Official Journal L 337 , 13/12/2002 P. 0057 - 0081
ANNESS IL-Konvenzjoni internazzjonali fuq ir-responsabbilità u l-kumpens għal dannu kkawżat mill-ġarr bil-baħar ta’ sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi, 1996 (Konvenzjoni HNS) L-ISTATI KONTRAENTI F’DIN IL-KONVENZJONI, KONXJI tal-perikoli maħluqa bil-ġarr bil-baħar mad-dinja kollha ta’ sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi, KONVINTI mill-bżonn li jiżguraw li kumpens adegwat, ta’ malajr u effettiv ikun disponibbli lill-persuni li jsofru danni kkawżati minn inċidenti fir-rigward tal-ġarr bil-baħar ta’ dawn is-sustanzi, JIXTIEQU li jadottaw regoli u proċeduri internazzjonali uniformi biex ikunu determinati kwistjonijiet ta’ responsabbilità u kumpens fir-rigward ta’ dan id-dannu. WAQT LI JIKKONSIDRAW li l-konsegwenzi ekonomiċi tad-dannu kkawżat mill-ġarr bil-baħar ta’ sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi għandhom jinqassmu mill-industrija tal-bastimenti u l-interessi fit-tagħbija involuti, FTEHMU kif ġej: IL-KAPITOLU I DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI Definizzjonijiet Artikolu 1 Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament: 1. "Bastiment" tfisser kull opra tal-baħar u inġenji tal-baħar ta’ kull tip. 2. "Persuna" tfisser kull individwu jew sħubija jew kull korp pubbliku jew privat, kemm jekk inkorporat jew le u tinkludi Stat jew kull suddiviżjoni kostitwenti tiegħu. 3. "Sid" tfisser il-persuna jew persuni reġistrati bħala sid tal-bastiment jew fin-nuqqas ta’ reġistrazzjoni il-persuna jew persuni li għandhom il-propjetà tal-bastiment. Iżda, fil-każ ta’ bastiment li huwa propjetà ta’ Stat u operat minn kumpannija li hija f’dak l-Istat reġistrata bħala l-operatur tal-bastiment "sid" għandha tfisser din il-kumpannija. 4. "Riċevitur" tfisser jew: (a) il-persuna li fiżikament tirċievi tagħbija suġġetta għal kontribuzzjoni fil-portijiet u t-terminals ta’ Stat Kontraenti; iżda jekk fiż-żmien ta’ l-irċevuta l-persuna li fiżikament tirċievi t-tagħbija taġixxi bħala aġent għal xi ħadd ieħor li huwa suġġett għall-ġurisdizzjoni ta’ xi Stat Parti, f’dak il-każ il-prinċipal għandu jitqies li huwa r-riċevitur jekk l-aġent jiżvela l-prinċipal lill-Fond HNS; jew (b) il-persuna fl-Istat Kontraenti li skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Kontraenti titqies li hija r-riċevitriċi tat-tagħbija suġġetta għal kontribuzzjoni mħatta fil-portijiet u t-terminals ta’ Stat Kontraenti, iżda t-total tat-tagħbija suġġetta għal kontribuzzjoni riċevuta skond din il-liġi nazzjonali hija sustanzjalment l-istess bħal dik li kieku kienet tkun rċevuta skond (a). 5. "Sustanżi noċivi u potenzalment perikolużi" (HNS) ifisser: (a) kull sustanza, materjal u artikolu mgħobbi abbord bastiment bħala tagħbija msemmija f’(i) sa (vii) isfel; (i) żjut mgħobbija fi kwantitajiet kbar elenkati fl-Appendiċi I ta’ l-Anness I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta’ l-1978 dwarha kif emendat; (ii) sustanzi likwidi noċivi mgħobbija fi kwantitajiet kbar imsemmija fl-Appendiċi II ta’ l-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti 1973, kif modifikata mill-Protokoll ta’ l-1978 tagħha kif emendat, u dawk is-sustanzi u taħlitiet kategorizzati provizorjament bħala li jaqgħu fil-kategorija tat-tniġġis A, B, C jew D skond ir-Regolament 3(4) ta’ l-imsemmi l-Anness II; (iii) sustanzi likwidi perikolużi fi kwantitajiet kbar elenkati fil-Kapitolu 17 tal-Kodiċi Internazzjonali għall-Kostruzzjoni u t-Tagħmir ta’ Bastimenti li Jġorru Kimiki Perikolużi fi Kwantitajiet Kbar 1983, kif emendat, u prodotti perikolużi li għalihom ġew preskritti kondizzjonijiet xierqa għall-ġarr mill-Amministazzjoni u l-ammnistrazzjonijiet tal-port involuti skond il-paragrafu 1.1.3 tal-Kodiċi; (iv) sustanzi, materjali u artikoli perikolużi, potenzalment perikolużi u ta’ ħsara, f’forma ppakkeġġjata koperti mill-Kodiċi Internazzjonali Marittimu tal-Merkanzija Perikoluża, kif emendat; (v) gassijiet likwefatti kif elenkati fil-Kapitolu 19 tal-Kodiċi Internazzjonali għall-Kostruzzjoni u t-Tagħmir ta’ Bastimenti li jġorru Gassijiet Likwefatti fi Kwantitajiet Kbar,1983, kif emendat, u l-prodotti li għalihom kondizzjonijiet preliminari xierqa għall-ġarr kienu preskritti mill-Amministrazzjoni u l-amministrazzjonijiet tal-port involuti skond il-paragrafu 1.1.6 tal-Kodiċi; (vi) sustanzi likwidi mgħobbija fi kwantitajiet kbar b’punt ta’ infjammabbilità li jaqbeż 60oĊ (mkejjel bi prova ta’ closed cup); (vii) materjali solidi fi kwantitajiet kbar li jkollhom perikoli potenzali kimiki koperti bl-Appendiċi B tal-Kodiċi tal-Prattika Tajba għall-Tagħbijiet Solidi fi Kwantitajiet Kbar, kif emendat, safejn dawn is-sustanzi huma wkoll soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Internazzjonali Marittimu tal-Merkanzija Perikoluża meta mgħobbija f’forma ippakkjata; u (b) reżidwi mill-ġarr ta’ qabel fi kwantitajiet kbar ta’ sustanzi msemmija f’(a)(i) sa (iii) u (v) sa (vii) ’il fuq. 6. "dannu" jfisser: (a) telf ta’ ħajja jew dannu personali abbord jew barra l-bastiment li qed iġorr sustanzi ta’ perikolu potenzali u noċivi kkawżati minn dawk is-sustanzi; (b) telf jew ħsara lill-propjetà barra l-bastiment li qed iġorr sustanzi noċivi u potenjalment perikolużi kkawżati minn dawk is-sustanzi; (ċ) telf jew kontaminazzjoni ta’ l-ambjent ikkawżat minn sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi, iżda dak il-kumpens għall-ħsara lill-ambjent li ma jkunx telf ta’ profitt minn dik il-ħsara għandu jkun limitat għall-ispejjeż ta’ miżuri raġonevoli ta’ ristabbiliment li jkun attwalment magħmul jew li ser isir: u (d) l-ispejjeż ta’ miżuri preventivi u telf jew ħsara aktar ikkawżati minn miżuri. Meta mhux raġonevolment possibbli li tissepara l-ħsara kkawżata minn sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi minn dawk ikkawżati minn fatturi oħra, dan id-dannu kollu għandu jitqies li sar mis-sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi ħlief jekk, u safejn, id-dannu kkawżat minn fatturi oħra huwa dannu ta’ tip msemmi fl-Artikolu 4(3). F’dan il-paragrafu, "ikkawżat minn dawk is-sustanzi" ifisser kkawżat minn natura noċiva u potenzalment perikoluża. 7. "Miżuri preventivi" ifisser miżuri raġonevoli meħuda minn kull persuna wara li jkun ġara inċident bien jipprevjeni jew inaqqas id-dannu. 8. "Inċident" tfisser kull okkorrenza jew serje ta’ okkorrenzi li għandhom l-istess oriġini, li tikkawza dannu jew toħloq theddida gravi u imminenti li ser tikkawża dannu. 9. "Ġarr bil-baħar" ifisser il-perjodu minn meta s-sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi jidħlu f’xi parti tat-tagħmir tal-bastiment, mat-tagħbija, saż-żmien li ma jibgħux ikunu preżenti f’xi parti tat-tagħmir tal-vapur, mal-ħatt. Jekk ma jintuża l-ebda tagħmir tal-bastiment, il-perjodu jibda u jispiċċa rispettivament meta s-sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi jaqsmu l-poġġaman tal-gverta tal-bastiment. 10. "Tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni" ifisser sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi li jinġarru bil-baħar bħala merkanzija għall-port jew terminal f’territorju ta’ Stat Kontraenti u mhott f’dak l-Istat, Tagħbija fit-transitu li hija trasferita direttament, jew permezz ta’ port jew terminal, minn bastiment għall-ieħor, kollha kemm hi jew f’parti, waqt il-ġarr minn port jew terminal ta’ tagħbija oriġinali għall-port jew terminal ta’ destinazzjoni finali għandha tkun ikkonsidrata bħala tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni biss fir-rigward ta’ l-irċevuta fid-destinazzjoni finali. 11. Il-"Fond HNS" ifisser il-Fond Internazzjonali dwar Sustanzi Noċivi u Potenzalment Perikolużi stabbilit skond l-Artikolu 13. 12. "Unità tal-kont" tfisser Special Drawing Right kif definit mill-Fond Monetarju Internazzjonali. 13. "Stat tar-reġistru tal-bastiment" ifisser fir-rigward ta’ bastiment reġistrat l-Istat tar-reġistrazzjoni tal-bastiment, u fir-rigward ta’ bastiment mhux reġistrat l-Istat li l-bandiera tiegħu l-bastiment jista’ jtajjar. 14. "Terminal" tfisser kull sit għall-ħażna ta’ sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi riċevuti mit-trasport fuq l-ilma, inkluż kull faċilità li tinsab il barra mix-xatt u kkollegata b’pajplajn jew mod ieħor ma’ dan is-sit. 15. "Direttur" tfisser id-Direttur tal-Fond HNS. 16. "Organizzazzjoni" tfisser l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima. 17. "Segretarju-Ġenerali" ifisser is-Segertaju-Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni. L-Annessi Artikolu 2 L-Annessi ta’ din il-Konvenzjoni jikkostitwixxu parti integrali ta’ din il-Konvenzjoni Skop ta’ l-applikazzjoni Artikolu 3 L-Annessi għal dan għandu japplika esklussivament: (a) għal kull dannu kkawżat fit-territorju, inkluż il-baħar territorjali, ta’ Stat Kontraenti; (b) għad-dannu bil-kontaminazzjoni ta’ l-ambjent ikkawżat fiż-żona ekonomika esklussiva ta’ Parti Kontraenti, stabbilita skond il-liġi internazzjonali, jew, jekk Parti Kontraenti ma tkunx stabbiliet din iż-żona, f’erja lil hinn jew ma’ ġenb il-baħar territorjali ta’ dak l-Istat determinat minn dak l-Istat skond il-liġi internazzjonali u li testendi mhux iżjed minn 200 mil nawtiku mil-linji ta’ bażi li minnhom jitkejjel il-wisgħa tal-baħar territorjali. (ċ) għad-dannu, li ma jkunx dannu bil-kontaminazzjoni ta’ l-ambjent, ikkawżat barra t-territorju, inkluż il-baħar territorjali, ta’ kull Stat, jekk dan id-dannu kien ikkawżat minn sustanza mgħobbija abbord bastiment reġistrat fi Stat Kontraenti jew, fik-każ ta’ bastiment mhux reġistrat, abbord bastiment li jista’ jtajjar bandiera ta’ Stat Kontraenti; u (d) għall-miżuri preventivi, kull meta jittieħdu. Artikolu 4 1. Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għal talbiet, li ma jkunx talbiet li joħorġu minn xi kuntratt għall-ġarr ta’ merkanzija u passiġġieri, għall-ħsara kkawżata mill-ġarr bil-baħar ta’ sustanzi noċovi u potenzalment perikolużi. 2. Din il-Konvenzjoni m’għandhiex tgħodd safejn id-dispożizzjonijiet tagħha huma inkompattibbli ma’ dawk tal-liġi applikabbli dwar il-kumpens tal-ħaddiema jew skemi ta’ sigurtà soċjali. 3. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika: (a) għall-ħsara mit-tniġġis kif mfisser mill-Konvenzjoni Internazzjonali fuq ir-Responsabbilità Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Zejt, 1969, kif emendat, kemm jekk il-kumpens huwa pagabbli jew le fir-rigward tagħha skond dik il-Konvenzjoni; u (b) għall-ħsara kkawżata minn materjal radjuattiv tal-klassi 7 jew fil-Kodiċi Marittimu Internazzjonali ta’ Merkanzija Perikoluża, kif emendata, jew fl-appendiċi B tal-Kodiċi ta’ Prattika Tajba għal Tagħbijiet Solidi fi Kwantitajiet Kbar, kif emendat. 4. Ħlief kif ipprovdut fil-paragrafu 5, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni m’għandhomx japplikaw għall-bastimenti tal-gwerra, awżiljarji navali jew bastimenti oħra propjetà ta’ jew mħaddma mill-Istat u użati, temporanjament, fis-servizz mhux kummerċjali tal-Gvern. 5. Stat Kontraenti jista’ jiddeċiedi li japplika din il-Konvenzjoni għall-bastimenti tal-gwerra tiegħu jew bastimenti oħra deskritti fil-paragrafu 4, f’liema każ għandu jinnotifika s-Segretarju Ġenerali b’dan waqt li jispeċifika il-kondizzjonijiet ta’ din l-applikazzjoni. 6. Fir-rigward ta’ bastimenti propjetà ta’ Stat Kontraenti u wżat għall-finijiet kummerċjali, kull Stat jista’ jitħarrek quddiem organu ġudizzjarju fil-ġurisdizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 38 u għandu jirrinunzja kull difiża ibbażata fuq l-istatus tiegħu ta’ Stat sovran. Artikolu 5 1. Stat jista’ fiż-żmien tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni ta’ jew ta’ l-adeżjoni ma’, din il-Konvenzjoni, jew f’kull żmien wara, jiddikjara li din il-Konvenzjoni ma tapplikax għall-bastimenti: (a) li ma jaqbżux 200 tunnellaġġ gross; u (b) li jġorru sustanzi noċivi jew potenzalment perikolużi biss fil-forma ppakkjata; u (ċ) waqt li qed jivvjaġġaw bejn portijiet jew faċilitajiet ta’ dak l-Istat. 2. Meta żewġ Stati ġirien jiftehmu li din il-Konvenzjoni ma tapplikax ukoll għall-bastimenti li huma koperti bil-paragrafu 1(a) u (b) waqt li qed jivvjaġġaw bejn portijiet jew faċilitajiet ta’ dawk l-Istati, dawn l-Istati jistgħu jiddikjaraw li l-esklużjoni mill-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni dikjarata skond il-paragrafu 1 tkopri wkoll bastimenti msemmija f’dan il-paragrafu. 3. Kull Stat li għamel id-dikjarazzjoni skond il-paragrafu 1 jew 2 jista’ jirtira din id-dikjarazzjoni f’kull ħin. 4. Dikjarazzjoni magħmula skond il-paragrafi 1 u 2, u l-irtirar tad-dikjarazzjoni magħmula skond il-paragrafu 3, għandha tkun iddepożitata mas-Segretarju-Ġenerali li għandu, wara d-dħul fis-seħħ ta’ din jikkommunikha lid-Direttur. 5. Meta Stat ikun għamel dikjarazzjoni skond il-paragrafu 1 jew 2 u ma jkunx irtirha, sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi mgħobbija abbord bastimenti koperti minn dak il-paragrafu m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala tagħbija soġġetta għall-konribuzzjoni għall-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 18, 20, l-Artikolu 21(5) u l-Artikolu 43. 6. Il-Fond HNS mhux responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens għal dannu kkawżat minn sustanzi mgħobbija b’bastiment li ma tapplikax għalih il-Konvenzjoni bis-saħħa tad-dikjarazzjoni magħmula skond il-paragrafu 1 jew 2, sakemm: (a) id-dannu kif definit fl-Artikolu 1, paragrafu 6(a), (b) jew (ċ) kien ikkawżat fl: (i) it-territorju, inkluż il-baħar territorjali, ta’ l-Istat li għamel id-dikjarazzjoni, jew fil-każ ta’ Stati ġirien li għamlu dikjarazzjoni skond il-paragrafu 2, ta’ kull wieħed minhom; jew (ii) iż-żona esklussiva ekonomika, jew żona msemmija fl-Artikolu 3(b), ta’ l-Istat jew Stati msemmija f’(i); (b) id-dannu jinkludi miżuri meħuda biex jipprevjenu jew jimminimizzaw dan id-dannu. Dmirijiet tal-Partijiet Kontraenti Artikolu 6 Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li kull obbligu li jorħroġ skond dan jitħares u għandu jieħu miżuri xierqa skond il-liġi tiegħu inkluż l-imposizzjoni ta’ sanzjonijiet li jidhirlu xieraq, biex ikun hemm esekuzzjoni effettiva ta’ dan l-obbligu. IL-KAPITOLU II RESPONSABBILITÀ Responsabbilità tas-sid Artikolu 7 1. Ħlief kif ipprovdut fil-paragrafi 2 u 3, is-sid fiż-żmien ta’ l-inċident għandu jkun responsabbli għad-dannu kkawżat minn sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi fir-rigward tat-tagħbija tagħhom bil-baħar abbord il-bastiment, iżda jekk inċident jikkonsisti minn serje ta’ fatti li għandhom l-istess oriġini r-responsabbilità għandha tkun tas-sid fiż-żmien ta’ meta sseħħ l-ewwel minn dawn l-fatti. 2. Is-sid ma jkollu l-ebda responsabbilità jekk is-sid jipprova li: (a) id-dannu rriżulta minn att tal-gwerra, ostilitajiet, gwerra ċivili, insurrezzjoni jew fenomenu naturali ta’ karattru eċċezzjoanli, inevitabbli u irresistibbli; jew (b) id-dannu kien ikkawżat għal kollox minn att jew omissjoni magħmulin bl-intenzjoni li jkun kkawżat id-dannu minn terz; jew (ċ) id-dannu kien ikkawżat għal kollox min-negliġenza jew għemil illeċitu ieħor ta’ kull Gvern jew awtorità oħra responsabbli għaż-żamma tad-dwal jew għajnuniet oħra ta’ navigazzjoni fl-eżerċizju ta’ dik il-funzjoni; jew (d) in-nuqqas ta’ karigatur jew kull persuna oħra li tagħti informazzjoni dwar in-natura noċiva u potenzalment perikoluża tas-sustanzi mgħobbija jew (i) ikkawża d-dannu, għal kollox jew f’parti; jew (ii) wassal lis-sid biex ma jiksibx l-assigurazzjoni skond l-Artikolu 12; iżda la s-sid u lanqas l-uffiċjali jew l-aġenti ma kienu jafu jew raġonevolment misshom kienu jafu bin-natura noċiva jew potenzalment perikoluża tas-sustanzi mgħobbija. 3. Jekk is-sid jipprova li d-dannu rriżulta għal kollox jew f’parti jew mill-att jew l-omissjoni magħmulin bil-ħsieb li jkun kkawżat dannu mill-persuna li ġarbet id-dannu jew min-negliġenza ta’ dik il-persuna, is-sid jista’ jiġi eżonerat għall-kollox jew parżjalment mir-responsabbilità lejn dik il-persuna. 4. L-ebda talba għall-kumpens għad-dannu m’għandha ssir kontra s-sid jekk mhux skond din. 5. Bla ħsara għall-paragrafu 6, l-ebda talba għall-kumpens għad-dannu skond din il-Konvenzjoni jew mod ieħor ma tista’ ssir kontra: (a) uffiċjali jew aġenti tas-sid jew membri ta’ l-ekwipaġġ; (b) il-bdot jew kull persuna oħra li, mingħajr ma jkunu membri ta’ l-ekwipaġġ, jagħti servizz lill-bastiment; (ċ) kull nolleġġatur (ikun deskritt kif ikun, inkluż bareboat charterer), manager jew operatur tal-bastiment; (d) kull persuna li tagħmel ħidmiet ta’ salvataġġ bil-kunsens tas-sid jew fuq l-istruzjonijiet ta’ awtorità pubblika kompetenti; (e) kull persuna li tieħu miżuri ta’ prevenzjoni; u (f) l-uffiċċjali jew l-aġenti ta’ persuni msemmija f’(ċ), (d) u (e); sakemm id-dannu jirriżulta minn att jew omissjoni personali, magħmul bil-ħsieb li jkun ikkawżat dan id-dannu, jew bla kont jew bil-ħsieb li dik il-ħsara x’aktar isseħħ. 6. Xejn f’din il-Konvenzjoni ma tippreġudika kull dritt eżistenti ta’ regress tas-sid kontra kull terz, inkluż, iżda mhux limitat għal, karigatur jew r-riċevitur tas-sustanza li tikkawża l-ħsara, jew il-persuni indikati fil-paragrafu 5. Inċidenti li jinvolvu żewġ bastimenti jew aktar Artikolu 8 1. Kull meta jirriżulta dannu minn inċident li jinvolvi żewġ bastimenti jew aktar li kull wieħed minnhom qed iġorr sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi, kull propjetarju, sakemm mhux eżonerat skond l-Artikolu 7, għandu jkun responsabbli għad-dannu. Is-sidien għandhom ikunu responsabbli in solidum għall kull dannu bħal dan li ma jistax ikun raġonevolment separat. 2. Iżda, sidien għandhom ikunu intitolati li jinvokaw il-limitazzjoni tar-responsabbilità tagħhom skond l-Artikolu 9. 3. Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jippreġudika d-dritt tas-sid kontra kull propjetarju ieħor. Limitazzjoni tar-responsabbilità Artikolu 9 1. Il-propjetarju ta’ bastiment għandu jkun intitolat li jillimita r-responsabbilità taħt din il-Konvenzjoni rigward kull inċident wieħed għall-ammont aggregat ikkalkolat kif ġej: (a) 10 miljun unità ta’ kont għall-bastiment li ma jaqbiżx 2000 unità ta’ tunnellaġġ; u (b) għal-bastiment b’tunnellaġġ li jaqbeż dan, l-ammont li ġej flimkien ma’ dak msemmi f’(a): - għal kull unità ta’ tunellaġġ minn 2001 s 50000 unità ta’ tunnellaġġ, 1500 unità ta’ kont; - għal kull unità ta’ tunellaġġ li taqbeż 50000 unità ta’ tunnellaġġ, 360 unità ta’ kont; iżda, dan l-ammont aggregat m’għandux f’kull każ jaqbeż 100 miljun unità ta’ kont. 2. Is-sid m’għandux ikun intitolat li jillimita r-responsabbilità taħt din il-Konvenzjoni jekk ikun ippruvat li d-dannu rriżulta minn att jew omissjoni personali tas-sid, magħmul bil-ħsieb li jkun ikkawżat dan id-dannu, jew bla kont jew bil-ħsieb li dik il-ħsara x’aktar isseħħ. 3. Is-sid għandu, għall-finijiet ta’ benefiċċju mil-limitazzjoni provduta fil-paragrafu 1, jikkostitwixi fond għat-total kollu li jirrappreżenta l-limitu ta’ responsabbilità stabbilit skond il-paragrafu 1 mal-qorti jew awtorità kompetenti oħra ta’ wieħed mill-Istati Kontraenti fejn tista’ ssir kawża kond l-Artikolu 38. Il-fond jista’ jkun kostitwit jew bid-depożitu tas-somma jew bil-produzjoni ta’ garanzija bankarja jew garanzija oħra, aċċettabbli skond il-liġi ta’ l-Istat Kontraenti fejn il-fond huwa kostitwit, u jkun ikkunsidrat bħala adegwat mill-qorti jew awtorità kompetenti oħra. 4. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11, il-fond għandu jitqassam fost min jagħmel it-talba fi proporzjon ma’ l-ammonti tat-talbiet tagħhom stabbiliti. 5. Jekk qabel il-fond ma huwa distribwit is-sid jew xi uffiċjal jew aġent tas-sid jew tal-persuna li tipprovdi lis-sid assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra għandha bħala riżultat ta’ l-inċident partikolari, ħallsu kumpens għad-dannu, din il-persuna għandha, sa l-ammont li tħallset il-persuna, tikseb b’surrogazzjoni id-drittijiet li l-persuna hekk ikkumpensata kienet tgawdi taħt din il-Konvenzjoni. 6. Id-dritt tas-surrogazzjoni provdut fil-paragrafu 5 jista’ jkun eżerċitat ukoll minn persuna li ma tkunx dik msemmija hemmhekk fir-rigward ta’ kull ammont ta’ kumpens għad-dannu li din il-persuna setgħet ħallset imma biss safejn dik is-surrogazzjoni hija permessa taħt il-liġi applikabbli nazzjonali, 7. Meta sidien jew persuni oħra jistabbilixxu li jistgħu jkun imġiegħla li jħallsu aktar tard dak ammont ta’ kumpens kollu jew parti minnu, li fir-rigward tiegħu d-dritt ta’ surrogazzjoni kien japplika taħt il-paragrafi 5 jew 6 kieku l-kumpens tħallas qabel ma tqassam il-fond, il-qorti jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat fejn il-fond kien kostitwit jistgħu jordnaw li somma suffiċjenti titwarab proviżorjament biex tippermetti lil dik il-persuna f’data aktar tard li teżegwixxi t-talba kontra l-fond. 8. Talbiet fir-rigward ta’ spejjeż minfuqa b’mod raġonevoli jew sagrifiċji magħmula raġonevolment mis-sid volontarjament biex jipprevjeni jew inaqqas id-dannu għandhom jikkonkorru ndaqs ma’ talbiet oħra kontra l-fond. 9. (a) L-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu msarfa f’valuta nazzjonali fuq il-bażi tal-valur ta’ dik il-valuta b’referenza għall-Special Drawing Right fid-data tat-twaqqif tal-fond msemmi fil-paragrafu 3. Il-valur tal-valuta nazzjonali, fil-kuntest ta’ l-i Special Drawing Right, ta’ Stat Kontraenti li huwa membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali, għandu jkun ikkalkolat skond il-metodu ta’ valutazzjoni applikat mill-Fond Internazzjonali Monetarju fis-seħħ f’dik id-data għall-operazzjonijiet u transazzjonijiet tagħha. Il-valur tal-valuta nazzjonali, fil-kuntest ta’ l-i Special Drawing Right, ta’ Parti Kontraenti li m’hiex membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali, għandu jkun ikkalkolat b’mod stabbilit minn dak l-Istat. (b) Iżda, Stat Kontraenti li mhux membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali u li l-liġi tiegħu ma tippermettix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 9(a) jista’, fiż-żmien tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew ta’ l-adeżjonima’ din il-Konvenżjoni jew f’kull żmien wara, jiddikjara li l-unità tal-kont msemmi fil-paragrafu 9(a) għandu jkun daqs 15-il frank tad-deheb. Il-frank tad-deheb msemmi f’dan il-paragrafu jikkorrespondi għal ħamsa u sittin milligramma u nofs ta’ deheb ta’ finezza ta’ l-elf parti ta’ disa’ mija. Il-konverżjoni tal-frank tad-deħeb għall-valuta nazzjonali għandha ssir skond il-liġi ta’ dak l-Istat. (ċ) Il-kalkolu msemmi fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 9(a) u l-konverżjoni msemmija fil-paragrafu 9(b) għandu jsir b’mod li jitfisser fil-valuta nazzjonali ta’ l-Istat Kontraenti safejn possibbli l-istess valur reali għall-ammonti fil-paragrafu 1 kif jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ l-ewwel żewġ sentenzi tal-paragrafu 9(a). L-Istati Kontraenti għandhom jikkommunikaw lis-Segretarju-Ġenerali l-metodu tal-kalkoli bis-saħħa tal-paragrafu 9(a), jew ir-riżultat tal-konverżjoni fil-paragrafu 9(b) kif ikun il-każ, meta jkun depożitat l-istrument ta’ ratifika, ta’ l-aċċettazzjoni, ta’ l-approvazzjoni ta’ jew l-adeżjoni ma’ din il-konvenzjoni u kull meta jkun hemm bidla fit-tnejn. 10. Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu t-tunnellaġġ tal-bastiment għandu jkun it-tunnellaġġ gross ikkalkolat skond ir-regolamenti tal-kejl tat-tunnellaġġ li jinsab fl-Anness I tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq il-Kejl tat-Tunnellaġġ ta’ Bastimenti, 1969. 11. L-assiguratur jew persuna oħra li tipprovdi sigurtà finanzjarja għandha tkun intitolata li tikkostitwixxi fond skond dan l-Artikolu bl-istess kondizzjonijiet u jkollhom l-istess effett daqslikieku kien kostitwit mis-sid. Dan il-fond jista’ jkun kostitwit ukoll jekk, skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, is-sid mhux intitolat għal-limitazzjoni ta’ responsabbilità, imma l-kostituzzjoni tiegħu f’dak il-każ ma tippreġudikax id-drittijiet ta’ min jagħmel it-talba kontra s-sid. Artikolu 10 1. Meta s-sid, wara l-inċident, ikkostitwixxa fond skond l-Artikolu 9 u huwa intitolat li jillimita r-responsabbilità: (a) l-ebda persuna li jkollha talba għad-dannu kkawżat minn dak l-inċident ma tkun intitolata li teżerċita xi dritt kontra kull beni ieħor tas-sid fir-rigward ta’ dik it-talba; u (b) il-qorti jew awtorità kompetenti oħra ta’ kull Parti Kontraenti għandha tordna r-rilaxx ta’ kull bastiment jew propjetà oħra tas-sid li kienet arrestata fir-rigward ta’ talba għad-dannu ikkaġunat minn dak l-inċident, u għandha teħles bl-istess mod kull pleġġ jew garanzija oħra mogħtija biex tevita dan l-arrest. 2. Ta’ fuq għandu, iżda, japplika biss jekk min jitlob għandu aċċess għall-qorti li tamministra l-fond u l-fond huwa attwalment disponibbli fir-rigward tat-talba. Mewt u korriment Artikolu 11 Talbiet fir-rigward ta’ mewt jew korriment personali għandhom prijorità fuq talbiet oħra ħlief safejn l-aggregat ta’ dawn it-talbiet jaqbżu żewġ terzi ta’ l-ammont totali stabbilit skond l-Artikolu 9(1). Assigurazzjoni obbligatorja tas-sid Artikolu 12 1. Is-sid ta’ bastiment reġistrat fi Stat Kontraenti u li fil-fatt qed iġorr sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi għandu jenħtieġ li jkollu assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra, bħal granzija ta’ bank jew istituzzjoni finanzjarja simili, fis-somom iffissati bl-applikazzjoni tal-limiti ta’ responsabbilità preskritti fl-Artikolu 9(1), biex ikopri r-responsabbilità għad-dannu skond din il-Konvenzjoni. 2. Għandu jinħareġ ċertifikat ta’ assigurazzjoni obbligatorja li jiċċertifika li l-assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra hija fis-seħħ skond id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni wara li l-awtorità xierqa ta’ Stat Kontraenti tkun determinat li l-ħtiġiet tal-paragrafu 1 ikunu tħarsu. Fir-rigward ta’ bastiment reġistrat fi Stat Kontraenti dan iċ-ċertifikat ta’ assigurazzjoni obbligatorja għandu jinħareġ jew ċertifikat mill-awtorità xierqa ta’ l-Istat tar-reġistru tal-bastiment; fir-rigward ta’ bastiment mhux reġistrat fi Stat Kontraenti jista’ jinħareġ jew ikun ċertifikat mill-awtorità xierqa ta’ kull Parti Kontraenti. Iċ-ċertifikat ta’ assigurazzjoni obbligatorja għandu jkun f’forma ta’ mudell provdut fl-Anness I u jkollu id-dettalji li ġejjin: (a) l-isem tal-bastiment, numru jew ittri distintivi u port tar-reġistru; (b) isem u post ewlieni tan-negozju tas-sid; (ċ) Numru ta’ identifikazzjoni tal-bastiment IMO; (d) tip u kemm iddum il-garanzija; (e) isem u post ewlieni tan-negozju ta’ l-assiguratur jew persuna oħra li tagħti garanzija u, meta xieraq, post tan-negozju fejn saret l-assigurazzjoni jew garanzija; u (f) perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat, li m’għandux ikun akbar mill-perjodu ta’ validità ta’ l-assigurazzjoni jew garanzija oħra. 3. Iċ-ċertifikati għandhom jkunu fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ ħruġ. Jekk il-lingwa użata mhi la l-Ingliż, la l-Franċiż u lanqas l-Ispanjol, it-test għandu jinkludi traduzzjoni f’waħda minn dawn il-lingwi. 4. Iċ-ċertifikat ta’ assigurazzjoni obbligatorja għandu jinġarr abbord il-bastiment u għandha tkun depożitata kopja ma’ l-awtoritajiet li jżommu r-reġistru tar-reġistrazzjoni tal-bastiment jew, jekk il-bastiment mhux reġistrat fi Stat Kontraenti, ma’ l-awtorità ta’ l-Istat li joħroġ jew jiċċertifika iċ-ċertifikat. 5. Assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra m’għandhiex tissodisfa l-ħtiġiet ta’ dan l-Artikolu jekk tista’ tieqaf, għal raġunijiet li m’humiex l-iskadenza tal-perjodu ta’ validità ta’ l-assigurazzjoni jew garanzija speċifikata fiċ-ċertifikat taħt il-paragrafu 2, qabel ma jgħaddu tliet xhur mid-data meta l-avviż tat-tmiem jingħata lill-awtoritajiet msemmija fil-paragrafu 4, sakemm iċ-ċertifikat ta’ assigurazzjoni obbligatorja ma jkunx inħareġ f’dak il-perjodu. Id-dispożizzjonijiet ta’ fuq għandhom japplikaw bl-istess mod għal kull modifika li tirriżulta f’li l-assigurazzjoni jew garanzija ma jibqgħux jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ dan l-Artikolu. 6. L-Istat tar-reġistru tal-bastiment għandu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, jiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ħruġ u l-validità taċ-ċertifikat ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja. 7. Ċertifikati ta’ assigurazzjoni obbligatorja maħruġa jew ċertifikati taħt l-awtorità ta’ Stat Kontraenti skond il-paragrafu 2 għandhom ikunu aċċettati minn Stati Kontraenti għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni u għandhom jitqiesu minn Stati Kontraenti oħra li għandhom l-istess forza bħal ċertifikati ta’ assigurazzjoni obbligatorja maħruġa jew ċertifikati minnhom ukoll jekk maħruġa jew ċertifikati fir-rigward ta’ bastimenti mhux reġistrat fi Stat Kontraenti. Stat Kontraenti jista’ f’kull żmien jitlob konsultazzjoni ma’ l-Istat li joħroġ jew jiċċertifika jekk jaħseb li l-assiguratur jew garanti msemmi fiċ-ċertifikat ta’ assigurazzjoni obbligatorja mhux kapaċi finanzjarjament lijħares l-obbligi imposti mill-Konvenzjoni. 8. Kull talba għal kumpens għad-dannu tista’ tinġab direttament kontra l-assiguratur jew persuna oħra li tipprovdi garanzija fianzjarja għar-responsabbilità tas-sid għad-dannu. F’dak il-każ l-imħarrek jista’ ukoll jekk is-sid mhux intitolat għal-limitazzjoni tar-responsabbilità, jibbenefika mil-limitu ta’ responsabbilità preskritt skond il-paragrafu 1. L-imħarrek jista’ jqajjem id-difiżi (li ma jkunux ta’ falliment jew stralċ tas-sid) li s-sid kien ikun intitolat iqajjem. Barra dan, l-imħarrek jista’ jinvoka d-difiża li d-dannu rriżulta mill-għemil doluż tas-sid, imma l-imħarrek m’għandux iqajjem xi difiża oħra li l-imħarrek seta kien intitolat iqajjem fil-proċeduri mibdija mis-sid kontra l-imħarrek. L-imħarrek għandu f’kull każ ikollu d-dritt li jeħtieġ li s-sid jissejjaħ fil-proċeduri. 9. Kull somma provduta mill-assigurazzjoni jew b’garanzija oħra finanzjarja miżmuma skond il-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli esklussivament għas-sodisfazzjon tat-talbiet skond din il-Konvenzjoni. 10. Stat Kontraenti m’għandux jippermetti bastiment jikkummerċja taħt il-bandiera tiegħu li għalih japplika dan l-Artikolu jekk ma jkunx inħareġ ċertifikat skond il-paragrafu 2 jew 12. 11. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Kontraenti għandu jiżgura, skond il-liġi nazzjonali tiegħu, li l-assigurazzjoni jew garanzija oħra fis-somom speċifikati fil-paragrafu 1 huma fis-seħħ fir-rigward ta’ kull bastiment, kull fejn huwa reġistrat, li jidħol jew joħroġ port fit-territorju tiegħu, jew li jasal jew iħalli faċilità ’l barra mix-xatt fil-baħar territorjali tiegħu. 12. Jekk l-assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja ma tinżammx fir-rigward tal-bastiment propjetà ta’ Stat Kontraenti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu li għandhom x’jaqsmu magħhom ma jgħoddux għal dak il-bastiment, imma l-bastiment għandu ikollu ċertifikat ta’ assigurazzjoni obbligatorja maħruġ mill-awtoritajiet xierqa ta’ l-Istat tar-reġistru tal-bastiment li jgħid li l-bastiment huwa propjetà minn dak l-Istat u li r-responsabbilità tal-bastiment hija koperta fil-limitu preskritt skond il-paragrafu 1. Dan iċ-ċertifikat ta’ asssigurazzjoni obbligatorja għandha ssegwi mill-qrib kemm jista’ jkun il-mudell preskritt fil-paragrafu 2. IL-KAPITOLU III KUMPENS MILL-FOND INTERNAZZJONALI DWAR SUSTANZI NOĊIVI U POTENZALMENT PERIKOLUŻI (FOND HNS) Twaqqif tal-Fond HNS Artikolu 13 1. Huwa b’dan imwaqqaf il-Fond Internazzjonali dwar Sustanzi Noċivi u Potenzalment Perikolużi bl-għanijiet li ġejjin: (a) biex jipprovdi kumpens għad-dannu fir-rigward tal-ġarr ta’ sustanzi noċivi u potenzalment perikolużi bil-baħar, fejn il-protezzjoni mogħtija mill-Kapitolu II mhux biżżejjed jew mhux disponibbli; u (b) biex jeżegwixi il-ħidmiet relatati fl-Artikolu 15, 2. Il-Fond HNS għandu f’kull Stat Kontraenti jkun rikonoxxut bħala persuna legali kapaċi skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat li jassumi drittijiet u obbligi u li jkun parti fil-proċeduri legali quddiem il-Qrati ta’ dak l-Istat. Kull Parti Kontraenti għandha tirrikonoxxi d-Direttur bħala r-rappreżentant legali tal-Fond HNS. Kumpens Artikolu 14 1. Għall-finijiet tal-qadi tal-funzjoni tiegħu skond l-Artikolu 13(1)(a), il-Fond HNS għandu jħallas kumpens lil kull persuna li tbati dannu jekk dik il-persuna ma setgħetx tikseb kumpens sħiħ u adegwat għad-dannu skond il-kondizzjonijiet tal-Kapitolu II: (a) għaliex l-ebda responsabbilità għad-dannu ma jinqala’ skond il-Kapitolu II; (b) għaliex is-sid responsabbli għad-dannu taħt il-Kapitolu II ma jistax finanzjarjament iħares bis-sħiħ l-obbligi taħt din il-Konvenzjoni u kull garanzija finanzjarja li tista’ tkun provduta skond il-Kapitolu II ma tkoprix jew m’hiex biżżejjed biex tissodisfa it-talbiet għall-kumpens tad-dannu; sid li qed ikun ittrattat bħala mhux kapaċi finanzjarjament li jissodisfa dawn l-obbligi u garanzija finanzjarja li qed tkun ittrattata bħala mhux biżżejjed jekk il-persuna li qed tbati d-dannu ma tkunx tista’ tikseb sodisfazzjon sħiħ ta’ l-ammont tal-kumpens dovut taħt il-Kapitolu II u wara li jkunu ittieħdu l-passi raġonevoli biex ikunu segwiti r-rimedji kollha disponibbli; (ċ) għaliex id-dannu jaqbeż ir-responsabilità tas-sid skond il-kondizzjonijiet tal-Kapitolu II. 2. Spejjeż minfuqa raġonevolment jew sagrifiċċji magħmula raġnevolment mis-sid volontarjament biex jipprevjeni jew inaqqas id-dannu għandhom ikunu ttrattati bħala dannu għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu. 3. Il-Fond HNS ma jidħol fl-ebda obbligu taħt il-paragrafi preċedenti jekk: (a) jekk jipprova li d-dannu irriżulta minn att tal-gwerra, ostilitajiet, gwerra ċivili jew insurrezzjoni jew kien ikkawżat minn sustanzi noċivi jew potenzalment perikolużi li kien skappaw jew ħarġu minn bastiment tal-gwerra propjetà ta’ jew operat minn Stat u użat, fiż-żmien ta’ l-inċident, biss fis-servizz kummerċjali tal-Gvern; jew (b) min jagħmel it-talba ma jistax jipprova li hemm probabbilità raġonevoli li d-dannu rriżulta minn inċident li jinvolvi bastiment wieħed jew aktar. 4. Jekk il-Fond jipprova li d-dannu rriżulta għal kollox jew f’parti jew mill-att jew l-omissjoni magħmulin bil-ħsieb li jkun kkawżat dannu mill-persuna li ġarbet id-dannu jew min-negliġenza ta’ dik il-persuna, il-Fond jista’ jiġi eżonerat għall-kollox jew parżjalment mir-responsabbilità lejn dik il-persuna. Il-Fond HNS jista’ f’kull każ ikun eżonerat bl-istess mod li s-sid jista’ jkun eżonerat skond l-Artikolu 7(3). Iżda, m’għandu jkun hemm l-ebda eżoneru bħal dan tal-Fond HNS fir-rigward ta’ miżuri preventivi. 5. (a) Ħlief kif ipprovdut fis-subparagrafu (b), l-ammont aggregat ta’ kumpens pagabbli mill-Fond HNS skond dan l-Artikolu għandu fir-rigward ta’ inċident wieħed ikun limitat, biex is-somma totali ta’ dak l-ammont u kull ammont ta’ kumpens attwalment mħallas skond il-Kapitolu II għal dannu fl-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni kif definit fl-Artikolu 3 m’għandux jaqbeż 250 miljun unità ta’ kont. (b) L-ammont aggregat ta’ kumpens pagabbli mill-Fond HNS skond dan l-Artikolu għad-dannu li jirriżulta minn fenomenu naturali ta’ karattru eċezzjonali, inevitabbli u irresistibbli m’għandux jaqbeż 250 miljun unità ta’ kont. (ċ) Imgħax li jinġema fil-fond ikkostitwit skond l-Artikolu 9(3), jekk hemm, m’għandux jitqies għall-kalkolu tal-kumpens massimu pagabbli mill-Fond HNS skond dan l-Artikolu. (d) L-ammonti msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikun ikkonvertiti fil-valuta nazzjonali fuq il-bażi tal-valur ta’ dik il-valuta b’referenza għall-i Special Drawing Right fid-data tad-deċiżjoni ta’ l-Assemblea tal-Fond HNS rigward l-ewwel data ta’ pagament ta’ kumpens. 6. Meta l-ammont ta’ talbiet stabbilit kontra l-Fond HNS jaqbeż l-ammont aggregat ta’ kumpens pagabbli taħt il-paragrafu 5, l-ammont disponibbli għandu jitqassam b’mod li l-proporzjon bejn kull talba stabbilita u l-ammont ta’ kumpens attwalment irkuprat minn min jagħmel talba taħt din il-Konvenzjoni għandha tkun l-istess għal kull min jagħmel it-talba. Talbiet fir-rigward ta’ mewt jew korriment personali għandhom prijorità fuq talbiet oħra ħlief safejn dak l-aggregat ta’ dawn it-talbiet jaqbżu żewġ terzi ta’ l-ammont totali stabbilit skond l-Artikolu 5. 7. L-Assemblea tal-Fond HNS jista’ jiddeċiedi li, f’każijiet eċċezzjonali, il-kumpens skond din il-Konvenzjoni jista’ jitħallas ukoll jekk is-sid ma jkunx ikkostitwixxa fond skond il-Kapitolu II. F’dawn il-każijiet il-paragrafu 5(d) japplika kif xieraq. Ħidmiet relatati tal-Fond HNS Artikolu 15 Biex jaqdi l-funzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 13(1)(a), il-Fond HNS għandu jkollu x-xogħol li ġej: (a) biex jikkonsidra t-talbiet magħmula kontra il-Fond HNS; (b) biex jipprepara stima fil-forma ta’ baġit għal kull sena kalendarja ta’: Spiża: (i) spejjeż u ħasijiet ta’ l-amministrazzjoni tal-Fond fis-sena rilevanti u kull defisit minn operazzjonijiet fis-snin ta’ qabel; u (ii) ħlasijiet li għandhom isiru mill-Fond HNS fis-sena rilevanti; Dħul: (iii) fondi żejda minn operazzjonijiet fis-snin ta’ qabel, inkluż kull imgħax; (iv) kontribuzzjonijiet tal-bidu li għandhom jitħallsu matul is-sena; (v) kontribuzzjonijiet ta’ kull sena jekk meħtieġ biex ikun bilanċjat il-baġit; u (vi) kull dħul ieħor; (ċ) biex juża fuq talba ta’ Parti Kontraenti l-intervent siewi tiegħu kif meħtieġ biex jgħin dak l-Istat biex juża minnufih dak il-persunal, materjal u servizzi li huma meħtieġa biex jippermettu l-Istat li jieħu miżuri biex jipprevjeni jew itaffi d-dannu li jinqala’ minn inċident li fir-rigward tiegħu l-Fond HNS jista’ jintalab iħallaskumpens skond din il-Konvenzjoni; u (d) biex jipprovdi, bil-kondizzjonijiet preskritti fir-regolamenti interni, faċilitajiet ta’ kreditu biex jittieħdu miżuri preventivi kontra d-dannu li jinqala’ minn inċident partikolari li fir-rigward tiegħu l-Fond HNS jista’ jintalab li jħallas kumpens skond din il-Konvenzjoni. Dispożizzjonijiet ġenerali fuq kontribuzzjonijiet Artikolu 16 1. Il-Fond HNS għandu jkollu kont ġenerali, li għandu jkun mqassam f’setturi. 2. Il-Fond HNS għandu, bla ħsara għall-Artikolu 19(3) u (4), ikollu wkoll kontijiet separati fir-rigward ta’: (a) żejt kif definit fl-Artikolu 1(5)(a)(i) (kont taż-żejt); (b) gassijiet naturali likwefatti ta’ idrokarburi ħfief bil-metanu bħala l-kostitwent ewlieni (LNG) (kont LNG); u (ċ) gassijiet taż-żejt likwefatti ta’ idrokarburi ħfief bil-propane u l-butane bħala l-kostitwenti ewlenin (LPG) (kont LPG). 3. Għandu jkun hemm kontribuzzjonijiet tal-bidu u, kif meħtieġ, kontribuzzjonijiet ta’ kull sena lill-Fond HNS. 4. Kontribuzzjonijiet għall-Fond HNS għandhom isiru fil-kont ġenerali skond l-Artikolu 18, f’kontijiet separati skond l-Artikolu 19 u lill-kont ġenerali jew kontijiet separati skond l-Artikolu 20 jew l-Artikolu 21(5). Bla ħsara għall-Artikolu 19(6), il-kont ġenerali għandu jkun disponibbli biex jikkumpensa dannu kkawżat b’sustanzi noċivi jew potenzalment perikolużi koperti b’dak il-kont, u kont separat għandu jkun disponibbi biex jikkumpensa d-dannu ikkawżat minn sustanza noċiva jew potenzalment perikoluża koperta b’dak il-kont. 5. Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 18, l-Artikolu 19(1)(a)(i) u (ii) u (1)(ċ), l-Artikolu 20 u l-Artikolu 21(5), meta l-kwantità ta’ tip partikolari ta’ tagħbija suġġetta għall-kontribuzzjoni riċevuta fit-territorju ta’ Stat Kontraenti minn kull persuna f’sena kalendarja meta aggregata mal-kwantitajiet ta’ l-istess tip ta’ tagħbija riċevuta fl-istess Stat Kontraenti f’dik is-sena minn kull persuna assoċjata jew persuni taqbeż il-limitu speċifikat fis-subparagrafi rispettivi, din il-persuna għandha tħallas kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-kwantità attwali riċevuti minn dik il-persuna minkejja li l-kwantità ma qabżitx il-limitu rispettiv. 6. "Persuna assoċjata" tfisser kull sussidjarja jew entità kontrollata komunement. Il-kwistjoni jekk persuna taqax f’din id-definizzjoni għandha tkun determinata mil-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat. Dispożizzjonijiet ġenerali jew kontribuzzjonijiet annwali Artikolu 17 1. Għandhom jinġabru kontribuzzjoni annwali għall-kont ġenerali u għal kull kont ieħor separat biss kif meħtieġ biex isiru pagamenti minn dak il-kont. 2. Kontijiet annwali pagabbli bis-saħħa ta’ l-Artikoli 18, 19 u l-Artikolu 21(5) għandhom ikunu stabbiliti mill-Assemblea u għandhom ikunu kkalkolati skond dawk l-Artikoli fuq il-bażi ta’ unitajiet ta’ tagħbija suġġetta għall-kontribuzzjoni riċevuta jew, fir-rigward ta’ tagħbijiet msemmija fl-Artikolu 19(1)(b), mħatta matul is-sena kalendarja ta’ qabel jew kull sena oħra kif tista’ tiddeċiedi l-Assemblea. 3. L-Assemblea għandha tiddeċiedi l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet ta’ kull sena li għandhom ikunu imposti fuq il-kont ġenerali u għal kull kont separat. Wara dik id-deċiżjoni d-Direttur għandu, fir-rigward ta’ kull Parti Kontraenti, jikkalkola għal kull persuna responsabbli biex tħallas kontribuzzjonijiet skond l-Artikolu 18, l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 21(5), l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali ta’ dik il-persuna għal kull kont, fuq il-bażi ta’ ammont fiss għal kull unità ta’ tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni rapportata fir-rigward tal-persuna matul is-sena kalendarja ta’ qabel jew kull sena oħra kif tista’ tiddeċiedi l-Assemblea. Għall-kont ġenerali, is-somma fissa fuq imsemmija kull unità ta’ tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni għal kull settur għandha tkun ikkalkolata bis-saħħa tar-regolamenti li jinsabu fl-Anness II ta’ din il-Konvenzjoni. Għal kull kont separat, is-somma fissa kull unità ta’ tagħbija soġġetta għal kontribuzzjoni msemmija fuq għandha tkun ikkalkolata billi tinqasam il-kontribuzzjoni annwali totali li għandha tkun imposta fuq dak il-kont bil-kwantità totali ta’ tagħbija li tikkontribwixxi għal dak il-kont. 4. L-Assemblea tista’ timponi wkoll kontribuzzjonijiet annwali għall-ispejjeż amministrattivi u tiddeċiedi fuq id-distribuzzjoni ta’ dawn l-ispejjeż bejn is-setturi tal-kont ġenerali u l-kontijiet separati. 5. L-Assemblea għandha tiddeċiedi wkoll fuq id-distribuzzjoni bejn il-kontijiet rilevanti u setturi ta’ ammonti mħallsa f’kumpens għal dannu ikkawżat minn żewġ sustanzi jew iżjed li jaqgħu f’kontijiet differenti jew setturi, fuq il-bażi ta’ stima ta’ kemm kull sustanza involuta ikkontribwiet għad-dannu. Kontribuzzjonijiet annwali għall-kont ġenerali Artikolu 18 1. Bla ħsara għall-Artikoli 16(5), għandhom isiru kontribuzzjonijiet annwali lill-kont ġenerali fir-rigward ta’ kull Parti Kontraenti minn kull persuna li kienet ir-riċevitrici f’dak l-Istat fis-sena kalendarja ta’ qabel, jew kull sena oħra kif tista’ tiddeċiedi l-Assemblea, ta’ kwantitajiet aggregati li jaqbżu 20000 tunnellata ta’ tagħbija soġetta għall-kontribuzzjoni, li ma jkunx sustanzi msemmija fl-Artikolu 19(1), li jaqgħu fis-setturi li ġejjin: (a) materjali solidi fi kwantitajiet kbar msemmija fl-Artikolu 1(5)(a)(vii); (b) is-sustanzi msemmija fil-paragrafu 2; u (ċ) sustanzi oħra. 2. Kontribuzzjonijiet ta’ kull sena għandhom jitħallsu wkoll fil-kont ġenerali minn persuni li kienu jkunu responsabbli li jħallsu kontribuzzjonijiet f’kont separat skond l-Artikolu 19(1) li kieku l-ħidma ma kienetx posposta jew sospiża skond l-Artikolu 19. Kull kont separat li l-operazzjoni tieghu kienet posposta jew sospiża skond l-Artikolu 19 għandu jifforma settur separat fil-kont ġenerali. Kontribuzzjonijiet annwali għall-kontijiet separati Artikolu 19 1. Bla ħsara għall-Artikolu 16(5), għandhom isiru kontribuzzjonijiet annwali fil-kontijiet separati fir-rigward ta’ kull Parti Kontraenti. (a) fil-każ tal-kont taż-żejt, (i) minn kull persuna li irċeviet f’dak l-Istat fis-sena kalendarja ta’ qabel, jew kull sena oħra kif tista’ tiddeċiedi l-Assemblea, kwantitajiet totali li jaqbżu 150000 tunnellata ta’ żejt soġġett għall-kontribuzzjoni kif imfisser fl-Artikolu 1(3) tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq it-Twaqqif ta’ Fond Internazzjonali għall-Kumpens għad-Dannu ta’ Tniġġis taż-Żejt, 1971, kif emendat, u li hi jew tista’ tkun responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-Fond Internazzjonali dwar il-Kumpens għat-Tniġġis taż-Żejt skond l-Artikolu 10 ta’ dik il-Konvenzjoni; u (ii) minn kull persuna li kienet r-riċeventi f’dak l-Istat fis-sena kalendarja ta’ qabel, jew kull sena oħra kif l-Assemblea tista’ tiddeċiedi, ta’ kwantitajiet totali li jaqbżu 20000 tunnellata jew żjut oħra mġarra fil-kwantità kbira elenkata fl-Appendiċi I għall-Anness I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikat mill-Protokoll ta’ l-1978 li għandu x’jaqsam magħha, kif emendat; (b) fil-każ ta’ kont LNG, minn kull persuna li fis-sena kalendarja preċedenti, jew kull sena oħra kif tista’ tiddeċiedi l-Assemblea, minnufih qabel ma tinhatt kellu titolu għat-tagħbija LNG mħatta f’port jew terminal ta’ dak l-Istat; (ċ) fil-każ tal-kont LPG, minn kull persuna li fis-sena kalendarja ta’ qabel, jew xi sena oħra kif tista’ tiddeċiedi l-Assemblea, kienet ir-riċevitriċi f’dak l-Istat tal-kwantitajiet totali li jaqbżu 20000 tunnellata ta’ l-LGP. 2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, il-kontijiet separati msemmija fil-paragrafu 1 fuq għandhom isiru effettivi fl-istess ħin bħal kont ġenerali. 3. L-operazzjoni tal-bidu ta’ kont separat msemmi fl-Artikolu 16(2) għandha tkun posposta sa dak iż-żmien li l-kwantitajiet ta’ tagħbija soggetta ghall-kontribuzzjoni fir-rigward ta’ dak il-kont matul is-sena kalendarja ta’ qabel, jew ta’ dik is-sena li l-Assemblea tista’ tiddeċiedi, jaqbżu l-livell li ġejjin: (a) 350 miljun tunnellata ta’ tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni fir-rigward tal-kont taż-żejt; (a) 20 miljun tunnellata ta’ tagħbija soġġetta fir-rigward tal-kont LNG; u (ċ) 15 miljun tunnellata ta’ tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni fir-rigward tal-kont LPG. 4. L-Assemblea tista’ tissospendi l-operazzjoni ta’ kont separat jekk: (a) il-kwantitajiet ta’ tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni ta’ dak il-kont matul is-sena kalendarja ta’ qabel jaqgħu taħt il-livell rispettiv speċifikat fil-paragrafu3; jew (b) meta jkunu għaddew sitt xhur mid-data meta l-kontribuzzjonijiet kienu dovuti, it-total tal-kontribuzzjonijiet li m’humiex mħallsa f’dak il-kont jaqbeż għaxar fil-mija ta’ l-imposta l-aktar riċenti f’dak il-kont skond il-paragrafu 1. 5. L-Assemblea tista’ tirristabbilixxi l-operazzjoni ta’ kont separat li kien sospiż skond il-paragrafu 4. 6. Kull persuna li tkun responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet f’kont separat li l-operazzjoni tiegħu kien sospiż skond il-paragrafu 3 jew sospiż skond il-paragrafu 4, għandha tħallas fil-kont ġenerali l-kontribuzzjonijiet dovuti minn dik il-persuna fir-rigward ta’ dak il-kont separat. Għall-iskop tal-kalkolazzjoni ta’ kontibuzzjonijiet futuri, il-kont postpost jew sospiż għandu jiffurma settur ġdid fil-kont ġenerali u għandu jkun suġġett għas-sistema tal-punti HNS definit fl-Anness II. Kontribuzzjonijiet inizjali Artikolu 20 1. Fir-rigward ta’ kull Parti Kontraenti, għandhom isiru kontribuzzjonijiet tal-bidu ta’ ammont li għandu jkun ikalkolat għal kull persuna responsabbli ghall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet skond l-Artikolu 16(5), l-Artikoli 18, 19 u l-Artikolu 21(5) fuq il-bażi ta’ somma fissa, daqs il-kont ġenerali u kull kont separat, għal kull unità ta’ tagħbija soġġetta ghall-kontribuzzjoni riċevuta jew, fil-każ tal-LNG, mħotta f’dak l-Istat, matul is-sena kalendarja ta’ qabel meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ f’dak l-Istat. 2. Għandha tkun determinata mill-Assemblea s-somma fissa u l-unitajiet għas-setturi differenti fil-kont ġenerali kif ukoll kull kont separat msemmi fil-paragrafu 1. 3. Il-kontribuzzjonijiet inizjali għandhom jitħallsu fi żmien tliet xhur wara d-data meta l-Fond HNS joħroġ il-fatturi fir-rigward ta’ kull Parti Kontraenti lill-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet skond il-paragrafu 1. Rapporti Artikolu 21 1. Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li kull persuna responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzonijiet skond l-Artikoli 18, 19 jew il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu jidhru fuq lista li għandha tkun stabbilita u miżmuma aġġornata mid-Direttur skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. 2. Għall-iskopijiet provduti fil-paragrafu 1, kull Stat Kontraenti għandu jikkomunika lid-Direttur, fi żmien u b’mod li għandu jkun preskritt fir-regolamenti interni tal-Fond HNS, l-isem u l-indirizz ta’ kull persuna li fir-rigward ta’ l-Istat huwa responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet skond l-Artikoli 18, 19 jew il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll data fuq il-kwantitajiet rilevanti tat-tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni li din il-persuna hija risponsabbli li tikkontribwixxi fir-rigward ta’ sena kalendarja. 3. Għall-finijiet li jkun aċċertat min huma, fi żmien partikolari, il-persuni responsabbli biex iħallsu l-kontribuzzjonijiet skond l-Artikoli 18, 19 jew il-paragrafu 15 ta’ dan l-Artikolu u biex ikunu stabbiliti, fejn xieraq, il-kwantitajiet ta’ tagħbija li għandhom jitqiesu ghal kull persuna bħal din meta jkun determinat l-ammont tal-kontribuzzjoni, il-lista għandha tkun evidenza prima facie tal-fatti ddikjarati hemm. 4. Meta Stat Membru ma jħarisx l-obbligu tiegħu li jikkommunika lid-Direttur l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u dan jirriżulta f’telf finanzjarju għall-fond HNS, dak l-Istat Kontraenti għandu jkun responsabbli li jikkumpensa il-Fond HNS għal dan it-telf. L-Assemblea għandha, fuq ir-rakkomandazzjoni tad-Direttur, tiddeċiedi jekk dan il-kumpens għandux jitħallas lill-Parti Kontraenti. 5. Fir-rigward tat-tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni minn port jew terminal ta’ Stat Kontraenti lil port jew terminal ieħor li jinsab fl-istess Stat u mħatta hemm, l-Istati Kontraenti għandu jkollhom l-għażla li jibagħtu lill-Fond HNS rapport bi kwantità aggregata ta’ kull sena għal kull kont li jkopri l-irċevuti kollha tat-tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni, inkluż kull kwantità fir-rigward ta’ liema huma pagabbli l-kontribuzzjonijet bis-saħħa ta’ l-Artikolu 16(5). L-Istat Kontraenti għandu, fiż-żmien tar-rapport, jew: (a) jinnotifika l-Fond HNS li dak l-Istat għandu jħallas l-ammont aggregat għal kull ammont fir-rigward tas-sena rilevanti f’somma waħda sħiħa lill-Fond HNS; jew (b) iqabbad lill-Fond HNS biex jimponi ammont aggregat għal kull ammont billi tintbagħat fattura lil kull riċevitur individwali jew, fil-każ ta’ LNG, id-detentur tat-titolu li jħott fil-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Kontraenti, għall-ammont pagabbli minn kull wieħed minnhom. Dawn il-persuni għandhom ikunu identifikati skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat. Nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet Artikolu 22 1. L-ammont ta’ kull kontribuzzjoni dovuta skond l-Artikoli 18, 19, 20 jew l-Artikolu 21(5) u li waqa’ lura fil-ħlas għandu jkollu imgħax b’rata li għandha tkun determinata skond ir-regolamenti interni tal-Fond HNS, iżda rati differenti jistgħu jkunu ffissati għal ċirkostanzi differenti. 2. Meta persuna li hija responsabbli li tħallas kontribuzzjonijiet skond l-Artikoli 18, 19, 20 jew l-Artikolu 21(5) ma tħarisx l-obbligi fir-rigward ta’ kull kontribuzzjoni bħal din jew kull parti minnha u waqgħet lura fil-ħlas, id-Direttur għandu jieħu l-azzjoni kollha xierqa, inkluż azzjoni il-qorti, kontra din il-persuna f’isem il-Fond HNS biex ikun irkuprat l-ammont dovut. Iżda, meta l-kontributur li jonqos huwa manifestament insolventi jew iċ-ċirkostanzi jeħtieġu mod ieħor, l-Assemblea tista’, fuq rakkomandazzjoni tad-Direttur, tiddeċiedi li l-ebda azzjoni m’għandha tittieħed jew titkompla kontra l-kontributur. Responsabbilità fakoltattiva ta’ Stati Kontraenti ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet Artikolu 23 1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(5), Stat Kontraenti jista’ fiż-żmien meta jiddepożita l-istrument ta’ ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew adeżjoni jew f’kull żmien wara jiddikjara li jassumi r-responsabbilità għall-obbligi imposti minn din il-Konvenzjoni jew kull persuna responsabbli biex tħallas skond l-Artikoli 18, 19, 20 jew l-Artikolu 21(5) fir-rigward ta’ sustanzi noċivi jew potenzalment perikolużi riċevuti jew mħatta fit-territorju ta’ dak l-Istat. Din id-dikjarazzjoni għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika liema obbligi huma assunti. 2. Meta dikjarazzjoni skond il-paragrafu 1 ssir qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni skond l-Artikolu 46, għandha tkun depożitata mas-Segretarju Ġenerali li għandu wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni jikkomunika d-dikjarazzjoni lid-Direttur. 3. Għandha tkun iddepożitata mad-Direttur dikjarazzjoni skond il-paragrafu 1 li ssir wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni. 4. Dikjarazzjoni magħmula skond dan l-Artikolu tista’ tkun irtirata mill-Istat rilevanti li jinnotifikha bil-miktub lid-Direttur. Din in-notifikazzjoni għadha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara li jkun irċevieha d-Direttur. 5. Kull Stat li huwa marbut b‘dikjarazzjoni magħmula skond dan l-Artikolu għandu, f’kull preċedura miġjuba kontrih qabel qorti kompetenti fir-rigward ta’ kull obbligu speċifikat fid-dikjarazzjoni, jirrinunzja għal kull immunità li jkun altrimenti intitolat li jinvoka. Organizzazzjoni u amministrazzjoni Artikolu 24 Il-Fond HNS għandu jkollu Assemblea u Segretarjat immexxi mid-Direttur. Assemblea Artikolu 25 L-Assemblea għandha tikkonsisti mill-Istati Kontraenti kollha f’din il-Konvenzjoni. Artikolu 26 Il-funzjonijiet ta’ l-Assemblea għandhom ikun: (a) li jaħtru f’kull sezzjoni regolari il-President tagħha u żewġ Viċi-Presidenti li jibqgħu fil-kariga sas-sezzjoni regolari li jmiss; (b) biex jiddeterminaw ir-regoli tagħha ta’ proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni; (ċ) biex jiżviluppaw, japplikaw u jżommu kont ta’ regoli interni u finanzjarji dwar l-għan tal-Fond HNS kif deskritt fl-Artikolu 13(1)(a), u xogħlijiet relatati tal-Fond HNS elenkati fl-Artikolu 15; (d) biex jinħatar id-Direttur u jsiru dispożizzjonijiet għall-ħatra ta’ dak il-persunal ieħor li jista’ jenħtieġ u jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiet ta’ servizz tad-Direttur u l-persunal ieħor; (e) biex ikun adottat il-baġit annwali preparat skond l-Artikolu 15(b); (f) biex ikunu ikkunsidrati u approvati kif meħtieġ kull rakkomandazzjoni tad-Direttur rigward l-iskop tad-definizzjoni tat-tagħbija soġġetta għall-kontribuzjoni; (g) biex jinħatru awdituri u jkunu approvati l-kontijiet tal-Fond HNS; (h) biex ikunu approvati ħlasijiet ta’ talbiet kontra l-Fond HNS, biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar id-distribuzzjoni fost min jagħmel it-talba ta’ l-ammont ta’ kumpens disponibbli skond l-Artikolu 14 u biex ikunu determinati l-kondizzjonijiet skond liema l-ħlasijiet proviżorji fir-rigward ta’ talbiet għandhom isiru biex jiżguraw li l-vittmi tad-dannu ikunu kkumpensati kemm jista’ jkun malajr; (i) biex ikun stabbilit Kumitat fuq Talbiet għall-Kumpens b’ta’ l-anqas sebgħa imma mhux iżjed minn 15-il membru u kull korp sussidarju temporanju jew permanenti li jista’ jqis meħtieġ, biex jiddefinixi kondizzjonijiet tal-hidma u biex jingħata l-awtorità meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijet fdati lilu; meta jaħtar il-membri ta’ dak il-korp, l-Assemblea għandha tipprova tiżgura distribuzzjoni ġeografika ekwa tal-membri u biex ikun żgurat li l-Istati Kontraenti huma rappreżentati tajjeb; jista’ jkunu applikati Regoli ta’ Proċedura ta’ l-Assemblea, mutatis mutandis, għax-xogħol ta’ dak il-korp sussidjarju; (j) biex ikun determinat liema Stati m’humiex partijiet f’din il-Konvenzjoni, liema Membri Assoċjati ta’ l-Organizzazzjoni u liema organizzazzjonijiet intergovernattivi u dawk internazzjonali mhux governattivi għandhom ikunu ammessi biex jieħdu seħem, mingħajr dritt għall-vot, f’laqgħat ta’ l-Assemblea u korpisussidjarji; (k) biex jingħataw struzzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-Fond HNS lid-Direttur u lill-korpi sussidjarji; (l) biex tkun sorveljata l-esekuzzjoni xierqa ta’ din il-Konvenzjoni u tad-deċiżjonijiet tagħha stess; (m) biex tkun riveduta kull ħames snin l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni b’referenza partikolari għal kif qed taħdem is-sistema għall-kalkolazzjoni ta’ l-imposti u l-mekkaniżmu tal-kontribuzzjoni għall-kummerċ domestiku; u (n) biex jitwettqu dawk il-funzjonijiet oħra li huma allokati lilha skond din il-Konvenzjoni jew huma b’mod ieħor meħtieġa għall-operazzjoni xierqa għall-Fond HNS. Artikolu 27 1. Sessjonijiet regolari ta’ l-Assemblea għandhom isiru darba kull sena kalendarja ma’ sejħa mid-Direttur. 2. Għandhom jitlaqqgħu sessjonijiet straordinarji ta’ l-Assemblea mid-Direttur fuq talba ta’ mill-anqas terz tal-membri ta’ l-Assemblea u jistgħu jitlaqqgħu fuq l-inizjattiva tad-Direttur innifsu wara konsultazzjoni mal-President ta’ l-Assemblea. Id-Direttur għandu jagħti lill-membri avviż ta’ l-inqas 30 jum ta’ dawn is-sessjonijiet. Artikolu 28 Maġġoranza ta’ membri ta’ l-Assemblea għandha tikkostitwixxi kworum għal-laqgħat tagħha. Is-Segretarjat Artikolu 29 1. Is-Segretarjat għandu jikkonsisti mid-Direttur u dak il-persunal kif tista’ teħtieġ l-amministrazzjoni tal-Fond HNS. 2. Id-Direttur għandu jkun rappreżentant legali tal-Fond HNS. Artikolu 30 1. Id-Direttur għandu jkun l-uffiċjal amministrattiv ewlieni tal-Fond HNS. Bla ħsara għall-istruzzjonijiet mogħtija mill-Assemblea, id-Direttur għandu jwettaq dawk il-funzjonijiet li huma assenjati lid-Direttur b’din il-Konvenzjoni, ir-regolamenti interni tal-Fond HNS u l-Assemblea. 2. Id-Direttur għandu b’mod partikolari: (a) jappunta l-persunal meħtieġ għall-amministrazzjoni tal-Fond HNS; (b) jieħdu l-miżuri xierqa biex ikun hemm amministrazzjoni xierqa ta’ l-attiv tal-Fond HNS; (ċ) jiġbor il-kontribuzzjonijiet dovuti taħt din il-Konvenzjoni waqt li josserva partikolarment id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22(2); (d) safejn meħtieġ biex jittratta talbiet kontra l-Fond HNS u biex iwettaq funzjonijiet oħra tal-Fond HNS, jimpjega s-servizzi ta’ esperti legali, finanzjarji u oħrajn; (e) jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jittrattaw it-talbiet kontra l-Fond HNS fl-limiti u bil-kondizzjonijiet li għandhom ikunu preskritti fir-regolamenti interni tal-Fond HNS, inkluż il-ħlas finali tat-talbiet mingħajr l-approvazzjoni minn qabel ta’ l-Assemblea meta dawn ir-regolamenti hekk jipprovdu; (f) jipprepara u jissottometti lill-Assemblea l-istqarrijiet finanzjarji u l-estimi tal-baġit għal kull sena kalendarja; (g) jipprepara, f’konsultazzjoni mal-President ta’ l-Assemblea, u jippubblika rapport fuq l-attivitajiet tal-Fond HNS matul is-sena kalendarja ta’ qabel, u (h) jipprepara, jiġbor u jiċċirkola d-dokumenti u l-informazzjoni li tista’ teħtieġ għax-xogħol ta’ l-Assemblea u korpi sussidjarji. Artikolu 31 Fil-qadi ta’ dimirijiethom id-Direttur u l-persunal u l-esperti maħtura mid-Direttur m’għandhomx iffittxu jew jirċievu struzzjonijiet minn kull Gvern jew minn awtorità oħra esterna għall-Fond HNS. M’għandhomx jieħdu kull azzjoni li tista’ tirrifletti ħażin fuq il-pożizzjoni tagħhom bħala uffiċjali internazzjonali. Kull Stat Kontaenti min-naħa tiegħu jintrabat li jirrispetta l-karattru esklussivament internazzjonali tar-responsabbilitajiet tad-Direttur u l-persunal u l-esperti maħtura mid-Direttur, u biex ma jinfluwenzawhomx fil-qadi ta’ dmirijiethom. Finanzi Artikolu 32 1. Kull Stat Kontraenti għandu jħallas is-salarju, l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u oħrajn tad-delegazzjoni tiegħu fl-Assembea u tar-rappreżentanti tiegħu fil-korpi sussidjarji. 2. Kull spiża oħra magħmula fl-operazzjoni tal-Fond HNS għandha titħallas mill-Fond HNS. Voti Artikolu 33 Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-voti fl-Assemblea: (a) kull membru għandu jkollu vot wieħed; (b) ħlief kif ipprovdut xort’oħra fl-Artikolu 34, id-deċiżjonijiet ta’ l-Assemblea għandhom isiru b’vot tal-maġġoranza tal-membri preżenti u li qed jivvotaw; (ċ) deċiżjonijiet meta maġġoranza ta’ żewġ terzi hija meħtieġa għandha tkun vot tal-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti; u (d) għall-iskop ta’ dan l-Artikolu il-frażi "membri preżenti" tfisser "membri preżenti fil-ħin tal-vot", u l-frażi "membri preżenti u li qed jivvotaw" tfisser "membri preżenti u li jitfgħu vot affermattiv jew negattiv". Il-membri li jastjenu mill-vot għandhom ikunu kkunsidrati bħala li ma vvutawx. Artikolu 34 Id-deċiżjonijiet li ġejjin ta’ l-Assemblea għandhom jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi: (a) deċiżjoni skond l-Artikolu 19(4) jew (5) biex tkun sospiża jew ristabbilita l-operazzjoni ta’ kont separat; (b) deċiżjoni skond l-Artikolu 22(2), biex ma titteħidx jew titkompla azzjoni kontra l-kontributur; (ċ) il-ħatra ta’ Direttur taħt l-Artikolu 26(d); (d) it-twaqqif ta’ korpi sussidjarji, skond l-Artikolu 26(i), u kwistjonijiet dwar dan it-twaqqif; u (e) deċiżjoni skond l-Artikolu 51(1), li din il-Konvenzjoni għandha tibqa’ fis-seħħ. Eżenzjonijiet mit-taxxa u regolamenti tal-valuta Artikolu 35 1. Il-Fond HNS, l-attiv tiegħu, id-dħul, inkluż il-kontribuzzjonijiet, u propjetà oħra meħtieġa għall-eżerċiżju tal-funzjonijiet tiegħu kif deskritt fl-Artikolu 13(1), għandu jgawdi fl-Istati Kontraenti eżenzjoni mit-taxxi diretti kollha. 2. Meta l-Fond HNS jixtri b’mod sustanzjali propjetà mobbli u immobbli, jew ta’ servizzi li huma meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet uffiċjali tiegħu biex jissodisfa l-għanijiet tiegħu kif provduti fl-Artikolu 13(1), li l-ispiża tagħhom tinkludi taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ, il-Gvernijiet ta’ l-Istati Kontraenti għandhom jieħdu, kull meta possibbli, miżuri xierqa għar-remissjoni jew rifużjoni ta’ l-ammont ta’ dawn id-dazji u taxxi. Merkanzija hekk akkwistata m’għandhiex tinbiegħ bi ħlas jew tingħata b’xejn sakemm issir skond il-kondizzjonijiet approvati mill-Gvern ta’ l-Istat li jkun ta jew appoġġa ir-remissjoni jew rifużjoni. 3. M’għandha tingħata l-ebda eżenzjoni fil-każ ta’ dazji, taxxi jew imposti li jikkostitwixxu biss ħlas għas-servizzi ta’ utilità pubblika. 4. Il-Fond HNS għandu jgawdi eżenzjoni mid-dażji, taxxi u taxxi relatati oħra kollha fuq oġġetti importati jew esportati minnu jew f’ismu għall-użu uffiċjali. L-Artikoli hekk importati m’għandhomx ikunu trasferiti jew għall-konsiderazzjoni jew b’xejn fit-territorju tal-pajjiż li fih ġew importati ħlief bil-kondizzjonijiet miftehma mill-Gvern ta’ dak il-pajjiż. 5. Persuni li jikkontribwixxu lill-Fond HNS kif ukoll vittmi u sidien li jirċievu kumpens mill-Fond HNS għandhom ikunu suġġetti ta’ leġislazzjoni fiskali ta’ l-Istat fejn huma taxxabbli, u ma jingħatawlhom l-ebda eżenzjoni jew benefiċċju ieħor f’dan ir-rigward. 6. Minkejja regolamenti eżistenti jew futuri dwar il-valuta u t-trasferimenti, l-Istati Kontraenti għandhom jawtorizzaw it-trasferiment u l-ħlas ta’ kull kontribuzzjoni lill-Fond HNS u ta’ kull kumpens imħallas mill-Fond HNS mingħajr restrizzjoni. Konfidenzalità ta’ l-informazzjoni Artikolu 36 M’għandhiex tinkixef informazzjoni dwar kontributuri individwali mogħtija għall-iskop ta’ din il-Konvenzjoni barra l-Fond HNS ħlief safejn huwa strettament meħtieġ biex jippermetti l-Fond HNS li jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala attur jew imħarrek fi proċeduri legali. IL-KAPITOLU IV TALBIET U AZZJONIJIET Preskrizzjoni ta’ l-azzjonijiet Artikolu 37 1. Id-drittijiet għall-kumpens skond il-Kapitolu II għandhom jintemmu sakemm ma tinġabx azzjoni taħtu fi żmien tliet snin mid-data meta persuna li ssofri d-dannu kienet taf jew messha raġonevolment kienet taf bid-dannu u l-identità tas-sid. 2. Id-drittijiet għall-kumpens skond il-Kapitolu II għandhom jintemmu sakemm ma tinġabx azzjoni taħtu jew tkun saret notifika bis-saħħa ta’ l-Artikolu 39(7), fi żmien tliet snin mid-data meta persuna li ssofri d-dannu kienet taf jew messha raġonevolment kienet taf bid-dannu. 3. F’ebda każ, iżda, m’għandha azzjoni tinġab aktar tard minn 10 snin mid-data ta’ l-inċident li kkawża d-dannu. 4. Meta l-inċident jikkonsisti minn serje ta’ fatti, il-perjodu ta’ għaxar snin imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jibda mid-data ta’ l-aħħar minn dawn il-fatti. Ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ l-azzjoni miġjuba kontra s-sid Artikolu 38 1. Meta inċident ikun ikkawża dannu fit-territorju, inkluż il-baħar territorjali jew f’erja msemmija fl-Artikolu 3(b), ta’ Stat Kontraeti wieħed jew iżjed, jew miżuri preventivi ikunu ttieħdu biex jipprevjenu jew jimminimizzaw id-dannu f’dan it-territorju inkluż il-baħar territorjali jew f’dik l-erja, jistgħu jinġabu azzjonijiet għall-kumpens kontra s-sid jew persuna oħra li tipprovdi garanzija finanzjarja għar-responsabbilità tas-sid fil-qrati ta’ dawk l-Istati Kontraenti biss. 2. Meta inċident ikun ikkawża ħsara esklussivament barra t-territorju, inkluż il-baħar territorjali, ta’ kull Stat u jew il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni provduti fl-Artikolu 3(ċ) ikunu tħarsu jew ikunu ttieħdu miżuri ta’ prevenzjoni biex jipprevjenu jew inaqqsu dan id-dannu, jistgħu jsiru azzjonijiet għall-kumpens kontra s-sid jew persuna oħra li tipprovdi sigurtà finanzjarja għar-responsabbilità tas-sid fil-qrati biss ta’: (a) il-Parti Kontraenti fejn il-bastiment huwa reġstrat jew, fil-każ ta’ bastiment mhux reġistrat, l-Istat Kontraenti li l-bastiment huwa intitolat jtajjar il-bandiera tiegħu; jew (b) l-Istat Kontraenti fejn is-sid għandu r-residenza abitwali tiegħu jew fejn huwa stabbilit l-post ewlieni tan-negozju tas-sid; jew (ċ) l-Istat Kontraenti fejn ġie kostitwit fond skond l-Artikolu 9(3). 3. Għandu jingħata avviż fi żmien raġonevoli lill-imħarrek ta’ kull azzjoni taħt il-paragrafu 1 jew 2. 4. Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li l-qrati għandhom ġurisdizzjoni li jisimgħu azzjonijiet għall-kumpens taħt din il-Konvenzjoni. 5. Wara li jitwaqqaf fond skond l-Artikolu 9 mis-sid jew mill-assiguratur jew persuna oħra li tipprovdi sigurtà finanzjarja skond l-Artikolu 12, il-qrati ta’ l-Istat fejn dan il-fond ser ikun kkostitwit għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva biex jiddeterminaw l-kwistjonijiet kollha rigward it-tqassim u d-distribuzzjoni tal-fond. Ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ azzjoni kontra l-Fond HNS jew meħuda mill-Fond HNS Artikolu 39 1. Bla ħsara ghad-dispożizzjonijiet ta’ wara ta’ dan l-Artikolu, kull azzjoni kontra l-Fond HNS għall-kumpens skond l-Artikolu 14 għandha tinġab quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 38 fir-rigward ta’ azzjonijiet kontra s-sid li huwa responsabbli għad-dannu kkawżat minn inċident rilevanti jew qabel qorti fi Stat Kontraenti li kienet tkun kompetenti jekk sid kien responsabbli. 2. Fil-każ li l-bastiment li jġorr sustanzi noċivi jew potenzalment perikolużi li jikkawżaw id-dannu ma kienx identifikat, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 38(1), għandhom japplikaw mutatis mutandis għal azzjonijiet kontra l-Fond HNS. 3. Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li l-qrati għandhom ġurisdizzjoni li jisimgħu dawn l-azzjonijiet kontra l-Fond HNS kif msemmi fil-paragrafu 1. 4. Meta azzjoni għall-kumpens għad-dannu tkun saret f’qorti kontra s-sid jew il-garanti tas-sid, din il-qorti għandha jkollha ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward ta’ kull azzjoni kontra l-Fond HNS għall-kumpens skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14 fir-rigward ta’ l-istess dannu. 5. Kull Stat Kontraenti għandu jiżgura li l-Fond HNS għandu jkollu d-dritt li jintervjeni bħala parti fil-proċeduri legali magħmula skond din l-Konvenzjoni quddiem qorti kompetenti ta’ dan l-Istat kontra s-sid jew il-garanti tas-sid. 6. Ħlief kif provdut mod ieħor fil-paragrafu 7, il-Fond HNS m’għandux ikun marbut minn xi sentenza jew deċizjoni fil-proċeduri fejn huwa ma jkunx parti jew f’xi transazzjoni li mhux parti fiha. 7. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoni tal-pargrafu 5, meta azzjoni skond din il-Konvenzjoni għall-kumpens għad-dannu tinġab kontra sid jew il-garanti tas-sid quddiem qorti kompetenti fi Stat Kontraenti, kull parti fil-proċeduri għandha tkun intitolata skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat li tinnotifika l-Fond HNS bil-proċeduri. Meta din in-notifika tkun saret skond il-formalitajiet meħtieġa mil-liġi tal-qorti investita u f’dak iż-żmien u f’dak il-mod li l-Fond HNS kien fil-fatt f’pożizzjoni li jintervjeni b’mod effettiv bħala parti fil-proċeduri, kull sentenza mogħtija mill-qorti f’dawk il-proċeduri għandha, wara li tkun saret finali u eżegwibbli fl-Istat fejn ngħatat is-sentenza, issir torbot fuq il-Fond HNS fis-sens li l-fatti f’dik is-sentenza ma jistgħux ikunu kkontestati mill-Fond HNS ukoll jekk il-Fond HNS ma jkunx attwalment intervjena fil-proċeduri. Rikonoxximent u eżegwibbilità Artikolu 40 1. Kull sentenza mogħtija minn qorti b’ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 38, li hija eżegwibbli fl-Istat ta’ oriġini meta mhix aktar soġġetta għall-forom ta’ stħarriġ ordinarji, għandha tkun rikonoxxuta f’kull Stat Kontraenti, ħlief: (a) meta s-sentenza inkisbet bi frodi; jew (b) meta l-imħarrek ma ngħatax avviż fi żmien raġonevoli u opportunità ġusta biex jippreżenta l-każ tiegħu. 2. Sentenza rikonoxxuta skond il-paragrafu 1 għandha tkun eżegwibbli f’kull Parti Kontraenti hekk kif jitħarsu l-formalitajiet meħtieġa f’dak l-Istat. Il-formalitajiet m’ghandhomx jippermettu li l-merti tal-każ jinfetħu mill-ġdid. 3. Bla ħsara għal kull deċiżjoni dwar id-distribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 14(6), kull sentenza mogħtija kontra l-Fond HNS minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 39(1) u (3) għandha, meta ssir eżegwibbli fl-Isat ta’ oriġini u li f’dak l-Istat m’għadhiex soġġetta għall-forom ordinarji ta’ stħarriġ, tkun rikonoxxuta u eżegwibbli f’kull Stat Kontraenti. Surrogazzjoni u regress Artikolu 41 1. Il-Fond HNS għandu, fir-rigward ta’ kull ammont ta’ kumpens għad-dannu mħallas mill-Fond HNS skond l-Artikolu 14(1), jikseb b’surrogazzjoni d-drittijiet li l-persuna hekk ikkumpensata tista’ tgawdi kontra s-sid jew il-garanti tas-sid. 2. Xejn f’din il-Konvenzjoni m’għandha tippreġudika kull dritt ta’ regress jew surrogazzjoni tal-Fond HNS kontra kull persuna, inkluż persuni msemmija fl-Artikolu 7(2)(d), li ma jkunux dawk imsemmija fil-paragrafu ta’ qabel, safejn jistgħu jillimitaw ir-responsabbilità tagħhom. F’kull każ id-dritt tal-Fond HNS għas-surrogazzjoni kontra dawn il-persuni m’għandux ikun anqas favorevoli minn dak ta’ assiguratur tal-persuna li lilha thallas kumpens. 3. Mingħajr preġudizzju għal kull dritt ta’ surrogazzjoni jew regress kontra l-Fond HNS li jista’ jeżisti, Stat Kontraenti jew aġenzija tiegħu li jkunu ħallsu l-kumpens għad-dannu skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali għandhom jiksbu b’surrogazzjoni d-drittijiet li l-persuna hekk ikkompensata kienet tgawdi skond din il-Konvenzjoni. Klawżola ta’ bdil Artikolu 42 Din il-Konvenzjoni għandha tibdel kull konvenzjoni fis-seħħ jew miftuħa għall-firma, ratifika jew adeżjoni fid-data meta din il-Konvenzjoni tinfetaħ għall-firma, imma biss safejn din il-konvenzjoni li din il-Konvenzjoni tikkonfliġġi magħha; iżda, xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jaffettwa l-obbligi ta’ Stati Kontraenti lejn Stati mhux parti f’din il-Konvenzjoni skond dik il-konvenzjoni. IL-KAPITOLU V DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI Informazzjoni fuq tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni Artikolu 43 Meta qed jiddepożita strument imsemmi fl-Artikolu 45(3), u annwalment minn hemm ’il quddiem sakemm din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għal Stat, dak l-Istat għandu jissottometti lis-Segretarju Ġenerali data fuq il-kwantitajiet rilevanti tat-tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni riċevuta jew, fil-każ ta’ LNG, mħotta f’dak l-Istat matul is-sena kalendarja preċedenti fir-rigward ta’ kull kont ġenerali u kull kont separat L-ewwel sezzjoni ta l-Assemblea Artikolu 44 Is-Segretarju-Ġenerali għandu jlaqqa’ l-ewwel sezzjoni ta’ l-Assemblea. Din is-sessjoni għandha ssir kemm jista’ jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni u, f’kull każ, mhux iżjed minn 30 jum wara dan id-dħul fis-seħħ. IL-KAPITOLU VI KLAWSOLI FINALI Firma, ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni u adeżjoni Artikolu 45 1. Din il-Konvenzjoni għandha titpoġġa għall-firma fil-Kwartieri Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni mill-1 ta’ Ottubru 1996 sat-30 ta’ Settembru 1997 u għandha minn hemm tibqa’ mifuħa għall-adeżjoni. 2. L-Istati jistgħu jesprimu l-kunsens tagħhom li jkun marbuta ma’ din il-Konvenzjoni bi: (a) il-firma mingħajr riserva fir-rigward tar-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni; jew (b) il-firma soġġetta għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew approvazzjoni, segwita bir-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni; jew (ċ) adeżjoni. 3. Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għandhom isiru bid-depożitu ta’ strument f’dak is-sens mas-Segretarju-Ġenerali. Dħul fis-seħħ Artikolu 46 1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ 18-il xahar wara d-data meta jitħarsu l-kondizzjonijiet li ġejjin: (a) mill-anqas 12-il Stat, inkluż erba’ Stati b’mhux anqas minn 2 miljun unità ta’ tunnellaġġ gross, ikunu esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu biha, u (b) is-Segretarju-Ġenerali ikun irċieva informazzjoni skond l-Artikolu 43 li dawk il-persuni f’dawk l-Istati li jkunu responsabbli li jikkontribwixxu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 18(1)(a) u)(ċ) ikunu rċevew matul is-sena kalendarja ta’ qabel, kwantità totali ta’ mill-anqas 40 miljun tunnellata ta’ tagħbija li tikkontribwixxi għall-kont ġenerali. 2. Għal Stat li jesprimi il-kunsens tiegħu li jintrabat b’din il-Konvenzjoni wara li l-kondizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ ikunu tħarsu, dan il-kunsens għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data ta’ l-espressjoni ta’ dan il-kunsens, jew fid-data meta din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ skond il-paragrafu 1, liema wahda tigri l-aktar tard. Reviżjoni u emendi Artikolu 47 1. Tista’ tissejjaħ konferenza għall-iskop li jkun hemm reviżjoni jew emenda ta’ din il-Konvenzjoni mill-Organizzazzjoni. 2. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jsejjaħ konferenza ta’ l-Istati Kontraenti f’din il-Konvenzjoni biex il-Konvenzjoni tkun riveduta jew emendata, fuq talba tas-sitt Stati Kontraenti jew terz ta’ l-Istati Kontraenti liema tkun l-ogħla figura. 3. Kull kunsens marbut ma’ din il-Konvenzjoni espress wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ emenda f’din il-Konvenzjoni għandu jitqies li jgħodd għall-Konvenzjoni kif emendata. Emenda tal-limiti Artikolu 48 1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 47, il-proċedura speċjali f’dan l-Artikolu għandha tgħodd biss għall-iskop li jkunu emendati l-limiti provduti fl-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 14(5). 2. Fuq talba ta’ minn l-anqas nofs, imma fl-ebda każ anqas minn sitta, ta’ l-Istati Kontraenti, kull proposta biex ikunu emendati l-limiti speċifikati fl-Artikolui 9(1), u l-Artikolu 14(5), għandha tkun ċirkolata mill-Membri ta’ l-Organizzazzjoni u lill-Istati kollha Kontraenti. 3. Kull emenda proposta u ċirkolata bħal fuq għandha tintbagħat lill-Kumitat Legali ta’ l-Organizzazzjoni (il-Kumitat Legali) għall-konsiderazzjoni f’data ta’ l-anqas sitt xhur wara d-data taċ-ċirkolazzjoni tagħha. 4. L-Istati Kontraenti kollha, kemm jekk Membri ta’ l-Organizzazzjoni jew le, għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fil-proċeduri tal-Kumitat Legali għall-konsiderazzjoni u l-adozzjoni ta’ l-emendi. 5. L-emendi għandhom ikunu adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi ta’ l-Istati Kontraenti preżenti u li jivvotaw fil-Kumitat Legali, miżjuda kif provdut fil-paragrafu 4, bil-kondizzjoni li ta’ l-anqas nofs l-Istati Kontraenti għandhom ikunu preżenti fil-ħin ta’ votazzjoni. 6. Meta jkun qed jaġixxi fuq proposta biex jemenda l-limiti, il-Kumitat Legali għandu jqis l-esperjenza ta’ l-inċidenti u, partikolarment, l-ammont ta’ dannu li jirriżulta minhom, bdil fil-valuri monetarji u l-effett ta’ l-emenda proposta fuq l-ispiża ta’ l-assigurazzjoni. Għandu jqis ukoll ir-relazzjoni bejn il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1), u dawk fl-Artikolu 14(5). 7. (a) L-ebda emenda tal-limiti skond dan l-Artikolu ma’ tista’ tkun ikkunsidrata anqas minn ħames snin mid-data minn meta ta’ din il-Konvenzjoni infetħet għall-firma u lanqas inqas minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ emenda minn precedenti skond dan l-Artikolu. (b) L-ebda limitu ma jista’ jiżdied biex jaqbeż ammont li jikkorresondi għal-limitu preskritt f’din il-Konvenzjoni miżjud b’sitta fil-mija kull sena ikkalkolat fuq bażi komposta mid-data minn meta l-Konvenzjoni nfetħet għall-firma. (ċ) L-ebda limitu ma jista’ jiżdied biex jaqbeż ammont li jikkorrespondi għal limitu preskritt f’din il-Konvenzjoni multiplikat bi tlieta. 8. Kull emenda adottata skond il-paragrafu 5 għandha tkun notifikata mill-Organizzazzjoni lill-Istati Kontraenti kollha. L-emenda għandha titqies li kienet aċċettata fl-aħħar ta’ perjodu ta’ 18-il xahar wara d-data ta’ notifika, sakemm f’dak il-perjodu mhux anqas minn kwart ta’ l-Istati li kienu Stati Kontraenti fi żmien ta’ l-adozzjoni ta’ l-emenda ikkommunikaw lis-Segretarju-Ġenerali li ma jaċċettawx l-emenda, f’liema każ l-emenda ma tkunx aċċettata u m’għandha jkollha l-ebda effett. 9. Emenda li titqies li kienet aċċettata skond il-paragrafu 8 għandha tidħol fis-seħħ 18-il xahar wara l-aċċettazzjoni tagħha. 10. L-Istati Kontraenti kollha għandhom ikunu marbuta mill-emenda, sakemm ma jiddenunzjawx din il-Konvenzjoni skond l-Artikolu 49(1) u (2), ta’ l-anqas sitt xhur qabel l-emenda tidħol fis-seħħ. Din id-denunzja għandha tghodd meta l-emenda tidhol fis-seħħ. 11. Meta emenda tkun adottata imma il-perjodu ta’ 18-il xahar ghall-aċċettazzjoni tagħha ma jkunx għadu spiċċa, Stat li jkun sar Parti Kontraenti matul dak il-perjodu għandu jkun marbut mill-emenda jekk tidħol fis-seħħ. Stat li jsir Stat Kontraenti wara dak il-perjodu għandu jkun marbut b’emenda li kienet aċċettata skond il-paragrafu 8. Fil-każ msemmi f’dan il-paragrafu, Stat jintrabat b’emenda meta dik l-emenda tidħol fis-seħħ, jew meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għal dak l-Istat, jekk ikun aktar tard. Denunzja Artikolu 49 1. Din il-Konvenzjoni tista’ tkun denunzjata minn kull Stat Kontraenti f’kull żmien wara d-data meta tidħol fis-seħħ għal dak l-Istat Kontraenti. 2. Id-denunzja għandha ssir bid-depożitu ta’ strument ta’ denunzja ghand is-Segretarju Ġenerali. 3. Id-denunzja għandu jkollha effett 12-il xahar, jew aktar kif jista’ jkun speċifikat fl-istrument tad-denunzja, wara d-depożitu tagħha ghand is-Segretarju-Ġenerali. 4. Minkejja denunzja minn Parti Kontraenti bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu, għandha tkompli tgħodd kull dispożizzjoni ta’ din il-Konvenzjoni dwar l-obbligi biex isiru kontribuzzjonijiet skond l-Artikoli 18, 19 jew l-Artikolu 21(5) fir-rigward ta’ dawn il-pagamenti tal-kumpens kif tista’ tiddeċiedi l-Assemblea rigward l-inċident li jiġri qabel ma’ d-denunzja tibda tgħodd. Sessjonijiet straordinarji ta’ l-Assemblea Artikolu 50 1. Kull Stat Kontraenti jista’, fi żmien 90 jum wara d-depożitu ta’ strument ta’ denunzja li r-riżultat tiegħu jikkunsidra li ser iżid b’mod sinifikanti l-livell ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Kontraenti li jibqa’, jitlob lid-Direttur li jlaqqa’ sessjoni straordinarja ta’ l-Assemblea. Id-Direttur għandu jlaqqa’ l-Assemblea biex tiltaqa’ mhux anqas minn sittin jum wara li tkun irċevuta din it-talba. 2. Id-Direttur jista’ jieħu l-inizjattiva biex jlaqqa’ sessjoni straordinarji ta’ l-Assemblea biex tintaqa’ fi żmien 60 jum wara d-depożitu ta’ xi strument ta’ denunzja, jekk id-Direttur jikkonsidra li din id-denunzja tirriżulta f’żieda sinifikanti fil-livell ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Kontraenti li baqa’. 3. Jekk l-Assemblea, f’sessjoni straordinarja, mlaqqa’ skond il-paragrafu 1 jew 2 tiddeċiedi li d-denunċja ser tirriżulta f’żieda sinifikanti fil-livell ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Kontraenti li baqa’, kull Stat bħal dan jista’, mhux aktar tard minn 120 jum qabel id-data meta tibda tgħodd din id-denunzja, jista’ jiddenunzja din il-Konvenzjoni b’effett mill-istess data. Waqfien Artikolu 51 1. Din il-Konvenzjoni għandha tieqaf milli tibqa’ fis-sseħħ: (a) fid-data meta n-numru ta’ Stati Kontraenti jaqa’ taħt is-sitta; jew (b) 12-il xahar wara d-data meta d-data dwar is-sena kalendarja ta’ qabel kellhom ikunu kkomunikati lid-Direttur skond l-Artikolu 21, jekk id-data juru li l-kwantità totali ta’ tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni fil-kont ġenerali skond l-Artikolu 18(1)(a) u (ċ) riċevuta fl-Istati Kontraenti fis-sena kalendarja ta’ qabel kien anqas minn 30 miljun tunnellata. Minkejja (b), jekk il-kwantità totali ta’ tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni fil-kont ġenerali skond l-Artikolu 18(1) (a) u (ċ) riċevuta fl-Istati Kontraenti fis-sena kalendarja ta’ qabel kien anqas minn 30 miljun tunnellata imma iżjed minn 25 miljun tunnellata, l-Assemblea tista’ jekk tikkonsidra li dan kien minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u li x’aktar mhux ser jittennew, tiddeċiedi qabel ma jispiċċa l-perjodu ta’ 12-il xahar fuq imsemmi li l-Konvenzjoni tibqa’ fis-seħħ. L-Assemblea ma’ tistax, iżda tieħu din id-deċiżjoni għal iżjed minn sentejn sussegwenti. 2. L-Istati li huma marbuta b’din il-Konvenzjoni fil-ġurnata qabel id-data li ma tibqax fis-seħħ għandhom jippermettu li l-Fond HNS jeżerċita il-funzjonijiet tiegħu kif deskritti skond l-Artikolu 52 u għandhom, għal dak l-iskop biss, jibqgħu marbutin b’din il-Konvenzjoni. Stralc tal-Fond HNS Artikolu 52 1. Jekk din il-Konvenzjoni ma’ tibqax fis-seħħ, il-Fond HNS għandu madankollu: (a) jħares l-obbligi fir-rigward ta’ kull inċident li jseħħ qabel ma din il-Konvenzjoni tieqaf milli tibqa’ fis-seħħ; u (b) tkun intitolata li eżerċita d-drittijiet tagħha għall-kontribuzzjonijiet safejn dawn il-kontribuzzjonijiet huma meħtieġa biex jitħarsu l-obbligi skond (a), inkluż l-ispejjeż għall-amministrazzjoni tal-Fond HNS meħtieġ għal dan l-għan. 2. L-Assemblea għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa biex itemm l-gheluq tal-Fond HNS inkluż id-distribuzzjoni b’mod ekwu kull attiv li jibqa’ fost dawn il-persuni li li jkunu kkontribwew lill-Fond HNS. 3. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu l-Fond HNS għandu jibqa’ persuna ġuridika. Depożitarju Artikolu 53 1. Din il-Konvenzjoni u kull emenda adottata skond l-Artikolu 48 għandha tkun depożitata mas-Segretarju-Ġenerali. 2. Is-Segretarju-Ġenerali għandu: (a) jgħarraf lill-Istati kollha li ffirmaw din il-Konvenzjoni jew aderew għaliha, u l-Membri kollha ta’ l-Organizzazzjoni, ta’: (i) kull firma ġdida jew depożitu ta’ strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, aprovazzjoni jew adeżjoni flimkien mad-data tagħhom; (ii) id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni; (iii) kull proposta biex temenda l-limiti fuq l-ammonti tal-kumpens li saru skond l-Artikolu 48(2); (iv) kull emenda li kienet adotta skond l-Artikolu 48(5); (v) kull emenda li titqies li kienet aċċettata skond l-Artikolu 48(8), flimkien mad-data meta dik l-emenda għandha tidħol fis-sehh skond il-paragrafi 9 u 10 ta’ dak l-Artikolu; (vi) id-depożitu ta’ kull strument ta’ denunzja ta’ din il-Konvenzjoni flimkien mad-data meta tkun irċevuta u d-data meta d-denunzja tibda tgħodd; u (vii) kull komunikazzjoni meħtieġa minn kull Artikolu f’din il-Konvenzjoni; u (b) jittrasmetti kopji vera ċertifikati ta’ din il-Konvenzjoni lill-Istati kollha li iffirmaw din il-Konvenzjoni jew li aderew għaliha. 3. Hekk kif din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ, kopja vera tagħha ċertifikata għandha tintbagħat mid-depożitarju lis-Segretarju-Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda għar-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 102 tal-Karta tal-Ġnus Maqgħuda. Lingwi Artikolu 54 Din il-Konvenzjoni hija stabbilita f’oriġinali wieħed bl-ilsien Għarbi, Ċiniż, Ingliż, Franċiż, Russu u l-Ispanjol, kull test ikun awtentiku ndaqs. MAGĦMULA f’Londra dan it-tielet jum ta’ Mejju elf disa’ mija u sitta u disgħin. -------------------------------------------------- L-ANNESS I +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- L-ANNESS II REGOLAMENTI GĦALL KALKOLU TA' KONTRIBUZZJONIJIET ANNWALI GĦALL-KONT ĠENERALI Regolament 1 1. Is-somma fissa msemmija fl-Artikolu 17(3) ghandha tkun stabbilita għal kull settur skond dawn ir-regolamenti. 2. Meta jkun meħtieġ li jkunu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet għal aktar minn settur wieħed ta' kont ġenerali, għandha tkun ikkalkolata somma fissa separata kull unità għat-tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni għal kull settur li ġej kif jista' jenħtieġ: (a) materjali solidi fil-massa msemmija fl-Artikolu 1(5)(a)(vii); (b) żejt, jekk l-operazzjoni tal-kont taż-żejt huwa postpost jew sospiż; (ċ) LNG, jekk l-operazzjoni tal-kont ta' l-LNG huwa postpost jew sospiż; (ċ) LPG, jekk l-operazzjoni tal-kont ta' l-LNG huwa postpost jew sospiż; (e) sustanzi oħra. Regolament 2 1. Għal kull settur, is-somma fissa kull unità ta' tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni għandha tkun il-prodott ta' imposta kull punt HNS u l-fattur tas-settur għal dak is-settur. 2. L-imposta kull punt HNS għandha tkun il-kontribuzzjonijiet totali ta' kull sena li għandhom ikunu imposti lill-kont ġenerali maqsum bit-total tal-punti HNS għas-setturi kollha. 3. Il-punti totali għal kull settur għandhom ikunu l-prodott tal-volum totali, mkejjel f'tunnellati metriċi, ta' tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni għal dak is-settur u l-fattur korrispondenti tas-settur. 4. Settur tal-fattur għandu jkun ikkalkolat bħala medja aritmetika mwieżna tar-rapport talbiet/volum għal dak is-settur għas-sena rilevanti u d-disa' snin ta' qabel, skond dan ir-regolament. 5. Ħlief kif ipprovdut fil-paragrafu 6, ir-rapport talbiet/volum għal kull wieħed minn dawn is-snin għandu jkun ikkalkolat kif ġej: (a) talbiet stabbiliti, imkejla f'unitajiet ta' kont konvertiti mill-valuta tat-talba bl-użu ta' rata applikabbli fid-data ta' l-inċident partikolari, għal dannu kkawżat minn sustanzi fir-rigward ta' liema huma dovuti kontribuzzjonijiet għall-Fond HNS għas-sena rilevanti; maqsma fi (b) il-volum ta' tagħbija soġġetta għall-kontribuzzjoni li tikkorrespondi għas-sena rilevanti: 6. Fil-każijiet fejn l-informazzjoni meħtieġa skond il-paragrafi 5(a) u (b) mhijiex disponibbli, il-valuri li ġejjin għandhom jintużaw għat-talbiet/il-paragun tal-volum għal kull sena nieqsa: (a)materjali solidi fil-massa msemmija fl-Artikolu 1(5)(a)(vii) | 0 | (b)żejt, jekk l-operazzjoni tal-kont taż-żejt huwa pospost | 0 | (ċ)LNG, jekk l-operazzjoni tal-kont ta' l-LNG huwa pospost | 0 | (d)LPG, jekk l-operazzjoni tal-kont ta' l-LPG huwa pospost | 0 | (e)sustanzi oħra | 0,0001 | 7. Il-media aritmetika ta' 10 snin għandha tkun imwieżna fuq skala lineari li tonqos, biex ir-rapport tas-sena rilevanti ikollha piż ta' 10, is-sena qabel is-sena rilevanti għandha jkollha piż ta' 9, is-sena ta' wara li jmiss għandha jollha piż ta' tmienja, u tkompli hekk, sakemm l-għaxar sena jkollha piż ta' wieħed. 8. Jekk it-tħaddim ta' kont separat ikun sospiż, il-fattur rilevanti għandu jkun ikalkolat skond dawk id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament li l-Assemblea tikkunsidra xierqa. --------------------------------------------------