31969R1191



Official Journal L 156 , 28/06/1969 P. 0001 - 0007
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 1 P. 0064
Danish special edition: Series I Chapter 1969(I) P. 0258
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 1 P. 0064
English special edition: Series I Chapter 1969(I) P. 0276
Greek special edition: Chapter 07 Volume 1 P. 0100
Spanish special edition: Chapter 08 Volume 1 P. 0131
Portuguese special edition Chapter 08 Volume 1 P. 0131


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69

tas-26 ta' Ġunju 1969

dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 75 u 94,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 [1] dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni dwar it-trasport huwa li jiġu eliminati diskrepanzi li jistgħu jikkawżaw distorsjoni sostanzjali fil-kondizzjonijiet inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku li huma imposti fuq intrapriżi tat-trasport mill-Istati Membri;

Billi huwa għalhekk meħtieġ li jintemmu l-obbligi ta' servizz pubbliku definiti f'dan ir-Regolament; billi, madanakollu, huwa essenzjali f'ċerti każijiet li jinżammu dawn l-obbligi sabiex jiġi żgurat servizz ta' trasport adegwat; billi l-adegwatezza tas-servizzi tat-trasport trid tiġi eżaminata fid-dawl tal-qagħda tal-provvista u tad-domanda fis-settur tat-trasport u tal-ħtiġiet tal-komunità;

Billi dawn il-miżuri ta' terminazzjoni ma għandhomx japplikaw għal rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fuq intrapriżi tat-trasport tal-passiġġieri fl-interessi ta' kategorija jew kategoriji partikolari ta' persuni;

Billi, bl-iskop li jiġu implimentati dawn il-miżuri, huwa neċessarju li wieħed jiddefinixxi l-obbligi ta' servizz pubbliku varji li jaqgħu taħt dan ir-Regolament; billi dawn l-obbligi jinkludu l-obbligu li wieħed jopera, l-obbligu li wieħed iġorr u obbligi marbutin mat-tariffi;

Billi għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri li mill-inizjattiva tagħhom jieħdu miżuri sabiex itemmu jew sabiex iżommu obbligi ta' servizz pubbliku; billi, madanakollu, dawn l-obbligi jinvolvu piżijiet finanzjarji għall-intrapriżi tat-trasport, dawn ta' l-aħħar għandhom jkunu jistgħu japplikaw għat-terminazzjoni tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri;

Billi huwa approprjat li jiġi stabbilit li intrapriżi tat-trasport jistgħu japplikaw għat-terminazzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku biss meta dawn l-obbligi jinvolvulhom żvantaġġi ekonomiċi stabbiliti skond il-proċeduri komuni definiti f'dan ir-Regolament;

Billi, sabiex jogħlew il-livelli ta' servizz, l-intrapriżi tat-trasport għandhom ikunu jistgħu, meta jkunu qegħdin jagħmlu l-applikazzjonijiet tagħhom, jipproponu l-użu ta' xi forma oħra ta' trasport li hija iktar adattata għat-traffiku inkwistjoni;

Billi, meta jiddeċiedu favur li jinżammu ċerti obbligi ta' servizz pubbliku l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jridu jkunu kapaċi jżidu mad-deċiżjoni tagħhom kondizzjonijiet li aktarx itejbu r-riżultati ta' l-operazzjonijiet inkwistjoni; billi meta jiddeċiedu li jtemmu obbligu ta' servizz pubbliku l-awtoritajiet kompetenti jridu, madanakollu, sabiex jiżguraw il-provvista ta' servizzi tat-trasport adegwati, jkunu kapaċi jipprovdu għall-introduzzjoni ta' servizz alternattiv;

Billi, sabiex jiġu kkunsidrati l-interessi ta' l-Istati Membri kollha, għandha tiġi introdotta proċedura Komunitarja għal każijiet fejn it-terminazzjoni ta' obbligu biex wieħed jopera jew iġorr tista' tinterferixxi ma' l-interessi ta' Stat Membru ieħor;

Billi huwa mixtieq, sabiex l-istudju ta' l-applikazzjonijiet minn intrapriżi għat-terminazzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku jkun jista' jsir sew, li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien kemm għas-sottomissjoni ta' dawn l-applikazzjonijiet kif ukoll għall-istudju tagħhom mill-Istati Membri;

Billi, skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kull deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jinżamm xi obbligu ta' servizz pubbliku definit f'dan ir-Regolament tinkorpora obbligu ta' ħlas ta' kumpens fir-rigward ta' piżijiet finanzjarji li jistgħu jaqgħu fuq l-intrapriżi tat-trasport;

Billi malli tittieħed deċiżjoni minn Stat Membru sabiex jinżamm obbligu ta' servizz pubbliku partikolari jinħoloq id-dritt li l-impriża tat-trasport tieħu kumpens; billi, madanakollu, minħabba li l-budgets isiru fuq bażi annwali dan id-dritt ma jistax jinħoloq waqt il-perjodu inizjali ta' l-operat ta' dan ir-Regolament qabel l-1 ta' Jannar 1971; bill din id-data tista' tinbidel għal data oħra f'każ li l-limitu ta' żmien għall-istudju ta' l-applikazzjonijiet minn intrapriżi tat-trasport jiġi mtawwal;

Billi wkoll, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzoni fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, jiddisponi li l-Istati Membri jridu jagħtu kumpens fir-rigward ta' piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq t-trasport ta' passiġġieri minħabba l-applikazzjoni ta' rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta' kategorija waħda jew iżjed ta' persuni; billi dan il-kumpens għandu jopera mill-1 ta' Jannar 1971; billi d-data operattiva tista', permezz ta' azzjoni fuq livell komunitarju, tiġi posposta għal sena f'każ li Stat Membru jiltaqa' ma' diffikultajiet speċjali;

Billi l-kumpens għal piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta' obbligi ta' servizz pubbliku jrid isir skond proċeduri komuni; billi, sabiex jinħadem l-ammont tal-kumpens, iridu jiġu kkunsidrati l-effetti li t-terminazzjoni ta' dawn l-obbligi jista' jkollha fuq l-attivitajiet ta' l-impriża;

Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu applikati għal kull obbligu pubbliku ġdid skond kif definit f'dan ir-Regolament fuq impriża tat-trasport;

Billi, minħabba li ħlasijiet ta' kumpens taħt dan ir-Regolament għandhom jingħataw mill-Istati Membri skond il-proċeduri komuni li jinsabu f'dan ir-Regolament, dawn il-ħlasijiet għandhom jiġu eżentati mill-proċedura ta' informazzjoni preliminarja li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea;

Billi l-Kummissjoni għandha jkolla s-setgħa li tikseb minngħand l-Istati Membri kull informazzjoni relevanti li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

Billi, sabiex il-Kunsill ikun jista' jistudja s-sitwazzjoni f'kull Stat Membru fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar dan lill-Kunsill qabel il-31 ta' Diċembru 1972;

Billi huwa mixtieq li jiġi żgurat li l-Istati Membri jpoġġu għad-dispożizzjoni ta' l-intrapriżi tat-trasport mezzi xierqa li jippermettu lil dawn ta' l-aħħar li jagħmlu rappreżentazzjonijiet dwar l-interessi tagħhom fir-rigward ta' deċiżjonijiet individwali meħuda mill-Istati Membri taħt dan ir-Regolament;

Billi, minħabba li preżentament dan ir-Regolament għandu japplika għal operazzjonijiet tat-trasport bil-ferrovija tas-sitt intrapriżi nazzjonali tal-ferrovija ta' l-Istati Membri u, fir-rigward ta' intrapriżi tat-trasport oħrajn, għal intrapriżi li fil-biċċa l-kbira ma jipprovdux servizzi ta' trasport ta' karattru lokali jew reġjonali, il-Kunsill irid jiddeċiedi fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament x'miżuri għandhom jittieħdu fir-rigward ta' obbligi ta' servizz pubbliku li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjonijiet tat-trasport li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TAQSIMA I

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom itemmu l-obbligi kollha inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku kif definit f'dan ir-Regolament impost fuq trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

2. Madanakollu, obbligi bħal dawn jistgħu jinżammu sakemm ikunu essenzjali sabiex tiġi żgurata l-provvista adegwata ta' servizzi tat-trasport.

3. Il-paragrafu 1 m'għandux japplika, fir-rigward ta' trasport ta' passiġġieri, għal rati u kondizzjonijiet ta' trasport imposti minn Stat Membru fl-interessi ta' kategorija waħda jew iżjed ta' persuni;

4. Piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta' l-obbligi imsemmija fil-paragrafu 2, jew minħabba l-applikazzjoni tar-rati u l-kondizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 3, għandhom ikunu soġġetti għal kumpens maħdum skond il-proċeduri komuni li jinsabu f'dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

1. "Obbligi ta' servizz pubbliku" tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet.

2. Obbligi ta' servizz pubbliku skond it-tifsira tal-paragrafu 1 jikkonsistu fl-obbligu li wieħed jopera, l-obbligu li wieħed iġorr u obbligi ta' tariffi.

3. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament "l-obbligu li ġġorr" tfisser kull obbligu impost fuq impriża tat-trasport li tieħu, fir-rigward ta' kull rotta jew installazzjonijiet li hija awtorizzata taħdem b'liċenzja jew b'awtorizzazzjoni ekwivalenti, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat servizz tat-trasport li jissoddisfa standards fissi ta' kontinwità, regolarità u volum. Tinkludi wkoll kull obbligu li jingħataw servizzi addizzjonali u kull obbligu li jinżammu f'kondizzjoni tajba rotot, apparat — sa fejn din tkun żejda għall-bżonnijet tas-sistema ta' toroq b'mod ġenerali — u installazzjonijiet wara li jkunu ġew irtirtati s-servizzi.

4. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, "l-obbligu li ġġorr" tfisser kull obbligu impost fuq intrapriża tat-trasport li taċċetta li tieħu, fir-rigward ta' kull rotta jew installazzjonijiet li hija awtorizzata taħdem b'liċenzja jew b'awtorizzazzjoni ekwivalenti, il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-provvista ta' servizz tat-trasport li jissodisfa livelli fissi ta' kontinwità, regolarità u kapaċità.

5. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, "obbligi ta' tariffi" tfisser kull obbligu impost fuq intrapriżi tat-trasport li japplikaw, b'mod partikolari fir-rigward ta' ċerti kategoriji ta' passiġġiera, ċerti kategoriji ta' oġġetti, jew ċerti rotot, rati fissi jew approvati minn xi awtorita' pubblika li huma kontra l-interessi kummerċjali ta' l-impriża u li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' tariffi speċjali, jew minn ċaħda li jiġu mmodifikati,.

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti ma japplikawx fir-rigward ta' obbligi li jirriżultaw minn miżuri ġenerali ta' politika ta' prezzijiet li tapplika għall-ekonomija kollha b'mod ġenerali jew għall-miżuri meħuda fir-rigward ta' rati ta' trasport u kondizzjonijiet b'mod ġenerali bil-għan li jiġi organizzat is-suq tat-trasport jew parti minnu.

IT-TAQSIMA II

Prinċipji komuni dwar it-terminazzjoni jew iż-żamma ta' obbligi ta' servizz pubbliku

L-Artikolu 3

1. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jiddeċiedu li jżommu, totalment jew parzjalment, xi obbligu ta' servizz pubbliku, u meta dan jista' jsir b'iktar minn mod wieħed, li kull wieħed minnhom ikun kapaċi jiżgura, waqt li jissodisfa kondizzjonijiet simili, il-provvista ta' servizzi tat-trasport adegwati, l-awtoritajiet kompetenti jridu jagħżlu l-mod li jiswa l-inqas lill-Komunità.

2. L-adegwatezza ta' servizzi tat-trasport għandha tiġi eżaminati wara li jiġu kkunsidrati:

(a) l-interess pubbliku;

(b) il-possibbiltà li jintużaw mezzi tat-trasport oħrajn u l-kapaċità ta' dawn il-mezzi li jaqdu l-bżonnijiet ta' trasport li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati;

(ċ) ir-rati u l-kondizzjonijiet ta' trasport li jistgħu jiġu kkwotati lill-utenti.

L-Artikolu 4

1. Huwa f'idejn l-intrapriżi tat-trasport li japplikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għat-terminazzjoni sħiħa jew parzjali ta' xi obbligu ta' servizz pubbliku fejn dan l-obbligu huwa ta' żvantaġġ ekonomiku għalihom.

2. Fl-applikazzjonijiet tagħhom, l-intrapriżi tat-trasport jistgħu jipproponu s-sostituzzjoni ta' xi forma oħra ta' trasport għall-forom li qegħdin jintużaw. L-intrapriżi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 5 sabiex jikkalkolaw kemm jistgħu jiffrankaw sabiex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom.

L-Artikolu 5

1. Kull obbligu li wieħed jopera jew iġorr, għandu jitqies li jimponi żvantaġġi ekonomiċi meta t-tnaqqis tal-piż finanzjarju li jista' jirriżulta minħabba t-terminazzjoni totali jew parzjali ta' l-obbligu, fir-rigward ta' operazzjoni jew grupp ta' operazzjonijiet affetwati minn dak l-obbligu, jeċċedi t-tnaqqis fid-dħul li jirriżulta minn dik it-terminazzjoni.

L-iżvantaġġi ekonomiċi għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta' stqarrija, jekk hemm bżonn attwalizzata, ta' l-iżvantaġġi ekonomiċi annwali rappreżentanti mid-differenza bejn it-tnaqqis fil-piż finanzjarju annwali u d-dħul annwali li jirriżulta mit-terminazzjoni ta' l-obbligu.

Madanakollu, jekk l-obbligu li wieħed jopera jew li jġorr ikopri kategorija waħda jew iżjed tat-traffiku tal-passiġġieri jew ta' oġġetti fuq is-sistema ta' toroq kollha jew parti sostanzjali minnha, il-piż finanzjarju li jista' jiġi eliminat bit-terminazzjoni ta' l-obbligu għandu jiġi stmat billi jiġu allokati fost il-kategoriji varji ta' traffiku l-ispejjeż totali li jaqgħu fuq l-impriża minnħabba l-attivitajiet ta' trasport tagħha.

F'każ bħal dan l-iżvantaġġ ekonomiku għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż li jistgħu jiġu allokati lil dik il-parti ta' l-attivitajiet ta' l-impriża affettwata mill-obbligu ta' servizz pubbliku u d-dħul korrispondenti.

L-iżvantaġġi ekonomiċi għandhom jiġu determinati billi wieħed jikkunsidra l-effetti ta' l-obbligu fuq l-attivitajiet ta' l-impriża b'mod ġenerali.

2. Obbligu dwar tariffi għandu jitqies li joħloq żvantaġġi ekonomiċi meta d-differenza bejn id-dħul mit-traffiku li għalih japplika l-obbligu u l-piż finanzjarju ta' dan it-traffiku tkun inqas mid-differenza bejn id-dħul li jista' jiġi ġenerat minn dak it-traffiku u l-piż finanzjarju relattiv jekk ix-xogħol isir fuq bażi kummerċjali, waqt li jiġu kunsidrati kemm l-ispejjeż ta' dawk l-operazzjonijiet li huma soġġetti għall-obbligu kif ukoll il-qagħda tas-suq.

L-Artikolu 6

1. Fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament l-intrapriżi tat-trasport għandhom jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti l-applikazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4.

L-intrapriżi tat-trasport jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet wara l-iskadenza tal-perjodu hawn fuq imsemmi jekk isibu li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) huma ssoddisfati.

2. Deċiżjonijiet biex jinżamm obbligu ta' servizz pubbliku jew parti minnu, jew li jiġi terminat fl-aħħar ta' perjodu speċifikat, għandhom jipprovdu għal kumpens li għandu jingħata fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirrisultaw minn dan; l-ammont ta' dan il-kumpens għandu jiġi determinat skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 10 sa 13.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjonijiet fi żmien sena mid-data ta' meta l-applikazzjoni tiġi preżentata fir-rigward ta' l-obbligi li wieħed jopera jew li jġorr, u fi żmien sitt xhur fir-rigward ta' obbligi ta' tariffi.

Id-dritt għall-kumpens għandu jinħoloq fid-data tad-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti iżda taħt ebda ċirkustanzi mhux qabel l-1 ta' Jannar 1971.

4. Madanakollu, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jikkunsidraw li hija neċessarja minħabba n-numru u l-importanza ta' l-applikazzjonijet ippreżentati minn kull intrapriża, huma jistgħu jestendu l-perjodu stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 sa l-1 ta' Jannar 1972 sa l-iktar tard. F'dan il-każ, id-dritt għall-kumpens għandu jinħoloq f'dik id-data.

Jekk ikunu beħsiebhom jużaw dan il-poter, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-intrapriżi kkonċernati b'dan fi żmien sitt xhur wara l-preżentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet.

Jekk xi Stat Membru jiltaqa' ma xi diffikultajiet speċjali, il-Kunsill jista', fuq talba ta' dak l-Istat u fuq proposta mill-Kummissjoni, jawtorizza lill-Istat ikkonċernat sabiex jestendi sa l-1 ta' Jannar 1973 il-limitu ta' żmien indikat fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

5. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux waslu għal deċiżjoni saż-żmien preskritt, l-obbligu li fir-rigward tiegħu tkun saret l-applikazzjoni għal terminazzjoni taħt l-Artikolu 4(1) għandu jiġi terminat.

6. Il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta' rapport ippreżentat mill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Diċembru 1972, jistudja s-sitwazzjoni f'kull Stat Membru fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 7

1. Ma' kull deċiżjoni biex jinżamm obbligu jistgħu jiġu mehmuża kondizzjonijiet imfassla biex itejbu l-qligħ mill-operazzjonijiet affettwati mill-obbligu inkwistjoni.

2. Kull deċiżjoni biex jintemm obbligu tista' tipprovdi għall-introduzzjoni ta' servizz alternattiv. F'każ bħal dan it-terminazzjoni ma tidħolx fis-seħħ qabel ma jkun beda jopera s-servizz alternattiv.

L-Artikolu 8

1. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni, qabel l-implimentazzjoni, kull miżura li ttemm l-obbligu li wieħed jopera jew li wieħed iġorr li hu jipproponi li jieħu fir-rigward ta' kull rotta jew servizz tat-trasport li tista' taffettwa l-kummerċ jew it-traffiku bejn l-Istati Membri. Huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn b'dan.

2. Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li huwa neċessarju jew jekk Stat Membru ieħor jagħmel talba, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri dwar il-miżura proposta.

3. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn wara li tirċievi l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, tindirizza opinjoni jew rakkomandazzjoni lill-Istati Membri kollha kkonċernati.

IT-TAQSIMA III

Kif ir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta' kategorija jew kategoriji partikolari ta' persuni japplikaw għat-trasport ta' passiġġieri

L-Artikolu 9

1. L-ammont ta' kumpens fir-rigward ta' piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi, minħabba l-applikazzjoni ta' rati u kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta' kategorija jew kategoriji partikolari ta' persuni għat-trasport ta' passiġġieri, għandu jiġi stabbilit skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 11 sa 13.

2. Il-kumpens għandu jibda jitħallas mill-1 ta' Jannar 1971.

Jekk xi Stat Membru jiltaqa' ma' xi diffikultajiet speċjali, il-Kunsill jista', fuq talba ta' dak l-Istat u proposta mill-Kummissjoni, jawtorizza lill-Istat ikkonċernat sabiex ibiddel dik id-data għall-1 ta' Jannar 1972.

3. Applikazzjonijiet għall-kumpens għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

IT-TAQSIMA IV

Proċeduri komuni ta' kumpens

L-Artikolu 10

1. L-ammont ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 6 għandu, f'każ ta' obbligu li wieħed jopera jew li jġorr, ikun daqs id-differenza bejn it-tnaqqis fil-piż finanzjarju u t-tnaqqis fid-dħul ta' l-impriża jekk l-obbligu relevanti kollu jew il-parti relevanti minnua ġew mitmuma għall-perjodu ta' żmien taħt kunsiderazzjoni.

Madanakollu, jekk il-kalkolu ta' l-iżvantaġġ ekonomiku kien sar billi ġie allokat fost il-partijiet differenti ta' l-attivitajiet tagħha tat-trasport l-ispejjeż totali li waqgħu fuq l-intrapriża fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet tat-trasport, l-ammont ta' kumpens għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż allokabbli għal dik il-parti ta' l-attivitajiet ta' l-intrapriża affettwata mill-obbligu ta' servizz pubbliku u d-dħul relattiv.

2. Sabiex jiġu determinati l-piżijiet finanzjarji u d-dħul imesmmi fil-paragrafu 1, l-effetti tat-terminazzjoni ta' l-obbligu inkwistjoni fuq l-attivitajiet ta' l-impriża b'mod ġenerali għandhom jiġu meqjusa.

L-Artikolu 11

1. L-ammont ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 9(1) għandu, f'każ ta' obbligu ta' tariffa, ikun daqs id-differenza bejn iż-żewġ ammonti skond kif ġej:

(a) L-ewwel ammont għandu jkun daqs id-differenza bejn, min-naħa waħda, il-prodott tan-numru antiċipat ta' l-unitajiet ta' kejl tat-trasport u:

- jew l-iktar rata favorevoli eżistenti li tista' tintalab mill-utenti jekk l-obbligu inkwistjoni ma kienx jeżisti; jew,

- meta ma jkunx hemm rata bħal din, ir-rata li l-impriża kienet tapplika li kieku kienet qiegħda topera fuq bażi kummerċjali u li kieku jiġu meqjusa kemm l-ispejjeż ta' l-operazzjoni partikolari kif ukoll il-qagħda tas-suq;

u, min-naħa l-oħra, il-prodott tan-numru attwali ta' unitajiet ta' kejl tat-trasport u r-rata imposta għall-perjodu li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat.

(b) It-tieni ammont għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż li jirriżultaw jekk tiġi applikata jew l-iktar rata favorevoli eżistenti jew ir-rata li l-impriża kienet tapplika li kieku kienet qiegħda topera fuq bażi kummerċjali u l-ispejjeż li fil-fatt saru taħt taħt ir-rata obbligatorja.

2. Meta, minħabba l-qagħda tas-suq, il-kumpens ikkalkulat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m'huwiex biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż totali tat-traffiku affettwati bl-obbligu tat-tariffi partikolari, l-ammont ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jkun daqs id-differenza bejn dawn l-ispejjeż u d-dħul minn dan it-traffiku. Kull kumpens li jkun diġà sar taħt l-Artikolu 10 għandu jiġi meqjus meta jsir dan il-kalkolu.

3. Sabiex jiġu determinati l-ispejjez u d-dħul msemmi fil-paragrafu 1, l-effetti tat-terminazzjoni ta' l-obbligu inkwistjoni fuq l-attivitajiet ta' l-impriża b'mod ġenerali għandhom jiġu kunsidrati.

L-Artikolu 12

Spejjeż li jirrżsultaw miż-żamma ta' obbligi għandhom jiġu kalkolati fuq il-bażi ta' amministrazzjoni effiċjenti ta' l-impriża u l-provvista ta' servizzi ta' trasport ta' kwalità adegwata.

Imgħaxijiet relatati mal-kapital jistgħu jitnaqqsu mill-imgħaxijiet li jiġu meqjusa waqt il-kalkolu ta' l-ispejjeż.

L-Artikolu 13

1. Deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikoli 6 u 9 għandhom jiffissaw bil-quddiem l-ammont ta' kumpens għal perjodu ta' mill-inqas sena. Fl-istess ħin għandhom jiddeterminaw il-fatturi li jista' jkun jistħoqqilhom aġġustament ta' dak l-ammont.

2. L-aġġustament ta' l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir kull sena, wara l-għeluq tal-kontijiet annwali ta' l-intrapriża partikolari.

3. Il-ħlas ta' kumpens iffissat bil-quddiem għandu jsir bin-nifs. Il-ħlas ta' kull somom dovuti minħabba l-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jsir immedjatament wara li l-ammont ta' l-aġġustament ikun ġie stabbilit.

IT-TAQSIMA IV

Impożizzjoni ta' obbligi ġodda ta' servizz pubbliku

L-Artikolu 14

1. Ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3), wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ta' servizz pubbliku fuq intrapriża tat-trasport biss sa fejn dawn l-obbligi ikunu essenzjali sabiex tiġi żgurata l-provvista adegwata ta' servizzi tat-trasport.

2. Meta obbligi imposti b'dan il-mod joħolqu għall-intrapriżi tat-trasport żvantaġġi ekonomiċi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 5(1) u (2) jew piżijiet finanzjarji skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom, waqt li jkunu qegħdin jiddeċiedu li jimponu dawn l-obbligi, jipprovdu għal għotjiet ta' kumpens fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minnhom. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 10 sa 13 għandhom japplikaw.

IT-TAQSIMA V

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 15

Deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati u għandhom jiġu ppubblikati b'mod xieraq.

L-Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intrapriżi tat-trasport, fil-kapaċità tagħhom bħala intrapriżi tat-trasport, jingħataw l-opportunitá li jagħmlu rappreżentazzjonijiet dwar l-interessi tagħhom, b'mezzi xierqa, fir-rigward ta' deċiżjonijiet meħuda taħt dan ir-Regolament.

L-Artikolu 17

1. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri li jgħaddulha kull informazzjoni relevanti dwar l-operazzjoni ta' dan ir-Regolament. Kull meta hija tikkunsidra li huwa meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma' l-Istati Membri kkonċernati.

2. Il-kumpens imħallas taħt dan ir-Regolament għandu jkun eżenti mill-proċedura ta' informazzjoni preliminari li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.

L-Istati Membri għandhom jgħaddu minnufih lill-Kummissjoni dettalji, klassifikati skond il-kategorija ta' l-obbligu, ta' ħlasijiet ta' kumpens magħmula fir-rigward ta' piżijiet finanzjarji li jkunu waqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku li jinsabu fl-Artikolu 2 jew minħabba l-applikazzjoni tar-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport imposti fl-interessi ta' kategorija jew kategoriji partikolari ta' persuni għat-trasport ta' passiġġieri.

L-Artikolu 18

1. L-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni u fi żmien tajjeb, jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u b'mod partikolari l-Artikolu 4.

2. Fuq talba ta' Stat Membru, jew jekk il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq, din ta' l-aħħar għandha tikkonsulta ma' l-Istati Membri kkonċernati dwar it-termini proposti tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 19

1. Fir-rigward ta' intrapriżi tal-ferrovija, dan ir-Regolament għandu, fir-rigward ta' l-operazzjonijiet ta' trasport tagħhom, japplika għall-intrapriżi li ġejjin:

- Société nationale des chemins de fer belges (SNCB)Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS),

- Deutsche Bundesbahn (DB),

- Société nationale des chemins de fer français (SNCF),

- Azienda autonoma delle Ferrovie dello Stato (FS),

- Société nationale des chemins de fer luxembourgeois (CFL),

- Naamloze Vennootschap Nederlandse Spoorwegen (NS).

2. Fir-rigward ta' intrapriżi tat-trasport oħrajn, dan ir-Regolament ma japplikax għal intrapriżi li jipprovdu l-iktar servizzi tat-trasport ta' karattru lokali jew reġjonali.

3. Fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament il-Kunsill għandu, fuq il-bażi tal-prinċipji u l-għanijiet elenkati fit-Taqsima II tad-Deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 1965, jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta' l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku li jaffettwaw operazzjonijiet tat-trasport li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament.

L-Artikolu 20

Dan ir- Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1969.

Dan ir- Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Ġunju 1969.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Thorn

[1] ĠU 88, ta' l-24.5.1965, p. 1500/65.

[2] ĠU C 27, tat- 28.3.1966, p. 18.

[3] ĠU C 49, tas- 17.5.1968, p. 15.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet