31978L1026



Official Journal L 362 , 23/12/1978 P. 0001 - 0006
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0011
Greek special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0046
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0011
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0049
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 2 P. 0049


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tat-18 ta’ Diċembru 1978

li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina veterinarja, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

(78/1026/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57, 66 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, skond it-Trattat, it-trattament diskriminatorju kollu bbażat fuq iċ-ċittadinanza fir-rigward ta’ l-istabbiliment u l-provvista tas-servizzi hu pprojbit mill-aħħar tal-perjodu transitorju; billi l-prinċipju ta’ dan it-trattament ibbażat fuq iċ-ċittadinanza japplika b’mod partikolari għall-għoti ta’ kull awtorizzazzjoni meħtieġa għall-prattika bħala kirurgu veterinarju u wkoll għar-reġistrazzjoni jew sħubija ma’ organizzazzjonijiet jew korpi professjonali;

Billi jidher mixtieq madanakollu li jiġu introdotti ċerti dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ kirurgi veterinarji;

Billi, skond it-Trattat, l-Istati Membri huma meħtieġa li ma jagħtu l-ebda forma ta’ għajnuna li x’aktarx tfixkel il-kondizzjonijiet ta’stabbiliment;

Billi l-Artikolu 57(1) tat-Trattat jipprovdi li jinħarġu Direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali; billi l-iskop ta’ din id-Direttiva hu r-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali li permezz tagħhom l-attivitajiet fil-qasam tal-mediċina veterinarja jinbdew u jitwettqu;

Billi, għar-raġuni tad-differenzi bejn l-Istati Membri li jirrigwardaw in-natura u t-tul ta’ taħriġ ta’ kirurgi veterinarji, ċerti dispożizzjonijiet li jikkoordinaw, iddisinjati biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipproċedu bir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali għandhom jiġu stabbiliti; billi din il-koordinazzjoni ġiet effettwata mid-Direttiva tal-Kunsill 78/1027/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 li tikkonċerna l-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ kirurgi veterinarji [4];

Billi, fir-rigward tal-pussess ta’ ċertifikat formali ta’ taħriġ, ladarba d-Direttiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi ma timplikax neċessarjament ekwivalenza fit-taħriġ kopert minn dawn id-diplomi, l-użu ta’ dawn il-kwalifiki għandu jkun awtorizzat biss fil-lingwa ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew ta’ Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani;

Billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu li, minbarra ċ-ċertifikati formali ta’ taħriġ, persuna li tissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ taħriġ meħtieġa minn din id-Direttiva għandha tipprovdi ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tagħha ta’ oriġini jew tal-pajjiż li minnu tiġi li jiddikjara li dawn iċ-ċertifikati ta’ taħriġ huma dawk koperti mid-Direttiva;

Billi, fil-każ tal-provvista ta’ servizzi, il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni jew sħubija ma’ organizzazzjonijiet jew korpi professjonali, ladarba hi relatata man-natura fissa u permanenti ta’ l-attività mwettqa fil-pajjiż ospitanti, kienet mingħajr dubju tikkostitwixxi ostakolu għall-persuna li tixtieq tipprovdi s-servizz, għar-raġuni tan-natura temporanja ta’ l-attività tagħha; billi din il-ħtieġa għandha għalhekk tiġi abolita; billi, madanakollu, f’dan il-każ, il-kontroll fuq id-dixxiplina professjonali, li hi r-responsabbiltà ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jew korpi professjonali għandha tkun garantita; billi, b’dan l-iskop, għandu jkun provdut, soġġett għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 62 tat-Trattat, li l-persuna kkonċernata tista’ tkun meħtieġa tissottometti lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti dettalji li jirrigwardaw il-provvista tas-servizzi;

Billi, fir-rigward tal-ħtiġiet li għandhom x’jaqsmu mal-karattru tajjeb u r-reputazzjoni tajba, għandha ssir distinzjoni bejn il-ħtiġiet li għandhom jiġu ssodisfati malli tinbeda l-professjoni u dawk li għandhom jiġu ssodisfati sabiex tiġi pprattikata;

Billi, sa fejn l-attivitajiet tal-kirurgi veterinarji impjegati huma kkonċernati, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fil-Komunità [5] ma jistabbilixxix dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-karattru tajjeb jew ir-reputazzjoni tajba, id-dixxiplina professjonali jew l-użu tat-titolu għall-professjonijiet koperti; billi, jiddependi fuq l-Istat Membru individwali, dawn ir-regoli huma jew jistgħu ikunu applikabbli kemm għal persuni impjegati kemm għal dawk li jaħdmu għal rashom; billi l-attivitajiet tal-kirurgi veterinarji huma soġġetti fl-Istati Membri kollha għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifika formali bħala kirurgu veterinarju; billi dawn l-attivitajiet huma mwettqa kemm minn persuni impjegati kif ukoll minn persuni li jaħdmu għal rashom jew mill-istess persuni fiż-żewġ kapaċitajiet matul il-karriera professjonali tagħhom; billi, sabiex jiġi mħeġġeġ sa fejn hu possibbli l-moviment liberu ta’ dawk il-persuni professjonali fil-Komunità jidher għalhekk neċessarju li din id-Direttiva tiġi estiża għal kirurgi veterinarji impjegati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

TA’ L-APPLIKAZZJONI

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet tal-kirurgi veterinarji.

IL-KAPITOLU II

ID-DIPLOMI, IĊ-ĊERTIFIKATI U PROVI OĦRA TA’ KWALIFIKI FORMALI FIL-MEDIĊINA VETERINARJA

L-Artikolu 2

Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali mogħtija lil ċittadini ta’ l-Istati Membri mill-Istati Membri l-oħrajn skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/1027/KEE u li huma elenkati fl-Artikolu 3, billi jagħti lil dawn il-kwalifiki, sa fejn id-dritt li jinbdew u jitwettqu l-attivitajiet ta’ kirurgu veterinarju huma kkonċernati, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal dawk li l-Istat Membru proprju jagħti.

Meta diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali kif stabbiliti fl-Artikolu 3 kienu maħruġa qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, għandu jkollhom magħhom ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li joħroġhom li jiddikjara li hu konformi ma’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/1027/KEE.

L-Artikolu 3

Id-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 2 huma kif ġej:

(a) fil-Ġermanja

1. Zeugnis über die tierärztliche Staatsprüfung (iċ-ċertifikat ta’ l-eżami ta’ l-Istat fil-mediċina veterinarja) mogħti mill-awtoritajiet kompetenti;

2. iċ-ċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jiddikjaraw li d-diplomi mogħtija wara t-8 ta’ Mejju 1945 mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dak elenkat fil-punt 1 hawn fuq;

(b) fil-Belġju

le diplôme légal de docteur en médecine vétérinaire — het wettelijke diploma van doctor in de veeartsenijkunde of doctor in de diergeneeskunde (id-diploma ta’ tabib fil-mediċina veterinarja, meħtieġa bil-liġi) mogħtja mill-Universitajiet ta’ l-Istat, il-Bord Ċentrali ta’ l-Eżamijiet, jew il-Bords ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Università ta’ l-Istat li jeżaminaw;

(ċ) fid-Danimarka

bevis for bestået kandidateksamen i veterinaervidenskab (cand. med. vet.) (iċ-ċertifikat li jipprova li wieħed għadda mill-eżami għall-kandidati fil-mediċina veterinarja) mogħti mill-"Kongelige Veterinaer- og Landbohøjskole";

(d) fi Franza

le diplôme de docteur vétérinaire d’État (Il-grad ta’ l-Istat fil-mediċina veterinarja);

(e) fl-Irlanda

1. the degree of Bachelor in/of Veterinary Medecine (MVB);

2. the diploma of membership of the Royal College of Veterinary Surgeons (MRCVS) akkwistata permezz ta’ eżami wara kors komplet ta’ studju fl-iskola veterinarja fl-Irlanda;

(f) fl-Italja

il diploma di laurea di dottore in medicina veterinaria accompagnato dal diploma d’abilitazione all’esercizio della medicina veterinaria mogħtija mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni fuq il-bażi tas-sejbiet tal-Bord kompetenti ta’ l-Eżamijiet ta’ l-Istat;

(g) fil-Lussemburgu

1. le diplôme d’État de docteur en médecine vétérinaire (id-diploma ta’ l-Istat fil-mediċina veterinarja) mogħtija mill-Bord ta’ l-Eżamijiet ta’ l-Istat u ffirmata mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni;

2. diplomi li jagħtu grad ogħla ta’ edukazzjoni fil-mediċina veterinarja mogħtija f’wieħed mill-pajjiżi tal-Komunità u li jagħtu d-dritt li jinbeda taħriġ imma mhux li tiġi prattikata l-professjoni, u uffiċjalment rikonoxxuti mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni skond il-liġi tat-18 ta’ Ġunju 1969 dwar edukazzjoni ogħla u r-rikonoxximent ta’ gradi u diplomi barranija, flimkien maċ-ċertifikat ta’ taħriġ prattiku ffirmat mill-Ministru tas-Saħħa Pubblika;

(h) fl-Olanda

1. het getuigschrift van met goed gevolg afgelegd diergeneeskundig examen (ċertifikat li jipprova li wieħed għadda mill-eżami fil-mediċina veterinarja);

2. het getuigschrift van met goed gevolg afgelegd veeartsenijkundig examen (ċertifikat li jipprova li wieħed għadda mill-eżami fil-mediċina veterinarja);

(i) fir-Renju Unit

il-lawrji:

- Bachelor of Veterinary Science (BVSc.),

- Bachelor of Veterinary Medicine (Vet. MB or BVet. Med.),

- Bachelor of Veterinary Medicine and Surgery (BVM and S or BVMS),

- the diploma of membership of the Royal College of Veterinary Surgeions (MRCVS) akkwistata permezz ta’ l-eżami wara kors komplet ta’ studju fi skola veterinarja tar-Renju Unit.

IL-KAPITOLU III

ĊIRKOSTANZI EŻISTENTI

L-Artikolu 4

Fil-każ ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri li d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali ma jissodisfawx il-ħtiġiet ta’ taħriġ minimu stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/1027/KEE, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi, bħala prova suffiċjenti, id-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina veterinarja mogħtija minn dawk l-Istati Membri qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva 78/1027/KEE li magħhom ikollhom ċertifikat li jiddikjara li dawk iċ-ċittadini kienu effettivament u legalment ingaġġati fl-attivitajiet inkwistjoni għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat.

IL-KAPITOLU IV

L-UŻU TAT-TITOLU AKKADEMIKU

L-Artikolu 5

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, l-Istati Membri ospitanti għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4 għandhom id-dritt li jużaw it-titolu akkademiku bil-liġi jew, meta approprjat, l-abbrevjazzjoni tiegħu, ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jew ta’ l-Istat Membru li minnu jiġu, fil-lingwa ta’ dak l-Istat. L-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu li dan it-titolu jkollu warajh l-isem u l-post ta’ stabbiliment jew il-bord ta’ l-eżami li tah.

2. Jekk it-titolu akkademiku użat fl-Istat Membru ta’ oriġini, jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani, jista’ jiġi konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma’ titolu li jeħtieġ f’dak l-Istat taħriġ addizzjonali li l-persuna kkonċernata ma ħaditx, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li din il-persuna tuża t-titolu impjegat fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu tiġi fi kliem approprjat li għandhom jiġu indikati mill-Istat Membru ospitanti.

IL-KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET BIEX JIFFAĊILITAW L-EŻERĊIZZJU EFFETTIV TAD-DRITT TA’ STABBILIMENT U L-LIBERTÀ BIEX JIĠU PPROVDUTI SERVIZZI FIR-RIGWARD TA’ L-ATTIVITAJIET TAL-KIRURGI VETERINARJI

A. Dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu b’mod speċifku mad-dritt ta’ stabbiliment

L-Artikolu 6

1. Stat Membru ospitanti li jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu prova ta’ karattru tajjeb jew reputazzjoni tajba meta jibdew għall-ewwel darba l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani li jiċċertifika li l-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru dwar il-karattru tajjeb jew ir-reputazzjoni tajba biex jinbdew l-attivitajiet inkwistjoni ġew issodisfati.

2. Meta l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ma jeħtiġux prova tal-karattru tajjeb jew tar-reputazzjoni tajba tal-persuni li jixtiequ jibdew l-attivitajiet inkwistjoni għall-ewwel darba, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ miċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani estratt mir-"reġistru ġudizzjarju" jew, fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

3. Jekk l-Istat Membru ospitanti jkollu tagħrif dettaljat ta’ kwistjoni serja li ġrat barra t-territorju tiegħu u li x’aktarx effettwat il-bidu fit-territorju tiegħu ta’ l-attivitajiet ikkonċernati, jista’ jinforma l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li ċ-ċittadin barrani.

L-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jivverifika l-eżattezza tal-fatti. L-awtoritajiet f’dak l-Istat għandhom huma proprji jiddeċiedu dwar in-natura u l-estent ta’ l-investigazzjoni li għandha ssir u għandhom jinformaw lill-Istat Membru ospitanti b’kull azzjoni konsekwenzjali li jieħdu fir-rigward taċ-ċertifikati jew id-dokumenti li ħarġu.

4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni li tingħadda.

L-Artikolu 7

1. Meta, fi Stat Membru ospitanti, huma fis-seħħ dispożizzjonijet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva u jistabbilixxu ħtiġiet dwar il-karattru tajjeb jew ir-reputazzjoni tajba, inklużi d-dispożizzjonijiet għal azzjoni dixxiplinarja fir-rigward ta’ miskondotta serja professjonali jew l-arrest għal offiżi kriminali u jirrigwardaw it-twettiq ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jgħaddi lill-Istat Membru ospitanti l-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward ta’ miżuri jew azzjoni dixxiplinarja ta’ natura professjonali jew amministrattiva meħuda fir-rigward tal-persuna kkonċernata, jew pieni kriminali imposti fuqha fit-twettiq tal-professjoni tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu ġiet.

2. Jekk l-Istat Membru ospitanti għandu tagħrif dettaljat dwar kwistjoni serja li ġrat barra t-territorju tiegħu u li x’aktarx taffettwa t-twettiq fit-territorju tiegħu ta’ l-attivitajiet ikkonċernati, jista’ jinforma l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

L-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jivverfika l-eżattezza tal-fatti. L-awtoritajiet f’dak l-Istat għandhom huma nfishom jiddeċiedu dwar in-natura u sa fejn għandha ssir l-investigazzjoni u għandhom jinformaw lill-Istat Membru ospitanti b’kull azzjoni konsekwenzjali li jieħdu fir-rigward ta’ l-informazzjoni li huma għaddew skond il-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni li tingħadda.

L-Artikolu 8

Meta Stat Membru ospitanti jeħtieġ miċ-ċittadini proprji tiegħu li jixtiequ jibdew jew iwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, ċertifikat ta’ saħħa fiżika jew mentali, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti tagħha l-preżentazzjoni tad-dokument meħtieġ fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

Meta l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ma jimponi ebda ħtieġa ta’ din in-natura fuq dawk li jixtiequ jibdew jew iwettqu l-attivitajiet inkwistjoni, l-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta minn dan iċ-ċittadin ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti f’dak l-Istat li jikkorrispondi maċ-ċertifikati maħruġa fl-Istat Membru ospitanti.

L-Artikolu 9

Id-dokumenti msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 ma jistgħux jiġu ppreżentati iktar minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

L-Artikolu 10

1. Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-persuna kkonċernata biex tibda l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, skond l-Artikoli 6, 7 u 8, għandha tiġi kkompletata kemm jista’ jkun malajr u mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti kollha li għandhom x’jaqsmu għal din il-persuna, mingħajr preġudizzju għal xi dewmien li jirriżulta minn kull appell li jista’ jsir mat-tmiem ta’ din il-proċedura.

2. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 6(3) u 7(2), talba għal eżaminazzjoni mill-ġdid għandha tissospendi l-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1.

L-Istat Membru kkonsultat għandu jagħti r-risposta tiegħu f’ perjodu ta’ tliet xhur. Jekk ma jagħmilx hekk, l-Istat Membru ospitanti jista’ jieħu azzjoni b’konsekwenza tat-tagħrif dettaljat tal-kwistjoni serja involuta.

Ma’ l-irċevuta tar-risposta jew fl-aħħar tal-perjodu l-Istat Membru ospitanti għandu jkompli bil-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 11

Meta Stat Membru jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu proprji li jixtiequ jibdew jew iwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ġurament jew dikjarazzjoni solenni u meta l-forma ta’ dan il-ġurament jew dikjarazzjoni ma tistax tiġi użata minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, dak l-Istat Membru għandu jassigura li forma approprjata u ekwivalenti ta’ ġurament jew dikjarazzjoni hi offerta lill-persuna kkonċernata.

B. Dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardaw il-provvista tas-servizzi

L-Artikolu 12

1. Meta Stat Membru jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ jieħdu jew iwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, awtorizzazzjoni jew sħubija ma’, jew reġistrazzjoni ma’, organizzazzjoni jew korp professjonali, dak l-Istat Membru għandu fil-każ tal-provvista tas-servizzi jeżenta ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri minn dik il-ħtieġa.

Il-persuna kkonċernata għandha tipprovdi servizzi bl-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti; b’mod partikolari għandha tkun soġġetta għar-regoli tal-kondotta ta’ natura professjonali jew amministrattiva li japplikaw f’dak l-Istat Membru.

Għal dan l-iskop u f’addizzjoni mad-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafu 2 li tirrigwarda s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, l-Istati Membri jistgħu, sabiex jippermettu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward il-kondotta professjonali fis-seħħ fit-territorju tagħhom, jeħtieġu jew reġistrazzjoni awtomatika temporanja jew sħubija proforma ta’ organizzazzjoni jew korp professjonali jew, fl-alternattiva, reġistrazzjoni f’reġistru, sakemm din ir-reġistrazzjoni jew sħubija ma ddewwimx jew b’xi mod tikkomplika l-provvista ta’ servizzi jew timponi xi spejjeż addizzjonali fuq il-persuna li tipprovdi s-servizzi.

Meta l-Istat Membru ospitanti jadotta miżura skond it-tieni subparagrafu jew isir konxju tal-fatti li jseħħu kontra dawn id-dispożizzjonijiet, għandu minnufih jinforma l-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hi stabbilita.

2. L-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ il-persuna kkonċernata tagħmel dikjarazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti li tikkonċerna l-provvista tas-servizzi tagħha fejn jinvolvu viżta temporanja fit-territorju tiegħu. L-Istat Membru ospitanti jista’ fil-każijiet kollha jeħtieġ kirurgu veterinarju stabbilit fi Stat Membru ieħor li jforni dikjarazzjoni minn qabel tal-provvista tas-servizzi fil-forma ta’ preskrizzjoni jew ċertifikati veterinarja li ma jinvolvux l-eżami ta’ annimali, sakemm din id-drawwa hi permessa taħt id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi u r-regoli professjonali applikati fl-Istat ospitanti.

L-Istat Membru ospitanti li jeħtieġ din id-dikjarazzjoni minn qabel għandu jieħu l-passi neċessarja biex jipprovdi l-possibbiltà li d-dikjarazzjoni ssir, meta approprjat, għal serje ta’ servizzi pprovduti fl-istess reġjun u fir-rigward ta’ reċipjent wieħed jew iktar f’ perjodu stabbilit ta’ mhux iktar minn sena.

F’każijiet urġenti din id-dikjarazzjoni tista’ ssir kemm jista’ jkun malajr wara li s-servizzi jkunu ġew ipprovduti.

3. Skond il-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tforni dokument wieħed jew iktar li jikkontjenu d-dettalji li ġejjin:

- id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2,

- ċertifikat li jiddikjara li l-persuna kkonċernata qiegħda twettaq legalment l-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru fejn hi stabbilita,

- ċertifikat li l-persuna kkonċernata għandha fil-pussess tagħha diploma waħda jew iktar, ċertifikati jew provi oħra ta’ kwalifiki formali approprjata għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni u msemmija f’din id-Direttiva.

4. Id-dokument jew id-dokumenti speċifikati fil-paragrafu 3 ma jistgħux jiġu prodotti iktar min 12-il xahar wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

5. Meta Stat Membru temporanjament jew permanentement iċaħħad, kompletament jew parzjalment, wieħed miċ-ċittadini jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor stabbilit fit-territorju tiegħu mid-dritt li jwettaq waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, għandu, kif approprjat, jassigura l-irtirar temporanju jew permanenti taċċertifikat imsemmi fit-tieni inċiż tal-paragrafu 3.

Ċ. Dispożizzjonijiet komuni għad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi

L-Artikolu 13

Meta fi Stat Membru ospitanti l-użu tat-titolu professjonali li jirrigwarda l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 hu soġġett għal regoli, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri l-oħrajn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4 għandhom jużaw it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti li, f’dak l-Istat jikkorrispondi għal dawk il-kondizzjonijiet ta’ kwalifika u għandu juża t-titolu abbrevjat.

L-Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni dwar il-leġislazzjoni veterinarja u, meta applikabbli, dwar l-etika professjonali mill-Istat Membru ospitanti.

Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ċentri ta’ informazzjoni li minnhom dawn il-persuni jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni neċessarja. Fil-każ ta’ stabbiliment, l-Istati Membriospitanti jistgħu jeħtieġu lill-persuni kkonċernati jikkuntattjaw lil dawn iċ-ċentri.

2. L-Istati Membri jistgħu jistabilixxu ċ-ċentri msemmija fil-paragrafu 1 fi ħdan l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti li huma għandhom jaħtru fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 18(1).

3. L-Istati Membri għandhom jaraw li, meta approprjat, il-persuni kkonċernati jakkwistaw, fl-interess tagħhom u f’dak tal-klijenti tagħhom, it-tagħrif lingwistiku neċessarju għat-twettiq tal-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.

IL-KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 15

Meta jkollu raġuni għal dubju, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor konferma ta’ l-awtentiċità tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ provi oħra ta’ kwalifiki formali mogħtija f’dak l-Istat Membru l-ieħor u msemmija fil-Kapitolu II u wkoll konferma tal-fatt li l-persuna kkonċernata tkun issodisfat il-ħtiġiet kollha ta’ taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 78/1027/KEE.

L-Artikolu 16

Fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 18(1), l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti biex jagħtu jew jirċievu d-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali kif ukoll id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija f’din id-Direttiva u għandhom minnufih jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 17

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal ċittadini ta’ Stati Membri li, skond ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68, qegħdin iwettqu jew ser iwettqu bħala persuni impjegati l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1.

L-Artikolu 18

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri neċessaria biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 19

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-18 ta’ Diċembru 1978.

Għall-Kunsill

Il-President

H.-D. Genscher

[1] ĠU C 92, ta’ l-20.7.1970, p. 18.

[2] ĠU C 19, tat-28.2.1972, p. 10.

[3] ĠU C 60, ta’ l-14.6.1971, p. 3.

[4] ĠU L 362, tat-18.12.1978, p. 7.

[5] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet