġġetti ta’ l-l-ikel intenzjonati għall-konsum uman, għandha ssir dispożizzjoni għal proċedura li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti għall-Oġġetti ta’ l-Ikel, imwaqqaf mid-Deċiżjoni 69/414/KEE [5],

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tikkonċerna l-ilmijiet estratti mill-art ta’ Stat Membru u rikonoxxuti mill-awtorità responsabbli ta’ dak l-Istat Membru bħala ilmijiet minerali naturali li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness I, it-Taqsima I.

2. Din id-Direttiva tikkonċerna wkoll l-ilmijiet estratti mill-art ta’ pajjiż terz, importati fil-Komunità u rikonoxxuti bħala ilmijiet minerali naturali mill-awtorità responsabbli ta’ Stat Membru.

L-ilmijiet, li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala tali biss, jekk l-awtorità responsabbli fil-pajjiż ta’ l-estrazzjoni tkun iċċertifikat li huma jissodisfaw l-Anness I, it-Taqsima I, u li qed isiru kontrolli regolari fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness II, il-paragrafu 2.

Il-validità taċ-ċertifikazzjoni li hemm referenza għaliha fit-tieni subparagrafu ma tistax taqbeż perjodu ta’ sentejn. M’għandux ikun hemm bżonn li tiġi repetuta l-proċedura ta’ rikonoxximent li hemm referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu jekk iċ-ċertifikazzjoni hija mġedda qabel it-tmiem tal-perjodu msemmi.

3. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

- ilmijiet li huma prodotti mediċinali fit-tifsira tad-Direttiva 65/65/KEE [6],

- ilmijiet minerali naturali użati f’ras il-għajn għal skopijiet kurattivi fi stabbilimenti termali jew idrominerali.

4. Ir-raġunijiet li għalihom jiġi mogħti r-rikonoxximent li hemm referenza għalih fil-paragrafi 1 u 2, għandhom jiġu ddikjarati fil-forma adegwata mill-awtorità responsabbli ta’ l-Istat Membru u għandhom jiġu ppubblikati uffiċjalment.

5. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-każijiet fejn ir-rikonoxximent li hemm referenza għalih fil-paragrafi 1 u 2 ikun mogħti jew irtirat. Il-lista ta’ ilmijiet minerali naturali rikonoxxuti bħala tali għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-ilmijiet biss li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu ikunu kkumerċjalizzati bħala ilmijiet minerali naturali.

L-Artikolu 3

Nixxigħat ta’ ilma minerali naturali jistgħu jiġu sfruttati u l-ilmijiet tagħhom ibbottiljati biss skond l-Anness II.

L-Artikolu 4

1. Ilma minerali naturali, fl-istat tiegħu f’ras il-għajn, ma jistax ikun is-suġġett ta’ xi trattament jew ta’ żieda oħra barra:

(a) is-separazzjoni ta’ l-elementi mhux stabbli tiegħu, bħall-kompożizzjonijiet ta’ ħadid u ta’ kubrit, bil-filtrazzjoni jew b’dikantazzjoni, possibbilment preċedut bl-ossiġinazzjoni, sakemm dan it-trattament ma jbiddilx il-kompożizzjoni ta’ l-ilma f’dak li għandu x’jaqsam mal-kostitwenti essenzjali li jagħtuh il-karatteristiċi tiegħu;

(b) l-eliminazzjoni totali jew parzjali ta’ diossidu mingħajr karbonju b’metodi fiżiċi esklussivi;

(ċ) l-introduzzjoni jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ diossidu tal-karbonju skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness I, it-Taqsima III;

2. B’mod partikolari, għandu jkun projbit kull trattament ta’ diżinfezzjoni, bi kwalukwe mezz u, suġġett għall-paragrafu 1 (ċ), iż-żieda ta’ elementi batterjostatiċi jew kwalunkwe trattament ieħor li għandu tendenza li jbiddel l-għadd vijabbli tal-kolonja ta’ l-ilma minerali naturali.

3. Il-paragrafu 1 m’għandux jikkostitwixxi ostaklu għall-użu ta’ ilma minerali naturali fil-manifattura ta’ luminati.

L-Artikolu 5

1. L-għadd totali ravvivabbli tal-kolonja ta’ ilma minerali naturali f’ras il-għajn għandu jikkonforma ma’ l-għadd vijabbli normali tal-kolonja tiegħu, u jagħti evidenza sodisfaċenti tal-protezzjoni tas-sors kontra kull kontaminazzjoni. Dan l-għadd totali tal-kolonja għandu jiġi ddeterminat skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness I, it-Taqsima II, il-punt 1.3.3.

Wara l-ibbottiljar, l-għadd totali tal-kolonja f’ras il-għajn ma jistax jaqbeż 100 għal kull millilitru minn 20 sa 22oC f’72 siegħa fuq taħlita ta’ agar-agar jew agar-ġelatina u 20 għal kull millilitru f’37oC f’24 siegħa fuq agar-agar. L-għadd totali tal-kolonja għandu jiġi mkejjel fi 12-il siegħa wara l-ibbottiljar, fejn l-ilma jinżamm f’4 °C ± 1 °C matul dan il-perjodu ta’ 12-il siegħa.

F’ras il-għajn, dawn il-valuri normalment m’għandhomx jaqbżu l-20 għal kull millilitru f’20 sa 22oC fi 72 siegħa u 5 għal kull millilitru f’37oC f’24 siegħa rispettivament, fuq il-ftehim li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala figuri gwida u mhux bħala l-konċentrazzjonijiet massimi permessi.

2. F’ras il-għajn u matul il-marketing tiegħu, ilma minerali naturali għandu jkun ħieles minn:

(a) parassiti u mikro-organiżmi patoġeniċi;

(b) Escherichia coli u coliforms oħrajn u faecal streptococci fi kwalunkwe kampjun ta’ 250 ml eżaminat;

(ċ) Anerobi sporulati li jnaqqsu s-sulfat fi kwalunkwe kampjun ta’ 50 ml eżaminat;

(d) Pseudomanas aeruginosa fi kwalunkwe kampjun ta’ 250 ml eżaminat.

3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 u għall-kondizzjonijiet ta’ sfruttament stipulati fl-Anness II, fil-fażi ta’ marketing:

- l-għadd totali ravvivabbli tal-kolonja ta’ l-ilma minerali naturali jista’ jkun biss dak li jirriżulta miż-żieda normali fil-kontenut ta’ batterji li jkollu f’ras il-għajn,

- l-ilma minerali naturali ma jistax ikollu xi difetti organolettiċi.

L-Artikolu 6

Il-kontenituri kollha użati għall-ippakkjar ta’ ilmijiet minerali naturali għandu jitwaħħalhom għeluq iddisinjat biex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ adulterazzjoni jew kontaminazzjoni.

L-Artikolu 7

1. Id-deskrizzjoni tal-bejgħ ta’ ilmijiet minerali naturali għandha tkun "ilma naturali minerali" jew, fil-każ ta’ ilma minerali naturali effervexxenti kif definit fl-Anness I, it-Taqsima III, skond il-każ, "ilma minerali naturali kkarbonizzat b’mod naturali", "ilma minerali naturali ffortifikat bil-gass min-nixxiegħa", jew "ilma minerali naturali kkarbonizzat".

Id-deskrizzjoni tal-bejgħ ta’ ilmijiet minerali naturali li jkunu għaddew minn xi wieħed mit-trattamenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(1)(b) għandu jkollha miżjud magħha, skond il-każ, l-indikazzjoni "iddekarbonizzat kompletament" jew "iddekarbonizzat parzjalment".

2. It-tikketti fuq l-ilmijiet minerali naturali għandhom ukoll jagħtu l-informazzjoni mandatarja li ġejja:

(a) - jew il-kliem: "kompożizzjoni skond ir-riżultati ta’ l-analiżi, rikonoxxuta uffiċjalment ta’… (data ta’ l-analiżi)",

- jew dikjarazzjoni tal-kompożizzjoni analitika li tagħti l-kostitwenti karatteristiċi tiegħu;

(b) il-post fejn ġiet sfruttata n- nixxiegħa u l-isem tan-nixxiegħa.

3. L-Istati Membri jistgħu ukoll:

(a) iżommu d-dispożizzjonijiet li jitolbu li l-pajjiż oriġinali jiġi indikat, għalkemm din l-informazzjoni ma tistax tintalab fil-każ ta’ ilmijiet minerali naturali li ġejjin minn nixxiegħa fit-territorju tal-Komunità;

(b) jintroduċu dispożizzjonijiet li jitolbu informazzjoni fuq it-trattamenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(1)(a).

L-Artikolu 8

1. L-isem ta’ lokalità, raħal żgħir jew post jistgħu jidhru fit-test tad-deskrizzjoni kummerċjali sakemm din tirreferi għal ilma minerali naturali li n-nixxiegħa tiegħu hija sfruttata fil-post indikat b’dik id-deskrizzjoni u sakemm din mhix żgwidanti fir-rigward tal-post ta’ l-isfruttament tan-nixxiegħa.

2. Għandu jkun ipprojbit li wieħed jikkumerċjalizza ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija taħt iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda.

3. Meta t-tikketti jew l-iskrizzjonijiet tal-kontenituri li fihom l-ilmijiet minerali naturali huma offruti għall-bejgħ jinkludu deskrizzjoni kummerċjali differenti mill-isem tan-nixxiegħa jew il-post ta’ l-isfruttament tagħha, dan il-post jew l-isem tan-nixxiegħa għandhom jiġu indikati f’ittri li għandhom ikunu ta’ l-anqas darba u nofs tat-tul u l-wisa’ ta’ l-akbar ittra użata għal dik id-deskrizzjoni kummerċjali.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika, mutatis mutandis, u bl-istess intenzjoni fir-rigward ta’ l-importanza mogħtija għall-isem tan-nixxiegħa jew il-post ta’ l-isfruttament tagħha, fir-rigward tad-deskrizzjoni kummerċjali użata fir-riklamar, fi kwalunkwe forma, relatata ma’ l-ilmijiet minerali naturali.

L-Artikolu 9

1. Għandu jkun ipprojbit, kemm fuq l-ippakkjar jew fuq it-tikketti u fir-reklamar fi kwalunkwe forma, li jintużaw deżinjazzjonijiet, ismijiet tal-propjetarji, marki kummerċjali, brand names, illustrazzjonijiet jew sinjali oħrajn, kemm jekk dawn huma emblematiċi jew le, li:

(a) fil-każ ta’ ilma minerali naturali, jissuġġerixxu karatteristika li l-ilma m’għandux, b’mod partikolari fil-każ ta’ l-oriġini tiegħu, id-data ta’ l-awtorizzazzjoni biex dan jiġi sfruttat, ir-riżultati ta’ analiżi jew referenzi simili għall-garanzija ta’ awtentiċità.

(b) fil-każ ta’ ilma tax-xorb ippakkjat ġo kontenituri li ma jissodisfawx id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness I, it-Taqsima I, għandhom tendenza li joħolqu konfużjoni ma’ ilma minerali naturali, b’mod partikolari d-deskrizzjoni "ilma minerali".

2. (a) L-indikazzjonijiet kollha li jattribwixxu lill-ilma minerali naturali karatteristiċi relatati mal-prevenzjoni, it-trattament jew il-kura ta’ xi marda umana għandhom ikunu pprojbiti.

(b) Madankollu, l-indikazzjonijiet elenkati fl-Anness III ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu awtorizzati jekk dawn jissodisfaw il-kriterji rilevanti stipulati f’dak l-Anness, jew fin-nuqqas ta’ dawn, kriterji stipulati f’dispożizzjonijiet nazzjonali u sakemm dawn ikunu ġew imfassla fuq il-bażi ta’ analiżi fiżiko-kimika, u fejn neċessarju, eżamijiet farmakoloġiċi, fiżjoloġiċi u kliniċi, magħmula skond il-metodi xjentifiċi rikonoxxuti, skond it-Taqsima I, il-paragrafu 2 ta’ l-Anness I.

(ċ) L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-indikazzjonijiet "jistimula d-diġestjoni", "jista’ jiffaċilita l-funzjonijiet epato-biljari" jew indikazzjonijiet simili. Dawn jistgħu jawtorizzaw ukoll l-inklużjoni ta’ indikazzjonijiet oħrajn, sakemm dawn ta’ l-aħħar ma jkunux inkompatibbli mal-prinċipji ddikjarati f’(a) u huma kompatibbli ma’ dawk iddikjarati f’(b).

3. L-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ informazzjoni – kemm fuq l-ippakkjar jew it-tikketti u fir-reklamar – li tikkonċerna kemm l-ilma minerali naturali huwa adattat għall-ikel tat-tfal żgħar. Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jikkonċernaw ukoll il-karatteristiċi ta’ l-ilma li jiddeterminaw l-użu ta’ l-informazzjoni msemmija.

L-Istati Membri li għandhom l-intenzjoni li jieħdu miżuri bħal dawn għandhom jinformaw b’dan minn qabel lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

4. Mhux aktar tard minn tliet snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport, u, fejn hu xieraq, proposti adattati fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li hemm referenza għalihom f’1.2.12 ta’ l-Anness I, it-Taqsima II.

L-Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-kummerċ ta’ ilmijiet minerali naturali li jikkonformaw mad-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva ma jistgħux jiġu mfixkla mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jirregolaw il-karatteristiċi, il-kompożizzjoni, il-kondizzjonijiet ta’ sfruttament, l-ippakkjar jew l-ittikkettjar ta’ ilmijiet minerali naturali jew ta’ oġġetti ta’ l-ikel b’mod ġenerali.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati ġġustifikati għal raġunijiet ta’:

- protezzjoni tas-saħħa pubblika,

- prevenzjoni ta’ ingann, sakemm dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom tendenza li jfixklu l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet u tar-regoli stabbiliti minn din id-Direttiva,

- protezzjoni ta’ propjetà industrijali u kummerċjali, indikazzjonijiet tas-sors, deżinjazzjonijiet ta’ oriġini u l-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta.

L-Artikolu 11

Il-proċeduri biex jittieħdu l-kampjuni u l-metodi ta’ analiżi neċessarji għall-kontrolli tal-karatteristiċi mikrobijoloġiċi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5 u l-karatteristiċi ta’ kompożizzjoni li hemm referenza għalihom f’1.2 ta’ l-Anness I, Sezzjoni II, għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12.

L-Artikolu 12

1. Fejn għandha tiġi osservata l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kumitat Permanenti fuq l-Oġġetti ta’ l-Ikel, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat", mill-president, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ rappreżentant ta’ xi Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien limitat stabbilit mill-president skond l-urġenza tal-każ. L-opinjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ 41 vot, fejn il-voti ta’ l-Istati Membri jkunu peżati skond l-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Fejn il-miżuri maħsuba ma jkunux konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mill-aktar fis, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata;

(ċ) jekk, fi żmien tliet xhur minn meta l-każ ikun tressaq quddiem il-Kunsill, dan ikun għadu ma ħax azzjoni, il-miżuri proposti mill-Kummissjoni għandhom jiġu adottati.

L-Artikolu 13

L-Artikolu 12 għandu japplika għal perjodu ta’ 18-il xahar mid-data li fih il-kwistjoni tkun ġiet riferuta lill-Kumitat għall-ewwel darba skond l-Artikolu 12(1).

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ilmijiet minerali naturali għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

L-Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-emendi neċessarji lil-liġijiet tagħhom sabiex dawn jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u għandhom javżaw b’dan lill-Kummissjoni minnufih; il-liġijiet hekk emendati għandhom jiġu applikati b’tali mod li:

- jippermettu l-kummerċ ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn min-notifika tagħha,

- jipprojbixxu l-kummerċ ta’ prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva erba’ snin wara n-notifika tagħha.

L-Artikolu 16

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-overseas departments tar-Repubblika Franċiża.

L-Artikolu 17

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-15 ta’ Lulju 1980.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Santer

[1] ĠU C 69, tal-11.6.1970, p. 14.

[2] ĠU C 45, ta’ l-10.5.1971, p. 5.

[3] ĠU C 36, tad-19.4.1971, p. 14.

[4] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1.

[5] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

[6] ĠU 22, tad- 9.2.1965, p. 369/65.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

I.DEFINIZZJONI 1. "Ilma minerali naturali" ifisser ilma mikrobijoloġikament tajjeb għas-saħħa, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5, li oriġina minn water table ta’ taħt l-art jew minn depożitu ta’ taħt l-art u li joħroġ minn nixxiegħa, meħud minn ħruġ naturali wieħed jew aktar jew minn ħruġ imtaqqab.

Ilma minerali naturali jista’ jiġi faċilment magħruf minn ilma tax-xorb ordinarju:

(a) min-natura tiegħu, li hi karatterizzata mill-kontenut minerali tagħha, minn oligo-elementi jew minn kostitwenti oħrajn u, fejn adattat, minn ċerti effetti;

(b) mill-istat oriġinali tiegħu,

fejn iż-żewġ karatteristiċi ġew ikkonservati intatti minħabba l-oriġini minn taħt l-art ta’ ilma bħal dan, li ġie protett minn kull riskju ta’ tniġġis.

2. Dawn il-karatteristiċi, li jistgħu jagħtu lill-ilma minerali naturali propjetajiet li huma favorevoli għas-saħħa, għandhom ikunu ġew assessjati:

(a) mil-lati li ġejjin:

1. ġeoloġiku u idroloġiku,

2. fiżiku, kimiku u fisjo-kimiku,

3. mikrobijoloġiku,

4. jekk hemm bżonn, farmakoloġiku, fiżjoloġiku u kliniku;

(b) skond il-kriterji mniżżla fit-Taqsima II;

(ċ) skond il-metodi xjentifiċi approvati mill-awtorità responsabbli.

L-analiżi li hemm referenza għalihom f’(a)(4) jistgħu ma jkunux obbligatorji fejn l-ilma jippreżenta l-karatteristiċi ta’ kompożizzjoni li bis-saħħa tagħhom hu jkun ikkunsidrat bħala ilma minerali naturali fl-Istat Membru ta’ oriġini qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Dan huwa il-każ, b’mod partikolari meta l-ilma kkonċernat ikun fih, għal kull kg, kemm f’ras il-għajn u wara li jiġi bbottiljat, minimu ta’ 1000 mg ta’ solidi totali fis-soluzzjoni jew minimu ta’ 250 mg ta’ diossidu tal-karbonju liberu.

3. Il-kompożizzjoni, it-temperatura u l-karatteristiċi essenzjali l-oħra ta’ l-ilma minerali naturali għandhom jibqgħu stabbli fil-limiti ta’ varjazzjoni naturali; b’mod partikolari, ma għandhomx jiġu affettwati bil-varjazzjonijiet possibbli fir-rata ta’ ċirkolazzjoni.

Fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5(1), l-għadd vijabbli normali tal-kolonja ta’ l-ilma minerali naturali ifisser l-għadd totali tal-kolonja li hu raġonevolment kostanti f’ras il-għajn qabel kull trattament, li l-kompożizzjoni kwalittattiva u kwantitattiva tiegħu ikkunsidrata fir-rikonoxximent ta’ dak l-ilma, hija kkontrollata b’analiżi perjodiċi.

II. ĦTIĠIET U KRITERJI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAD-DEFINIZZJONI

1.1. Ħtiġiet għal stħarriġ ġeoloġiku u idroloġiku

Irid ikun hemm ħtieġa biex jiġu pprovduti d-dettalji li ġejjin:

1.1.1. Is-sit eżatt tal-ġbir ta’ l-ilma b’indikazzjoni ta’ l-altitudni tiegħu, fuq mappa bi skala ta’ mhux aktar minn 1: 1000;

1.1.2. rapport ġeoloġiku dettaljat fuq l-oriġini u n-natura tat-terren;

1.1.3. l-istratigrafija ta’ l-istrat idroġeoloġiku;

1.1.4. deskrizzjoni ta’ l-operazzjonijiet tal-ġbir ta’ l-ilma;

1.1.5. id-demarkazzjoni ta’ l-arja jew dettalji ta’ miżuri oħra li jipproteġu n-nixxiegħa mit-tniġġis.

1.2. Ħtiġiet għal stħarriġ fiżiku, is-servej kimiku u dak fisjo-kimiku

L-istħarriġ għandu jistabbilixxi:

1.2.1. ir-rata taċ-ċirkulazzjoni ta’ l-ilma tan-nixxiegħa;

1.2.2. it-temperatura ta’ l-ilma f’ras il-għajn u t-temperatura tal-post;

1.2.3. ir-relazzjoni bejn in-natura tat-terren u n-natura u t-tip ta’ minerali fl-ilma;

1.2.4. ir-residwi nexfin f’180oC sa 260oC;

1.2.5. il-konduttività jew l-forza ta’ reżistenza elettrika, fejn għandha tkun speċifikata t-temperatura tal-kejl;

1.2.6. il-konċentrazzjoni tal-jone idroġenu (pH);

1.2.7. l-anions u l-cations;

1.2.8. l-elementi mhux jonizzati;

1.2.9. oligo-elementi;

1.2.10. il-kwalitajiet radjo-attinoloġiċi f’ras il-għajn;

1.2.11. fejn jixraq, il-livelli isotopiċi relattivi ta’ l-elementi kostitwenti ta’ l-ilma, ossiġnu (160 – 180) u idroġenu (protium deuterium, tritium);

1.2.12. it-tossiċità ta’ ċerti elementi kostitwenti ta’ l-ilma, billi wieħed jikkunsidra l-limiti stabbiliti għal kull wieħed minnhom.

1.3. Kriterji għall-analiżijiet mikrobijoloġiċi f’ras il-għajn

Dawn l-analiżi għandhom jinkludu:

1.3.1. demostrazzjoni ta’ l-assenza ta’ parassiti u mikro-organismi patoġeniċi;

1.3.2. determinazzjoni kwantitattiva ta’ l-għadd ravvivabbli tal-kolonja indikattiv tal-kontaminazzjoni tal-ħmieġ:

(a) assenza ta’ Escherichia coli u ta’ coliforms oħrajn f’250ml f’37oC u 44·5oC;

(b) assenza ta’ streptoccoci fekali f’250 ml;

(ċ) assenza ta’ anerojbi li jnaqqsu s-sulfat sporulati f’50ml;

(d) assenza ta’ Pseudomonas aeruginosa f’250 ml.

1.3.3. determinazzjoni ta’ l-għadd totali ravvivabbli tal-kolonja għal kull ml ta’ ilma:

(i) f’20 sa 22 oC f’72 siegħa fuq taħlita agar-agar jew agar-gelatina,

(ii) f’37oC f’24 siegħa fuq agar-agar.

1.4. Ħtiġiet għall-analiżi klinika u l-analiżi farmokoloġika

1.4.1. Dawn l-anliżi, li għandhom jsiru skond il-metodi xjentifikament rikonoxxuti, jridu jkunu adatti għall-karatteristiċi partikolari ta’ l-ilma minerali naturali u l-effetti tiegħu fuq l-organiżmu uman, bħall-funzjonijiet ta’ djuresi, gastriċi u intestinali, kumpens għal defiċjenzi minerali.

1.4.2. L-istabbiliment tal-konsistenza u l-konkordanza ta’ numru sostanzjali ta’ osservazzjonijiet kliniċi jista’, jekk xieraq, jieħu l-post ta’ l-analiżi li hemm referenza għalihom f’1.4.1. L-analiżi kliniċi jistgħu, f’każijiet adatti, jieħdu l-post ta’ l-analiżi li hemm referenza għalihom f’1.4.1 sakemm il-konsistenza u l-konkordanza ta’ numru sostanzjali ta’ osservazzjonijiet jippermettu li jinkisbu l-istess riżultati.

III. KWALIFIKAZZJONIJIET SUPPLIMENTARI RELATATI MA’ L-ILMIJIET MINERALI NATURALI EFFERVEXXENTI

F’ras il-għajn u wara l-ibbottiljar, l-ilmijiet minerali naturali effervexxenti jerħu diossidu tal-karbonju spontanjament u b’mod viżibbli b’mod ċar f’kondizzjonijiet normali ta’ temperatura u pressjoni. Dawn jaqgħu fi tliet kategoriji li għalihom id-deskrizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw rispettivament:

(a) "ilma minerali naturali kkarbonizzat b’mod naturali" ifisser ilma li l-kontenut ta’ diossidu karboniku tiegħu min-nixxiegħa wara d-dekantazzjoni, jekk dan isir, u wara l-ibbottiljar huwa l-istess bħal f’ras il-għajn, meta wieħed jikkonsidra, fejn jixraq, li terġa’ tiġi introdotta kwantità ta’ diossidu karboniku mill-istess water table jew minn depożitu ekwivalenti għal dak rilaxxat matul dawk l-operazzjonijiet u suġġett għat-tolleranzi tekniċi tas-soltu;

(b) "ilma minerali naturali bil-gass min-nixxiegħa" ifisser ilma li l-kontenut tiegħu ta’ diossidu karboniku mill-water table jew depożitu wara li dan jitferra’, jekk dan isir, u l-ibbottiljar huwa aktar minn dak stabbilit f’ras il-għajn;

(ċ) "ilma minerali naturali karbonizzat" ifisser ilma li żdiedlu d-diossidu karboniku li ma joriġinax mill-water table jew mid-depożitu minn fejn ikun ġej l-ilma.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

KONDIZZJONIJIET GĦALL-ISFRUTTAMENT U L-MARKETING TA’ ILMA MINERALI NATURALI

1. L-isfruttament ta’ nixxiegħa ta’ ilma minerali naturali għandha tkun suġġetta għall-permess mill-awtorità responsabbli tal-pajjiż minn fejn l-ilma jkun ġie estratt, wara li jkun ġie stabbilit li l-ilma kkonċernat jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1 ta’ l-Anness I.

2. It-tagħmir għall-isfruttament ta’ l-ilma irid ikun installat b’tali mod li jevita kull possibbiltà ta’ kontaminazzjoni u li jippreżerva l-kwalitajiet, skond dawk attribwiti lilu, li jkollu l-ilma f’ras il-għajn.

Għal dan il-għan, b’mod partikolari:

(a) in-nixxiegħa jew l-iżbokk għall-ħruġ ta’ l-ilma jrid ikun protett kontra r-riskji ta’ tniġġis;

(b) il-ġbir ta’ l-ilma, il-pajpijiet u l-ġibjuni għandhom ikunu ta’ materjali adatt għall-ilma u mibnija b’tali mod li jipprevienu kull alterazzjoni kimika, fiżjo-kimika jew mikrobijoloġika ta’ l-ilma;

(ċ) il-kondizzjonijiet ta’ l-isfruttament, b’mod partikolari il-fabbrika tal-ħasil u ta’ l-ibbottiljar, għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ iġjene. B’mod partikolari, il-kontenituri għandhom ikunu ttratati jew iffabrikati b’tali mod li jiġu evitati effetti avversi fuq il-karatteristiċi mikrobijoloġiċi u kimiċi ta’ l-ilma minerali naturali;

(d) it-trasport ta’ l-ilma minerali naturali f’kontenituri barra dawk awtorizzati għad-distribuzzjoni għall-konsumatur finali għandu jkun projbit.

Madankollu, il-punt (d) jista’ ma jiġix applikat għall-ilmijiet minerali sfruttati u kkumerċjalizzati fit-territorju ta’ Stat Membru, jekk f’dak l-Istat Membru fil-mument tan-notifika ta’ din id-Direttiva, it-trasport ta’ l-ilma minerali naturali ġo tankijiet min-nixxiegħa għall-fabbrika ta’ l-ibbottiljar kien awtorizzat.

3. Fejn jinsab, matul l-isfruttament, li l-ilma minerali naturali huwa kkontaminat u ma jibqax jippreżenta l-karatteristiċi mikrobijoloġiċi preskritti fl-Artikolu 5, il-persuna li tkun qed tisfrutta n-nixxiegħa trid minn dak il-mument ’il quddiem tissospendi l-operazzjonijiet kollha, b’mod partikolari l-proċess ta’ l-ibbottiljar, sakemm tinqered il-kawża tat-tniġġis u sakemm l-ilma jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5.

4. L-awtorità responsabbli fil-pajjiż ta’ oriġni għandha tagħmel kontrolli perjodiċi biex tara jekk:

(a) l-ilma minerali naturali li għalih ġiet awtorizzata l-isfruttament tan-nixxiegħa jikkonformax mas-Sezzjoni I ta’ l-Anness I;

(b) id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 hux qed jiġu applikati mill-persuna li tkun qed tisfrutta n-nixxiegħa.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

INDIKAZZJONIJIET U KRITERJI STABBILITI FL-ARTIKOLU 9(2)

Indikazzjonijiet | Kriterji |

Kontenut minerali baxx | Kontenut ta’ melħ minerali, kkalkulat bħala residwu fiss mhux akbar minn 500 mg/l |

Kontenut minerali baxx ħafna | Kontenut ta’ melħ minerali, kkalkulat bħala residwu fiss mhux akbar minn 50 mg/l |

Li għandu ħafna melħ minerali | Kontenut ta’ melħ minerali, kkalkulat bħala residwu fiss akbar minn 1500 mg/l |

Fih il-bikarbonat | Kontenut ta’ bikarbonat akbar minn 600 mg/l |

Fih is-sulfat | Kontenut ta’ sulfat akbar minn 200 mg/l |

Fih il-klorur | Kontenut ta’ klorur akbar minn 200 mg/l |

Fih il-kalċju | Kontenut ta’ kalċju akbar minn 150 mg/l |

Fih il-manjesju | Kontenut ta’ manjesju akbar minn 50 mg/l |

Fih il-fluworidu | Kontenut ta’ floworidu akbar minn 1 mg/l |

Fih il-ħadid | Kontenut ta’ ħadid bivalenti akbar minn 1 mg/l |

Aċiduż | Kontenut ta’ diossidu karboniku liberu akbar minn 250 mg/l |

Fih is-sodju | Kontenut ta’ sodju akbar minn 200 mg/l |

Adatt għall-preparazzjoni ta’ l-ikel tat-tfal żgħar | — |

Adatt għall-dieta baxxa fis-sodju | Kontenut ta’ sodju inqas minn 20 mg/l |

Jista’ jkun purganti | — |

Jista’ jkun dijuretiku | — |

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet