22009A0610(01)

Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali - Protokoli

Official Journal L 147 , 10/06/2009 P. 0005 - 0043


Konvenzjoni

dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA GĦAL DIN IL-KONVENZJONI

DETERMINATI li jsaħħu fit-territorji tagħhom il-protezzjoni legali ta' persuni stabbiliti hemmhekk,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li għal dan il-għan huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati, sabiex ikun faċilitat ir-rikonoxximent, u sabiex tiġi introdotta proċedura rapida li tiżgura l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, ta' strumenti awtentiċi u ta' tranżazzjonijiet quddiem il-qorti,

KONXJI mir-rabtiet bejniethom, li ġew sanzjonati fil-qasam ekonomiku minn strumenti ta' ftehim dwar il-kummerċ liberu konklużi bejn il-Komunità Ewropea u ċerti Stati membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW:

- -il-Konvenzjoni ta' Brussell tas- 27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjonijiet ta' Adeżjoni skond it-tkabbir suċċessiv ta' l-Unjoni Ewropea;

- -il-Konvenzjoni ta' Lugano tas- 16 ta' Settembru 1988 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, li testendi l-applikazzjoni tar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Brussell ta' l-1968 għal ċerti Stati membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu;

- -ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat- 22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, li ħa post il-Konvenzjoni ta' Brussell imsemmija aktar 'il fuq;

- -il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid- 19 ta' Ottubru 2005;

KONVINTI li l-estensjoni tal-prinċipji stabbliti fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 għall-Partijiet Kontraenti ta' dan l-istrument għandha ssaħħaħ il-koperazzjoni legali u ekonomika,

BILLI jixtiequ li jiżguraw interpretazzjoni uniformi kemm jista' jkun ta' dan l-istrument,

IDDEĊIDEW f'dan l-ispirtu li jikkonkludu din il-Konvenzjoni, u

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

AMBITU

Artikolu 1

1. Din il-Konvenzjoni għandha tapplika f'materji ċivili u kummerċjali irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M'għandhiex tapplika, b'mod partikolari, għal materji ta' dħul ta' finanzi, tad-dwana jew amministrattivi.

2. Il-Konvenzjoni m'għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

(a) l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta' persuni fiżiċi, id-drittijiet fuq proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

(b) il-falliment, proċedimenti relatati ma' l-istralċ ta' kumpanniji insolventi jew ta' persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, kompożizzjonijet u proċedimenti analogi;

(c) is-sigurtà soċjali;

(d) l-arbitraġġ.

3. F'din il-Konvenzjoni, it-terminu "Stat marbut b'din il-Konvenzjoni" għandu jfisser kwalunkwe Stat li huwa Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew Stat Membru tal-Komunità Ewropea. Jista' jfisser ukoll il-Komunità Ewropea.

TITOLU II

ĠURISDIZZJONI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 2

1. Suġġett għad-dispożizzjonijet ta' din il-Konvenzjoni, persuni domiċiljati fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, jiġu mħarrka fil-qrati ta' dak l-Istat.

2. Persuni li mhumiex ċittadini ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih huma domiċiljati għandhom ikunu regolati bir-regoli tal-ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta' dak l-Istat.

Artikolu 3

1. Persuni domiċiljati fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu mħarrka fil-qrati ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni permezz biss tar-regoli stabbiliti fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta' dan it-Titolu.

2. B'mod partikolari r-regoli ta' ġurisdizzjoni nazzjonali stabbiliti fl-Anness I m'għandhomx ikunu applikabbli kontrihom.

Artikolu 4

1. Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta' kull Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 22 u 23, tiġi stabbilita mil-liġi ta' dak l-Istat.

2. Kontra tali konvenut, kwalunkwe persuna domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni tista', irrispettivament min-nazzjonalità tagħha, tagħmel użu f'dak l-Istat mir-regoli ġurisdizzjonali fis-seħħ hemmhekk, u b'mod partikolari dawk speċifikati fl-Anness I, bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

TAQSIMA 2

Ġurisdizzjoni speċjali

Artikolu 5

Persuna domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni tista', fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni, tiġi mħarrka:

1. (a) f'materji relatati ma' kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq ta' l-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b) għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq ta' l-obbligazzjoni in kwistjoni għandu jkun:

- fil-każ ta' bejgħ ta' merċi, il-post fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni fejn, skond il-kuntratt, ikunu ntbagħtu l-merċi jew fejn kellhom jintbagħtu,

- fil-każ tal-provvista ta' servizzi, il-post fi Stat marbut b'din il-konvenzjoni fejn, skond il-kuntratt, is-servizzi ġew provduti jew kellhom jiġu pprovduti;

(c) jekk is-subinċiż (b) ma japplikax, għandu japplika s-subinċiż (a);

2. f'materji relatati ma' manteniment,

(a) fil-qrati tal-post fejn il-kreditur tal-manteniment ikun domiċiljat jew jirrisjedi abitwalment, jew

(b) fil-qorti li, skond il-liġi tagħha stess, għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fi proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta' persuna jekk il-materja relatata mal-manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta' waħda mill-partijiet, jew

(c) fil-qorti li, skond il-liġi tagħha stess, għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jekk il-materja relatata mal-manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, ħlief jekk dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta' waħda mill-partijiet;

3. f'materji relatati ma' responsabbiltà għal danni, delitti ċivili jew kważi-delitti ċivili, fil-qrati tal-post fejn l-inċident dannuż seħħ jew jista' jseħħ;

4. fir-rigward ta' talba ċivili għal danni jew restituzzjoni li tkun ibbażata fuq att li jagħti lok għal proċedimenti kriminali, fil-qorti li quddiemha jiġu istitwiti tali proċedimenti, safejn dik il-qorti jkollha l-ġurisdizzjoni, skond il-liġi tagħha stess, li tiddeċiedi fi proċedimenti ċivili;

5. fir-rigward ta' disputa li tirriżulta mill-attività ta' fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu;

6. bħala settlor, trustee jew benefiċjarju ta' trust maħluq permezz ta' liġi, jew permezz ta' strument miktub, jew stabbilit verbalment u mfassal bil-kitba għall-finijiet ta' prova, fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih it-trust ikun domiċiljat;

7. fir-rigward ta' disputa li tikkonċerna l-ħlas ta' rimunerazzjoni mitluba għas-salvataġġ ta' tagħbija jew merkanzija, fil-qorti li taħt l-awtorità tagħha t-tagħbija jew il-merkanzija in kwistjoni:

(a) tkun inqabdet sabiex jiġi żgurat dak il-ħlas, jew

(b) setgħet ġiet hekk maqbuda, iżda jkun sar depożitu jew ingħatat garanzija oħra,

sakemm din id-dispożizzjoni tkun tapplika biss jekk jiġi allegat li l-konvenut ikollu interess fit-tagħbija jew fil-merkanzija jew kellu tali interess meta sar is-salvataġġ.

Artikolu 6

Persuna domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni tista' titħarrek ukoll:

1. meta tkun waħda minn numru ta' konvenuti, fil-qrati tal-post fejn kwalunkwe wieħed minnhom ikun domiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu marbuta tant strettament ma' xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

2. bħala parti terza f'kawża dwar garanzija jew fi kwalunkwe proċedimenti oħra ta' terzi, fil-qorti li quddiemha jkunu ġew istitwiti l-proċedimenti oriġinali, ħlief jekk dawn ġew istitwiti biss bl-għan li jneħħuha minn taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun kompetenti fil-każ tagħha;

3. fuq kontrotalba li tirriżulta mill-istess kuntratt jew fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha t-talba oriġinali tkun pendenti;

4. f'materji relatati ma' kuntratt, jekk il-azzjoni tista' tinstema' flimkien ma' kawża kontra l-istess konvenut f'materji relatati ma' drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, fil-qorti ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih tinsab il-proprjetà.

Artikolu 7

Meta bis-saħħa ta' din il-Konvenzjoni, qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni jkollha l-ġurisdizzjoni f'kawżi relatati ma' responsabbiltà mill-użu jew operazzjoni ta' bastiment, dik il-qorti, jew kwalunkwe qorti oħra sostitwita għal dan l-iskop mil-liġi nterna ta' dak l-Istat, għandha jkollha wkoll il-ġurisdizzjoni fuq talbiet għal-limitazzjoni ta' tali responsabbiltà.

TAQSIMA 3

Ġurisdizzjoni f'materji relatati ma' l-assigurazzjoni

Artikolu 8

F'materji relatati ma' l-assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi stabbilita minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5).

Artikolu 9

1. Assiguratur domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni jista' jiġi mħarrek:

(a) fil-qrati ta' l-Istat fejn ikun domiċiljat, jew

(b) fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni, fil-każ ta' kawżi miġjuba mid-detentur tal-polza, l-assigurat jew benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn l-attur ikun domiċiljat, jew

(c) jekk huwa jkun ko-assiguratur, fil-qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih jiġu istitwiti proċedimenti kontra l-assiguratur ewlieni.

2. Assiguratur li ma jkunx domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni iżda li jkollu fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor f'wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni għandu, f'disputi li jirriżultaw mill-attività tal-fergħa, ta' l-aġenzija jew ta' l-istabbiliment, jiġi meqjus bħala domiċiljat f'dak l-Istat.

Artikolu 10

Fir-rigward ta' assigurazzjoni tar-responsabbiltà jew assigurazzjoni ta' proprjetà immobbli, l-assiguratur jista' jiġi mħarrek ukoll fil-qrati tal-post fejn seħħ l-inċident dannuż. L-istess japplika jekk proprjetà mobbli u proprjetà immobbli jkunu koperti bl-istess polza ta' assigurazzjoni u t-tnejn jintlaqtu ħażin mill-istess kontinġenza.

Artikolu 11

1. Fir-rigward ta' assigurazzjoni tar-responsabbiltà, l-assiguratur jista' wkoll, jekk il-liġi tal-qorti tippermetti dan, jiġi msejjaħ fil-kawża miġjuba kontra l-assigurat mill-parti li ġarrbet id-dannu.

2. L-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw għall-kawżi miġjuba mill-parti li ġarrbet id-dannu direttament kontra l-assiguratur, fejn ikunu permessi tali kawżi diretti.

3. Jekk il-liġi li tiggverna dawk il-kawżi diretti tipprovdi li d-detentur tal-polza jew l-assigurat jistgħu jissejħu bħala parti fil-kawża, l-istess qorti għandha jkollha l-ġurisdizzjoni fuqhom.

Artikolu 12

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(3), assiguratur jista' jistitwixxi proċedimenti biss fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih il-konvenut ikun domiċiljat, irrispettivament minn jekk ikunx id-detentur tal-polza, l-assigurat jew il-benefiċjarju.

2. Id-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima m'għandhomx jinċidu fuq id-dritt li tiġi preżentata kontrotalba fil-qorti li fiha, skond din it-Taqsima, tkun pendenti t-talba oriġinali.

Artikolu 13

In-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima hija ammessa biss bi ftehim:

1. li jkun intlaħaq wara li tkun inqalgħet id-disputa, jew

2. li jippermetti lid-detentur tal-polza, l-assigurat jew benefiċjarju li jistitwixxu proċedimenti fi qrati diversi minn dawk indikati f'din it-Taqsima, jew

3. li jintlaħaq bejn id-detentur tal-polza u l-assiguratur, li t-tnejn li huma jkunu, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, domiċiljati jew jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, u li jkollu l-effett li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta' dak l-Istat anki jekk l-inċident dannuż seħħ barra mill-pajjiż, sakemm l-istess ftehim ma jmurx kontra l-liġi ta' dak l-Istat, jew

4. li jintlaħaq mad-detentur tal-polza li ma jkunx domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, ħlief safejn l-assigurazzjoni tkun obbligatorja jew tirrigwarda proprjetà immobbli fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, jew

5. li jirrigwarda kuntratt ta' assigurazzjoni safejn dan ikopri riskju wieħed jew aktar minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 14.

Artikolu 14

Dawn li ġejjin huma r-riskji msemmija fl-Artikolu 13(5):

1. kwalunkwe telf ta' jew ħsara lil:

(a) bastimenti tal-baħar, stallazzjonijiet 'il barra mix-xtut jew fil-baħar miftuħ, jew inġenji ta' l-ajru, li jirriżultaw minn perikli relatati ma' l-użu tagħhom għal skopijiet kummerċjali;

(b) merċi waqt it-trasport tagħhom, ħlief bagalji ta' passiġġieri, fejn tali trasport jikkonsisti fi, jew jinkludi, ġarr minn tali bastimenti jew inġenji ta' l-ajru;

2. kwalunkwe responsabbiltà, diversa minn korriment ta' passiġġieri jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji tagħhom:

(a) li tirriżulta mill-użu jew mill-operazzjoni ta' bastimenti, ta' stallazzjonijiet jew ta' inġenji ta' l-ajru kif imsemmija fil-punt 1(a) safejn, fir-rigward ta' dawn ta' l-aħħar, il-liġi ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih dawk l-inġenji ta' l-ajru jkunu reġistrati ma tipprojbixxix ftehim dwar ġurisdizzjoni fir-rigward ta' l-assigurazzjoni ta' tali riskji;

(b) għal telf jew ħsara kkawżati minn merċi waqt it-trasport tagħhom kif deskritt fil-punt 1(b);

3. kwalunkwe telf finanzjarju konness ma' l-użu jew l-operazzjoni ta' bastimenti, ta' stallazzjonijiet jew ta' inġenji ta' l-ajru kif imsemmi fil-punt 1(a), b'mod partikolari telf ta' ħlas għall-ġarr ta' merkanzija jew ta' kiri b'charter;

4. kwalunkwe riskju jew interess konness ma' kwalunkwe wieħed minn dawk imsemmija fil-punti 1 sa 3;

5. minkejja punti 1 sa 4, ir-riskji l-kbar kollha.

TAQSIMA 4

Ġurisdizzjoni fuq kuntratti konsumeristiċi

Artikolu 15

1. F'materji relatati ma' kuntratt li jsir minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista' jkun meqjus lil hinn mis-sengħa jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tkun stabbilita minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5), jekk:

(a) ikun kuntratt għall-bejgħ ta' merċi abbażi ta' termini ta' kreditu bin-nifs, jew

(b) ikun kuntratt ta' self li jitħallas lura bin-nifs, jew bi kwalunkwe forma oħra ta' kreditu, magħmul sabiex jiffinanzja l-bejgħ ta' merċi, jew

(c) fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun sar ma' persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, tidderiġi dawk l-attivitajiet lejn dak l-Istat jew lejn diversi Stati li jinkludu dak l-Istat, u l-kuntratt jaqa' fl-ambitu ta' tali attivitajiet.

2. Meta konsumatur jidħol f'kuntratt ma' parti li ma tkunx domiċiljata fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni iżda jkollha fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor f'wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni, dik il-parti għandha, f'disputi li jirriżultaw mill-attività tal-fergħa, ta' l-aġenzija jew ta' l-istabbiliment, tkun meqjusa bħala domiċiljata f'dak l-Istat.

3. Din it-Taqsima m'għandhiex tapplika għal kuntratt ta' trasport divers minn kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal kombinazzjoni ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni.

Artikolu 16

1. Konsumatur jista' jistitwixxi proċedimenti kontra l-parti l-oħra f'kuntratt fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih dik il-parti tkun domiċiljata jew fil-qrati tal-post fejn il-konsumatur ikun domiċiljat.

2. Jistgħu jiġu istitwiti proċedimenti kontra konsumatur, mill-parti l-oħra fil-kuntratt, biss fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

3. Dan l-Artikolu m'għandux jinċidi fuq id-dritt li tiġi preżentata kontrotalba fil-qorti li fiha, skond din it-Taqsima, tkun pendenti t-talba oriġinali.

Artikolu 17

In-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima hija ammessa biss bi ftehim:

1. li jkun intlaħaq wara li tkun inqalgħet id-disputa, jew

2. li jippermetti lill-konsumatur li jistitwixxi proċedimenti fi qrati diversi minn dawk indikati f'din it-Taqsima, jew

3. li jkun intlaħaq bejn il-konsumatur u l-parti l-oħra fil-kuntratt, li t-tnejn ikunu fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt domiċiljati jew jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, u li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta' dak l-Istat, sakemm dak il-ftehim ma jmurx kontra l-liġi ta' dak l-Istat.

TAQSIMA 5

Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta' l-impjieg

Artikolu 18

1. F'materji relatati ma' kuntratti individwali ta' l-impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5).

2. Fejn impjegat jidħol f'kuntratt individwali ta' l-impjieg ma' persuna li timpjega n-nies, li ma tkunx domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, iżda li jkollha fergħa, aġenzija, jew stabbiliment ieħor f'wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni, min jimpjega għandu, f'disputi li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-fergħa, ta' l-aġenzija jew ta' l-istabbiliment, jiġi meqjus li jkun domiċiljat f'dak l-Istat.

Artikolu 19

Persuna li timpjega n-nies domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni tista' tiġi mħarrka:

1. fil-qrati ta' l-Istat fejn tkun domiċiljata, jew

2. fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni:

(a) fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta' l-aħħar post fejn kien jagħmel dan, jew

(b) jekk l-impjegat abitwalment ma jwettaqx jew ma kienx iwettaq ix-xogħol tiegħu f'xi pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn jinsab jew kien jinsab in-negozju li ngaġġa lill-impjegat.

Artikolu 20

1. Persuna li timpjega n-nies tista' tistitwixxi proċedimenti biss fil-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat l-impjegat.

2. Id-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima m'għandhomx jinċidu fuq id-dritt ta' kontrotalba fil-qorti li fiha, skond din it-Taqsima, tkun pendenti t-talba originali.

Artikolu 21

In-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta' din it-Taqsima hija ammessa biss bi ftehim dwar il-ġurisdizzjoni:

1. li jintlaħaq wara li tkun inqalgħet id-disputa, jew

2. li jippermetti lill-impjegat li jistitwixxi proċedimenti fi qrati diversi minn dawk indikati f'din it-Taqsima.

TAQSIMA 6

Ġurisdizzjoni esklużiva

Artikolu 22

Il-qrati segwenti għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva, irrispettivament mid-domiċilju:

1. fi proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli jew kuntratti ta' kiri ta' proprjetà immobbli, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih tkun tinsab il-proprjetà.

Madankollu, fi proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom kuntratti ta' kiri ta' proprjetà immobbli konklużi għall-użu privat temporanju għal perjodu massimu ta' sitt xhur konsekuttivi, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat il-konvenut għandhom ukoll ikollhom il-ġurisdizzjoni, sakemm il-kerrej ikun persuna fiżika u s-sid u l-kerrej ikunu domiċiljati fl-istess Stat marbut b'din il-Konvenzjoni;

2. fi proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom il-validità tal-kostituzzjoni, in-nullità jew ix-xoljiment ta' kumpanniji jew persuni ġuridiċi oħra jew assoċjazzjonijiet ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew tal-validità tad-deċiżjonijiet ta' l-organi tagħhom, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih il-kumpannija, persuna ġuridika jew assoċjazzjoni jkollha s-sede tagħha. Sabiex tiddetermina dak is-sede, il-qorti għandha tapplika ir-regoli tagħha tad-dritt internazzjonali privat;

3. fi proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom il-validità ta' iskrizzjonijiet f'reġistri pubbliċi, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih jinżamm ir-reġistru;

4. fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta' privattivi, trademarks, disinni, jew drittijiet oħra simili li tagħhom ikunu meħtieġa d-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, irrispettivament minn jekk il-kwistjoni ġietx imressqa permezz ta' kawża jew sollevata bħala eċċezzjoni, il-qrati ta' l-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih id-depożitu jew ir-reġistrazzjoni ikunu s-suġġett ta' applikazzjoni, ikunu saru jew ikunu, skond it-termini ta' strument Komunitarju jew ta' konvenzjoni internazzjonali, meqjusa bħala li saru.

Mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni ta' l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi skond il-Konvenzjoni dwar l-għoti ta' privattivi Ewropej, iffirmata fi Munich fil- 5 ta' Ottubru 1973, il-qrati ta' kull Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva, irrispettivament mid-domiċilju, fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta' kwalunkwe privattiva Ewropea mogħtija għal dak l-Istat irrispettivament minn jekk il-kwistjoni ġietx imressqa permezz ta' kawża jew sollevata bħala eċċezzjoni.

5. fi proċedimenti li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, il-qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih is-sentenza ġiet eżegwita jew għandha tiġi eżegwita.

TAQSIMA 7

Proroga tal-ġurisdizzjoni

Artikolu 23

1. Jekk il-partijiet, li minnhom waħda jew aktar tkun domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, ikunu ftiehmu li qorti jew il-qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu fi kwalunkwe disputa li tirriżulta jew li tista' tirriżulta in konnessjoni ma' relazzjoni ġuridika partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Tali ġurisdizzjoni għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor. Tali ftehim li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni għandu jkun:

(a) bil-kitba jew imfassal bil-kitba għall-finijiet ta' prova, jew

(b) f'forma li tkun skond il-prattika li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom, jew

(c) fin-negozju jew fil-kummerċ internazzjonali, f'forma skond l-użu li dwaru l-partijiet ikunu jew messhom kienu konxji u li f'tali negozju jew kummerċ ikun ġeneralment magħruf lil, u regolarment osservat minn, partijiet f'kuntratti tat-tip involut fin-negozju jew kummerċ partikolari konċernat.

2. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi rekord durevoli tal-ftehim għandha tkun ekwivalenti għal "kitba".

3. Meta tali ftehim jiġi konkluż bejn partijiet, li minnhom ebda waħda ma tkun domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, il-qrati ta' Stati oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni m'għandhom ikollhom ebda ġurisdizzjoni fuq id-disputi tagħhom ħlief jekk il-qorti jew qrati magħżula jkunu astjenu milli jassumu ġurisdizzjoni.

4. Il-qorti jew qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fuqhom strument ta' trust ikun ikkonferixxa l-ġurisdizzjoni għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva fi kwalunkwe proċedimenti miġjuba kontra settlor, trustee jew benefiċjarju, jekk ikunu involuti r-relazzjonijiet bejn dawn il-persuni jew id-drittijiet jew l-obbligi tagħhom skond it-trust.

5. Kull ftehim jew dispożizzjoni ta' strument ta' trust li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni m'għandhom ikollhom ebda forza legali jekk imorru kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 13, 17 jew 21, jew jekk il-qrati, li l-ġurisdizzjoni tagħhom huma jkunu maħsuba sabiex jeskludu, ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta' l-Artikolu 22.

Artikolu 24

Barra mill-ġurisdizzjoni derivata minn dispożizzjonijiet oħra ta' din il-Konvenzjoni, qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li quddiemha jidher konvenut għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m'għandhiex tapplika meta d-dehra ssir sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni, jew fejn qorti oħra jkollha l-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta' l-Artikolu 22.

TAQSIMA 8

Eżami dwar il-ġurisdizzjoni u l-ammissibbiltà

Artikolu 25

Meta tinġieb talba, quddiem qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, li tikkonċerna prinċipalment materja li fuqha l-qrati ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta' l-Artikolu 22, hi għandha tiddikjara ex officio li m'għandhiex ġurisdizzjoni.

Artikolu 26

1. Meta konvenut, li jkun domiċiljat fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, ikun ġie msejjaħ quddiem qorti ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni u jonqos li jidher, il-qorti għandha tiddikjara ex officio li m'għandhiex ġurisdizzjoni ħlief jekk il-ġurisdizzjoni tagħha tkun derivata mid-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni.

2. Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta' jirċievi d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista' jagħmel arranġamenti għad-difiża tiegħu, jew li l-passi kollha meħtieġa jkunu ttieħdu għal dan il-għan.

3. Minflok id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, għandu japplika l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' l-Aja tal- 15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika f'Pajjiżi Barranin ta' Atti Ġudizzjarji u Extra-Ġudizzjarji f'Materji Ċivili jew Kummerċjali jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess skond dik il-Konvenzjoni.

4. L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea marbuta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad- 29 ta' Mejju 2000 jew bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar in-notifika ta' atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f'materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid- 19 ta' Ottubru 2005, għandhom japplikaw fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess skond dak ir-Regolament jew dak il-Ftehim.

TAQSIMA 9

Lis pendens – kawżi relatati

Artikolu 27

1. Fejn il-proċedimenti li jinvolvu l-istess suġġett tal-kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu fil-qrati ta' Stati differenti marbuta b'din il-Konvenzjoni, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, għandha twaqqaf il-proċedimenti ex officio sa meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti.

2. Fejn tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, kwalunkwe qorti barra l-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti għandha tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

Artikolu 28

1. Fejn ikunu pendenti kawżi relatati fil-qrati ta' Stati differenti marbuta b'din il-Konvenzjoni, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, tista' twaqqaf il-proċedimenti tagħha.

2. Fejn dawn il-kawżi jkunu pendenti fl-ewwel istanza, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, tista' wkoll, fuq applikazzjoni ta' waħda mill-partijiet, tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni jekk l-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-kawżi in kwistjoni u l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidament tagħhom.

3. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-kawżi huma meqjusa bħala relatati meta tant ikunu konnessi mill-qrib li jkun espedjenti li jiġu mismugħin u deċiżi flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju li jirriżultaw sentenzi irrikonċiljabbli minn proċedimenti separati.

Artikolu 29

Meta kawżi jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta' diversi qrati, kwalunkwe qorti, diversa mill-qorti li quddiemha ġew istitwiti l-ewwel il-proċedimenti, għandha tastjeni milli tassumi ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

Artikolu 30

Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, qorti għandha tiġi kkunsidrata bħala li quddiemha ġew istitwiti l-proċedimenti:

1. fil-ħin meta d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi preżentat fil-qorti, sakemm l-attur sussegwentement ma jkunx naqas li jieħu l-passi li kien meħtieġ li jieħu sabiex jinnotifika lill-konvenut, jew

2. jekk id-dokument irid jiġi notifikat qabel jiġi preżentat fil-qorti, fil-ħin li tirċevih l-awtorità responsabbli għan-notifika, sakemm l-attur sussegwentement ma jkunx naqas li jieħu l-passi li kien meħtieġ li jieħu sabiex id-dokument jiġi preżentat fil-qorti.

TAQSIMA 10

Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi

Artikolu 31

Tista' ssir applikazzjoni lill-qrati ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għal dawk il-miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, li jistgħu ikunu disponibbli skond il-liġi ta' dak l-Istat, anki jekk, skond din il-Konvenzjoni, il-qrati ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar il-mertu.

TITOLU III

RIKONOXXIMENT U EŻEKUZZJONI

Artikolu 32

Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, "sentenza" tfisser kwalunkwe sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, irrispettivament minn kif tissejjaħ is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta' eżekuzzjoni, kif ukoll id-determinazzjoni ta' l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.

TAQSIMA 1

Rikonoxximent

Artikolu 33

1. Sentenza mogħtija fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati l-oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali.

2. Kwalunkwe parti interessata li tqajjem ir-rikonoxximent ta' sentenza bħala l-kwistjoni prinċipali f'disputa tista', skond il-proċeduri kontemplati fit-Taqsimiet 2 u 3 ta' dan it-Titolu, tapplika għal deċiżjoni sabiex is-sentenza tiġi rikonoxxuta.

3. Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni jiddipendi mid-deċiżjoni dwar kwistjoni inċidentali ta' rikonoxximent, dik il-qorti għandha jkollha l-ġurisdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 34

Sentenza m'għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1. jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-politika pubblika ta' l-Istat li fih ġie mitlub ir-rikonoxximent;

2. meta tkun ingħatat f'każ ta' kontumaċja, jekk il-konvenut ma ġiex notifikat bid-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew b'dokumenti ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b'tali mod li dan ikun jista' jħejji d-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas li jibda l-proċedimenti sabiex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih li jagħmel dan;

3. jekk tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza mogħtija f'disputa bejn l-istess partijiet fl-Istat li fih jintalab ir-rikonoxximent;

4. jekk tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza preċedentement mogħtija fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni jew fi Stat terz li tinvolvi l-istess suġġett tal-kawża u bejn l-istess partijiet, sakemm l-ewwel sentenza li ngħatat tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat indirizzat.

Artikolu 35

1. Addizzjonalment, sentenza m'għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk tmur kontra t-Taqsimiet 3, 4 jew 6 tat-Titolu II, jew f'każ previst fl-Artikolu 68. Sentenza tista', barra minn hekk, ma tingħatax rikonoxximent fi kwalunkwe każ previst fl-Artikolu 64(3) jew 67(4).

2. Fl-eżami tagħha tar-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni msemmija fil-paragrafu ta' qabel dan, il-qorti jew awtorità li lilha ssir l-applikazzjoni għandha tkun marbuta bid-determinazzjoni tal-fatti li fuqha l-qorti ta' l-Istat ta' l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta' l-Istat ta' l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. L-eżami fid-dawl tal-kriterju tal-politika pubblika msemmi fl-Artikolu 34(1) ma jistax jiġi applikat għar-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni.

Artikolu 36

Taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha sentenza barranija tiġi riveduta fil-mertu.

Artikolu 37

1. Qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih jintalab ir-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk ikun ġie preżentat appell ordinarju kontra s-sentenza.

2. Qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih jintalab ir-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija fl-Irlanda jew fir-Renju Unit tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk l-eżekuzzjoni tiġi sospiża fl-Istat ta' l-oriġini, minħabba appell.

TAQSIMA 2

Eżekuzzjoni

Artikolu 38

1. Sentenza mogħtija fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni u li tkun eżekutorja f'dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni meta, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, tkun ġiet dikjarata eżekutorja hemmhekk.

2. Madankollu, fir-Renju Unit, dik is-sentenza għandha tiġi eżegwita fl-Ingilterra u f'Wales, fl-Iskozja, jew fl-Irlanda ta' Fuq meta, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, tkun ġiet reġistrata għall-eżekuzzjoni f'dik il-parti tar-Renju Unit.

Artikolu 39

1. L-applikazzjoni għandha tiġi preżentata lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti indikata fil-lista fl-Anness II.

2. Il-ġurisdizzjoni lokali għandha tiġi stabbilita b'referenza għall-post tad-domiċilju tal-parti li kontriha tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni, jew għall-post ta' l-eżekuzzjoni.

Artikolu 40

1. Il-proċedura għall-preżentata ta' l-applikazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi ta' l-Istat li fih tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni.

2. L-applikant għandu jagħti indirizz għan-notifika tal-proċess fiż-żona ta' ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha saret l-applikazzjoni. Madankollu, jekk il-liġi ta' l-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni ma tipprovdix għall-għoti ta' dak l-indirizz, l-applikant għandu jaħtar rappreżentant ad litem.

3. Id-dokumenti msemmija fl-Artikoli 53 għandhom jiġu mehmuża ma' l-applikazzjoni.

Artikolu 41

Is-sentenza għandha tiġi dikjarata eżekutorja immedjatament mat-twettiq tal-formalitajiet fl-Artikolu 53 mingħajr ebda reviżjoni taħt l-Artikoli 34 u 35. Il-parti li kontra tagħha tintalab l-eżekuzzjoni m'għandhiex f'dan l-istadju tal-proċedimenti jkollha d-dritt li tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.

Artikolu 42

1. Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha minnufih tinġieb għall-attenzjoni ta' l-applikant skond il-proċedura stabbilita bil-liġi ta' l-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni.

2. Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi notifikata lill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, flimkien mas-sentenza, jekk ma tkunx diġà ġiet notifikata lil dik il-parti.

Artikolu 43

1. Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà tista' tiġi appellata minn kwalunkwe parti.

2. L-appell għandu jiġi preżentat fil-qorti indikata fil-lista fl-Anness III.

3. L-appell għandu jiġi ttrattat skond ir-regoli li jirregolaw il-proċedura f'materji kontenzjużi.

4. Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tonqos milli tidher quddiem il-qorti ta' l-appell fi proċedimenti li jikkonċernaw appell preżentat mill-applikant, l-Artikolu 26(2) sa (4) għandu japplika anki meta l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma tkunx domiċiljata f'xi wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni.

5. L-appell kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandu jiġi preżentat fi żmien xahar min-notifika tagħha. Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tkun domiċiljata fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni divers minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, iż-żmien għall-appell għandu jkun ta' xahrejn u għandu jiddekorri mid-data tan-notifika, mogħtija jew lilu personalment jew fir-residenza tiegħu. Ebda estensjoni taż-żmien ma tista' tingħata minħabba d-distanza.

Artikolu 44

Is-sentenza mogħtija fl-appell tista tiġi kkontestata biss bl-appell imsemmi fl-Anness IV.

Artikolu 45

1. Il-qorti li fiha jiġi preżentat appell taħt l-Artikolu 43 jew 44 għandha tiċħad jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss għal waħda mir-raġunijiet speċifikati fl-Artikoli 34 u 35. Għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien.

2. Taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha sentenza barranija tiġi riveduta fil-mertu.

Artikolu 46

1. Il-qorti li fiha jiġi preżentat appell skond l-Artikolu 43 jew 44 tista', fuq talba tal-parti li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni, twaqqaf il-proċedimenti jekk ikun ġie preżentat appell ordinarju kontra dik is-sentenza fl-Istat ta' oriġini jew jekk iż-żmien għal dak l-appell ma jkunx għadu għadda; f'dan il-każ ta' l-aħħar, il-qorti tista' tispeċifika ż-żmien li fih dak l-appell għandu jiġi preżentat.

2. Meta s-sentenza tkun ingħatat fl-Irlanda jew fir-Renju Unit, kwalunkwe forma ta' appell disponibbli fl-Istat ta' oriġini għandha tkun trattata bħala appell ordinarju għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3. Il-qorti tista' wkoll tagħmel l-eżekuzzjoni kondizzjonali għall-preżentata ta' garanzija skond kif tiddeċiedi hi.

Artikolu 47

1. Meta sentenza jkollha tiġi rikonoxxuta skond din il-Konvenzjoni, xejn m'għandu jżomm lill-applikant milli jirrikorri għal miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, skond il-liġi ta' l-Istat rikjest mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà skond l-Artikolu 41.

2. Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ġġorr magħha s-setgħa li wieħed jipproċedi bi kwalunkwe miżura protettiva.

3. Matul iż-żmien speċifikat għal appell skond l-Artikolu 43(5) kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà u sa meta kwalunkwe appell bħal dak ikun ġie deċiż, ebda miżuri ta' eżekuzzjoni ħlief miżuri protettivi ma jistgħu jittieħdu kontra l-proprjetà tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni.

Artikolu 48

1. Fejn sentenza barranija tkun ingħatat fir-rigward ta' diversi materji u d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ma tkunx tista' tingħata dwarhom kollha, il-qorti jew awtorità kompetenti għandha tagħtiha għal waħda jew aktar minnhom.

2. Applikant jista' jitlob dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà limitata għal partijiet ta' sentenza.

Artikolu 49

Sentenza barranija li tordna ħlas perjodiku bħala penali għandha tkun eżekutorja fl-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni fil-każ biss li l-ammont tal-ħlas ikun ġie finalment stabbilit mill-qrati ta' l-Istat ta' l-oriġini.

Artikolu 50

1. Applikant li fl-Istat ta' l-oriġini jkun ibbenefika minn għajnuna legali sħiħa jew parzjali jew eżenzjoni mill-ispejjez għandu jkun intitolat, fil-proċedura prevista f'din it-Taqsima, li jibbenefika mill-għajnuna legali l-aktar favorevoli jew l-eżenzjoni mill-ispejjez l-aktar estensiva kontemplata mil-liġi ta' l-Istat indirizzat.

2. Madankollu, applikant li jitlob l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni mogħtija minn awtorità amministrattiva fid-Danimarka, fl-Iżlanda jew fin-Norveġja fir-rigward ta' manteniment jista', fl-Istat indirizzat, jitlob il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1 jekk jippreżenta dikjarazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja Daniż, Iżlandiż jew Norveġiż, fis-sens li hu jissodisfa r-rekwiżiti ekonomiċi sabiex jikkwalifika għall-għoti ta' għajnuna legali sħiha jew parzjali jew eżenzjoni mill-ispejjeż.

Artikolu 51

L-ebda garanzija, obbligu jew depożitu, irrispettivament minn kif ikunu deskritti, m'għandhom jiġu mitluba mingħand parti li, fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, tapplika għall-eżekuzzjoni ta' sentenza mogħtija fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni għar-raġuni li hija tkun ċittadin ta' pajjiż barrani jew li ma tkunx domiċiljata jew residenti fil-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni.

Artikolu 52

Fi proċedimenti għall-ħruġ ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, l-ebda ħlas, dazju jew dritt kalkulati b'referenza għall-valur tal-kwistjoni ma jistgħu jiġu mposti fl-Istat li fih tintalab l-eżekuzzjoni.

TAQSIMA 3

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 53

1. Parti li titlob ir-rikonoxximent jew li tapplika għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tipproduċi kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha.

2. Parti li tapplika għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tipproduċi wkoll iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55.

Artikolu 54

Il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni fejn ingħatat sentenza għandha toħroġ, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, ċertifikat skond il-formola standard fl-Anness V ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 55

1. Jekk iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 ma jiġix preżentat, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tispeċifika żmien sabiex jiġi preżentat jew taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk jidhrilha li għandha informazzjoni suffiċjenti quddiemha, tipproċedi mingħajr ma tesiġi l-preżentata tiegħu.

2. Jekk il-qorti jew awtorità kompetenti hekk tordna, għandha tiġi preżentata traduzzjoni tad-dokumenti. It-traduzzjoni għandha tkun ċertifikata minn persuna kwalifikata għal dan l-iskop f'wieħed mill-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni.

Artikolu 56

L-ebda awtentikazzjoni legali jew formalità oħra simili m'għandha tkun meħtieġa fir-rigward tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 53 jew l-Artikolu 55(2), jew fir-rigward ta' dokument li jaħtar rappreżentant ad litem.

TITOLU IV

STRUMENTI AWTENTIĊI U TRANŻAZZJONIJIET QUDDIEM IL-QORTI

Artikolu 57

1. Dokument li jkun ġie mħejji formalment jew reġistrat bħala strument awtentiku u li jkun eżekutorju fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni għandu, fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni, jiġi dikjarat eżekutorju hemmhekk, fuq applikazzjoni magħmula skond il-proċeduri previsti fl-Artikolu 38, et seq. Il-qorti li fiha jiġi ppreżentat appell skond l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandha tiċħad jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni ta' l-istrument manifestament tmur kontra l-politika pubblika fl-Istat indirizzat.

2. L-arranġamenti relatati ma' obbligi ta' manteniment konklużi ma' awtoritajiet amministrattivi jew awtentikati minnhom għandhom ukoll jitqiesu bħala strumenti awtentiċi fis-sens tal-paragrafu 1.

3. L-istrument preżentat għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tiegħu fl-Istat ta' l-oriġini.

4. It-Taqsima 3 tat-Titolu III għandha tapplika skond kif ikun meħtieġ. L-awtorità kompetenti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni fejn ikun tħejja jew ġie reġistrat strument awtentiku għandha toħroġ, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, ċertifikat skond il-forma standard fl-Anness VI ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 58

Tranżazzjoni li tkun ġiet approvata minn qorti fil-kors ta' proċedimenti u li tkun eżekutorja fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fih ġiet konkluża għandha tkun eżekutorja fl-Istat indirizzat taħt l-istess kondizzjonijiet applikabbli għall-istrumenti awtentiċi. Il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni fejn tkun ġiet approvata tranżazzjoni quddiem il-qorti għandha toħroġ, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, ċertifikat skond il-forma standard fl-Anness V ta' din il-Konvenzjoni.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 59

1. Sabiex tistabbilixxi jekk parti tkunx domiċiljata fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fil-qrati tiegħu jkunu ġew istitwiti l-proċedimenti, il-qorti għandha tapplika l-liġi interna tagħha.

2. Fil-każ li parti ma tkunx domiċiljata fl-Istat li fil-qrati tiegħu jkunu ġew istitwiti l-proċedimenti, il-qorti, sabiex tistabbilixxi jekk il-parti tkunx domiċiljata fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni, għandha tapplika l-liġi ta' dak l-Istat.

Artikolu 60

1. Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi tkun domiċiljata fil-post fejn ikollha:

(a) is-sede statutorja tagħha, jew

(b) l-amministrazzjoni ċentrali tagħha, jew

(c) il-post prinċipali tan-negozju tagħha.

2. Għall-finijiet tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda "sede statutorja" tfisser l-uffiċċju reġistrat jew, fejn tali uffiċċju ma jkun jeżisti mkien, il-post ta' l-inkorporazzjoni jew, fejn tali uffiċċju ma jkun jeżisti mkien, l-post fejn skond il-liġi tiegħu tkun saret il-formazzjoni.

3. Sabiex tistabbilixxi jekk trust ikunx domiċiljat fl-Istat marbut b'din il-Konvenzjoni li fil-qrati tiegħu jkunu ġew istitwiti l-proċedimenti, il-qorti għandha tapplika r-regoli tagħha tad-dritt internazzjonali privat.

Artikolu 61

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni ta' liġijiet nazzjonali aktar favorevoli, persuni domiċiljati fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni li jkunu qed jiġu mħarrka fil-qrati kriminali ta' Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni li tiegħu ma jkunux ċittadini, għal reat li ma ġiex imwettaq bi ħsieb, jistgħu jiġu difiżi minn persuni kwalifikati sabiex jagħmlu dan, anki jekk ma jidhrux huma personalment. Madankollu, il-qorti li fiha ġew istitwiti l-proċedimenti tista' tordna li jidhru personalment; fil-każ tal-kontumaċja, fir-rigward ta' sentenza mogħtija fil-kawża ċivili, mingħajr ma l-persuna konċernata kellha l-opportunità li tagħmel arranġamenti għad-difiża tagħha, jistgħu jiġu miċħuda r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni fl-Istati l-oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni.

Artikolu 62

Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-espressjoni "il-qorti" għandha tinkludi kwalunkwe awtoritajiet indikati, minn Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, bħala li għandhom ġurisdizzjoni f'materji li jaqgħu fl-ambitu ta' din il-Konvenzjoni.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

Artikolu 63

1. Din il-Konvenzjoni għandha tapplika biss għal proċedimenti legali istitwiti u għal dokumenti formalment imfassla jew reġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ tagħha fl-Istat ta' l-origini u, fejn jintalbu r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta' sentenza jew strumenti awtentiċi, fl-Istat indirizzat.

2. Madankollu, jekk il-proċedimenti fl-Istat ta' l-origini ikunu ġew istitwiti qabel id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni, is-sentenzi mogħtija wara dik id-data għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti skond it-Titolu III:

(a) jekk il-proċedimenti fl-Istat ta' l-origini ikunu ġew istitwiti wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' Lugano tas- 16 ta' Settembru 1988 kemm fl-Istat ta' l-oriġini kif ukoll fl-Istat indirizzat;

(b) fil-każijiet l-oħra kollha, jekk il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata fuq regoli kompatibbli ma' dawk previsti jew fit-Titolu II jew f'konvenzjoni konkluża bejn l-Istat ta' l-oriġini u l-Istat indirizzat li kienet fis-seħħ meta l-proċedimenti ġew istitwiti.

TITOLU VII

RELAZZJONI MAR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 44/2001 U STRUMENTI OĦRA

Artikolu 64

1. Din il-Konvenzjoni m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġuriżdizjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll kwalunkwe emendi ta' l-istess, tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta' Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis- 27 ta' Settembru 1968, u tal-Protokoll dwar l-interpretazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fil-Lussemburgu fit- 3 ta' Ġunju 1971, kif emendati mill-Konvenzjonijiet ta' l-Adeżjoni ma' l-imsemmija Konvenzjoni u l-imsemmi Protokoll mill-Istati li jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid- 19 t' Ottubru 2005.

2. Madankollu, din il-Konvenzjoni għandha fi kwalunkwe każ tiġi applikata:

(a) f'materji ta' ġurisdizzjoni, meta l-konvenut ikun domiċiljat fit-territorju ta' Stat fejn tapplika din il-Konvenzjoni iżda mhux strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jew fejn l-Artikoli 22 jew 23 ta' din il-Konvenzjoni jikkonferixxu ġurisdizzjoni lill-qrati ta' tali Stat;

(b) in konnessjoni ma' lis pendens jew ma' kawżi relatati kif previst fl-Artikoli 27 u 28, fejn proċedimenti jiġu istitwiti fi Stat fejn tapplika l-Konvenzjoni iżda mhux strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u fi Stat fejn din il-Konvenzjoni kif ukoll strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu japplikaw;

(c) f'materji ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni, fejn jew l-Istat ta' l-oriġini jew l-Istat indirizzat ma japplikax strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3. Addizzjonalment għar-raġunijiet previsti fit-Titolu III, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu miċħuda jekk ir-raġuni għall-ġurisdizzjoni li fuqha is-sentenza ġiet ibbażata tkun differenti minn dik li tirriżulta minn din il-Konvenzjoni u r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jkunu mitluba kontra parti li tkun domiċiljata fi Stat fejn tapplika din il-Konvenzjoni iżda mhux strument imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu 1, ħlief jekk is-sentenza tista' diversament tiġi rikonoxxuta jew eżegwita skond kwalunkwe regola tal-liġi fl-Istat indirizzat.

Artikolu 65

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 63(2), 66 u 67, din il-Konvenzjoni għandha, bejn l-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni, tieħu post il-konvenzjonijiet konklużi bejn tnejn jew aktar minnhom li jkopru l-istess materji bħal dawk li għalihom tapplika din il-Konvenzjoni. B'mod partikolari, għandha tieħu post il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Anness VII.

Artikolu 66

1. Il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 65 għandhom jibqgħu jkollhom effett fir-rigward ta' materji li għalihom ma tapplikax din il-Konvenzjoni.

2. Għandhom jibqgħu jkollhom effett fir-rigward ta' sentenzi mogħtija u dokumenti formalment imfassla jew reġistrati bħala strumenti awtentiċi qabel id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 67

1. Din il-Konvenzjoni m'għandhiex tinċidi fuq kwalunkwe konvenzjoni li biha l-Partijiet Kontraenti u/jew l-Istati marbuta b'din il-Konvenzjoni jkunu marbuta u li, in konnessjoni ma' materji partikolari, tirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta' sentenzi. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn xi ftehim ieħor bejn ċerti Partijiet Kontraenti, din il-Konvenzjoni m'għandhiex timpedixxi l-Partijiet Kontraenti milli jaderixxu ma' dawk il-konvenzjonijiet.

2. Din il-Konvenzjoni m'għandhiex timpedixxi qorti ta' Stat marbut b'din il-Konvenzjoni u b'konvenzjoni dwar materja partikolari milli tassumi ġurisdizzjoni skond dik il-konvenzjoni, anki meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni li ma jkunx parti għal dik il-konvenzjoni. Il-qorti li tkun qed tisma' l-kawża għandha, fi kwalunkwe każ, tapplika l-Artikolu 26 ta' din il-Konvenzjoni.

3. Is-sentenzi mogħtija, fi Stat marbut b'din il-Konvenzjoni, minn qorti fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni prevista f'konvenzjoni dwar materja partikolari għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fl-Istati l-oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni skond it-Titolu III ta' din il-Konvenzjoni.

4. Addizzjonalment għar-raġunijiet previsti fit-Titolu III, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni jistgħu jiġu miċħuda jekk l-Istat indirizzat ma jkunx marbut bil-konvenzjoni dwar materja partikolari u l-persuna li kontriha jintalbu r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tkun domiċiljata f'dak l-Istat, jew, jekk l-Istat indirizzat ikun Stat Membru tal-Komunità Ewropea u fir-rigward ta' konvenzjonijiet li jkunu jridu jiġu konklużi mill-Komunità Ewropea, fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, ħlief jekk is-sentenza tista' diversament tiġi rikonoxxuta jew eżegwita skond kwalunkwe regola tal-liġi fl-Istat indirizzat.

5. Fejn konvenzjoni, dwar materja partikolari, li għaliha kemm l-Istat ta' l-oriġini kif ukoll l-Istat indirizzat ikunu partijiet, tistabbilixxi kondizzjonijiet għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, dawk il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw. Fi kwalunkwe każ, jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni li jikkonċernaw il-proċeduri għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi.

Artikolu 68

1. Din il-Konvenzjoni m'għandhiex tinċidi fuq xi ftehim li bih Stati marbuta b'din il-Konvenzjoni aċċettaw, qabel id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni, li ma jirrikonoxxux sentenzi mogħtija fi Stati oħra marbuta b'din il-Konvenzjoni kontra konvenuti domiċiljati jew abitwalment residenti fi Stat terz fejn, f'każijiet previsti fl-Artikolu 4, is-sentenza setgħet tkun ibbażata biss fuq raġuni ta' ġurisdizzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 3(2). Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn xi ftehim ieħor bejn ċerti Partijiet Kontraenti, din il-Konvenzjoni m'għandhiex timpedixxi lill-Partijiet Kontraenti milli jaderixxu ma' dawk il-konvenzjonijiet.

2. Madankollu, Parti Kontraenti ma tistax tassumi obbligazzjoni, lejn Stat terz, li ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija fi Stat ieħor marbut b'din il-Konvenzjoni minn qorti li tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-preżenza, f'dak l-Istat, ta' proprjetà tal-konvenut, jew il-qbid mill-attur ta' proprjetà li tinsab hemm:

(a) jekk il-kawża titressaq sabiex tasserixxi jew tiddikjara drittijiet ta' proprjetà jew ta' pussess fuq dik il-proprjetà, tkun maħsuba sabiex tikseb l-awtorità sabiex tiddisponi minnha, jew tkun ġejja minn kwistjoni oħra relatata ma' dik il-proprjetà, jew

(b) jekk il-proprjetà tikkostitwixxi l-garanzija għal dejn li jkun is-suġġett tal-kawża.

TITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 69

1. Il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-firma mill-Komunità Ewropea, mid-Danimarka, u mill-Istati li, fiż-żmien tal-ftuħ għall-firma, ikunu Membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu.

2. Il-Konvenzjoni għandha tkun suġġetta għar-ratifika mill-Firmatarji. L-istrumenti tar-ratifika għandhom jiġu depożitati mal-Kunsill Federali Svizzeru, li għandu jaġixxi bħala d-Depożitarju ta' din il-Konvenzjoni.

3. Fiż-żmien tar-ratifika, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jippreżentaw dikjarazzjonijiet skond l-Artikoli I, II u III tal-Protokoll 1.

4. Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt xahar li jiġi wara d-data li fiha l-Komunità Ewropea u Membru ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika tagħhom.

5. Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fir-rigward ta' kwalunkwe Parti oħra fl-ewwel jum tat-tielet xahar li jiġi wara d-depożitu ta' l-istrument tar-ratifika tagħha.

6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(3) tal-Protokoll 2, din il-Konvenzjoni għandha tieħu post il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali magħmula f'Lugano fis- 16 ta' Settembru 1988 mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha skond il-paragrafi 4 u 5 hawn fuq. Kwalunkwe referenza għall-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988 fi strumenti oħra għandha tinftiehem bħala referenza għal din il-Konvenzjoni.

7. Sa fejn ikunu konċernati r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u t-territorji mhux Ewropej imsemmija fl-Artikolu 70(1)(b), il-Konvenzjoni għandha tieħu post il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta' Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis- 27 ta' Settembru 1968, u l-Protokoll dwar l-interpretazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fil-Lussemburgu fit- 3 ta' Ġunju 1971, kif emendati mill-Konvenzjonijiet ta' Adeżjoni ma' l-imsemmija Konvenzjoni u ma' l-imsemmi Protokoll mill-Istati li jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni fir-rigward ta' dawn it-territorji skond l-Artikolu 73(2).

Artikolu 70

1. Wara li tidħol fis-seħħ, din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-adeżjoni minn dawn li ġejjin:

(a) l-Istati li, wara l-ftuħ għall-firma ta' din il-Konvenzjoni, isiru Membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Liberu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71;

(b) l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li jaġixxu f'isem ċerti territorji mhux Ewropej li jkunu parti mit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew li għar-relazzjonijiet esterni ta' dak l-Istat Membru huma jkunu responsabbli, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71;

(c) kwalunkwe Stat ieħor, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 72.

2. L-Istati msemmija fil-paragrafu 1, li jixtiequ jsiru Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni, għandhom jindirizzaw l-applikazzjoni tagħhom lid-Depożitarju. L-applikazzjoni, inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 71 u 72 għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni għall-Ingliż u għall-Franċiż.

Artikolu 71

1. Kwalunkwe Stat imsemmi fl-Artikolu 70(1)(a) u (b) li jixtieq isir Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni

(a) għandu jikkomunika l-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

(b) jista' jippreżenta dikjarazzjonijiet skond l-Artikoli I u III tal-Protokoll 1.

2. Id-Depożitarju għandu jibgħat kwalunkwe informazzjoni li jirċievi skond il-paragrafu 1 lill-Partijiet Kontraenti l-oħra qabel jiġi depożitat l-istrument ta' adeżjoni mill-Istat konċernat.

Artikolu 72

1. Kwalunkwe Stat imsemmi fl-Artikolu 70(1)(ċ) li jixtieq isir Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni

(a) għandu jikkomunika l-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

(b) jista' jippreżenta dikjarazzjonijiet skond l-Artikoli I u III ta' Protokoll 1; u

(c) għandu jipprovdi lid-Depożitarju b'informazzjoni, partikolarment dwar:

(1) is-sistema ġudizzjarja tiegħu, inkluża informazzjoni dwar il-ħatra u l-indipendenza ta' l-imħallfin;

(2) il-liġi interna tiegħu li tikkonċerna l-proċedura ċivili u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi; u

(3) id-dritt internazzjonali privat tiegħu relatat mal-proċedura ċivili.

2. Id-Depożitarju għandu jibgħat kwalunkwe informazzjoni li jirċievi skond il-paragrafu 1 lill-Partijiet Kontraenti l-oħra qabel jistieden lill-Istat konċernat sabiex jaderixxi skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, id-Depożitarju għandu jistieden lill-Istat konċernat sabiex jaderixxi biss jekk ikun kiseb il-kunsens unanimu tal-Partijiet Kontraenti. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jagħtu l-kunsens tagħhom mhux aktar tard minn sena wara l-istedina tad-Depożitarju.

4. Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ biss f'relazzjonijiet bejn l-Istat aderenti u l-Partijiet Kontraenti li ma jkunux ressqu xi oġġezzjoni għall-adeżjoni qabel l-ewwel jum tat-tielet xahar wara li jiġi depożitat l-istrument ta' l-adeżjoni.

Artikolu 73

1. L-istrumenti ta' l-adeżjoni għandhom jiġu depożitati mad-Depożitarju.

2. Fir-rigward ta' Stat aderenti msemmi fl-Artikolu 70, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu ta' l-istrument ta' l-adeżjoni tiegħu. Minn dak il-ħin, l-Istat aderenti għandu jitqies bħala Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni.

3. Kwalunkwe Parti Kontraenti tista' tippreżenta lid-Depożitarju test ta' din il-Konvenzjoni fil-lingwa jew lingwi tal-Parti Kontraenti konċernata, li għandu jkun awtentiku jekk hekk jiġi miftiehem mill-Partijiet Kontraenti skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2.

Artikolu 74

1. Din il-Konvenzjoni hija konkluża għal perjodu indefinit.

2. Kwalunkwe Parti Kontraenti tista', fi kwalunkwe żmien, tirrinunzja l-Konvenzjoni billi tibgħat notifika lid-Depożitarju.

3. Ir-rinunzja għandha jkollha effett fl-aħħar tas-sena kalendarja li tiġi wara li jiskadi perjodu ta' sitt xhur mid-data li fiha d-Depożitarju jirċievi n-notifika tar-rinunzja.

Artikolu 75

Is-segwenti huma mehmuża ma' din il-Konvenzjoni:

- il-Protokoll 1, dwar ċerti kwistjonijiet ta' ġurisdizzjoni, ta' proċedura u ta' l-eżekuzzjoni;

- il-Protokoll 2, dwar l-interpretazzjoni uniformi ta' din il-Konvenzjoni u dwar il-Kumitat Permanenti;

- il-Protokoll 3, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 67 ta' din il-Konvenzjoni;

- l-Annessi I sa IV u l-Anness VII, b'informazzjoni relatata ma' l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

- l-Annessi V u VI, li fihom iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 54, 58 u 57 ta' din il-Konvenzjoni;

- L-Anness VIII, li fih il-lingwi awtentiċi msemmija fl-Artikolu 79 ta' din il-Konvenzjoni; u

- l-Anness IX, li jikkonċerna l-applikazzjoni ta' l-Artikolu II ta' Protokoll 1.

Dawn il-Protokolli u l-Annessi għandhom jifformaw parti integrali minn din il-Konvenzjoni.

Artikolu 76

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 77, kwalunkwe Parti Kontraenti tista' titlob ir-reviżjoni ta' din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, id-Depożitarju għandu jlaqqa' lill-Kumitat Permanenti kif stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll 2.

Artikolu 77

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkomunikaw lid-Depożitarju t-test ta' kwalunkwe dispożizzjonijiet tal-liġijiet li jemendaw il-listi stabbiliti fl-Annessi I sa IV kif ukoll kwalunkwe tħassir jew tiżjid fil-lista stabbilita fl-Anness VII u d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Dik il-komunikazzjoni għandha ssir fi żmien raġonevoli qabel id-dħul fis-seħħ u tkun akkumpanjata minn traduzzjoni għall-Ingliż u għall-Franċiż. Id-Depożitarju għandu jadatta l-Annessi konċernati kif meħtieġ, wara li jkun ikkonsulta lill-Kumitat Permanenti skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2. Għal dak il-għan, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu traduzzjoni ta' l-adattamenti għal-lingwa tagħhom.

2. Kwalunkwe emenda fl-Annessi V sa VI u VIII sa IX ta' din il-Konvenzjoni għandha tiġi adottata mill-Kumitat Permanenti skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2.

Artikolu 78

1. Id-Depożitarju għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti dwar:

(a) id-depożitu ta' kull strument ta' ratifika jew adeżjoni;

(b) id-dati tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti;

(c) kwalunkwe dikjarazzjoni li jirċievi skond l-Artikoli I sa IV tal-Protokoll 1;

(d) kwalunkwe komunikazzjoni magħmula skond l-Artikolu 74(2), l-Artikolu 77(1) u paragrafu 4 tal-Protokoll 3.

2. In-notifiki jiġu akkumpanjati minn traduzzjonijiet għall-Ingliż u għall-Franċiż.

Artikolu 79

Il-Konvenzjoni, imfassla f'oriġinal wieħed bil-lingwi elenkati fl-Anness VIII, bit-testi kollha ugwalment awtentiċi, għandha tiġi depożitata fl-Arkivji Federali Svizzeri. L-Arkivji Federali Svizzeri għandhom jibgħatu kopja ċertifikata lil kull Parti Kontraenti.

B'XIEHDA TA' DAN, il-Plenipotenzjarji, sottoskritti, iffirmaw din il-Konvenjoni.

Съставено в Лугано на тридесети октомври две хиляди и седма година.

Hecho en Lugano el treinta de octubre de dos mil siete.

V Luganu dne třicátého října dva tisíce sedm.

Udfærdiget i Lugano, den tredivte oktober to tusind og syv.

Geschehen zu Lugano am dreißigsten Oktober zweitausendsieben.

Lugano, kolmekümnes oktoober kaks tuhat seitse

Έγινε στο Λουγκάνο στις τριάντα Οκτωβρίου του έτους δύο χιλιάδες επτά.

Done at Lugano, on the thirtieth day of October in the year two thousand and seven.

Fait à Lugano, le trente octobre deux mille sept.

Arna dhéanamh in Lugano, an tríochadú lá de Dheireadh Fómhair sa bhliain dhá mhíle a seacht.

Fatto a Lugano, addì trenta ottobre duemilasette

Gerður í Lúganó þrítugasta dag október mánaðar árið tvö þúsund og sjö.

Lugāno, divi tūkstoši septītā gada trīsdesmitajā oktobrī.

Priimta Lugane, du tûkstanèiai septintais metais spalio trisdeðimtà dienà.

Kelt Luganóban, a kétezer-hetedik év október havának harmincadik napján.

Magħmul f'Lugano, fit- tlettax-il jum ta' Ottubru fis-sena elfejn u seba'.

Gedaan te Lugano, op dertig oktober tweeduizend zeven.

Utferdiget i Lugano den trettiende oktober totusenogsyv.

Sporządzono w Lugano dnia trzydziestego października dwa tysiące siódmego roku

Feito em Lugano, aos trinta dias de Outubro do ano de dois mil e sete

Încheiatã la Lugano, la treizeci octombrie anul douã mii șapte.

V Lugane tridsiateho októbra dvetisícsedem.

Sestavljeno v Luganu, tridesetega oktobra leta dva tisoč sedem.

Tehty Luganossa kolmantenakymmenentenä päivänä lokakuuta vuonna kaksituhattaseitsemän.

Utfärdad i Lugano den trettionde oktober år tjugohundrasju.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Thar ceann an Chomhphobail Eorpaigh

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Thar ceann an Chomhphobail Eorpaigh

Per la Comunità europea

Europos bendrijos vārdā

az Európai Közösség részéröl

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

For Kongeriget Danmark

+++++ TIFF +++++

Fyrir hönd lýðveldisins Íslands

+++++ TIFF +++++

For Kongeriket Norge

+++++ TIFF +++++

Für die Schweizerische Eidgenossenschaft

Pour la Confédération suisse

Per la Confederazione svizzera

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet