31975L0117



Official Journal L 045 , 19/02/1975 P. 0019 - 0020
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0078
Greek special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0042
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0078
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0052
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 2 P. 0052


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta' l-10 ta' Frar 1975

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa

(75/117/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju li rġiel u nisa għandhom jirċievu paga ndaqs kif jinsab fl-Artikolu 119 tat-Trattat hija parti integrali mit-twaqqif u l-iffunzjonar tas-suq komuni;

Billi hija primarjament ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jassiguraw l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju permezz ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi xierqa;

Billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 1974 [3] li għandha x'taqsam ma' programm ta' azzjoni soċjali, li l-għan tiegħu hu li jagħmel possibbli l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet ta' għajxien u ta' xogħol waqt li t-titjib jibqa' jinżamm u li jwassal għal żvilupp soċjali u ekonomiku bilanċjat fil-Komunità, irrikonoxxiet li għandha tingħata prijorità lil azzjoni meħuda f'isem in-nisa fejn jirrigwarda aċċess għall-impjieg u taħriġ vokazzjonali u avvanz, u għar-rigward ta' kondizzjonijiet tax-xogħol, li jinkludu l-paga;

Billi huwa mixtieq li jiġu nfurzati l-liġijiet bażiċi b'livelli li l-għan tagħhom hu li jiffaċilitaw l-applikazzjoni prattika tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza b'tali mod li l-impjegati kollha fil-Komunità jistgħu jiġu protetti f'dawn il-materji;

Billi fl-Istati Membri varji differenzi jkomplu jeżistu minkejja l-isforzi magħmula biex tkun applikata r-riżoluzzjoni tal-konferenza ta' l-Istati Membri tat-30 ta' Diċembru 1961 dwar paga ndaqs għall- irġiel u għan- nisa u billi, għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jitressqu lejn xulxin fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Il-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa deskritt fil-qosor fl-Artikolu 119 tat-Trattat, 'il quddiem imsejjaħ "prinċipju ta' paga ndaqs", ifisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess għar-rigward ta' l-aspetti kollha u kondizzjonijiet ta' ħlas.

Partikolarment, fejn sistema ta' klassifikazzjoni ta' impjiegi hija użata biex tistabbilixxi paga, għandha tkun ibbażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irġiel u għan-nisa u hekk imfassla li teskludi kull diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali tagħhom nazzjonali dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex jagħmlu possibbli li l-impjegati kollha li jikkonsidraw li sar nuqqas kontra tagħhom minħabba li ma ġiex applikat il-prinċipju ta' paga ndaqs li jsegwu l-pretensjonijiet tagħhom bi proċess ġudizzjarju wara li possibbilment jirrikorru lejn awtoritajiet oħra kompetenti.

L-Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom ineħħu għal kollox kull diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa li toħroġ minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, li huma kuntrarji għall-prinċipju ta' paga ndaqs.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li dispożizzjonijiet li jidhru fi ftehim kollettiv, skali ta' paga, ftehim fuq pagi jew kuntratti ta' impjieg individwali li huma kuntrarji għall-prinċipju ta' paga ndaqs għandhom jew jistgħu jiġu dikjarati nulli u bla effett jew jistgħu ikunu emendati.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu l-impjegati kontra tkeċċija minn min jimpjega bħala reazzjoni għal ilment ġewwa l-impriża jew għal kwalunkwe proċedura legali li l-għan tagħha hu li tesiġi l-konformità mal-prinċipju ta' paga ndaqs.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom, skond iċ-ċirkostanzi nazzjonali u sistemi legali tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-prinċipju ta' paga ndaqs ikun applikat. Huma għandhom jaraw li mezzi effettivi huma disponibbli biex jieħdu ħsieb li dan il-prinċipju ikun osservat.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li d-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet diġà fis-seħħ, huma miġjuba għall-attenzjoni ta' l-impjegati bil-mezzi kollha xierqa, per eżempju fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

L-Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex iħarsu din id-Direttiva fi żmien sena min-notifika tagħha u għandom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jadottaw fl-isfera li taqa' taħt din id-Direttiva.

L-Artikolu 9

Fi żmien sentejn mill-iskadenza tal-perjodu ta' sena msemmi fl-Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex tkun tista' tfassal rapport fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva biex tgħaddih lill-Kunsill.

L-Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-10 ta' Frar 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Fitzgerald

[1] ĠU C 55, tat-13.5.1974, p. 43.

[2] ĠU C 88, tas-26.7.1974, p. 7.

[3] ĠU C 13, tat-12.2.1974, p. 1.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet