31979R0954



Official Journal L 121 , 17/05/1979 P. 0001 - 0004
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 2 P. 0106
Greek special edition: Chapter 11 Volume 13 P. 0228
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 2 P. 0106
Spanish special edition: Chapter 07 Volume 2 P. 0183
Portuguese special edition Chapter 07 Volume 2 P. 0183


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 954/79

tal-15 ta' Mejju 1979

dwar ir-ratifika minn Stati Membri ta', jew l-adeżjoni tagħhom mal-, Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Kodiċi ta' l-Imġiba għal Konferenzi ta' Linji

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-abbozz tar-Regolament kif sottomess mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi Konvenzjoni dwar Kodiċi ta' Imġiba għal Konferenzi dwar Linji ta' Vapuri tħejjiet mill-Konferenza mlaqqa' taħt l-awspiċji tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp u hija miftuħa għar-ratifika jew adeżjoni;

Billi l-kwistjonijiet koperti mill-Kodiċi ta' imġiba huma ta' importanza mhux biss għall-Istati Membri imma wkoll għall-Komunità, partikolarment mil-lat tat-tbaħħir u l-kummerċ, u għalhekk hija importanti li tkun adottata pożizzjoni komuni rigward dan il-Kodiċi;

Billi din il-pożizzjoni komuni għandha tirrispetta il-prinċipji u l-għanijiet tat-Trattat u tagħmel kontribuzzjoni akbar biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet ta' pajjiżi li għadhom jiżviluppaw fil-qasam ta' tbaħħir waqt li fl-istess ħin issegwi l-għan għal kontinwazzjoni ta' l-applikazzjoni f'dan il-qasam tal-prinċipji kummerċjali applikati minn linji tal-vapuri tal-pajjiżi OECD u f'kummerċ bejn dawn il-pajjiżi;

Billi biex tkun assigurata l-osservanza ta' dawn il-prinċipji u għanijiet, la darba il-Kodiċi ta' mġiba ma fih l-ebda dispożizzjoni li tippermetti s-sħubiha tal-Komunità bħala tali, huwa importanti li l-Istati Membri jirrattifikaw jew jingħaqdu mal-Kodiċi ta' l-imġiba bla ħsara għal ċerti arranġamenti li hemm dispożizzjoni dwarhom f'dan ir-Regolament;

Billi r-rwol stabilizzanti ta' konferenzi li jassigura servizzi ta' min joqgħod fuqhom għal min iġorr il-merkanzija bil-vapuri huwa magħruf, imma b'dana kollu huwa meħtieġ li tkun evitata l-possibbiltà ta' ksur mill-konferenzi tar-regoli ta' kompetizzjoni msemmija fit-Trattat; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk twassal lill-Kunsill proposta għal Regolament li jikkonċerna l-applikazzjoni ta' dawk ir-regoli għal trasport bil-baħar,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Meta jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kodiċi ta' Imġiba għal Konferenzi ta' linji, jew meta jingħaqdu magħhom, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bil-miktub li ratifika jew adeżjoni bħal dik tkun seħħet bi qbil ma' dan ir-Regolament.

2. Dan l-istrument ta' ratifika jew adeżjoni għandu jkun akkumpanjat bir-riservi msemmija fl-Anness 1,

L-Artikolu 2

1. Fil-każ ta' konferenza eżistenti, kull grupp ta' linji tal-vapuri ta' l-istess nazzjonalità li huma membri tagħha għandu jiddetermina b'negozjati kummerċjali ma' linja oħra tal-vapuri ta' dik in-nazzjonalità jekk dawn ta' l-aħħar jistgħux jipparteċipaw bħala linja nazzjonali tal-vapuri fl-imsemmija konferenza.

Jekk konferenza ġdida tkun maħluqha, il-linji tal-vapuri ta' l-istess nazzjonalità għandhom jiddeterminaw b'negozjati kummerċjali liema minnhom jistgħu jipperteċipaw bħala linja nazzjonali tal-vapuri fil-konferenza futura.

2. Jekk in-negozjati li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 jonqsu li jirriżultaw fi ftehim, kull Stat Membru jista', fuq talba ta' waħda mill-linji kkonċernati u wara li jisma' lilhom kollha, jieħu l-passi meħtieġa ħalli jsolvi l-kwistjoni.

3. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-linji tal-vapuri kollha li joperaw vapuri stabbiliti fit-territorju tiegħu permezz tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea jkunu ittrattati bl-istess mod bħal linji li jkollhom l-uffiċċju prinċipali amministrattiv fit-territorju tiegħu u li l-kontroll effettiv dwarhom ikun eżerċitat hemm.

L-Artikolu 3

1. Meta konferenza ta' linji ta' vapuri topera gruppar jew irmiġġjar, tbaħħir u/jew xi tip ieħor ta' ftehim dwar allokazzjoni ta' tagħbija bi qbil ma' l-Artikolu 2 tal-Kodiċi ta' Mġiba, il-volum ta' tagħbija li l-grupp ta' linji nazzjonali ta' vapuri ta' kull Stat membru li jipparteċipa f'dak il-kummerċ jew il-linji tal-vapuri ta' l-Istati Membri li jipparteċipaw f'dak il-kummerċ bħala linji ta' vapuri ta' pajjiżi terzi huma intitolati permezz tal-Kodiċi għandhom ikunu ridistribwiti, sakemm ma titteħidx deċiżjoni kuntrarja mil-linji kollha li huma membri tal-Konferenza u partijiet tar-regoli preżenti ta' ridistribuzzjoni. Din ir-ridistribuzzjoni ta' sehem ta' tagħbija għandha titwettaq fuq il-bażi ta' deċiżjoni unanima minn dawk il-linji ta' vapuri li huma membri tal-konferenza u jipparteċipaw fir-ridistribuzzjoni, bil-għan li dawk il-linji kollha jġorru sehem xieraq tal-kummerċ tal-konferenza.

2. Is-sehem finalment allokat lil kull parteċipant għandu jkun iddeterminat mill-applikazzjoni ta' prinċipji kummerċjali, wara li jkun ikkunsidrat partikolarment:

(a) il-volum ta' tagħbija merfugħa mill-konferenza u ġġenerata mill-Istati Membri li l-kummerċ tagħha huwa moqdi minnha;

(b) l-eżekuzzjoni tal-passat tal-linji ta' vapuri fil-kummerċ kopert mill-grupp;

(ċ) il-volum ta' tagħbija merfugħa mill-konferenza u mibgħut bil-baħar lejn il-portijiet ta' l-Istati Membri;

(d) il-ħtiġijiet ta' dawk li jġorru l-merkanizja bil-baħar li t-tagħbija tagħhom tkun merfugħa mill-konferenza.

3. Jekk l-ebda ftehim ma jintlaħaq dwar ir-ridistribuzzjoni ta' tagħbijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1, il-materja għandha, fuq talba ta' waħda mill-partijiet, tintbagħat għal konċiljazzjoni skond il-proċedura msemmija fl-Anness II. Kull kwistjoni li ma tkunx solvuta bil-proċedura ta' konċiljazzjoni tista', bi ftehim mal-partijiet, tintbagħat għal arbitraġġ. F'dak il-każ, id-deċiżjoni ta' l-arbitru għandha torbot.

4. F'intervalli li għandhom ikunu pprovduti bil-quddiem, ishma allokati skond il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu regolarment riveduti, billi ikunu ikkunsidrati il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 u partikolarment mil-lat li jkun provdut servizz adegwat u effiċjenti lil dawk li jġorru l-merkanzija bil-baħar.

L-Artikolu 4

1. F'konferenza ta' kummerċ bejn Stat Membru tal-Komunità u xi Stat li jkun parti minn Kodiċi ta' Imġiba u li ma jkunx pajjiż ta' l-OECD, linja ta' vapuri ta' Stat Membru ieħor ta' l-OECD li tkun tixtieq li tipparteċipa fir-ridistribuzzjoni li hemm dispożizzjoni dwarha fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament tista' tagħmel hekk suġġetta għal reċiproċità definita f'livell governattiv jew ta' sidien tal-vapuri.

2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 2 tal-Kodiċi ta' Imġiba m'għandux ikunu applikabbli f'kummerċ ta' konferenza bejn Stati Membri u, fuq bażi reċiproka, bejn dawk l-Istati u pajjiżi oħra OECD li huma partijiet tal-Kodiċi.

3. Paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa l-opportunitajiet għal parteċipazzjoni bħala linji ta' vapuri ta' pajjiż terz f'dak il-kummerċ, skond il-prinċipji riflessi fl-Artikolu 2 tal-Kodiċi ta' Imġiba, tal-linji ta' vapuri ta' pajjiż li għadu jiżviluppa li jkunu magħrufa bħala linji nazzjonali ta' vapuri permezz tal-Kodiċi u li huma:

(a) diġa membri ta' konferenza li sservi dak il-kummerċ; jew

(b) aċċettati f'konferenza bħal dik permezz ta' l-Artikolu 1(3) tal-Kodiċi.

4. L-Artikoli 3 u 14(9) tal-Kodiċi ta' Imġiba m'għandhomx ikunu applikabbli f'kummerċ ta' konferenza bejn l-Istati Membri u, fuq bażi reċiproka, bejn dawk l-Istati u pajjiżi oħra OECD li huma partijiet tal-Kodiċi.

5. F'kummerċ tal-konferenza bejn Stati Membri u bejn dawn l-Istati u pajjiżi oħra ta' l-OECD li huma partijiet tal-Kodiċi ta' Imġiba, dawk li jġorru merkanzija u sidien ta' vapuri ta' Stati Membri m'għandhomx jinsistu dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri għat-twettieq ta' kwistjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarha f'Kapitolu VI tal-Kodiċi b'relazzjonijiet reċiproki, jew fuq bażi reċiproka, b'relazzjoni bejn dawk li jibgħatu l-merkanzija u s-sidien tal-vapuri ta' pajjiżi oħra ta' l-OECD meta proċeduri oħra għat-twettieq ta' kwistjonijiet tkun ġiet mifthiema bejniethom. Huma għandhom partikolarment jieħdu vantaġġ sħiħ tal-possibbiltajiet ipprovduti minn l-Artikolu 25(1) u (2) tal-Kodiċi għat-twettieq ta' kwistjonijiet permezz ta' proċeduri apparti minn dawk imsemmija fil-Kapitolu VI tal-Kodiċi.

L-Artikolu 5

Għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' materji definiti fi ftehim ta' konferenza li jirrigwardjaw il-kummerċ ta' Stat Membru, apparti minn dawk li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, il-linji nazzjonali tal-vapuri ta' Stat bħal dak għandhom jikkonsultaw lil-linji l-oħra tal-Komunità li huma membri tal-konferenza qabel ma jagħtu jew iżommu l-kunsens tagħhom.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom, fiż-żmien opportun u wara li jikkonsultaw mal-Kummissjoni, jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' Mejju 1979.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Boulin

[1] ĠU C 131, tal-5.6.1978, p. 34.

[2] ĠU C 269, tat-13.11.1978, p. 46.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

RISERVI

Meta jirratifikaw il-Konvenzjoni jew jingħaqdu magħha, l-Istati Membri għandhom idaħħlu dawn it-tliet riservi u riserva interpretattiva:

1. Għall-iskopijiet tal-Kodiċi ta' Imġiba, il-kliem "linja nazzjonali ta' vapuri" tista', fil-każ ta' Stat Membru tal-Komunità, tinkludi kull linja tal-vapuri li topera vapuri stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru bi qbil mat-Trattat KEE.

2. (a) Mingħajr preġudizzju għal paragrafu (b) ta' din ir-reserva, l-Artikolu 2 tal-Kodiċi ta' Imġiba m'għandux ikun applikabbli f'kummerċ bejn Stati Membri tal-Komunità u, fuq bażi reċiproka, bejn dawk l-Istati u pajjiżi oħra OECD li huma partijiet fil-Kodiċi.

(b) Punt (a) m'għandux jaffettwa l-opportunitajiet għal parteċipazzjoni bħala linji ta' vapuri ta' pajjiż terz f'dak il-kummerċ, skond il-prinċipji riflessi fl-Artikolu 2 tal-Kodiċi, tal-linji ta' vapuri ta' pajjiż li għadu jiżviluppa li jkunu magħrufa bħala linji nazzjonali ta' vapuri permezz tal-Kodiċi u li huma:

(i) diġà membri ta' konferenza li sservi dak il-kummerċ; jew

(ii) aċċettati f'konferenza bħal dik permezz ta' l-Artikolu 1(3) tal-Kodiċi.

3. L-Artikoli 3 u 14(9) tal-Kodiċi ta' Imġiba m'għandhomx ikunu applikabbli f'kummerċ ta' konferenza bejn l-Istati Membri tal-Komunità u, fuq bażi reċiproka, bejn dawk l-Istati u pajjiżi oħra OECD li huma partijiet fil-Kodiċi.

4. F'kummerċ li dwaru l-Artikolu 3 tal-Kodiċi ta' Imġiba huwa applikabbli, l-aħħar sentenza ta' dak l-Artikolu hija interpretata bħala li tfisser li:

(a) iż-żewġ gruppi ta' linji nazzjonali ta' vapuri għandhom jikkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom qabel ma jivvotaw fuq materji li jikkonċernaw il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi tagħhom;

(b) din is-sentenza hija applikabbli biss għal materji li l-ftehim tal-konferenza jidentifika bħala li jeħtieġ il-konferma taż-żewġ gruppi ta' linji nazzjonali ta' vapuri kkonċernati, u mhux għal materji kollha koperti mill-ftehim tal-konferenza.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

KONĊILJAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(3)

Il-partijiet fit-tilwima għandhom jinnominaw wieħed jew aktar konċiljaturi.

Jekk huma jonqsu li jiftiemu dwar il-materja, kull wieħed mill-partijiet fil-kwistjoni għandhom jinnominaw konċiljatur u l-konċiljaturi hekk innominati għandhom jaħtru konċiljatur ieħor biex jaġixxi bħala president. Jekk parti tonqos milli tinnomina konċiljatur jew jekk il-konċiljaturi innominati mill-partijiet jonqsu milli jilħqu ftehim dwar il-president, il-President tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ għandu, fuq talba ta' wieħed mill-partijiet, jagħmel in-nomini meħtieġa.

Il-konċiljaturi għandhom jagħmlu kull sforz biex isolvu t-tilwim. Huma għandhom jiddeċiedu dwar il-proċedura li għandha tintuża. Il-miżati tagħhom għandhom jitħallsu mill-partijiet fit-tilwima.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet