Id-Direttiva Tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 1980 li tirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-professjoni tal-qwiebel u li tinkludi miżuri għall-iffaċilitar ta’ l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi
ĠU L 33, 11.2.1980, p. 1–7 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)
Edizzjoni Speċjali bil-Finlandiż: Chapter 06 Volume 2 P. 45 - 50
Edizzjoni Speċjali bil-Grieg: Chapter 06 Volume 2 P. 75 - 80
Edizzjoni Speċjali bl-Iżvediż: Chapter 06 Volume 2 P. 45 - 50
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 89 - 94
Edizzjoni Speċjali bil-Portugiż: Chapter 06 Volume 2 P. 89 - 94
Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 06 Volume 01 P. 92 - 98
Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 06 Volume 01 P. 92 - 98
Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 06 Volume 01 P. 92 - 98
Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 06 Volume 01 P. 92 - 98
Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 06 Volume 01 P. 92 - 98
Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 06 Volume 01 P. 92 - 98
Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 06 Volume 01 P. 92 - 98
Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 06 Volume 01 P. 92 - 98
Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 06 Volume 01 P. 92 - 98
Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 06 Volume 01 P. 87 - 93
Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 06 Volume 01 P. 87 - 93
DA DE EN FR IT NL
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | ||
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Id-Direttiva Tal-Kunsill
tal-21 ta’ Jannar 1980
li tirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-professjoni tal-qwiebel u li tinkludi miżuri għall-iffaċilitar ta’ l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi
(80/154/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57 u 66 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],
Billi, skond it-Trattat, it-trattament diskriminatorju kollu bbażat fuq iċ-ċittadinanza fir-rigward ta’ l-istabbiliment u l-provvista tas-servizzi hu pprojbit mill-aħħar tal-perjodu transitorju; billi l-prinċipju ta’ dan it-trattament ibbażat fuq iċ-ċittadinanza japplika b’mod partikolari għall-għotja ta’ kull awtorizzazzjoni meħtieġa għall-prattika tal-professjoni tal-qwiebel kif ukoll għar-reġistrazzjoni ma’ jew is-sħubija ta’ organizzazzjonijiet jew korpi professjonali;
Billi jidher madankollu mixtieq illi jiġu introdotti ċerti dispożizzjonijiet sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet tal-qwiebel;
Billi, skond it-Trattat, l-Istati Membri huma meħtieġa li ma jagħtu ebda forma ta’ għajnuna li x’aktarx toħloq distorzjoni fil-kondizzjonijiet ta’ stabbiliment;
Billi l-Artikolu 57(1) tat-Trattat jipprovdi illi jinħarġu Direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali;
Billi jidher xieraq li, flimkien mar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, għandu jsir provvediment għall-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet li jirregolaw it-taħriġ tal-qwiebel; billi din il-koordinazzjoni hija s-suġġett tad-Direttiva 80/155/KEE4;
Billi skond il-liġi fl-Istati Membri id-dritt li l-qwiebel jibdew u jissoktaw ix-xogħol tagħhom huwa dipendenti fuq il-pussess ta’ diploma tal-qwiebel;
Billi, fir-rigward tal-pussess ta’ ċertifikat formali ta’ taħriġ, ladarba Direttiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi ma timplikax neċessarjament ekwivalenza fit-taħriġ kopert minn dawn id-diplomi, l-użu ta’ dawn il-kwalifiki għandu jiġi awtorizzat biss fil-lingwa ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew ta’ l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani;
Billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu illi, minbarra ċ-ċertifikati formali tat-taħriġ, il-persuna li tissodisfa l-kondizzjonijiet tat-taħriġ meħtieġ b’din id-Direttiva għandha tipprovdi ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tagħha ta’l-oriġini jew tal-pajjiż li minnu tiġi li jiddikjara illi dawn iċ-ċertifikati ta’ taħriġ huma dawk koperti bid-Direttiva;
Billi, fil-każ tal-provvista ta’ servizzi, il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni ma’ jew ta’ sħubija ma’ organizzazzjonijiet jew korpi professjonali, ladarba għandha x’taqsam man-natura fissa u permanenti tax-xogħol imwettaq fil-pajjiż ospitanti, kienet mingħajr ebda dubju tikkostitwixxi ostakolu għall-persuna li tixtieq tipprovdi s-servizz, għar-raġuni tan-natura temporanja ta’ l-attività tagħha; billi din il-ħtieġa għandha għalhekk tiġi abolixxita; billi madankollu, f’dan il-każ, il-kontroll fuq id-dixxiplina professjonali, li hi r-responsabbiltà ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u l-korpi professjonali, għandu jiġi garantit; billi, għal dan l-iskop, għandu jkun previst, soġġett għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 62 tat-Trattat, li l-persuna kkonċernata tista’ tkun meħtieġa tissottometti lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti dettalji li jirrigwardaw il-provvista tas-servizzi;
Billi, fir-rigward tal-ħtiġiet li għandhom x’jaqsmu ma’ karattru tajjeb u reputazzjoni tajba, għandha ssir distinzjoni bejn il-ħtiġiet li għandhom jiġu ssodisfati malli tinbeda l-professjoni u dawk li għandhom jiġu ssodisfati biex tiġi pprattikata;
Billi, safejn huma kkonċernati l-attivitajiet tal-qwiebel, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment għal ħaddiema fil-Komunità [4] ma jistabbilixxix xi dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-karattru tajjeb jew mar-reputazzjoni tajba, mad-dixxiplina professjonali jew ma’ l-użu tat-titolu għall-professjonijiet koperti; billi, jiddependi fuq l-Istat Membru individwali, dawn ir-regoli huma jew jistgħu jkunu applikabbli kemm għal persuni impjegati kemm għal dawk li jaħdmu għal rashom; billi l-attivitajiet tal-qwiebel huma soġġetti fl-Istati Membri kollha għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali fil-professjoni tal-qabla; billi dawn l-attivitajiet huma mwettqa minn kemm persuni impjegati u kemm dawk li jaħdmu għal rashom, jew mill-istess persuni fiż-żewġ kapaċitajiet tul il-karriera professjonali tagħhom; billi, sabiex jiġi inkoraġġit sa fejn hu possibbli il-moviment ħieles ta’ dawn il-persuni professjonali fil-Komunità, jidher għalhekk neċessarju li din id-Direttiva tiġi estiża għall-qwiebel impjegati,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
IL-KAPITOLU I
IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
L-Artikolu 1
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet tal-qwiebel kif definiti minn kull Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/155/KEE, u mwettqa taħt it-titoli professjonali li ġejjin:
fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja:
- "Hebamme";
fil-Belġju:
- "accoucheuse/vroedvrouw";
fid-Danimarka:
- "jordemoder";
fi Franza:
- "sage-femme";
fl-Irlanda:
- "midwife";
fl-Italja:
- "ostetrica";
fil-Lussemburgu:
- "sage-femme";
fl-Olanda:
- "verloskundige";
fir-Renju Unit:
- "midwife".
IL-KAPITOLU II
ID-DIPLOMI, IĊ-ĊERTIFIKATI U PROVI OĦRA TA’ KWALIFIKI FORMALI FIL-PROFESSJONI TAL-QABLA
L-Artikolu 2
1. Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-professjoni tal-qabla mogħtija lil ċittadini ta’ Stati Membri mill-Istati Membri l-oħrajn u elenkati fl-Artikolu 3 li jissodisfaw il-programm minimu msemmi fl-Artikolu 1(1), (3) u (4) tad-Direttiva 80/155/KEE u li jikkonformaw ma’ waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
- taħriġ full-time fil-professjoni tal-qabla għal mill-inqas tliet snin:
- jew bla ħsara għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali li jagħtu d-dritt għal ammissjoni f’università jew f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jiċċertifikaw livell ekwavalenti ta’ tagħrif,
- jew segwit bi prattika professjonali li għaliha joħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva,
- taħriġ full-time fil-professjoni tal-qabla ta’ mill-inqas sentejn jew ta’ 3600 siegħa bla ħsara għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/452/KEE [5],
- taħriġ full-time fil-professjoni tal-qabla ta’ mill-inqas 18-il xahar jew 3000 siegħa bla ħsara għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali msemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/452/KEE u segwit bi prattika professjonali li għaliha jinħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva.
2. Kull Stat Membru għandu, sa fejn huma kkonċernati d-dritt li jinbdew u jiġu ssoktati l-attivitajiet tal-qwiebel fil-kapaċità ta’ xogħol għal rashom, jagħti diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali rikonoxxuti minnu l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal dawk li l-Istat Membru proprju jagħti.
L-Artikolu 3
Id-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 2 huma li ġejjin:
(a) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja:
- il-"Hebammenprüfungszeugnis" konferita mill-bord ta’ l-eżamijiet innominat mill-Istat,
- iċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jiddikjaraw illi d-diplomi mogħtija wara t-8 ta’ Mejju 1945 mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Demoratika tal-Ġermanja huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk elenkati fl-ewwel inċiż;
(b) fil-Belġju:
id-"diplôme d’accoucheuse/vroedvrouwdiploma" mogħtija mill-iskejjel imwaqqfa jew approvati mill-Istat jew mill-"Jury central";
(ċ) fid-Danimarka:
il-"bevis for bestået jordemodereksamen" mogħti mid-"Danmarks Jordemoderskole";
(d) fi Franza:
id-"diplôme de sage-femme" mogħti mill-Istat;
(e) fl-Irlanda:
iċ-ċertifikat fil-professjoni tal-qabla mogħti mill-"An Bord Altranais";
(f) fl-Italja:
id- "diploma d’ostetrica" mogħti mill-iskejjel approvati mill-Istat;
(g) fil-Lussemburgu:
id-"diplôme de sage-femme" mogħti mill-Ministru tas-Saħħa wara deċiżjoni mill-bord ta’ l-eżamijiet;
(h) fl-Olanda:
il-"vroedvrouwdiploma" mogħti mill-bord ta’ l-eżamijiet innominat mill-Istat;
(i) fir-Renju Unit:
iċ-ċertifikat ta’ ammissjoni fil-Lista tal-Qwiebel (Roll of Midwives), mogħti fl-Ingilterra u f’Wales mill-Bord Ċentrali tal-Qwiebel għall-Ingilterra u Wales, fl-Iskozja mill-Bord Ċentrali tal-Qwiebel għall-Iskozja, u fl-Irlanda ta’ Fuq mill-Kunsill għall-Infermiera u l-Qwiebel ta’ l-Irlanda ta’ Fuq.
L-Artikolu 4
Iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 2 għandu jinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew mill-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani. Għandu jiċċertifika illi t-titolari, wara kwalifika ta’ qabla, wettqet b’mod sodisfaċenti l-attivitajiet kollha ta’ qabla fi sptar jew stabbiliment ieħor tas-saħħa approvat għal dan l-iskop, għal perjodu ffissat kif ġej:
- sentejn fil-każ previst fit-tieni subinċiż ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(1),
- sena fil-każ previst fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 2(1).
IL-KAPITOLU III
ĊIRKOSTANZI EŻISTENTI
L-Artikolu 5
1. Fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li d-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali tagħhom ma jissodisfawx il-ħtiġiet minimi kollha tat-taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 80/155/KEE, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala prova suffiċjenti d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali ta’ qwiebel mogħtija minn dawk l-Istati Membri qabel u matul perjodu taż-żmien ta’ mhux iktar minn sitt snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, li magħhom ikun hemm ċertifikat li jiddikjara illi dawk iċ-ċittadini kienu effettivament u legalment ingaġġati fl-attivitajiet inkwistjoni għal mill-inqas tliet snin matul il-ħames snin qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat.
2. Fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali tagħhom jissodisfaw il-ħtiġiet minimi kollha ta’ taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 80/155/KEE, iżda, permezz ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva preżenti, jeħtieġu li jiġu rikonoxxuti biss jekk ikollhom magħhom iċ-ċertifikat tal-prattika professjonali msemmi fl-Artikolu 4, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala prova suffiċjenti d-diplomi, iċ-ċertifkati u provi oħra ta’ kwalifiki formali tal-qwiebel mogħtija minn dawk l-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva preżenti, li jkollhom magħhom ċertifikat li jiddikjara illi dawk iċ-ċittadini kienu effettivament u legalment ingaġġati fl-attivitajiet inkwistjoni għal mill-inqas sentejn tul il-ħames snin qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat.
IL-KAPITOLU IV
L-UŻU TAT-TITOLU AKKADEMIKU
L-Artikolu 6
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, l-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw illi ċittadini nazzjonali ta’ Stati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 5 għandhom id-dritt li jużaw it-titolu akkademiku legali, safejn u sakemm mhuwiex identiku għat-titolu professjonali, jew, meta approprjat, l-abbrevjazzjoni tiegħu ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tagħhom jew ta’ l-Istat Membru li jiġu minnu, fil-lingwa jew lingwi ta’ dak l-Istat. L-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu li dan it-titolu jkollu warajh l-l-isem u l-post ta’ stabbiliment jew tal-bord ta’ l-eżamijiet li jkunu tawh.
2. Jekk it-titolu akkademiku użat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini, jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċittadin barrani, jista’ jiġi konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma’ titolu li jeħtieġ, f’dak l-Istat, taħriġ addizzjonali li l-persuna kkonċernata ma tkunx ħadet, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li din il-persuna tuża t-titolu użat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu tiġi f’forma xierqa li għandha tiġi indikata mill-Istat Membru ospitanti.
IL-KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET BIEX JIFFAĊILITAW L-EŻERĊIZZJU EFFETTIV TAD-DRITT TA’ STABBILIMENT U L-LIBERTÀ LI JIĠU PPROVDUTI SERVIZZI FIR-RIGWARD TA’ L-ATTIVITAJIET TAL-QWIEBEL
A. Dispożizzjonijiet li jirrelataw speċifikament mad-dritt ta’ stabbiliment
L-Artikolu 7
1. Stat Membru ospitanti li jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu prova ta’ karattru tajjeb jew reputazzjoni tajba meta jibdew għall-ewwel darba kwalunkwe attività msemmija fl-Artikolu 1 għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, fejn jidħlu ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani, li jiċċertifika li l-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru dwar il-karattru tajjeb jew ir-reputazzjoni tajba biex titwettaq l-attività inkwistjoni jkunu ġew issodisfati.
2. Meta l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ma jeħtiġux prova ta’ karattru tajjeb jew ta’ reputazzjoni tajba minn persuni li jixtiequ jibdew l-attività inkwistjoni għall-ewwel darba, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ miċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew ta’ l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani estratt mir-reġistru ġudizzjarju jew, fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.
3. Jekk l-Istat Membru ospitanti jkollu tagħrif dettaljat dwar materja serja li tkun ġrat barra t-territorju tiegħu qabel l-istabbiliment tal-persuna kkonċernata f’dak l-Istat u li x’aktarx taffettwa l-bidu fit-territorju tiegħu ta’ l-attività kkonċernata, jista’ jinforma lill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.
L-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jivverifika l-eżattezza tal-fatti jekk x’aktarx jaffettwaw f’dak l-Istat Membru il-bidu ta’ l-attività inkwistjoni. L-awtoritajiet f’dak l-Istat għandhom jiddeċiedu dwar in-natura u l-kobor ta’ l-investigazzjoni li għandha ssir u għandhom jinformaw lill-Istat Membru ospitanti b’kull azzjoni konsekwenzjali li jieħdu fir-rigward taċ-ċertifikati jew id-dokumenti li jkunu ħarġu.
4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni li tintbagħat.
L-Artikolu 8
1. Meta, fi Stat Membru ospitanti, dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva huma fis-seħħ u jistabbilixxu ħtiġiet dwar il-karattru tajjeb jew ir-reputazzjoni tajba, inklużi dispożizzjonijiet għal azzjoni dixxiplinarja fir-rigward ta’ miskondotta professjonali serja jew arrest għal atti kriminali u li jkollhom x’jaqsmu mat-twettiq ta’ xi attività msemmija fl-Artikolu 1, l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandhom jibgħatu lill-Istat Membru ospitanti l-informazzjoni kollha neċessarja li tirrigwarda miżuri jew azzjoni dixxiplinarja ta’ natura professjonali jew amministrattiva meħuda fir-rigward tal-persuna kkonċernata, jew il-penali kriminali imposti fuqha fit-twettiq tal-professjoni tagħha mill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew mill-Istat Membru minn fejn tkun ġiet.
2. Jekk l-Istat Membru ospitanti jkollu tagħrif dettaljat dwar materja serja li tkun ġrat qabel l-istabbiliment tal-persuna kkonċernata f’dak l-Istat barra t-territorju tiegħu u li x’aktarx jaffettwa t-twettiq fit-territorju tiegħu ta’ l-attività kkonċernata, jista’ jinforma lill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.
L-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ghandu jivverifika l-eżattezza tal-fatti jekk dawn x’aktarx jaffettwaw f’dak l-Istat Membru it-twettiq ta’ l-attività inkwistjoni. L-awtoritajiet f’dak l-Istat għandhom jiddeċiedu dwar in-natura u l-kobor ta’ l-investigazzjoni li għandha ssir u għandhom jinformaw lill-Istat Membru ospitanti b’kull azzjoni konsekwenzjali li jieħdu fir-rigward ta’ l-informazzjoni li jkunu bagħtu skond il-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni li tintbagħat.
L-Artikolu 9
Meta Stat Membru ospitanti jeħtieġ miċ-ċittadini proprji li jkunu jixtiequ li jibdew jew iwettqu xi attività msemmija fl-Artikolu 1 ċertifikat ta’ saħħa fiżika jew mentali, dan l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti tagħhom il-preżentazzjoni tad-dokument meħtieġ fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.
Meta l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi iċ-ċittadin barrani ma jimponi ebda ħtiġiet ta’ din in-natura fuq dawk li jixtiequ jibdew jew iwettqu l-attività inkwistjoni, l-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta minn dan iċ-ċittadin ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti f’dak l-Istat li jikkorrispondi għaċ-ċertifikati maħruġa fl-Istat Membru li jospita.
L-Artikolu 10
Id-dokumenti maħruġa skond l-Artikoli 7, 8 u 9 ma jistgħux jiġu ppreżentati iktar minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.
L-Artikolu 11
1. Il-proċedura sabiex il-persuna kkonċernata tkun awtorizzata tibda attività msemmija fl-Artikolu 1, skond l-Artikoli 7, 8 u 9 għandha tiġi kkompletata malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tad-dokumeti kollha li jirrelataw għal din il-persuna, mingħajr preġudizzju għal xi dewmien li jirriżulta minn kull appell li jista’ jsir mat-terminu ta’ din il-proċedura.
2. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 7(3) u 8(2), talba għal eżami mill-ġdid għandha tissospendi l-perjodu stipulat fil-paragrafu 1.
L-Istat Membru kkonsultat għandu jagħti t-tweġiba tiegħu fi żmien tliet xhur.
Malli jirċievi t-tweġiba jew fl-aħħar tal-perjodu, l-Istat Membru ospitanti għandu jissokta bil-proċedura msemmija fil-paragrafu1.
L-Artikolu 12
Meta Stat Membru ospitanti jeħtieġ li ċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ jibdew jew iwettqu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 jieħdu ġurament jew jagħmlu dikjarazzjoni solenni u meta l-forma ta’ dan il-ġurament jew din id-dikjarazzjoni ma tistax tintuża miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, dak l-Istat Membru għandu jassigura illi l-persuna kkonċernata tiġi offruta forma approprjata u ekwivalenti tal-ġurament jew dikjarazzjoni.
B. Dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu b’mod speċifiku mal-provvista ta’ servizzi
L-Artikolu 13
1. Meta Stat Membru jeħtieġ miċ-ċittadini proprji li jixtiequ li jibdew jew iwettqu xi attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 awtorizzazzjoni, jew sħubija ma’ jew reġistrazzjoni ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, dak l-Istat Membru għandu fil-każ tal-provvista ta’ servizzi jeżenta liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri minn din il-ħtieġa.
Il-persuna kkonċernata għandha tipprovdi s-servizzi bl-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti; b’mod partikolari għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ kondotta ta’ natura professjonali jew amministrattiva li japplikaw f’dak l-Istat Membru.
Meta Stat Membru ospitanti jadotta miżuri skond it-tieni subparagrafu jew isir konxju ta’ fatti li jmorru kontra dawn id-dispożizzjonijiet, għandu mill-ewwel jinforma lill-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hi stabbilita.
2. L-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tagħmel dikjarazzjoni bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti li tirrigwarda l-provvista tas-servizzi tagħha meta dawn jinvolvu waqfien temporanju fit-territorju tiegħu.
F’każijiet urġenti din id-dikjarazzjoni tista’ ssir malajr kemm jista’ jkun wara li s-servizzi jkunu ġew ipprovduti.
3. Skond il-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tforni dokument wieħed jew iktar li jkun fihom id-dettalji li ġejjin:
- id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2,
- ċertifikat li jiddikjara illi l-persuna kkonċernata qiegħda twettaq legalment l-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru fejn hi stabbilita,
- ċertifikat illi l-persuna kkonċernata tippossjedi xi waħda jew oħra mid-diplomi, miċ-ċertifikati jew mill-provi oħra ta’ kwalifika formali approprjata għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni u msemmija f’din id-Direttiva.
4. Id-dokument jew id-dokumenti speċifikati fil-paragrafu 3 ma jistgħux jiġu prodotti iktar minn 12-il xahar wara d-data tal-ħruġ tagħhom.
5. Meta Stat Membru iċaħħad, b’mod temporanju jew permanenti, kompletament jew inparti, lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor stabbilit fit-territorju tiegħu mid-dritt li jwettaq waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, għandu, kif approprjat, jassigura l-irtirar temporanju jew permanenti taċċertifikat imsemmi fit-tieni inċiż tal-paragrafu 3.
L-Artikolu 14
Meta tkun meħtieġa r-reġistrazzjoni ma’ korp pubbliku tas-siġurtà soċjali fi Stat Membru ospitanti sabiex jitħallsu lill-korpi ta’ l-assigurazzjoni l-kontijiet relatati ma’ servizzi mogħtija lill-persuni assigurati taħt skemi ta’ sigurtà soċjali, dak l-Istat Membru għandu jeżenta liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri stabbiliti fi Stat Membru ieħor minn din il-ħtieġa fil-każijiet tal-provvista ta’ servizzi li jinvolvu l-ivvjaġġar mill-persuna kkonċernata.
Madankollu, l-persuni kkonċernati għandhom ifornu tagħrif lil dan il-korp bil-quddiem, jew, f’każijiet urġenti li jikkonċernaw is-servizzi pprovduti sussegwentement.
Ċ. Dispożizzjonijiet komuni għad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi
L-Artikolu 15
Meta fi Stat Membru ospitanti l-użu tat-titolu professjonali li għandu x’jaqsam ma’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 huwa soġġett għal regoli, ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 għandhom jużaw it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti li, f’dak l-Istat, jikkorrispondi għal dawk il-kondizzjonijiet ta’ kwalifika, u għandhom jużaw it-titolu abbrevjat.
L-Artikolu 16
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippermettu li l-persuni kkonċernati jakkwistaw informazzjoni dwar il-liġijiet tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali u, meta applikabbli, dwar l-etika professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti.
Għal dan l-iskop, l-Istati Membru jistgħu iwaqqfu ċentri ta’ informazzjoni li minnhom dawn il-persuni jistgħu jottjenu l-informazzjoni neċessarja. Fil-każ ta’ stabbiliment, l-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu li l-persuni kkonċernati jikkuntattjaw lil dawn iċ-ċentri.
2. L-Istati Membri jistgħu iwaqqfu ċ-ċentri msemmija fil-paragrafu 1 fl-awtoritajiet u l-korpi kompetenti li huma għandhom jinnominaw fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 20(1).
3. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi, meta approprjat, il-persuni kkonċernati jottjenu, fl-interess tagħhom proprju u f’dak tal-pazjenti tagħhom, it-tagħrif lingwistiku neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.
IL-KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
L-Artikolu 17
Fil-każ ta’ dubji ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor konferma ta’ l-awtentiċità tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ provi oħra ta’ kwalifiki formali maħruġa f’dak l-Istat Membru l-ieħor u msemmija fil-Kapitoli II u III, kif ukoll konferma tal-fatt illi l-persuna kkonċernata tkun issoddisfat il-ħtiġiet kollha tat-taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 80/155/KEE.
L-Artikolu 18
Fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 20(1) l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti li joħorġu jew jirċievu d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwaliki formali kif ukoll id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija f’din id-Direttiva, u għandhom minnufih jgħarrfu lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bihom.
L-Artikolu 19
Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li, skond ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68, qegħdin iwettqu jew ser iwettqu bħala persuni impjegati waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1.
L-Artikolu 20
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien tliet snin min-notifika tagħha u għandhom minnufih jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
L-Artikolu 21
Meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet maġġuri f’ċerti oqsma fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina dawn id-diffikultajiet flimkien ma’ dak l-Istat u għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Uffiċjali Anzjani dwar is-Saħħa Pubblika stabbilit bid-Deċiżjoni 75/365/KEE [6], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 80/157/KEE [7].
Meta neċessarju, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti approprjati lill-Kunsill.
L-Artikolu 22
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Jannar 1980.
Għall-Kunsill
Il-President
G. Marcora
[1] ĠU C 18, tat-12.2.1970, p. 1.
[2] ĠU C 101, ta’ l-4.8.1970, p. 26.
[3] ĠU C 146, tal-11.12.1970, p. 17.
[4] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.
[5] ĠU L 176, tal-15.7.1977, p. 1.
[6] ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 19.
[7] ĠU L 33, tal-21.1.1980, p. 15.
--------------------------------------------------
| Fuq |