31978L1027



Official Journal L 362 , 23/12/1978 P. 0007 - 0009
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0017
Greek special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0052
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0017
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0055
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 2 P. 0055


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tat-18 ta’ Diċembru 1978

li tikkonċerna l-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ kirurgi veterinarji

(78/1027/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabblixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57, 66 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, bil-ħsieb li jintlaħaq rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, iċ-ċertfikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-mediċina veterinarja stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 78/1026/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-mediċina veterinarja, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi [4], in-natura paragunabbli tal-korsijiet tat-taħriġ fl-Istati Membri tagħmel possibbli li l-koordinazzjoni f’dan il-qasam tiġi limitata għall-ħtieġa li jiġu osservati l-istandards minimi, li mbagħad iħalli lill-Istati Membri l-libertà ta’ l-organizzazzjoni fir-rigward ta’ l-istruzzjoni;

Billi l-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet għat-twettiq ta’ dan ix-xogħol, kif maħsub minn din id-Direttiva, ma jeskludi ebda koordinazzjoni sussegwenti;

Billi l-koordinazzjoni maħsuba b’din id-Direttiva tkopri t-taħriġ professjonali tal-kirurgi veterinarji; billi, safejn hu kkonċernat it-taħriġ, il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri ma jiddistingwux fil-preżent bejn kirurgi veterinarji li jwettqu l-attivitajiet tagħhom bħala persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom; billi, għal din ir-raġuni u sabiex tiġi inkoraġġita sa fejn hu possibbli l-libertà tal-moviment ta’ persuni professjonali fil-Komunità, jidher neċessarju li l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tkopri kirurgi veterinarji impjegati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li persuni li jixtiequ jibdew u jwettqu l-professjoni ta’ kirurgu veterinarju jkollhom diploma, ċertifkat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina veterinarja msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 78/1026/KEE li jiggarantixxu illi matul il-perjodu komplet tat-taħriġ tagħha l-persuna kkonċernata tkun akkwistat:

(a) tagħrif adegwat dwar ix-xjenzi li fuqhom huma bbażati l-attivitajiet tal-kirurgu veterinarju;

(b) tagħrif adegwat dwar l-istruttura u l-funzjonjiet ta’ annimali b’saħħithom, tat-tkabbir tagħhom, tar-riproduzzjoni u l-iġjene inġenerali tagħhom, kif ukoll dwar l-għalf tagħhom, inkluża t-teknoloġija involuta fil-fabbrikazzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ikel li jikkorrispondu għall-bżonnijiet tagħhom;

(ċ) tagħrif adegwat dwar l-imġiba u l-protezzjoni ta’ l-annimali;

(d) tagħrif adegwat dwar il-kawżi, in-natura, il-proċedura, l-effetti, id-dijanjosi u t-trattament tal-mard ta’ l-annimali, kemm jekk ikkunsidrati individwalment jew kemm jekk fi gruppi, inkluż tagħrif speċjali dwar il-mard li jista’ jiġi trasmess lill-bnedmin;

(e) tagħrif adegwat dwar il-mediċina preventiva;

(f) tagħrif adegwat dwar l-iġjene u t-tekonoloġija involuti fil-produzzjoni, fil-fabbrikazzjoni u fiċ-ċirkolazzjoni ta’ l-ikel ta’ l-annimali jew l-ikel ta’ oriġini mill-annimali maħsuba għall-konsum uman;

(g) tagħrif adegwat dwar il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw mas-suġġetti elenkati hawn fuq;

(h) esperjenza klinika u esperjenza oħra prattika adegwati taħt sorveljanza approprjata.

2. It-taħriġ veterinarju ta’ din ix-xorta għandu jinkludi b’kollox almenu ħames snin ta’ istruzzjoni fuq bażi full-time teoretika u prattika f’università, f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla rikonoxxuta bħala li għandha status ekwivalenti, jew taħt is-sorvejanza ta’ università, u għandu jinkludi mill-inqas is-suġġetti elenkati fl-Anness.

3. Sabiex jiġi aċċettat għal dan it-taħriġ, il-kandidat għandu jkollu diploma jew ċertifikat li jintitolah biex jiġi ammess fl-universitajiet jew fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla rikonoxxuti bħala ta’ status ekwivalenti ta’ Stat Membru għall-kors ta’ studju kkonċernat.

4. Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jippreġudika kull faċilita li tista’ tingħata skond ir-regoli proprji minn Stati Membri fir-rigward tat-territorju proprju tagħhom li persuni fil-pussess ta’ diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali li ma jkunux ġew miksuba fi Stat Membru jiġu awtorizzati jibdew u jwettqu l-attivitajiet ta’ kirurgu veterinarju.

L-Artikolu 2

Din id-Dirttiva għandha tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema fil-Komunità [5], qed iwettqu jew sejrin iwettqu bħala persuni impjegati l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/1026/KEE.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn min-notifika tagħha u għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-18 ta’ Diċembru 1978.

Għall-Kunsill

Il-President

H.-D. Genscher

[1] ĠU C 92, ta’ l-20.7.1970, p. 18.

[2] ĠU C 19, tat-28.2.1972, p. 10.

[3] ĠU C 60, ta’ l-14.6.1971, p. 3.

[4] ĠU L 362, tat 23.12.1978, p. 1

[5] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-PROGRAMM TA’ STUDJU GĦALL-KIRURGI VETERINARJI

Il-programm ta’ studji li jwassal għad-diploma, iċ-ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina veterinarja għandu jinkludi mill-inqas is-suġġetti elenkati hawn taħt. Istruzzjoni f’wieħed jew iktar minn dawn is-suġġetti tista’ tingħata bħala parti minn, jew f’assoċjazzjoni ma’, korsijiet oħra.

A. Suġġetti bażiċi

- il-Fiżika,

- il-Kimika,

- il-Bijoloġija ta’ l-annimali,

- il-Bijoloġija tal-pjanti,

- il-Bijo-matematika.

B. Suġġetti speċifiċi

L-Ewwel Grupp: Ix-Xjenzi bażiċi

- l-Anatomija (inklużi l-istoloġija u l-embrijoloġija),

- il-Fiżjoloġija,

- il-Bio-kimika,

- il-Ġenetika,

- il-Farmakoloġija,

- il-Farmaċija,

- it-Tossikoloġija,

- il-Mikrobijoloġija,

- l-Immunoloġija,

- l-Epidemjoloġija,

- l-Etika professjonali.

It-Tieni Grupp 2: Ix-Xjenzi kliniċi

- l-Ostetrija,

- il-Patoloġija (inkluża l-anatomija patoloġika),

- il-Parasitoloġija,

- il-Mediċina Klinika u l-kirurġija (inkluża l-anestetika),

- Lectures kliniċi dwar l-annimali domestiċi, it-tjur u speċi oħrajn ta’ annimali varji,

- il-Mediċina preventiva,

- ir-Radjoloġija,

- ir-Riproduzzjoni u diżordnijiet fir-riproduzzjoni,

- il-Mediċina veterinarja ta’ l-istat u s-saħħa pubblika,

- il-Leġislazzjoni veterinarja u l-mediċina forensika,

- it-Terapewtika,

- il-Propedewtika.

It-Tielet Grupp: Il-Produzzjoni ta’ l-annimali

- il-Produzzjoni ta’ l-annimali,

- in-Nutrizzjoni ta’ l-annimali,

- l-Agronomija,

- l-Ekonomija rurali,

- it-Tkabbir ta’ l-annimali,

- l-Iġjene veterinarja,

- l-Etoloġja u l-protezzjoni ta’ l-annimali.

Ir-Raba’ Grupp: l-Iġjene ta’ l-ikel

- l-Ispezzjoni u l-kontroll ta’ l-għalf ta’ l-annimali u ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-annimali,

- l-Iġjene u t-teknoloġija ta’ l-ikel,

- Xogħol prattiku (inkluż xogħol prattiku f’postijiet fejn isir il-qtil u fejn jiġu pproċessati l-oġġetti ta’ l-ikel).

It-taħriġ prattiku jista’ jkun fil-forma ta’ perjodu ta’ taħriġ, sakemm dan it-taħriġ ikun full-time u taħt il-kontroll dirett ta’ l-awtorità kompetenti, u ma jaqbiżx is-sitt xhur fil-perjodu aggregat ta’ taħriġ wara ħames snin studju.

It-tqassim tat-taħriġ teoretiku u dak prattiku fost il-gruppi varji ta’ suġġetti għandu jkun bilanċjat u kkoordinat hekk illi t-tagħrif u l-esperjenza elenkati fil-lista ta’ l-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva ikunu jistgħu jintlaħqu f’mod li jippermetti lill-kirurgi veterinarji b’mod adegwat biex iwettqu d-dmirijiet varji tagħhom.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet