31977L0099



Official Journal L 026 , 31/01/1977 P. 0085 - 0100
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 8 P. 0056
Greek special edition: Chapter 03 Volume 17 P. 0060
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 8 P. 0056
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 11 P. 0174
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 11 P. 0174


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-21 ta' Diċembru 1976

dwar il-problemi ta' saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta' prodotti tal-laħam

(77/99/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Billi, mit-twaqqif ta' l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, il-prodotti tal-laħam jistgħu jispustjaw rwieħhom liberament fil-Komunità; billi, b'danakollu, il-kummerċ intra-Komunitarju ta' dawn il-prodotti huwa mfixkel minħabba l-eżistenza ta' ħtiġiet differenti tas-saħħa f'dan is-settur fil-varji Stati Membri; billi, sabiex jitneħħew dawn id-differenzi, huwa neċessarju li jbiddlu id-dispożizzjonijiet komuni għal dawn il-ħtiġiet nazzjonali;

Billi, sabiex jiggarantixxu l-kwalità tal-prodott in kwistjoni mil-lat tas-saħħa, huwa neċessarju li jintuża, fil-fabbrikazzjoni tagħhom dak il-laħam frisk miksub b'mod konformi ma' l-istandards tal-Komunità stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju tal-laħam frisk [2], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 75/379/KEE [3], id-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE tal-15 ta' Frar 1971 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju tal-laħam tat-tjur frisk [4], kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 75/379/KEE, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta' Diċembru 1972 dwar problemi ta' kontrolli tas-saħħa u veterinarji għal importazzjoni ta' annimali tal-fart, majjali u laħam frisk minn pajjiżi terzi [5], kif l-aħħar emendata permezz tad-Diretttiva 75/379/KEE; billi l-prodotti tal-laħam għandhom ikunu mmanifatturati, maħżuna u ttrasportati b'kondizzjonijiet li joffru l-garanziji kollha fir-rigward tas-saħħa; billi l-bżonn li l-istabbilimenti tal-fabbrikazzjoni u l-ipproċessar jiksbu l-approvazzjoni u li dan jiffaċilita l-kontroll tal-konformità ma dawn il-kondizzjonijiet; billi jrid ikun hemm disponibbiltà għal proċeduri intiżi sabiex tkun riżolta kull tilwima li tista' tinqala' bejn l-Istati Membri dwar il-ġustifikazzjoni ta' l-approvazzjoni ta' l-istabbiliment tal-fabbrikazzjoni;

Billi, madanakollu, l-arranġamenti ta' kontroll Komunitarju għandhom ikunu introdotti sabiex ikun assigurat li l-Istati Membri japplikaw b'mod uniformi l-istandards stabbiliti f'din id-Direttiva; billi jrid ikun hemm dispożizzjoni għal proċedura sabiex dawn il-kontrolli jkunu determinati b'mod konformi mal-proċedura tal-Komunità fil-Kumitat Veterinarju Permanenti stabbbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968 [6];

Billi dispożizzjoni għandha ssir għall-possibbiltà ta' derogi minn ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' ċerti prodotti tal-laħam li jkollhom fihom oġġetti oħrajn ta' l-ikel u li għandhom perċentwali minima ta' laħam; billi dawn id-derogi għandhom isiru skond il-proċedura tal-Komunità fil-Kumitat Veterinarju Permanenti;

Billi, fir-rigward tal-kummerċ intra-Komunitarju, il-ħruġ ta' ċertifikati tas-saħħa miktuba mill-awtorità kompetenti huwa kkunsidrat bħala l-aħjar mod li jassigura lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tad-destinazzjoni li l-kunsinna tal-prodotti tal-laħam tkun konformi ma' din id-Direttiva; billi dan iċ-ċertifikat għandu jakkumpanja l-kunsinna ta' dawn il-prodotti sal-post tad-destinazzjoni;

Billi l-Istati Membri għandhom ikollhom id-dritt li jipprojbixxu l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom tal-prodotti tal-laħam minn Stat Membru ieħor li ma jistax jittiekel mill-bnedmin jew li ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tas-saħħa tal-Komunità;

Billi, f'dawn il-każijiet, il-kunsinnatarju għandu, fuq talba tiegħu stess jew inkella fuq talba tar-rappreżentant tiegħu, ikun jista' jieħu lura l-laħam sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta' saħħa kontra dan;

Billi, fil-każ ta' projbizzjoni jew restrizzjoni, ir-raġunijiet għal dan għandhom isiru magħrufa lill-konsenjatur jew lir-rappreżentant tiegħu u wkoll, f'ċerti każi, lill-awtortitajiet kompetenti tal-pajjiż li jesporta;

Billi, fil-każ ta' tilwima bejnu u l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni dwar il-ġustifikazzjoni għall-projbizzjoni jew għar-restrizzjoni, il-kunsinnatarju għandu jkun jista' jakkwista l-opinjoni ta' espert;

Billi, sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti, proċedura għandha tkun ipprovduta għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Veterinarju Permanenti.

ADDOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet tas-saħħa għal prodotti tal-laħam maħsuba għal kummerċ intra-Komunitarju.

Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

(a) Prodotti tal-laħam: prodotti ppreparati kollha kemm huma jew parzjalment mil-laħam li kellu trattament sabiex jassiguraw ċertu grad ta' preservazzjoni.

B'danakollu, laħam li jkun biss ġie mkessaħ jew iffriżat m'għandux jitqies bħala prodott tal-laħam.

Dawn li ġejjin mhumiex koperti b'din id-Direttiva:

(i) (i)estratti tal-laħam, brodu tal-laħam u estratt tal-brodu, slazi tal-laħam u prodotti simili li ma jkunx fihom frak tal-laħam;

(ii) Għadam sħiħ, mksur jew imfarrak, peptonital-laħam, ġelatina ta' l-annimali, trab tal-laħam, trab tal-ġilda tal-majjal, plażma tad-demm, demm niexef, plażma tad-demm niexef, proteini ċellulari, estratti ta' l-għadam u prodotti simili;

(iii) xaħmijiet mdewba miċ-ċelloli ta' l-annimali;

(iv) stonkijiet, bżieżaq ta' l-awrina u l-intestini, mnaddfa u bbliċjati, immelħa jew imnixxfa;

(b) laħam: laħam, kif definit f':

- L-Artikolu 1 tad-Direttiva 64/433/KEE,

- L-Artikolu 1 tad-Direttiva 71/118/KEE,

- L-Artikolu 2 tad-Direttiva 72/462/KEE,

(ċ) laħam frisk: laħam frisk kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttivi 64/433/KEE u 71/118/KEE u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 72/462/KEE;

(d) trattament: it-trattament tal-laħam frisk, sew jekk, u anki jekk le, ikun mgħaqqad ma' affarijiet oħra ta' l-ikel, permezz tas-sħana, bil-melħ jew imnixxef, jew ġemgħa ta' dawn il-proċessi;

(e) trattament komplet: it-trattament li l-effetti tiegħu huma biżżejjed biex jiggarantixxu sussegwentement il-bontà tal-prodott f'temperatura ta' ambjent normali;

(f) trattament mhux komplet: it-trattament li ma jkunx konformi mal-ħtiġiet stabbiliti għal trattament komplet fl-Anness A; tal-Kapitolu V (27);

(g) bis-sħana: bl-użu ta' sħana niexfa jew ta' sħana umda;

(h) tmellieħ: l-użu ta' melħ (NaCl);

(i) bit-tnixxif: tnaqqis naturali jew artifiċjali tal-kontenut ta' l-ilma;

(j) Pajjiż ta' l-esportazzjoni: l-Istat Membru li minnu l-prodotti tal-laħam jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor;

(k) pajjiż tad-destinazzjoni: l-Istat Membru li minnu l-prodotti tal-laħam jintbagħtu minn Stat Membru ieħor;

(l) kunsinna: il-kwantità ta' prodotti tal-laħam li hija koperta mill-istess ċertifikat tas-saħħa;

(m) l-ippakkjar: il-protezzjoni tal-prodotti tal-laħam permezz ta' l-użu tat-tgeżwir inizjali jew il-kontenitur inizjali f'kuntatt dirett mal-prodott ikkonċernat kif ukoll l-ippakkjar inizjali jew il-kontenitur inizjali nnifsu;

(n) ippakkjar: it-tqegħid ta' prodott jew prodotti tal-laħam imgeżwer jew mhux imgeżwer f'kontenitur ieħor, kif ukoll il-kontenitur innifsu.

2. Sakemm isseħħ l-adozzjoni, is-sottomissjoni segwenti ta' proposta konformi ma' l-Artikolu 9 (2), tad-dispożizzjonijiet dwar il-laħam li huwa ttrattat permezz ta' proċess għajr ta' sħana, bil-melħ jew bit-tqaddid jew li jkun għadda minn trattament li ma jilħaqx il-ħtiġiet ta' l-Anness A, il-Kapitolu V (26), laħam bħal dan għandu jkun soġġett għad-Direttivi msemmija fil-paragrafu 1 (b).

Artikolu 3

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prodotti tal-laħam biss li huma konformi mal-kondizzjonijiet ġenerali li ġejjin ikunu mibgħuta mit-territorju tiegħu lejn it-territorju ta' Stat Membru ieħor:

(1) Għandhom ikunu ppreparati fi stabbiliment approvat u kkonrollat b'mod konformi ma' l-Artikolu 6;

(2) Għandhom ikunu ppreparati, maħżuna u ttrasportati b'mod konformi ma' l-Anness A;

(3) Għandhom ikunu ppreparati mil-:

(a) laħam frisk kif definit fl-Artikolu 2 (1) (ċ). Dan il-laħam frisk jista' joriġina:

(i) b'mod konformi mad-Direttiva 64/433/KEE, fl-Istat Membru ta' fejn tkun saret il-preparazzjoni jew f'xi Stat Membru ieħor,

(ii) b'mod konformi mad-Direttiva 72/462/KEE, f'pajjiż terz, li jkun ġie importat jew direttament jew minn Stat Membru ieħor,

(iii) b'mod konformi ma' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 71/118/KEE, f'pajjiż terz, sakemm:

- il-prodotti miksubin minn dan il-laħam iwettqu l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.

- l-immarkar ta' saħħa stabbilit fl-Anness A, il-Kapitolu VII, ma jkunx imwettaq fuq dawn il-prodotti.

- il-kummerċ intra-Komunitarju f'dawn il-prodotti jibqa' suġġett għad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' kull Stat Membru;

(b) prodott tal-laħam, basta li jilħaq il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva;

(4) kellhom ikunu ppreparati permezz ta' sħana, bil-melħ jew bit-tqaddid, liema proċessi jistgħu jkunu magħquda ma trattament bid-duħħan jew maturità, possibbilment taħt kondizzjonijiet mikro klimatiċi speċifiċi, u assoċjati, partikolarment, ma' ċerti aġenti ta' l-ippriservar fil-qofol tat-tifsira ta' l-Artikolu 12. Għandhom ukoll ikunu assoċjati ma' oġġetti oħra ta' l-ikel u kondimenti;

(5) riedu li jkunu ppreparati minn laħam frisk ittrattat b'mod konformi ma' l-Anness A, il-Kapitolu III;

(6) kellhom jgħaddu minn spezzjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti skond ma' l-Anness A, il-Kapitolu IV; dawn il-kontrolli jistgħu jsiru, permezz ta' doveri ta' rutina u b'mod konformi mar-regoli li għandhom ikunu definiti meta jkun meħtieġ permezz tal-proċeduri li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 18, bl-għajnuna t'assistenti li kellhom tħarriġ speċjali għal dan l-iskop;

(7) għandhom jilħqu l-istandards stabbiliti fl-Anness A, il-Kapitolu V;

(8) kellhom ikunu mqartsa u ppakkjati b'mod konformi ma' l-Anness A, il-Kapitolu VI, meta t-tqartis u l-ippakjar huma meħtieġa;

(9) għandhom ikollhom fuqhom marka tas-saħħa skond l-Anness A, il-Kapitolu VII;

(10) għandhom, b'mod konformi ma' l-Anness A, il-Kapitolu VIII, ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa waqt it-trasport sal-pajjiz tad-destinazzjoni;

(11) għandhom ikunu maħżuna u ttrasportati lejn il-pajjiz tad-destinazzjoni permezz ta' kondizzjonijiet tas-saħħa sodisfaċenti b'mod konformi ma' l-Anness A, il-Kapitolu IX.

2. Prodotti tal-laħam ma setgħux ikunu ġew suġġetti għal radjazzjoni ijonizzanti, sakemm dan ikun iġġustifikat fuq il-bazi medika u sakemm din il-proċedura tkun indikata b'mod ċar fuq il-prodott u fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa,

Artikolu 4

1. Il-prodotti tal-laħam li għaddew minn trattament komplet b'mod konformi ma' l-Anness A, il-Kapitolu V (27), jistgħu jkunu maħżuna u ttrasportati f'temperaturi ambjentali normali.

Prodotti li kienu ġew suġġetti għal fermentazzjoni naturali u maturazzjoni għal perjodu twil għandhom ikunu meqjusa bħal li kienu għaddew minn trattament komplet sakemm il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, ikun emenda l-limiti stabbiliti fl-Anness A, il-Kapitolu V (27) (b).

2. Għal skopijiet ta' spezzjoni, il-produttur għandu jassigura li l-ippakkjar tal-prodotti tal-laħam li jkunu għaddew minn trattament mhux komplet ikollhom indikazzjoni ċara u leġibbli tat-temperatura li fiha l-prodotti għandhom ikunu maħżuna u l-perjodu li matulu l-preservazzjoni tista' tkun assigurata.

3. Jekk meħtieġ, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, tista' ssir deroga mill-paragrafu 2, fir-rigward ta' ċerti prodotti tal-laħam li mhumiex konformi ma' l-istandards stabbiliti fl-Anness A, il-Kapitolu V (27), suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet li għandhom ikunu vverifikati mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 5

L-Artikoli 3 u 4 ma għandhomx japplikaw għal prodotti tal-laħam li jkunu impurtati bl-awtorizzazzjoni tal-pajjiż tad-destinazzjoni għal użu apparti milli għal konsum mill-bnedmin; f'dan il-każ, il-pajjiż tad-destinazzjoni għandu jassigura li dawn il-prodotti jkunu wżati biss għar-raġunijiet li għalihom ikunu ġew impurtati f'dak il-pajjiż.

Artikolu 6

1. Kull Stat Membru għandu jħejji lista ta' dawk l-istabbilimenti approvati minnu u li għandhom numru ta' l-approvazzjoni veterinarja. Għandu jibgħat din il-lista lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tħejji lista ta' dawn l-istabbilimenti approvati u għandha tippubblikaha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, Stat Membru ma għandux japprova stabbiliment sakemm il-konformità ma' din id-Direttiva tkun assigurata.

L-Istat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni jekk il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ma jkunux aktar imwettqa.

Jekk verifika tkun saret b'mod konformi ma' l-Artikolu 7, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu akkont tal-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha.

L-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni għandhom ikunu infurmati bl-irtirar ta' l-approvazzjoni.

2. L-ispezzjonijiet u s-superviżjoni ta' l-istabbilmenti approvati għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtortità kompetenti li tista' tkun megħjuna għal doveri purament tekniċi minn persunal li jkun imħarreġ speċjalment għal dak l-iskop.

Ir-regoli dettaljati li jirregolaw din l-assistenza għandhom ikunu determinati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 18.

3. Jekk Stat Membru jikkunsidra li l-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ma jkunux aktar segwiti mill-istabbiliment ta' Stat Membru ieħor, dan għandu hekk jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità kompetenti Ċentrali ta' dan l-Istat Membru ta' l-aħħar.

4. Fil-każ li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha minnufih tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7.

Jekk ikunu ġustifikati bil-konklużjonijiet tar-rapport ta' l-ispezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu awtorizzati, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19, li jiċħdu d-dħul fit-territorju tagħhom ta' prodotti tal-laħam mill-istabbiliment f'dak il-każ.

Din l-awtorizzazzjoni tista' titneħħa bi qbil ma' l-istess proċedura stabbilita fl-Artikolu 19, jekk l-azzjoni bħal din tkun iġġustifikata mis-sejbiet ta' spezzjonijiet minn esperti skond l-Artikolu 7.

Artikolu 7

L-esperti ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni għandhom iwettqu spezzjonijiet regolari ta' l-istabbilimenti approvati sabiex jassiguraw li dawn ta' l-aħħar fil-fatt japplikaw din id-Direttiva, u partikolarment l-Anness A, il-Kaptiolu I u II.

Għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport fuq ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet imwettqa.

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun twettqet ispezzjoni għandu jagħti lill-esperti l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex iwettqu d-doveri tagħhom.

L-esperti ta' l-Istati Membri li jwettqu l-ispezzjonijiet għandhom ikunu nnominati mill-Kummissjoni fuq proposta mill-Istati Membri. Għandhom ikunu persuni ta' nazzjonalità ta' Stat Membru għajr dak ta' fejn għandha titwettaq l-ispezzjoni u, fil-każ previst fl-Artikolu 6 (3) u (4), barra minn dak l-Istat Membru li jkun involut fit-tilwima.

L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu f'isem il-Komunità, li għandha terfa' l-ispejjeż involuti.

Il-frekwenza u r-regoli dettaljati għal dawn l-ispezzjonijiet għandhom ikunu ddeterminati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18.

Artikolu 8

1. Permezz ta' deroga mill-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3, jista' jkun deċiż, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, li wħud mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal ċerti prodotti li jkollhom fihom oġġetti ta' l-ikel u persentaġġ żgħir ta' laħam jew prodotti tal-laħam.

Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jirrigwardaw biss għal:

(a) kondizzjonijiet għal approvazzjoni ta' l-istabbiliment elenkati fl-Anness A, il-Kapitolu I:

(b) ħtiġiet ta' spezzjoni kif deskritti fl-Anness A, il-Kapitoli IV u V;

(ċ) ħtiġiet għall-marka ta' saħħa u ċ-ċertifikat ta' saħħa kif stabbiliti fil-paragrafi 9 u 10 ta' l-Artikolu 3 (1).

Meta tittieħed konsiderazzjoni ta' jekk titħalliex l-eċċezzjoni bħal dawk li hemm provvediment dwarhom f'dan l-Artikolu, in-natura u l-kompożizzjoni tal-prodott għandhom ikunu meqjusa.

Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prodotti tal-laħam intiżi għal kummerċ intra-Komunitarju, ikunu prodotti bnini ppreparati mil-laħam frisk jew prodotti tal-laħam fis-sens ta' din id-Direttiva.

2. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jkun implimentat għall-ewwel darba qabel id-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 9

1. Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddetermina għall-ewwel darba, qabel l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet li japplikaw għal-laħam frisk ikkapuljat, misħuq jew bl-istess mod imqatta' f'biċċiet żgħar, biż-żieda ta' oġġetti oħra ta' l-ikel u kondimenti.

Sakemm jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet hekk adottati, dan il-laħam għandu jibqa' suġġett għal liġijiet nazzjonali.

2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lejn il-Kunsill, qabel id-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, proposta li tittratta l-każ tal-prodotti li ma jkunux għaddew minn trattament u b'hekk ma jkunux iwettqu l-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness A, il-Kaptiolu V (26).

Artikolu 10

Il-metodi meħtieġa sabiex tkun ivverifikata l-konformità ma' l-istandards elenkati fl-Anness A, il-Kapitolu V (26) u (27) u t-tolleranzi li jistgħu jingħataw għal dawn l-istandards, għandhom ikunu stabbiliti sitt xhur qabel id-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18.

Dawn il-metodi, standards u tolleranzi jistgħu, jekk meħtieġ, jiġu sostitwiti jew aġġornati billi tintuża l-istess proċedura.

Artikolu 11

1. Mingħajr preġudizzju għal poteri li jirriżultaw mill-Artikoli 6 u 7, Stat Membru li fuq territorju tiegħu jkun ġie stabbilit fil-korsa ta' spezzjoni dwar is-saħħa li:

(a) l-prodotti tal-laħam importati min Stat Membru ieħor ma jkunux tajbin għal konsum uman, għandu jipprojbixxi l-kummerċ ta' prodotti bħal dawk fit-territorju tiegħu;

(b) ma jkunx hemm konformità ma' l-Artikolu 3, jista' jimponi projbizzjoni bħal din.

2. Deċiżjonijiet meħuda bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandhom, fuq talba tal-kunsinnatur jew tar-rappreżentanti tiegħu, jawtorizzaw il-kunsinna mill-ġdid tal-prodotti tal-laħam, sakemm ma jkunx hemm oġġezzjonijiet fuq il-bażi ta' saħħa. F'kull każ, prekawzjonijiet għandhom jittieħdu sabiex ma jħallux l-użu mhux approprjat ta' dawn il-prodotti.

Jekk il-kunsinna mill-ġdid ma tkunx possibbli, il-prodotti għandhom ikunu meqruda fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' fejn tkun twettqet l-ispezzjoni.

B'deroga minn din id-dispożizzjoni u fuq talba ta' min jirċievi l-kunsinna jew tar-rappreżentant tiegħu, l-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjonijiet fuq is-saħħa ta' l-annimali jew is-saħħa pubblika jista' jawtorizza d-dħul tagħhom għal użu għajr dak tal-konsum uman, sal-limitu li ma jkunx hemm periklu għall-bnedmin jew l-annimali. Dawn il-prodotti tal-laħam ma għandhomx iħallu t-territorju ta' dak l-Istat Membru, li għandu jivverifika d-destinazzjoni tagħhom.

Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu kkomunikati lil min jagħmel il-kunsinna jew lir-rappreżentant tiegħu flimkien mar-raġunijiet għal dawk id-deċiżjonijiet. Dawn id-deċiżjonijiet irraġunati għandhom, fuq talba, ikunu kkomunikati minnufih bil-miktub, b'indikazzjoni tal-kanali ta' appell previsti permezz tal-leġislazzjoni kurrenti u tal-forma tagħhom u l-limiti taż-żmien li fihom għandhom jinbdew.

3. Meta dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq l-istabbiliment tal-preżenza ta' marda kuntaġġuża, deterjorazzjoni perikoluża għas-saħħa umana jew ksur serju ta' din id-Direttiva, għandhom ikunu kkomunikati minnufih, flimkien mar-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet, lill-awtorità kompetenti ċentrali tal-pajjiż li jesporta u lill-Kummissjoni.

Artikolu 12

ingħajr preġudizzju għar-regoli kurrenti tal-Komunità dwar l-adittivi awtorizzati għal użu fl-oġġetti ta' l-ikel, l-użu ta' adittivi fil-prodotti tal-laħam u r-regoli dettaljati li jirregolaw użu bħal dan għandhom jibqgħu jkunu suġġetti għal-liġijiet nazzjonali sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar din il-materja.

Artikolu 13

Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, qabel il-31 ta' Diċembru 1978, jiddetermina t-temperaturi li għandhom ikunu osservati matul it-tqattigħ u l-ippakkjar inizjali kif previst fl-Anness A, il-Kapitolu II (9), u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness A, il-Kapitolu III (20).

Artikolu 14

1. Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jieħu deċiżjoni unanima dwar ir-regoli tal-Komunità li jirrrigwardaw il-metodi tas-sejba tat-tidwid tat-trikina u kif ukoll dawk il-każi meta sejba bħal din ma tkunx meħtieġa.

2. Sakemm jidħlu fis-seħħ regoli bħal dawn, il-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri dwar is-sejbien tat-trikina fil-prodotti tal-laħam li għandhom fihom laħam tal-majjal għandhom jibqgħu fis-seħħ.

3. Il-laħam tal-majjal rikonoxxut bħala li huwa trikinus ma għandux jintuża fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti tal-laħam intiżi għal kummerċ intra-Komunitarju.

Artikolu 15

1. Din id-Diretttiva m'għandhiex taffettwa l-kanali ta' l-appelli miftuħa permezz tal-leġislazzjoni kurrenti fl-Istati Membri kontra d-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet kompetenti previsti f'din id-Direttiva.

2. Kull Stat Membru għandu jagħti lil dawk li jikkunsinnaw il-prodotti tal-laħam, li ċ-ċaqliq tiegħu huwa pprojbit permezz ta' l-Artikolu 11 (1), id-dritt li jakkwistaw l-opinjoni ta' espert. Kull Stat Membru għandu jassigura li, qabel ma' l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri oħra bħal ma hi l-qerda tal-laħam, l-esperti jkollhom l-opportunità li jiddeterminaw jekk il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 (1) ikunux ġew imwettqa.

L-espert għandu jkun ċittadin ta' Stat Membru apparti minn tal-pajjiż li jesporta jew tal-pajjiz tad-destinazzjoni.

Billi taġixxi fuq proposta minn għand l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tħejji lista ta' panel ta' esperti li jistgħu jkollhom l-istruzzjoni biex jifformulaw opinjonijiet bħal dawn, wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, din għandha tistabbilixxi r-regoli ġenerali li għandhom ikunu applikati, partikolarment fir-rigward tal-proċedura għal formulazzjoni ta' dawn l-opinjonijiet.

Artikolu 16

Sakemm jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar il-problemi tas-saħħa ta' l-annimali li jaffetwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-prodotti tal-laħam, ir-regoli nazzjonali għandhom jibqgħu japplikaw għal dan il-qasam.

Artikolu 17

Sakemm isseħħ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jikkonċernaw l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam minn pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom japplikaw fuq din l-importazzjoni id-dispożizzjonijiet li huma mill-anqas ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

Artikolu 18

1. Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu għandha tkun użata, il-materja għandha tkun riferita mingħajr dewmien lejn il-Kumitat Veterinarju Permanenti (minn hawn 'il quddiem riferut bħala "Il-Kumitat"), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968, mill-President, jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba ta' Stat Membru.

2. Fil-Kumitat, il-voti ta' l-Istati Membri għandhom jiġu peżati skond kif previst fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President m'għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li jridu jkunu adottati. Il-Kumitat għandu jwassal l-opinijonijiet tiegħu dwar dawn il-miżuri f'perjodu li għandu jkun determinat mill-President skond l-urġenża tal-kwistjoni li tkun ġiet ippreżentata għall-eżami. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b'maġġoranza ta' 41 vot.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u għandha timplimentahom immedjatament, meta jkunu bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat. Meta ma jkunux bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tippreżenta proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom ikunu adottati. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk il-Kunsill ma jkunx adotta xi miżuri fi żmien tliet xhur mid-data minn meta l-proposta kienet ġiet ippreżentata lilu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u tapplikahom immedjatament ħlief meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra tagħhom b'maġġoranza sempliċi.

Artikolu 19

1. Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu għandha tkun użata, il-materja għandha tkun riferuta mingħajr dewmien lejn il-Kumitat mill-President, jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba ta' Stat Membru.

2. Fil-Kumitat il-voti ta' l-Istati Membri għandhom jiġu peżati kif previst dwar dan fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li jridu jkunu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-miżuri fi żmien jumejn. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b'maġġoranza ta' 41 vot.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u għandha tapplikahom immedjatament meta dawn ikunu bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat. Meta ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta mingħajr dewmien proposta lejn il-Kunsill dwar il-miżuri li jridu jkunu adottati. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk il-Kunsill ma jkunx adotta xi miżura fi żmien 15-il ġurnata mid-data minn meta l-proposta tkun ġiet ippreżentata lilu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u tapplikahom immedjatament ħlief meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra tagħhom b'maġġoranza sempliċi.

Artikolu 20

Billi jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet ippreżentata qabel l-1 ta' Lulju 1977, il-Kunsill għandu jadotta, qabel il-31 ta' Diċembru 1977, dispożizzjonijiet li jiddeterminaw minn għandu jkollu l-poteri li jwettaq is-superviżjoni u l-ispezzjonijiet li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafu 6 ta' l-Artikolu 3(1) u ta' l-Artikolu 4 (3) u 6 (2) u fl-Anness A, il-Kapitoli II, IV, V, VII u VIII.

Artikolu 21

L-Artikoli 18 u 19 għandhom japplikaw sal-21 ta' Ġunju 1981.

Artikolu 22

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Lulju 1979.

Madanakollu, fil-każ ta' dawk l-Istati Membri li m'għandhomx bżonn ta' kontrolli mediċi annwali fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, bis-saħħa tal-liġijiet veterinarji eżistenti, il-kontrolli mediċi li hemm provvediment dwarhom fl-Anness A, il-Kaptiolu II (17), għandhom ikunu obbligatorji biss mill-15 ta' Frar 1980, sakemm il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi qabel il-31 ta' Diċembru 1979 li jipposponi dik id-data fid-dawl tar-rapport li l-Kummissjoni tkun ippreżentat lilu.

Artikolu 23

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

A.P.L.M.M. van Der Stee

[1] ĠU C 114, tal-11.11.1971, p. 40.

[2] ĠU 121, tad- 29.7.1964, p. 2012/64.

[3] ĠU L 172, tat-3.7.1975, p. 17.

[4] ĠU L 55, tat-8.3.1971, p. 23.

[5] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28.

[6] ĠU L 255, tat-18.10.1968, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS A

IL-KAPITOLU 1 KONDIZZJONIJIET GĦALL- APPROVAZZJONI TA' L-ISTABBILIMENTI LI JIMMANIFATTURAW PRODOTTI TAL-LAĦAM

1. L-istabbilimenti għandu jkollhom, matul il-perjodu li dwaru l-approvazzjoni tkun valida, mill-anqas:

(a) kmamar addattati kbar biżżejjed għal ħażna separata:

(i) b'refriġerazzjoni:

- ta' laħam frisk fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 2 (1) (ċ),

- ta' laħam ieħor apparti minn dak imsemmi fl-Artikolu 2 (1) (ċ);

(ii) f'temperatura ambjentali jew, fejn xieraq, taħt refriġerazzjoni:

- ta' prodotti tal-laħam li jwettqu l-ħtiġiet tad-Direttiva,

- ta' prodotti oħra ppreparati kollha jew parti minnhom mil-laħam;

(b) faċilitajiet li jippermettu l-ispezzjoni veterinarja u s-superviżjoni ta' l-operazzjonijiet preskritti bid-Direttiva li għandhom isiru b'mod effiċjenti fi kwalunkwe ħin;

(ċ) fil-viċinanza tal-kmamar tax-xogħol, kamra li tista' tissakkar li tkun mgħammra adegwatament għall-użu esklussiv ta' l-awtorità kompetenti;

(d) kmamar addattati kbar biżżejjed għal preparazzjoni ta' prodotti tal-laħam;

(e) kamra li tista' tissakkar għal ħażna ta' ċerti ingredjenti bħal ma huma kondimenti;

(f) installazzjoni li tippermetti l-fornitura adegwata, bi pressa, ta' ilma biss li jkun tajjeb għax-xorb; b'danakollu, installazzjoni li tforni ilma li mhux tajjeb għax-xorb tista' tkun awtorizzata f'każijiet eċċezzjonali għal produzzjoni tal-fwar, għall-ġlieda kontra n-nar u tat-tkesssiħ ta' l-apparat ta' refriġerazzjoni, sakemm il-pajpijiet installati għal dan l-iskop ma jħallux li jsir użu minn dan l-ilma għal skopijiet oħra.

Kanen ta' l-ilma li mhux tajjeb għax-xorb għandhom ikunu jintgħarfu faċilment minn dawk li jintużaw għall-ilma tajjeb għax-xorb u ma jistgħux jgħaddu minn kmamar fejn il-laħam frisk jew il-prodotti tal-laħam jinħadmu jew ikunu maħżuna.

Madanakollu, għal ħames snin mid-data ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva, awtorizzazzjoni eċċezzjonali tista' tingħata għal kanen ta' l-ilma li mhux tajjeb għax-xorb li jgħaddu minn kmamar li jkun fihom il-laħam jew il-prodotti tal-laħam fi stabbilimenti li jwettqu l-attivitajiet tagħhom qabel l-adozzjoni tad-Direttiva, basta li ma jkunx hemm ħruġ fis-sezzjonijiet tal-kanen li jgħaddu minn dawk il-kmamar imsemmija hawn fuq;

(g) installazzjoni li tipprovdi forniment adegwat ta' ilma sħun bi pressa li jkun tajjeb għax-xorb;

(h) sistema ta' rimi ta' l-iskart ta' l-ilma li jilħaq il-ħtiġiet ta' l-iġjene;

(i) numru adegwat ta' kmamar għat-tibdil ta' l-ibies, sinkijiet, doċċi u lokijiet bi flushing. Dawn ta' l-aħħar m'għandhomx jiftħu direttament fuq il-kmamar tax-xogħol. Is-sinkijiet għandhom ikollhom ilma ġieri kiesaħ u sħun jew ilma mħallat minn qabel ta' temperatura addattata (permezz ta' vit li jħallat minn qabel), materjali għat-tindif u d-diżinfettazzjoni ta' l-idejn u xugamani ta' l-idejn li jintremew; is-sinkijiet għandhom ikunu qrib il-lokijiet u m'għandhomx ikollom vitien li jaħdmu bl-idejn;

(j) faċilitajiet li jilħqu l-ħtiġiet iġeniċi għal:

- l-immaniġġjar tal-laħam frisk u l-prodotti tal-laħam,

- il-ħażniet tal-kontenituri wżati għal dawn il-prodotti b'tali mod li la l-laħam frisk la l-prodotti tal-laħam u l-anqas il-kontenituri ma jiġu f'kuntatt dirett ma' l-art;

(k) tagħmir approprjat għall-protezzjoni kontra l-insetti u l-annimali gerriema;

(l) kamra għall-ippakkjar finali u għall-kunsinna;

(m) kontenituri speċjali li ma jippermettux li tgħaddi l-arja jew ta' l-ilma u li ma jsaddux, b'għotjien u lukketti li ma jippermettux aċċess minn persuni mhux awtorizzati, għal laħam frisk, prodotti tal-laħam jew tirqim li mhumiex għal konsum uman, jew kmamar li jissakkru għal dan il-laħam, prodotti tal-laħam jew tirqim jekk hemm kwantitajiet suffiċjenti li għandhom bżonn ta' dan jew jekk jitneħħew jew ikunu distrutti fit-tmiem ta' kull ġurnata xogħol;

(n) kamra għall-ħażna għat-tindif u l-manutenzjoni ta' l-għodda u prodotti;

(o) kamra għat-tindif ta' l-apparat kemm tal-manutenzjoni u wkoll tat-tindif.

2. Jiddependi mit-tip ta' prodott involut l-istabbiliment għandu jkollu:

(a) kamra għat-tqattigħ;

(b) kamra:

- għat-tisjir; tagħmir għat-trattament tas-sħana għandu jkun mgħammar b'termometru li jirreġistra jew teletermometru,

- għall-istortjar mill-ġdid; l-istorti għandhom ikunu mgħammrin b'termometru li jirreġistra jew teletermometru, u termometru b'kontroll dirett tal-qari;

(ċ) kamra għat-tidwib tax-xaħmijiet;

(d) kamra għat-trattament bid-duħħan;

(e) kamra għat-tqaddid u l-maturazzjoni;

(f) kamra għat-tnaqqis tal-melħ, għat-tixrib jew trattament ieħor għat-trattament ta' msaren naturali;

(g) kamra għas-sajran naturali, jekk meħtieġ b'faċilitajiet ta' arja kondizzjonata li jippermettu li t-temperatura li ma teċċedix + 10 °C tkun mantenuta;

(h) kamra, jekk meħtieġ b'faċilitajiet ta' arja kondizzjonata, għat-tiflil jew tqattigħ u għall-ippakkjar ta' prodotti tal-laħam intiżi għall-bejgħ fl-għamla ta' l-ippakkjati bil-quddiem;

(i) kamra tal-ħażna għal-laned vojta u magna għat-trasport iġjeniku ta' dawn il-laned lejn il-kamra tax-xogħol;

(j) apparat li jippermetti li l-laned ikunu mnaddfa kompletament immedjatament qabel ma jimtlew;

(k) apparat għall-ħasil ta' laned b'ilma tajjeb għax-xorb wara li jkunu ġew ermetikament issiġillati u qabel l-istortjar;

(l) faċilitajiet għal inkubazzjoni ta' kampjuni ta' prodotti tal-laħam f'kontenituri ermetikament issiġillati.

Madanakollu, sakemm dak it-tagħmir użat ma jkollux effett qerriedi fuq il-laħam frisk u l-prodotti tal-laħam, l-istess kamra tista' tintuża għall-operazzjonijiet li għandhom jitwettqu fil-kmamar separati li hemm referenza dwarhom fil-(b), (ċ), (d) u (e).

3. Il-kmamar li hemm referenza dwarhom fil-1(a) u 2(b) sa (i) għandu jkollhom:

- art li tiflaħ l-ilma li tkun faċli biex tiġi mnaddfa u ddisinfettata, li ma titmermix u mqiegħda b'tali mod li tiffaċilita l-iskular ta' l-ilma,

- ħitan lixxi b'kisi b'kulur ċar li jista' jitnaddaf faċilment jew b'żebgħa sa għoli ta' mill-anqas 2 m u bl-angoli u l-kantunieri mdawrin.

4. Il-kmamar imsemmija f'1(d) u 2(a) għandu jkollhom:

- art li tiflaħ għall-ilma li tkun faċli biex titnaddaf u li tkun iddisinfettata, li ma titmermix u mqiegħda b'tali mod li tiffaċilita l-iskular ta' l-ilma; l-ilma għandu jgħaddi minn kanali mgħottija lejn id-drenaġġ li għandu jkun mgħammar b'nases u gradilji.

- ħitan lixxi b'kisi b'kulur ċar li jistgħu jitnaddfu faċilment jew b'żebgħa sa għoli ta' ħażna ta' mill-anqas 2 m u bl-angoli u l-kantunieri mdawrin.

5. Kmamar fejn isir ix-xogħol fuq il-laħam frisk u prodotti tal-laħam għandu jkollhom mill-anqas:

- ventilazzjoni adegwata u meta meħtieġ, estrazzjoni tajba tal-fwar,

- dawl artifiċjali jew naturali li ma jbiddilx il-kuluri;

- tagħmir li għandu jkun viċin kemm jista' jkun tal-positjiet tax-xogħol, għat-tindif u d-diżinfettazzjoni ta' l-idejn u l-materjali tax-xogħol. Il-vitien m'għandhomx jitħaddmu bl-idejn. Għall-ħasil ta' l-idejn, dawn il-faċilitajiet għandu jkollhom ilma ġieri kiesaħ u sħun jew ilma mħallat minn qabel ta' temperatura xierqa (minn vit li jħallat l-ilma minn qabel), prodotti tat-tindif u diżinfettar u xugamani ta' l-idejn li jintremgħu. Għal għodda tat-tindif, it-temperatura ma tistax tkun anqas minn + 82 °C,

- l-istrumenti u t-tagħmir tax-xogħol bħalma huma mwejjed tat-tqattigħ, imwejjed għat-taqtigħ bl-uċuħ li jinqalgħu, kontenituri, ċinturini tat-trasport u srieraq, ta' materjal li ma jsaddadx, u li ma jtebbax il-laħam u li jkun faċli biex jitnaddaf u li jkun iddiżinfettat. L-użu partikolarment ta' l-injam huwa pprojbit.

IL-KAPITOLU II ĦTIĠIET TA' L-IĠJENE GĦALL-PERSUNAL, KMAMAR, TAGĦMIR U STRUMENTI FL-ISTABBILIMENTI

6. L-għola standards tat-tindif huma meħtieġa għal kmamar tal-persunal, ta' l-għodda u ta' l-istrumenti.

(a) Il-persuni kollha li jidħlu fil-kmamar fejn isir ix-xogħol fuq il-laħam u l-prodotti tal-laħam għandhom, partikolarment, jilbsu lbies tax-xogħol nodfa, b'kuluri ċari u li jitnaddfu faċilment u għatu tar-ras meta meħtieġ protezzjoni għall-għonq. Il-persunal involut fil-manifattura għandhom jaħslu u jiddisinfettaw idejhom ħafna drabi matul il-ġurnata tax-xogħol, kull darba li jerġgħu jibdew jaħdmu, u meta jdejhom jitħammġu. It-tipjip mhuwiex permess fil-kmamar tax-xogħol u fl-imħażen.

(b) L-ebda annimali m'għandhom jitħallew ġewwa l-istabbiliment. Annimali li jgerrmu, insetti u dud oħra għandhom ikunu meqruda sistematikament.

(ċ) Tagħmir u strumenti wżati fil-manifattura għandhom jitnaddfu u jkunu ddisinfettati ħafna drabi matul il-ġurnata tax-xogħol, fi tmien il-ġurnata tax-xogħol u qabel ma jerġgħu jintużaw darb'oħra, jekk ikunu ġew ikkontaminati.

Madanakollu, magni ta' produzzjoni kontinwi għandhom jitnaddfu biss meta jispiċċa x-xogħol jew f'każijiet meta jkun hemm suspett ta' kontaminazzjoni.

7. Kmamar, strumenti u għodda tax-xogħol għandhom jintużaw biss għal preparazzjoni tal-prodotti tal-laħam.

B'danakollu, dawn jistgħu jintużaw għal preparazzjoni ta' oġġetti oħra ta' l-ikel jew simultanjament inkella f'ħinijiet differenti wara l-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, basta li l-miżuri xierqa jittieħdu sabiex ma jħallux li jsiru kontaminazzjonijiet jew kambjamenti ħżiena fil-prodotti koperti b'din id-Direttiva.

8. Laħam frisk u prodotti tal-laħam, l-ingredjenti tagħhom u l-kontenituri tagħhom m'għandhomx:

- jiġu f'kuntatt dirett ma' l-art,

- jiġu ddepositati jew imqandla permezz ta' kondizzjonijiet li jistgħu jikkontaminawhom.

Għandha tittieħed kura biex tassigura li ma jkunx hemm kuntatt bejn il-materjali krudi u l-prodotti mlestija.

9. Meta qegħdin jintużaw, il-kmamar li hemm referenza għalihom fil-2(g) u (h) għandhom jinżammu f'temperatura li ma taqbiżx + 10 °C.

10. It-temperatura stabbilita f'9 tista' tkun imwarrba jekk l-awtorità kompetenti taqbel u jekk hi tikkunsidra li jkun permissibbli li jsir hekk sabiex jitwettqu l-kondizzjonijiet tekniċi tal-preparazzjonijiet.

11. Laned u kontenituri simili għandhom jinħaslu tajjeb immedjatament qabel il-mili permezz ta' l-apparat tat-tindif li hemm referenza għalih fi 2(j).

12. Jekk meħtieġ, laned u kontenituri simili għandhom jinħaslu b'ilma tajjeb għax-xorb, wara li jkunu ermetikament issiġillati u qabel l-istortjar, permezz ta' l-apparat li hemm referenza għalih fi 2(k).

13. Prodotti għal manteniment u t-tindif għandhom jinżammu fi kmamar ipprovduti għal dan l-iskop.

14. L-użu ta' deterġenti, disinfettanti u pestiċidi ma għandhomx ikollhom effett fuq il-benna tal-laħam frisk jew fuq il-prodotti tal-laħam.

15. L-ilma tajjeb għax-xorb għandu jintuża għar-raġunijiet kollha inklużi l-istorti. B'danakollu, l-ilma li mhux tajjeb għax-xorb jista' f'każi eċċezzjonali jintuża f'ċirkwiti magħluqa għal produzzjoni tal-fwar, tifi tan-nar u għat-tkessiħ ta' l-apparat tar-refriġerazzjoni, basta li l-kanen li jkunu nstallati għal din ir-raġuni ma jippermettux l-użu ta' dan l-ilma għal skopijiet oħra.

16. Persuni li jistgħu jikkawżaw xi kontaminazzjoni fil-laħam frisk u prodotti tal-laħam m'għandhomx jitħallew jaħdmu fuqhom jew iqandluhom, partikolarment, persuni:

(a) li jsofru jew hemm suspett li jsoffru minn deni tat-tifojde, paratifojde A u B, salmonella infettiva, disentrija, ħepitite infettiva, deni ta' l-iskarlatina, jew dawk li jġorru dan il-mard;

(b) li jsofru jew hemm suspett li jkunu jsofru mit-tuberkolosi infettiva:

(ċ) li jsofru jew hemm suspett li jkunu jsofru minn marda infettiva tal-ġilda;

(d) jeżerċitaw fl-istess waqt attività li tista' tikkawża kontaminazzjoni mikrobijotika tal-laħam frisk jew tal-prodotti tal-laħam;

(e) li jkollhom faxxa fuq idejhom, apparti minn faxxa li tiflaħ għall-ilma fuq ferita li ma tkunx infettata.

17. Ċertifikat mediku għandu jkun meħtieġ minn kull persuna li taħdem fuq il-laħam frisk jew fuq il-prodotti tal-laħam. Dan għandu jiċċertifika li ma jkunx hemm impediment għal impjieg; għandu jkun imġedded kull sena u kull darba li l-awtorità kompetenti hekk titlob; għandu jinżamm għad-dispożizzjoni ta' dan ta' l-aħħar..

IL-KAPITOLU III ĦTIĠIET GĦAL-LAĦAM FRISK LI JINTUŻA GĦALL- PRODUZZJONI TAL-PRODOTTI TAL-LAĦAM

18. Laħam frisk li jkun ġej mill-biċċerija, stabbiliment tat-tqattigħ, imħażen tas-silġ jew stabbiliment ta' l-ipproċessar ieħor fl-istess pajjiż bħall-istabbiliment ikkonċernat għandu jkun ittrasportat lejh bl-istess kondizzjonijiet sodisfaċenti tas-saħħa b'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1) (b) għajr dawk dwar is-siġġillar.

19. Laħam li ma jkunx konformi mal-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(1) (ċ) jista' jinżamm fi stabbilimenti approvati biss jekk ikunu maħżuna f'postiijiet separati; irid jintuża f'postijiet jew ħinijiet differenti apparti minn laħam li ma jkunx konformi ma dawn il-kondizzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti għandhom f'kull waqt ikollhom aċċess ħieles lejn imħażen tas-silġ u l-kmamar kollha tax-xogħol sabiex jivverifikaw l-osservanza stretta ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

20. Hekk kif jasal fl-istabbiliment u sakemm jintuża, il-laħam frisk maħsub għal manifattura ta' prodotti tal-laħam għandu jkun maħżun f'kamra li fiha t-temperatura interna tinżamm konstanti ta' mhux aktar minn + 7 °C; madanakollu, għall-interjuri t-temperatura m'għandhiex tkun ta' aktar minn + 3 °C u għal laħam tat-tjur ta' mhux aktar minn + 4 °C.

IL-KAPTIOLU IV IS-SUPERVIŻJONI TAL-PRODUZZJONI

21. L-istabbilimenti għandhom ikunu suġġetti għal superviżjoni minn awtorità kompetenti li għandha tagħti avviż bil-quddiem ta' fejn isir ix-xogħol fuq prodotti tal-laħam maħsuba għal kummerċ intra-Komunitarju.

22. Superviżjoni kontinwa mill-awtorità kompetenti għandha tinkludi dan li ġej:

- l-ispezzjonijiet tar-reġistru tad-dħul u l-ħruġ tal-laħam frisk u l-prodotti tal-laħam.

- l-ispezzjonijiet sanitarji tal-laħam frisk intenzjonat għall-manifattura tal-prodotti tal-laħam għal kummerċ intra-Komunitarju u, fil-każ li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 3(b) ta' l-Artikolu 3(1), tal-prodotti tal-laħam,

- l-ispezzjonijiet tal-prodotti tal-laħam malli jitilqu mill-istabbiliment;

- il-mili u l-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa li hemm provvediment dwaru fi 34,

- il-verifikazzjoni tat-tindif tal-post, tal-faċilitajiet u ta' l-istrumenti u l-iġjene tal-persunal skond kif previst fil-Kapitolu II,

- it-teħid ta' kampjuni meħtieġa għal testijiet fil-laboratorju,

- kwalunkwe miżura ta' superviżjoni meqjusa bħala neċessarja mill-awtorità kompetenti sabiex jassiguraw il-konformità ma' din id-Direttiva.

Ir-riżultati ta' dawn it-testijiet għandhom jinżammu f'reġistru.

23. Fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti tal-laħam f'kontenituri ermetikament issiġillati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw li:

- l-produttur jiġbor kampjuni tal-produzzjoni ta' kull jum, f'intervalli determinati bil-quddiem, sabiex tkun assigurata l-effiċjenza tas-siġillar.

- il-produttur juża għodod li jimmarkaw biex jikkontrolla li l-kontenituri fil-fatt kellhom it-trattament addattat tas-sħana.

- prodotti f'kontenituri ermetikament issiġillati jitneħħew mit-tagħmir tas-sħana f'temperatura għolja biżżejjed sabiex jassiguraw l-evaporazzjoni rapida ta' l-umdità u ma jintmissux mill-idejn sakemm ikunu nixfu kompletament.

24. Ir-riżultati tal-kontrolli varji tal-proċess u t-testijiet imwettqa mill-prodottur għandhom jinżammu għal preżentazzjoni fuq talba ta' l-awtorità kompetenti.

IL-KAPITOLU V VERIFIKI FUQ L-EFFETTIVITÀ TAT-TRATTAMENTI

25. L-awtorità kompetenti għandha tagħmel verifiki dwar l-effettività tat-trattament tal-prodotti tal-laħam, jekk meħtieġ billi jittieħdu kampjuni, sabiex jassiguraw li:

- il-prodotti jkunu għaddew minn trattament kif definit fl-Artikolu 2(1) (d),

- it-trattament jista' jiġi kkunsidrat bħala komplet fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 2(1) (e) jew mhux komplet bi qbil ma' l-Artikolu 2 (1) (f).

26. Prodott li jkun ġie ttrattat fis-sens ta' dak li jfisser l-Artikolu 2(1) (d) meta jew il-valur aw ikun anqas min 0,797 jew il-qatgħa tal-wiċċ turi li l-prodott m'għadx għandu l-karatteristiċi tal-laħam frisk.

27. Prodott ikun għadda minn trattament sħiħ:

(a) jekk ikun għadda minn trattament ta' sħana f'kontenitur ermetikamet issiġillat, meta l-valur Fo jeċċedi jew ikun egwali għal 3700 jew, fl-Istati Membri li fihom dan il-valur mhux normalment li jkun applikat meta l-verifiki fuq it-trattament ikunu twettqu permezz ta' test ta' inkubazzjoni ta' sebat ijiem f'37 °C jew test ta' 10 ġranet f'35 °C;

(b) jekk ikun għadda minn trattament apparti dak li hemm referenza dwaru fi (a), meta:

(i) Il-valur aw ma jaqbiżx 0,795 u l-pH ma jaqbiżx 5 72,

(ii) jew il-valur aw ma jkunx jaqbeż 0,791,

(iii) jew il-valur pH huwa anqas minn 4 75.

Jekk il-kondizzjonijiet li hemm referenza għalihom fi (a) u (b) ma jitwettqux fit-trattament, il-prodott għandu jkun meqjus bħala li għadda minn trattament mhux komplet.

IL-KAPITOLU VI IT-TGEŻWIR U L-IPPAKKJAR TA' PRODOTTI TAL-LAĦAM

28. It-tgeżwir u l-ippakkjar għandhom isiru f'kondizzjonijiet ta' iġjene sodisfaċenti fi kmamar intiżi għal dan l-iskop.

29. It-tgeżwir u l-ippakkjar għandhom ikunu konformi mar-regoli kollha ta' l-iġjene, inklużi dawn li ġejjin:

- ikunu tali li ma jibdlux il-karatteristiċi organoleptiċi tal-prodotti tal-laħam.

- ikunu tali li ma jkunux kapaċi jittrasmettu lejn il-prodotti tal-laħam sostanzi li jagħmlu ħsara għas-saħħa umana.

- għandhom ikunu b'saħħithom biżżejjed li jipproteġu l-prodotti tal-laħam adegwatament.

30. It-tgeżwir u l-ippakkjar m'għandhomx jiġu wżati darb'oħra għal prodotti tal-laħam, bl-eċċezzjoni ta' ċerti tipi speċjali ta' ċeramika li tista' terġa' tintuża wara li titnaddaf u tkun iddisinfettata.

IL-KAPITOLU VII L-IMMARKAR TAS-SAĦĦA

31. Il-prodotti tal-laħam għandhom ikunu mmarkati. Dan l-immarkar għandu jitwettaq taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtorità kompetenti matul jew immedjatament wara l-manifattura f'post faċilment viżibbli. Il-marka trid tkun leġibbli, li ma titħassarx u l-karattri tagħha għandhom ikunu faċilment distinti.

32. Madanakollu:

(a) meta l-prodott tal-laħam ikun imgeżwer u ppakkjat individwalment, għandu jkun biżżejjed li l-marka tas-saħħa tkun fuq l-ippakkjar;

(b) meta l-prodotti tal-laħam għandhom jintbagħtu fit-tieni kontenitur il-marka għandha tkun ukoll fuq it-tieni kontenitur;

(ċ) il-marka tas-saħħa tista' tkun ukoll ta' diska li ma tistax titneħħa ta' materjal reżistenti li huwa konformi mal-ħtiġiet ta' l-iġjene u li jkollha l-informazzjoni speċifikata fi 33(a).

33. (a) Il-marka tas-saħħa għandha jkollha dawn il-partikolaritajiet segwenti f'madwar ovali:

- fuq:

l-inizjal(i) tal-pajjiż li jesporta f'ittri kapitali, jiġifieri B – D – DK – F – IRL – I – L – NL – RU, segwiti bin-numri ta' l-approvazzjoni ta' l-istabbiliment;

- taħt:

wieħed mis-settijiet ta' l-inizjali li ġejjin: EEC/KEE- GEE- GWE- KEE- EØF.

(b) Il-marka tas-saħħa tista' tkun applikata fuq il-prodott, tgeżwir jew ippakkjar permezz ta' inka jew ittimbrar bin-nar, jew tista' tkun stampata jew applikata fuq it-tikketta. Il-marka għandha tkun miksura meta l-ippakkjar ikun miftuħ. In-nuqqas ta' ksur ta' din il-marka tista' tkun ittollerata biss meta l-ippakkjar ikun meqrud meta jinfetaħ.

IL-KAPITOLU VIII IĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA

34. Il-kopja oriġinali taċ-ċertifikat tas-saħħa li għandha takkumpanja l-prodotti tal-laħam matul it-trasport tagħhom lejn il-pajjiż tad-destinazzjoni għandha tkun maħruġa mill-awtorità kompetenti fil-waqt tat-tagħbija.

Għandu jkun jikkorrispondi fil-forma u fil-kontenut mal-mudell li hemm fl-Anness B. Għandu jkun miktub f'mill-anqas fil-lingwa(i) tal-pajjiż tad-destinazzjoni u għandu jkun issupplimentat bil-partikolaritajiet speċifiċi. Għandu jsir fuq folja karta waħda.

IL-KAPITOLU IX IT-TRASPORT U ĦAŻNA

35. Prodotti tal-laħam, intiżi għal kummerċ intra-Komunitarju għandhom ikunu maħżuna fil-postijiet li hemm referenza għalihom fi 1 (a).

36. Prodotti tal-laħam li dwarhom ċerti temperaturi tal-ħażna huma indikati bi qbil ma' l-Artikolu 4 għandhom jinżammu f'dawn it-temperaturi.

37. Prodotti tal-laħam għandhom jintbagħtu b'tali mod li jkunu protetti adegwatament matul it-trasportazzjoni minn kwalunkwe ħaġa li tista' tkun ta' detriment għalihom jew li tista' tikkontaminahom, billi jittieħed akkont tat-tul tal-vjaġġ, il-mezzi tat-trasport u l-kondizzjonijiet tat-temp.

38. Prodotti tal-laħam għandhom ikunu ttrasportati f'vetturi mgħammra ħalli jkunu jistgħu jittrasportawhom meta meħtieġ permezz ta' refriġerazzjoni, li t-temperaturi indikati skond l-Artikolu 4 ma jkunux misbuqa.

--------------------------------------------------

ANNESS B

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet