22008A1025(01)

Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO

Official Journal L 282 , 25/10/2008 P. 0033 - 0036


FTEHIM

Bejn

l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO

L-UNJONI EWROPEA (UE jew UNJONI EWROPEA),

min-naħa, u

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA (STATI UNITI),

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem imsejħin "il-Partijiet",

WARA LI KKUNSIDRAW:

ir-rieda komuni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti li jikkollaboraw mill-qrib biex isostnu l-iżvilupp tal-livelli demokratiċi tal-Kosovo, b’mod partikolari dawk li jirrelataw mal-Istat tad-Dritt,

l-addozzjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK tal- 4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (minn hawn ‘il quddiem imsejħa "EULEX KOSOVO"),

l-istedina lill-Istati Uniti tal-Amerika tat- 18 ta’ Frar 2008 biex tipparteċipa fil-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO,

it-twettiq b’suċċess tal-proċess ta’ Ġenerazzjoni ta’ Forza u r-rakkomandazzjoni mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-UE u l-Kumitat għal Aspetti Ċivili ta’ Maniġġar ta’ Kriżijiet biex jaqblu dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fl-operazzjoni mmexxija mill-UE,

id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà EULEX/2/2008 tat- 22 ta’ April 2008, li aċċetta l-kontribut tal-Istati Uniti għall-EULEX KOSOVO.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Parteċipazzjoni fl-operazzjoni

1. L-Istati Uniti għandhom jassoċjaw ruħhom mal-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO u ma’ kwalunkwe Azzjoni Konġunta jew Deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-EULEX KOSOVO, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament implimentattiv.

2. Il-kontribut tal-Istati Uniti lill-EULEX KOSOVO hu mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat tal-Kontributuri, magħmul mill-Istati Membri tal-UE, l-Istati Uniti u Stati oħra li mhumiex membri tal-UE li qed jipparteċipaw f’EULEX KOSOVO, ser ikollhom rwol ewlieni fl-immaniġġar tal-missjoni fil-ħidma ta’ kuljum; il-fehmiet tal-Kumitat ser jiġu kkunsidrati mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà li jeżerċita kontroll politiku u direzzjoni strateġika fuq EULEX KOSOVO.

3. L-Istati Uniti għandhom jiżguraw li l-persuni disponibbli bħala parti mill-kontribut tagħhom għall-EULEX KOSOVO (minn hawn ‘il quddiem "il-personal issekondat") iwettqu l-missjoni tagħhom b’konformità ma’:

- l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK u l-emendi sussegwenti possibbli;

- il-Pjan tal-Operazzjoni EULEX KOSOVO;

- miżuri possibbli ta’ implimentazzjoni; u

- dan il-Ftehim.

4. L-Istati Uniti għandhom jiżguraw li l-personal issekondat jaqdi dmiru u jġib ruħu b’mod li jsostni l-għanijiet u l-interessi tal-EULEX KOSOVO.

5. L-Istati Uniti għandhom jinformaw fi żmien debitu lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u lill-Kap tal-Missjoni tal-EULEX KOSOVO (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Kap tal-Missjoni") bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħhom lill-EULEX KOSOVO. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fl-EULEX KOSOVO b’dan il-Ftehim ser tkun soġġetta għad-disponibbiltà ta’ fondi allokati.

6. Awtorità medika kompetenti tal-Istati Uniti għandha tiċċertifika lill-personal issekondat bħala f’saħħtu biex jaqdi dmiru, wara li jsirlu eżami mediku u jingħata t-tilqim meħtieġ. Il-personal issekondat lill-EULEX KOSOVO għandu jipproduċi kopja ta’ din iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 2

Status tal-personal

1. L-istatus tal-personal issekondat li jservi fil-Kosovo għandu jkun irregolat mill-Artikolu 10(1) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK; tali personal għandu jkollu l-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija abbażi tad-dokumenti rilevanti tan-NU inkluża l-UNSCR 1244, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi applikabbli fil-Kosovo, u dokumenti u korrispondenza pertinenti oħrajn.

2. L-istatus tal-personal issekondat li jservi fil-kwartieri ġenerali jew elementi tal-kmand li jinsabu ‘l barra mill-Kosovo għandhom ikunu rregolati b’arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi tal-kmand ikkonċernati u l-Istati Uniti.

3. L-Istati Uniti għandhom jeżerċitaw ġurisdizzjoni legali esklussiva fuq il-personal issekondat, skond kemm jippermettu l-liġijiet u r-regolamenti tagħhom stess u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus tal-personal imsemmijin fil-paragrafu 1.

4. L-Istati Uniti għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu kwalunkwe talba marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom fl-EULEX KOSOVO, minn jew li tikkonċerna kwalunkwe membru tal-personal issekondat tagħhom. L-Istati Uniti għandhom ikunu responsabbli, fid-diskrezzjoni tagħhom, li jressqu kwalunkwe azzjoni, b’mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-personal issekondat tagħhom, skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom.

5. L-Istati Uniti jimpenjaw ruħhom li jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti fl-EULEX KOSOVO, u li jagħmlu dan meta jkunu qed jiffirmaw dan il-Ftehim.

6. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jintrabtu li jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet, għall-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fl-EULEX KOSOVO, u li jagħmlu dan meta jiffirmaw dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Informazzjoni klassifikata

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata, magħmul f’Washington fit- 30 ta’ April 2007, għandu japplika fil-kuntest tal-EULEX KOSOVO.

Artikolu 4

Linja ta’ kmand

1. Il-Kap tal-Operazzjonijiet Ċivili għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq l-EULEX KOSOVO fuq il-livell strateġiku. Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà għal u jeżerċita kmand u kontroll fuq l-EULEX KOSOVO fuq il-post tal-operazzjoni.

2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-personal issekondat, il-gruppi u l-unitajiet mill-Istati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u għandu jeżerċita responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-EULEX KOSOVO.

3. L-Istati Uniti għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ maniġġar ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni, skond l-istrumenti legali msemmijin fl-Artikolu 1(1).

4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-personal tal-EULEX KOSOVO. Kwalunkwe azzjoni dixxiplinarja għandha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Uniti.

5. Għandu jinħatar Mexxej tal-Kontinġent Nazzjonali (MKN) mill-Istati Uniti biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħhom fl-EULEX KOSOVO. Il-MKN għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent.

6. Id-deċiżjoni biex tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Istati Uniti, bil-kondizzjoni li l-Istati Uniti jkunu għadhom qed jikkontribwixxu għall-EULEX KOSOVO fid-data ta’ dik id-deċiżjoni.

Artikolu 5

Aspetti finanzjarji

L-Istati Uniti għandhom jassumu l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħhom fl-operazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 9(4) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK, sakemm mhux koperti minn finanzjament komuni, kif stabbilit fil-baġit operattiv tal-missjoni.

Artikolu 6

Arranġamenti sabiex jiġi implimentat il-Ftehim

Kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ waqt l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti.

Artikolu 7

Riżoluzzjoni ta’ tilwim

Tilwim marbut mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-firma u għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm jiġi tterminat.

2. Kull Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tavża xahrejn bil-quddiem lill-parti l-oħra bil-miktub.

Magħmul fi Brussell, f’żewġ kopji, fil-lingwa Ingliża, illum it- 22 jum ta’ Ottubru 2008.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Istati Uniti tal-Amerika

--------------------------------------------------

ANNESS

DIKJARAZZJONIJIET

Imsemmija fl-Artikolu 2(5) u (6)

Dikjarazzjoni mill-Istati Membri tal-UE

"L-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-UE 2008/124/PESK tal- 4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO għandhom jagħmlu ħilithom sabiex, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu dan, jirrinunzjaw kemm jista’ jkun għal pretensjonijiet kontra l-Istati Uniti għal korriment jew mewt tal-persunal tagħhom, jew dannu lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi ta’ proprjetà tagħhom u li jkunu qed jintużaw mill-EULEX KOSOVO jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

- kien ikkawżat minn persunal mill-Istati Uniti fit-twettiq tad-doveri tiegħu marbutin mal-EULEX KOSOVO, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja,

- jew irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi proprjetà tal-Istati Uniti, dment li l-assi ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal tal-EULEX KOSOVO mill-Istati Uniti li jkun qed juża dawk l-assi."

Dikjarazzjoni mill-Istati Uniti

"Bħala parteċipant fil-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO, stabbilita bl-Azzjoni Konġunta tal-UE 2008/124/PESK tal- 4 ta’ Frar 2008, l-Istati Uniti ser tagħmel ħilitha sabiex, safejn is-sistema legali interna tagħha tippermetti dan, tirrinunzja kemm jista’ jkun għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fl-EULEX KOSOVO għal korriment jew mewt tal-persunal tagħha, jew dannu lil jew telf ta’ kwalunkwe assi ta’ proprjetà tagħha u li jkunu qed jintużaw mill-EULEX KOSOVO jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

- kien ikkawżat mill-persunal fit-twettiq tad-doveri tiegħu marbutin mal-EULEX KOSOVO, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja,

- jew irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi proprjetà tal-Istati parteċipanti fl-EULEX KOSOVO, dment li l-assi jkunu ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal tal-EULEX KOSOVO li jkun qed juża dawk l-assi."

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet