31976L0914



Official Journal L 357 , 29/12/1976 P. 0036 - 0039
Finnish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0027
Greek special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0167
Swedish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0027
Spanish special edition: Chapter 07 Volume 2 P. 0052
Portuguese special edition Chapter 07 Volume 2 P. 0052


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-16 ta' Diċembru 1976

dwar il-livell minimu ta' taħriġ għal xi sewwieqa tat-trasport bit-triq

(76/914/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 543/69 tal-25 ta' Marzu 1969 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċertu leġislazzjoni soċjali li tittratta t-trasport bit-triq [1], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 515/72 [2], u b'mod partikolari l-Artikolu (5)(1)(b), it-tieni inċiż, u (2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

Billi taħt l-Artikolu 5(1)(b), it-tieni inċiż, tar-Regolament (KEE) Nru 543/69, is-sewwieq ta' vettura maħsuba għat-trasport ta' merkanzija li jkollha piż massimu awtorizzat ta' 'l fuq minn 7.5 metri tunnellati u għal liema japplika dan ir-Regolament, jekk ma jkunx laħaq l-età ta' 21 sena, għandu jkollu ċertifikat ta' kompetenza professjonali rikonoxxuta minn wieħed mill-Istati Membri li jikkonferma illi huwa temm kors ta' taħriġ għas-sewwieqa ta' vetturi maħsuba għat-trasport ta' merkanzija bit-triq;

Billi taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 543/69, is-sewwieq ta' vettura maħsuba għat-trasport ta' passiġġieri u għal liema r-Regolament japplika għandu jkollu mill-inqas 21 sena u għandu jħares waħda mill-kondizzjonijiet provduti f'dak il-paragrafu;

Billi waħda minn dawn il-kondizzjonijiet tistipula illi s-sewwieq għandu jżomm ċertifikat ta' kompetenza professjonali rikonoxxut minn wieħed mill-Istati Membri li jikkonferma illi huwa temm kors ta' taħriġ għas-sewwieq ta' vetturi maħsubin għat-trasport ta' passiġġieri bit-triq;

Billi, biex ikun determinat il-livell minimu ta' dan it-taħriġ għandhom jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, id-differenzi fil-kondizzjonijiet tat-twettieq tat-trasport ta' merkanzija u t-trasport ta' passiġġieri bit-triq,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Kull persuna li jkollha l-liċenzja ta' sewqan nazzjonali xierqa u li tkun kompletat kors ta' taħriġ vokazzjonali li jkopri mill-inqas is-suġġetti mniżżlin fl-Anness ta' din id-Direttiva għandha tkun rikonoxxuta li għandha l-livell minimu ta' taħriġ għas-sewwieqa ta' vettura maħsubin għat-trasport ta' merkanzija bit-triq, imsemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 543/69 jew għas-sewwieqa tal-vetturi maħsubin għat-trasport ta' passiġġieri bit-triq, imsemmija fil-paragrafu 2(ċ) ta' l-imsemmi l-Artikolu.

2. Il-programm u l-organizzazzjoni tal-kors ta' taħriġ vokazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu pprovduti mill-Istat Membru. Prova illi dan it-taħriġ intemm għandu jkun ipprovdut permezz ta' eżami jew ta' verifika magħmula mill-Istat jew mill-korpi nominati biex jagħmlu hekk mill-Istat li jaġixxu taħt is-superviżjoni diretta ta' l-Istat.

3. Stat Membru jista' jeħtieġ is-sewwieqa li jagħmlu t-trasport nazzjonali fi ħdan it-territorju tiegħu u s-sewwieqa li jagħmlu t-trasport internazzjonali fil-vetturi reġistrati f'dak l-Istat biex jgħaddu minn taħriġ iżjed intensiv minn dak ipprovdut fl-Anness. Dan jista' jkun taħriġ li jkun diġà stabbilit fi Stat Membru jew taħriġ li Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi fil-futur.

L-Artikolu 2

1. Iċ-ċertifikat ta' kompetenza professjonali msemmija fit-tieni daħla ta' l-Artikolu 5(1)(b) u fl-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 543/69 għandu jkun maħruġ mill-Istat jew il-korpi nominati biex jagħmlu hekk mill-Istat li jaġixxi taħt is-superviżjoni diretta ta' l-Istat lil persuni li jissodisfaw il-ħtiġiet imniżżla fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.

2. Drittijiet miksuba skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jibqgħu validi fl-istess mod bħaċ-ċertifikati maħruġa skond din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

1. Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva fi żmien sentejn wara n-notifika tagħha.

2. Kull Stat Membru għandu jipprovdi l-Kummissjoni b'kampjuni taċ-ċertifikati jew dokumenti ekwivalenti li jadotta bil-ħsieb ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 2(1). Il-Kummissjoni għandha minnufih tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmulha fi-Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

Th. E. Westerterp

[1] ĠU L 77, tad-29.3.1969, p. 49.

[2] ĠU L 67, ta' l-20.3.1972, p. 11.

[3] ĠU C 46, tad-9.5.1972, p. 8.

[4] ĠU C 88, tas-6.9.1971, p. 14.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

TAĦRIĠ MINIMU MEĦTIEĠ GĦALL-GĦOTJA TA' ĊERTIFIKAT TA' KOMPETENZA PROFESSJONALI FI ĦDAN IT-TIFSIRA TA' L-ARTIKOLU 5(1)(b) JEW (2)(ċ) TAR-REGOLAMENT (KEE) Nru 543/69

Taħriġ li jwassal għall-għotja ta' ċertifikat ta' kompetenzi professjonali għandu jinkludi mill-inqas suġġetti li ġejjin, sakemm ma jkunux koperti diġà minn taħriġ għal liċenzja tas-sewqan.

1. Għarfien tal-kostruzzjoni u l-partijiet komponenti prinċipali ta' vettura

1.1. Għarfien tal-kostruzzjoni u l-funzjonament ta':

- magni ta' kombustjoni interna,

- lubrifikazzjoni u impjanti tat-tkessiħ,

- is-sistema ta' karburant,

- is-sistema ta' l-elettriku,

- is-sistema tat-tqabbid,

- is-sistema tat-trasmissjoni (klaċċ, kaxxa tal-gerijiet, eċċ.)

1.2. Tagħrif ġenerali ta' lubrifikazzjoni u protezzjoni anti-konġelanti

1.3. Għarfien tal-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu matul it-tneħħija u l-bdil ta' roti

1.4. Għarfien tal-kostruzzjoni, tqegħid, użu korrett u kura tat-tajers

1.5. Għarfien tat-tipi, ħidma, partijiet prinċipali, konnessjoni, użu u manutenzjoni ta' kuljum tal-fittings tal-brejkijiet, u għarfien ta' impjanti tat-tkessiħ

1.6. Għarfien ta' metodi ta' kif jinstabu l-kawżi ta' ħsarat fil-magna

1.7. Għarfien ta' kif issewwi ħsarat fil-magna żgħar bl-għajnuna tat-tagħmir korrett

1.8. Tagħrif ġenerali tal-manutenzjoni preventiva ta' vetturi u t-tiswijiet ta' kuljum meħtieġa.

2. Tagħrif ġenerali ta' trasport u proċeduri amministrattivi

2.1. Kapaċità ġenerali u tagħrif ġeografiku biżżejjed biex jintużaw il-mapep tat-toroq u l-indiċijiet tagħhom

2.2. Użu ekonomiku ta' vetturi

2.3. Tagħrif tal-passi li għandhom jittieħdu wara aċċidenti jew okkorrenzi simili (e.ż. nar) f'konnessjoni ma' l-assigurazzjoni tal-vettura

2.4. Għarfien tal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli lit-tip ta' trasport konċernat - merkanzija jew passiġġier

għas-sewwieqa ta' vetturi ta' merkanzija:

2.5. Għarfien elementari tar-responsabbiltà tas-sewwieq fir-rigward tar-riċevuta, trasport u konsenja ta' merkanzija skond il-kondizzjonijiet miftehma

2.6. Għarfien tal-vettura u dokumenti tat-trasport meħtieġa għat-trasport nazzjonali u internazzjonali ta' merkanzija

2.7. Għarfien tat-tekniċi ta' tagħbija u ħatt ta' merkanzija u l-użu ta' tagħmir għat-tagħbija u ħatt

2.8. Għarfien bażiku tal-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu fl-immanniġġjar u t-trasport ta' merkanzija perikolużi

għas-sewwieqa ta' vetturi ta' passiġġieri:

2.9. Għarfien tar-responsabbiltà tas-sewwieq fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri

2.10. Għarfien tal-vettura u dokumenti tal-passiġġieri meħtieġa għat-trasport nazzjonali u internazzjonali ta' passiġġieri.

3. Esperjenza fis-sewqan ta' vetturi ta' merkanzija jew tal-passiġġieri

3.1. Għas-sewwieqa ta' vetturi ta' merkanzija:

Esperjenza prattika tas-sewqan u l-manuvrar ta' vetturi ta' iżjed minn 7.5 tunnellati metriċi u l-użu ta' strument ta' l-igganċjar

3.2. Għas-sewwieqa ta' vetturi ta' passiġġieri:

Esperjenza prattika tas-sewqan u manuvrar ta' karozzi tal-linja jew coaches.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet