Official Journal L 256 , 25/09/2002 P. 0009 - 0016
ANNESS L-ADOZZJONI TA' L-ATT FINALI U L-ISTRUMENTI NECESSARI, RAKKOMANDAZZJONIJIET U RIŻOLUZZJONIJIET LI PRIŻULTAN MIX-KOGĦOL TAL' KONFERENZA. Il-konvenzjoni internazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-ħsara mit-tniġġis taż-żejt tal-bunker, 2001 Test approvat mill-Konferenza L-ISTATI LI QEGĦDIN JIEĦDU SEHEM F'DIN IL-KONVENZJONI, WAQT LI JIRREVOKAW l-Artikolu 194 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, 1982, li tipprovdi li l-Istati għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jimpedixxu, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġis ta' l-ambjent tal-baħar, WAQT LI JIRREVOKAW UKOLL l-Artikolu 235 ta' dik il-Konvenzjoni, li tipprovdi li, bl-għan li jiggarantixxu kumpens puntwali u adegwat fir-rigward ta' kull ħsara kkawżata mit-tniġġis ta' l-ambjent tal-baħar, l-Istati għandhom jikkooperaw f'iżjed żvilupp tar-regoli rilevanti tal-liġi internazzjonali, WAQT LI JOSSERVAW is-suċċess tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt, 1992 u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta' Fond Internazzjonali għall-Kumpens għall-Ħsara Kkawżata mit-Tniġġis taż-Żejt, 1992, li jiggarantixxu d-disponibilità ta' kumpens lill-persuni li jsofru ħsara kkawżata mit-tniġġis li jirriżulta mill-ħruġ jew mir-rimi ta' żejt li jinġarr mhux ippakkjat fuq il-bastimenti, WAQT LI JOSSERVAW UKOLL l-adozzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Konnessjoni mal-Ġarr bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u Noċivi, 1996, sabiex ikun provdut kumpens adegwat, malajr ur effettiv għall-ħsara kkawżata minn inċidenti b'konnessjoni mal-ġarr bil-baħar ta' sustanzi perikolużi u noċivi, WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li tiġi stabbilita responsabbiltà assoluta fuq il-forom kollha tat-tniġġis miż-żejt li tkun marbuta ma' limitazzjoni xierqa tal-livell ta' dik ir-responsabbiltà, WAQT LI JIKKUNSIDRAW illi huma neċessarji miżuri komplementari biex ikun garantit il-ħlas ta' kumpens adegwat, malajr u effettiv għall-ħsara kkawżata mit-tniġġis bħala riżultat ta' ħruġ jew rimi ta' żejt tal-bunker mill-bastimenti, XEWQANA li jadottaw regoli u proċeduri internazzjonali uniformi biex jiġu deċiżi kwistjonijiet ta' responsabbiltà u li jingħata kumpens xieraq f'każi bħal dawn, FTIEHMU dan li ġej: Artikolu 1 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni: 1. "bastiment" ifisser kull bastiment mibni biex jaqsam l-ibħra u kull opra tal-baħar li tinġarr mill-baħar, ta' kwalunkwe tip. 2. "persuna" ifisser kull individwu jew assoċjazzjoni jew korp pubbliku jew privat, kemm jekk ġuridika kemm jekk le, inkluż Stat jew xi wieħed mis-suddiviżjonijiet kostitwenti tiegħu, 3. "sid il-bastiment" ifisser is-sid, inkluż is-sid reġistrat, kerrej ta' dgħajsa mikxufa, kap jew operatur tal-bastiment, 4. "sid reġistrat" ifisser il-persuna jew persuni reġistrati bħala s-sid tal-bastiment jew, fin-nuqqas ta' reġistrazzjoni, il-persuna jew persuni li huma s-sidien tal-bastiment. Madankollu, f'każ ta' bastiment li s-sid tiegħu huwa Stat u mħaddem minn kumpanija li f'dak l-Istat hija reġistrata bħala l-operatur tal-bastiment, "sid reġistrat" għandu jfisser din il-kumpanija, 5. "żejt tal-bunker" ifisser kull żejt minerali idrokarbur, inkluż żejt tal-lubrikar, użat jew intiż biex jiġi wżat għat-tħaddim jew propulsjoni tal-bastiment, u kull residwi ta' dan iż-żejt, 6. "Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili" ifisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt, 1992, kief emendata, 7. "miżuri preventivi" ifisser kull miżura raġonevoli meħuda minn xi persuna wara li jkun ġara xi inċident biex timpedixxi jew tnaqqas għall-inqas kwantità possibbli l-ħsara mit-tniġġis, 8. "inċident" ifisser kull ġrajja jew serje ta' ġrajjiet li għandhom l-istess oriġini, li tikkawża ħsara mit-tniġġis jew li toħloq theddida serja u imminenti li tista' tikkawża ħsara bħal din, 9. "ħsara mit-tniġġis" ifisser: (a) telf jew ħsara kkawżata mit-tniġġis barra mill-bastiment bħala riżultat ta' ħruġ jew rimi ta' żejt tal-bunker mill-bastiment, ikun fejn ikun il-post fejn iseħħ dan ir-rimi, bil-kondizzjoni li l-kumpens għall-ħsara lill-ambjent li ma jkunx għal telf ta' qligħ bħala riżultat ta' din il-ħsara, għandhu jkun limitat għall-ispejjeż relatati ma' miżuri raġonevoli ta' ristabbiliment diġa' meħudin jew li għad iridu jittieħdu, u (b) l-ispejjeż tal-miżuri preventivi u t-telf u l-ħsara ulterjuri kkawżati mill-miżuri preventivi, 10. "L-Istat fejn il-bastiment ikun reġistrat" ifisser, fir-rigward ta' bastiment reġistrat, l-Istat fejn ikun reġistrat il-bastiment u, fir-rigward ta' bastiment li mhux reġistrat, l-Istat li l-bandiera tiegħu il-bastiment ikun awtorizzat li jtajjar 11. "tunnellaġġ gross" ifisser it-tunnellaġġ gross ikkalkulat skond ir-regolamenti dwar il-kejl tat-tunnellaġġ li jinsabu fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Bastimenti, 1969, 12. "Organizzazzjoni" ifisser l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, 13. "Segretarju Ġenerali" ifisser is-Segretarju Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni. Artikolu 2 Skop ta' l-applikazzjoni Din il-Konvenzjoni għandha tgħodd biss: (a) għall-ħsara mit-tniġġis ikkawżata: (i) fit-territorju, inkluż il-baħar territorjali, ta' Parti li hi Stat, u (ii) fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Parti li hi Stat, stabbilita skond il-liġi internazzjonali, jew, jekk Parti li hi Stat ma tkunx stabbilit żona bħal din, f'żona lil hemm minn u maġenb il-baħar territorjali ta' dak l-Istat determinat minn dak l-Istat skond il-liġi internazzjonali u li testendi mhux aktar minn mitejn mil nawtiku mill-linji bażi minn fejn jiġi mkejjel il-wisa' tal-baħar territorjali tiegħu; (b) għall-miżuri preventivi, jittieħdu fejn jittieħdu, biex jimpedixxu jew inaqqsu pssibbli l-ħsara għall-inqas kwantità Artikolu 3 Responsabbiltà tas-sid tal-bastiment 1. Ħlief kif hemm previst fil-paragrafi 3 u 4, is-sid tal-bastiment fil-ħin ta' l-inċident għandu jkun responsabbli għall-ħsara kkawżata minn tniġġis minn kull tip ta' żejt tal-bunker abbord jew li joriġina mill-bastiment, bil-kondizzjoni li, jekk inċident jikkonsisti f'serje ta' ġrajjiet li jkollhom l-istess oriġini, ir-responsabbiltà għandha tkun tas-sid tal-bastiment fil-ħin li tkun seħħet l-ewwel minn dawn il-ġrajjiet. 2. Fejn aktar minn persuna waħda tkun responsabbli skond il-paragrafu 1, ir-responsabbiltà tagħhom għandha tkun flimkien u separatament. 3. Is-sid tal-bastiment ma għandux jinżamm responsabbli għall-ħsara mit-tniġġis jekk jagħti prova li: (a) il-ħsara kienet il-kaġun ta' att ta' gwerra, ostilità, gwerra ċivili, rewwixta jew fenomenu nazzjonali ta' karattru eċċezzjonali, inevitabbli u irreżistibbli; (b) il-ħsara kienet ikkawżata kollha kemm hi minn att jew omissjoni magħmulin bl-iskop li jikkawżaw ħsara minn parti terza, jew (ċ) il-ħsara kienet ikkawżata kollha kemm hi minn negliġenza jew xi att inġust ta' xi Gvern jew awtorità oħra responsabbli mill-manutenzjoni tad-dwal jew għajnuna oħra tan-navigazzjoni fit-twettiq ta' dik il-funzjoni. 4. Jekk is-sid tal-bastiment jaghti prova li l-ħsara mit-tniġġis kienet kompletament jew parzjalment ir-riżultat jew ta' att ta' omissjoni magħmul bil-ħsieb li jikkawża ħsara mill-persuna li sofriet il-ħsara jew min-negliġenza ta' dik il-persuna, is-sid tal-bastiment jista' jiġi eżonerat kompletament jew parzjalment mir-responsabbiltà lejn din il-persuna. 5. Ma għandu jkun hemm l-ebda pretensjoni għall-ħsara mit-tniġġis kontra s-sid tal-bastiment ħlief kif previst f'din il-Konvenzjoni. 6. Ma hemm xejn f'din il-Konvenzjoni li jippreġudika xi dritt għar-rikors tas-sid tal-bastiment li jeżisti b'mod indipendenti minn din il-Konvenzjoni. Artikolu 4 Esklużjonijiet 1. Din il-Konvenzjoni ma għandhix tapplika għall-ħsara mit-tniġġis kif definita fil-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili, kemm jekk il-kumpens jitħallas għaliha taħt dik il-Konvenzjoni u kemm jekk le. 2. Ħlief jekk previst fil-paragrafu 3, id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni ma għandhomx jgħoddu għall-bastimenti tal-gwerra, bastimenti awżiljari navali jew bastimenti oħra li s-sidien tagħhom u min joperahom huwa Stat u wżati, għal dak il-mument biss fuq servizz mhux kummerċjali tal-Gvern. 3. Parti li hi Stat tista' tiddeċiedi li tapplika din il-Konvenzjoni għall-bastimenti tal-gwerra tagħha jew għal bastimenti oħra deskritti fil-paragrafu 2, f'liema każ għandha tavża lis-Segretarju Ġenerali b'dan u tispeċifika t-termini u l-kondizzjonijiet ta' din l-applikazzjoni. 4. Fir-rigward ta' bastimenti li s-sidien tagħhom huma Parti li hi Stat u wżati għal skopijiet kummerċjali, kull Stat għandu jkun suġġett għal proċeduri ta' kawża legali fil-ġurisdizzjonijiet mgħarrfa fl-Artikolu 9 u għandu jirrinunzja għad-difiżi kollha bbażati fuq l-istatus tiegħu ta' Stat Sovran. Artikolu 5 Inċidenti li jinvolvu żewġ jew aktar bastimenti Meta jseħħ inċident li jinvolvi żewġ bastimenti jew aktar u minnu jirriżulta ħsara kkawżata mit-tniġġis, is-sidien tal-bastimenti kollha konċernati, kemm-il darba ma jkunux eżonerati permezz ta' l-Artikolu 3, għandhom ikunu responsabbli flimkien u separatament għal kull ħsara li ma tkunx tista' tiġi identifikata separatament b'mod raġonevoli. Artikolu 6 Limiti tar-responsabbiltà Ma hemm xejn f'din il-Konvenzjoni li jista' jaffettwa d-dritt tas-sid tal-bastiment u l-persuna jew persuni li jipprovdu l-assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra biex tkun limitata r-responsabbiltà taħt kull reġim nazzjonali jew internazzjonali applikabbli, bħall-Konvenzjoni dwar il-Limiti tar-Responsabbiltà għall-Pretensjonijiet Marittimi, 1976, kif emendata Artikolu 7 Assigurazzjoni obbligatorja jew sigurtà finanzjarja. 1. Is-sid reġistrat ta' bastiment li jkun ta' aktar minn 1000 tunnellaġġ gross reġistrat għand Parti li hi Stat għandu jkun obbligat li jkollu assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra, bħal garanzija ta' bank jew ta' istituzzjoni finanzjarja simili, biex tkopri r-responsabbiltà tas-sid reġistrat għal kontra l-ħsara mit-tniġġis, ta' ammont daqs il-limiti ta' responsabbiltà stipulati fil-limitazzjoniet tar-reġim nazzjonali jew internazzjonali applikabbli, imma fil-każijiet kollha, li ma jeċċedix l-ammont ikkalkulat skond il-Konvenzjoni dwar il-Limiti tar-Responsabbiltà għall-Pretensjonijiet Marittimi, 1976, kif emendata. 2. Għandu jinħareġ għal kull bastiment ċertifikat li jafferma li teżisti assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni wara li l-awtorità approprjata ta' Parti li hi Stat tkun stabbilit li l-ħtiġijiet tal-paragrafu 1 ġew mħarsa. Fejn jirrigwarda bastiment reġistrat għand Parti li hi Stat dan iċ-ċertifikat għandu jinħareġ jew ikun iċċertifikat mill-awtorità approprjata ta' l-Istat fejn il-bastiment ikun reġistrat; fir-rigward ta' bastiment li mhux reġistrat għand Parti li hi Stat jista' jinħareġ jew ikun iċċertifikat mill-awtorità approprjata ta' kull Parti li hi Stat. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun ibbażat fuq il-mudell stipulat fl-Anness ta' din il-Konvenzjoni u għandu jkun fih il-partikolaritajiet li ġejjin: (a) isem il-bastiment, numru li jiddistingwih jew ittri u l-port tar-reġistru; (b) isem u l-post prinċipali tan-negożju tas-sid reġistrat; (ċ) in-numru ta' l-identifikazzjoni IMO tal-bastiment; (d) tip u t-tul tas-sigurtà; (e) isem u l-post prinċipali tan-negożju ta' l-assikuratur jew persuna oħra li tiggarantixxi u, fejn approprjat, post tan-negożju fejn hemm stabbiliti l-assigurazzjoni jew is-sigurtà; (f) il-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat li ma għandux ikun aktar mill-perjodu ta' validità ta' l-assigurazzjoni jew sigurtà oħra. 3. (a) Parti i hi Stat tista' tawtorizza jew istituzzjoni jew organizzazzjoni rikonuxxuta minnha biex toħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2. Din l-istituzzjoni jew organizzazzjoni għandha tavża lil dak l-Istat bil-ħruġ ta' kull ċertifikat. Fil-każijiet kollha, il-Parti li hi Stat għandha tiggarantixxi kompletament il-kompletezza u l-preċiżjoni taċ-ċertifikat li jkun inħareġ u għandha tintrabat li tiżgura l-arranġamenti neċessarji biex tkun imwettqa din l-obbligazzjoni. (b) Parti i hi Stat għandha tavża lis-Segretarju Ġenerali: (i) bir-responsabbiltajiet u l-kondizzjonijiet speiċifiċi tad-dritt li jkun ġie delegat lill-istituzzjoni jew lill-organizzazzjoni rikonuxxuta minnha; (ii) bl-irtirar ta' dan id-dritt; u (iii) id-data li fiha jkunu seħħew l-għoti ta' dan id-dritt jew l-irtirar tiegħu. Dritt delegat ma għandux jibda jgħodd qabel tliet xhur mid-data li fiha jkun ġie nnotifikat b'dan is-Segretarju Ġenerali. (ċ) L-istituzzjoni jew organizzazzjoni awtorizzati biex joħorġu dawn iċ-ċertifikati skond dan il-paragrafu, għandhom, mill-anqas, ikunu awtorizzati li jirtiraw dawn iċ-ċertifikati jekk il-kondizzjonijiet li taħthom ikunu nħarġu ma jiġux osservati. Fil-każijiet kollha l-istituzzjoni jew organizzazzjoni għandha tirrapporta dan l-irtirar lill-Istat li f'ismu jkun inħareġ iċ-ċertifikat. 4. Iċ-ċertifikat għandu jkun fl-ilsien jew fl-ilsna uffiċjali ta' l-Istat li joħorġu. Jekk l-ilsien użat mhux l-Ingliż, il-Franċiż jew l-Ispanjol, it-test għandu jinkludi traduzzjoni f'waħda minn dawn l-ilsna u, meta jiddeċiedi l-Istat, jista' jitħalla barra l-ilsien uffiċjali ta' l-Istat. 5. Iċ-ċertifikat għandu jinġarr abbord il-bastiment u għandha tkun depożitata kopja ma' l-awtoritajiet li jżommu nota tar-reġistru tal-bastiment jew, jekk il-bastiment mhux reġistrat għand Parti li hi Stat, ma' l-awtoritajiet li joħorġu jew jiċċertifikaw iċ-ċertifikat. 6. Assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra ma għandhomx jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' dan l-Artikolu jekk tintemm, għal raġunijiet li ma humiex l-egħluq tal-perjodu ta' validità ta' l-assigurazzjoni jew is-sigurtà speċifikata fiċ-ċertifikat taħt il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, qabel ma jkunu għaddew tliet xhur mid-data li fiha jkun ingħata avviż tat-tmien tagħha lill-awtoritajiet msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, kemm-il darba ċ-ċertifikat ma jkunx gie mgħoddi lil dawn l-awtoritajiet jew ikun inħareġ ċertifikat ġdid fil-perjodu. Id-dispożizzjonijiet preċedenti għandhom jgħoddu wkoll għal kull modifika li biha jirriżulta li l-assigurazzjoni jew is-sigurtà ma tibqax aktar tissodisfa l-ħtiġijiet ta' dan l-Artikolu. 7. L-Istat fejn il-bastiment ikun reġistrat għandu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, jiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ħruġ u l-validità taċ-ċertifikat. 8. Ma hemm xejn f'din il-Konvenzjoni li għandu jitfisser bħala li jimpedixxi Parti li hi Stat milli tibbaża fuq informazzjoni miksuba minn Stati oħra jew l-Organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra dwar l-istatus finanzjarju ta' min jipprovdi l-assigurazzjoni jew is-sigurtà finanzjarja għall-iskopijiet ta' din il-Konvenzjoni. F'dawn il-każi, il-Parti li hi Stat li tibbaża fuq din l-informazzjoni ma tiġix meħlusa mir-responsabbiltà tagħha bħala Stat li joħroġ iċ-ċertifikat meħtieġ minn paragrafu 2. 9. Iċ-ċertifikati maħruġa jew iċċertifikati taħt l-awtorità ta' Parti li hi Stat għandhom ikunu aċċettati minn Partijiet oħra li huma Stati għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni u għandhom ikunu kkunsidrati minn Partijiet oħra li huma Stati li għandhom l-istess forza bħal ċertifikati maħruġa jew iċċertifikati minnhom anki jekk ikunu maħruġa jew iċċertifikati fir-rigward ta' bastiment li mhux reġistrat għand Parti li hi Stat. Parti li hi Stat tista' f'kull ħin titlob li tikkonsulta ma' l-Istat li joħroġ jew jiċċertifika jekk temmen li l-assikuratur jew dak li jiggarantixxi msemmi fiċ-ċertifikat ta' l-assigurazzjoni ma għandux il-kapaċità finanzjarja biex josserva l-obbligi li jkunu ġew imposti fuqu minn din il-Konvenzjoni. 10. Kull pretensjoni għal kumpens għal ħsara mit-tniġġis tista' tinġieb direttament kontra l-assikuratur jew persuna oħra li tipprovdi sigurtà finanzjarja għar-responsabbiltà tas-sid reġistrat għall-ħsara mit-tniġġis. F'każ bħal dan il-konvenut jista' jinvoka d-difiżi (li ma humiex falliment jew stralċ tas-sid tal-bastiment) li sid il-bastiment kien ikun intitolat li jinvoka, inkluż il-limitazzjoni skond l-Artikolu 6. Barra dan, anki jekk sid il-bastiment mhux intitolat għall-limitazzjoni tar-responsabbiltà skond l-Artikolu 6, il-konvenut jista' jillimita r-responsabbiltà sa ammont li jkun daqs l-ammont ta' l-assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra meħtieġa skond il-paragrafu 1. Barra dan, il-konvenut jista' jinvoka d-difiża li l-ħsara mit-tniġġis kienet ir-riżultat ta' kondotta apposta mis-sid tal-bastiment, imma il-konvenut ma għandux jinvoka xi difiża oħra li l-konvenut kien ikun intitolat li jinvoka fi proċeduri miġjuba mis-sid tal-bastiment kontra l-konvenut. Il-konvenut jista' f'kull każ ikollu d-dritt li jitlob lis-sid tal-bastiment li jiġi msieħeb fil-proċeduri. 11. Parti li hi Stat ma għandhix tippermetti li bastiment li jġorr il-bandiera tagħha u li għalih jgħodd dan l-Artikolu li jopera f'kull ħin, kemm-il darba ma jkunx inħareġ ċertifikat skond il-paragrafi 2 jew 14. 12. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, kull Parti li hi Stat għandha tiggarantixxi, taħt il-liġi nazzjonali tagħha, li hemm fis-seħħ assigurazzjoni jew sigurtà oħra, sal-punt speċifikat fil-paragrafu 1, fir-rigward ta' kull bastiment ta' tunnellaġġ gross ta' aktar minn 1000, ikun fejn ikun reġistrat, jidħol jew joħroġ minn port fit-territorju tagħha, jew jasal f'faċilità offshore fil-baħar territorjali tagħha, jew iħalliha. 13. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5, parti li hi Stat tista' tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali li, għall-finijiet tal-paragrafu 12, bastimenti ma humiex meħtieġa li jġorru abbord jew li jipproduċu ċ-ċertifikat meħtieġ minn paragrafu 2, meta jidħlu jew iħallu portijiet jew jaslu jew jitilqu minn faċilitajiet offshore fit-territorju tagħha, bil-kondizzjoni li l-Parti li hi Stat li toħroġ iċ-ċertifikat meħtieġ minn paragrafu 2 tkun innotifikat lis-Segretarju Ġenerali li hija żżomm in-noti f'format elettroniku, aċċessibbli għall-Partijiet li huma Stati, li jaffermaw l-eżistenza taċ-ċertifikta u li jippermettu lill-Partijiet li huma Stati biex iwettqu l-obbligi tagħhom skond il-paragrafu 12. 14. Jekk ma tinżammx assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra fir-rigward ta' bastiment li s-sid tiegħu huwa Parti li hi Stat, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu li jirreferi għalih ma għandhomx japplikaw lil dan il-bastiment, imma l-bastiment għandu jġorr ċertifikat maħruġ mill-awtorità approprjata ta' l-Istat fejn il-bastiment ikun reġistrat li jgħid li dak l-Istat huwa s-sid tal-bastiment u li r-responsabbiltà tal-bastiment hija koperta fil-limitu stabbilit skond il-paragrafu 1, Dan iċ-ċertifikat għandu kemm jista' jkun possibbli jsegwi l-mudell stabbilit fil-paragrafu 2. 15. Stat jista', fil-ħin tar-ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni ta', jew adeżjoni ma' din il-Konvenzjoni, jew f'kull ħin wara dan, jiddikjara li dan l-Artikolu ma jgħoddx għal bastimenti li joperaw esklussivament ġewwa ż-żona ta' dak l-Istat msemmija fl-Artikolu 2(a)(i). Artikolu 8 Limiti ta' żmien Id-drittijiet għall-kumpens taħt din il-Konvenzjoni jintilfu kemm-il darba ma jittiħdux passi legali fi żmien tliet snin mid-data ta' meta sseħħ il-ħsara. Madankollu, fl-ebda każ ma għandhom jittieħdu passi legali aktar minn sitt snin mid-data ta' l-inċident li jkun ikkawża l-ħsara. Meta l-inċident ikun jikkonsisti f'serje ta' ġrajjiet, il-perjodu ta' sitt snin jibda jgħodd mid-data ta' meta sseħħ l-ewwel minn dawn il-ġrajjiet. Artikolu 9 Ġurisdizzjoni 1. Fejn inċident jikkawża ħsara mit-tniġġis fit-territorju, inkluż il-baħar tereritorjali, jew f'żona msemmija fl-Artikolu 2(a)(ii) ta' wieħed jew aktar Partijiet li huma Stati, jew ikunu ttieħdu miżuri ta' prevenzjoni biex jimpedixxu jew inaqqsu għall-inqas kwantità possibbli l-ħsara mit-tniġġis f'dan it-territorju, inkluż il-baħar territorjali, jew f'din iż-żona, passi legali għall-kumpens kontra s-sid tal-bastiment, l-assikuratur jew persuna oħra li tipprovdi sigurtà għar-responsabbiltà tas-sid tal-bastiment, jistgħu jittieħdu fil-qrati ta' dawn il-Partijiet li huma Stati. 2. Għandu jingħata avviż raġonevoli tal-passi legali meħuda skond il-paragrafu lil kull konvenut. 3. Kull Parti li hi Stat għandha tiggarantixxi li l-qrati tagħha għandhom il-ġurisdizzjoni biex jistgħu jittrattaw dawn il-kawżi legali għall-kumpens taħt din il-Konvenzjoni. Artikolu 10 Rikonoxximent u infurzar 1. Kull sentenza mogħtija minn qorti bil-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 9 li tkun tista' tiġi nfurzata fl-Istat ta' l-oriġini fejn ma tkunx aktar suġġetta għal forom ordinarji ta' reviżjoni, għandha tkun rikonoxxuta f'kull Parti li hi Stat, ħlief: (a) fejn is-sentenza tkun inkisbet bil-frodi; jew (b) fejn il-konvenut ma jkunx ingħata avviż raġonevoli u opportunità imparzjali biex jippreżenta l-kaz tiegħu jew tagħha. 2. Sentenza rikonoxxuta taħt il-paragrafu 1 għandha tkun tista' tiġi nfurzata f'kull Parti li hi Stat hekk kif il-formalitajiet meħtieġa f'dak l-Istat ikunu ġew imħarsa. Il-formalitajiet ma għandhomx jippermettu li l-merti tal-każ jergħu jinfetħu. Artikolu 11 Klawsola dwar it-teħid tal-funzjoni Din il-Konvenzjoni għandha tieħu l-funzjoni ta' kull Konvenzjoni li tkun fis-seħħ jew miftuħa għall-firem, għar-ratifika jew għall-adeżjoni fid-data li fiha din il-Konvenzjoni tinfetaħ għall-firem, imma sal-punt biss li dik il-Konvenzjoni tkun f'konflitt magħha; madankollu, ma hemm xejn f'dan l-Artikolu li jaffettwa l-obbligi, li joħorġu minn dik il-Konvenzjoni, tal-Partijiet li huma Stati lejn Stati li ma humiex parti minn din il-Konvenzjoni. Artikolu 12 Firma, ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni u adeżjoni 1. Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-firem fil-Kwartier Ġeneali ta' l-Organizzazzjoni mill-1 ta' Ottubru 2001 sat-30 ta' Settembru 2002 u għandha wara dan tibqa' miftuħa għall-adeżjoni. 2. L-Istati jistgħu jesprimu l-kunsens tagħhom li jkun marbut ma' din il-konvenzjoni bi: (a) firma mingħajr riserva ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni; (b) firma suġġetta għar-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni segwita mir-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni; jew (ċ) adeżjoni. 3. Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għandhom isiru bid-depożitu ta' strument f'dak is-sens mas-Segretarju-Ġenerali. 4. Kull strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni ddepożitat wara d-dħul fis-seħħ ta' emenda għal din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-Partijiet kollha li huma Stati, jew wara li jintemmu l-miżuri kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' l-emenda fir-rigward ta' dawk il-Partijiet li huma Stati, għandha titqies li tgħodd għall-Konvenzjoni kif modifikata mill-emenda. Artikolu 13 Stati li għandhom aktar minn sistema ta' liġi waħda 1. Jekk Stat ikollu żewġ jew aktar unitajiet territorjali li fihom japplikaw sistemi ta' liġi differenti fir-rigward ta' kwistjonijiet ittrattati f'din il-Konvenzjoni, jista' fil-mument tal-firma, tar-ratifika, ta' l-aċċettazzjoni, ta' l-approvazzjoni jew ta' l-adeżjoni jiddikjara li din il-Konvenzjoni għandha testendi għall-unitajiet territorjali kollha tiegħu jew għal wieħed biss jew aktar u jista' jibdel din id-dikjarazzjoni billi jibgħat dikjarazzjoni oħra f'kull ħin. 2. Kull dikjarazzjoni bħal din għandha tiġi notifikata lis-Segretarju Ġenerali u għandha tiddikjara espressament l-unitajiet territorjali li għalihom din il-Konvenzjoni tapplika. 3. Fir-rigward ta' Parti li hi Stat li tkun għamlet dikjarazzjoni bħal din: (a) fid-definizzjoni ta' "sid reġistrat" fl-Artikolu 1(4), ir-referenzi għal Stat għandhom jinftehmu bħala referenzi għal unità territorjali bħal dawn; (b) ir-referenzi għall-Istat fejn il-bastiment ikun reġistrat u, fir-rigward ta' ċertifikat ta' assigurazzjoni obbligatorja, għall-Istat li joħroġ jew jiċċertifika, għandhom jinftehmu bħala li jirreferu għall-unità territorjali rispettivament li fihom huwa reġistat il-bastiment u li joħroġ jew jiċċertifika ċ-ċertifikat; (ċ) ir-referenzi f'din il-Konvenzjoni għall-ħtiġijiet tal-liġi nazzjonali għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-ħtiġijiet tal-liġi ta' l-unità territorjali rilevanti; (d) ir-referenza fl-Artikoli 9 u 10 għall-qrati, u għal sentenzi li jridu jkunu rikonoxxuti fil-Partijiet li huma Stati, għandhom jinftehmu bħala referenzi rispettivament għall-qrati ta', u għal sentenzi li jridu jkunu rikonoxxuti fl-unità territorjali rilevanti. Artikolu 14 Dħul fis-seħħ 1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ sena wara d-data li fiha tmintax il-Stat, inkluż ħames Stati li kull wieħed għandu bastimenti li t-tunnellaġġ gross kollu f'daqqa tagħhom huwa ta' mhux anqas minn miljun, jew iffirmawha mingħjar riserva fir-rigward tan-notifika, ta' l-aċċettazzjoni jew ta' l-approvazzjoni jew iddepozitaw l-istrumenti ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni mas-Segretarju Ġenerali. 2. Għal kull Stat li jirratifika, jaċċetta, japprova jew jaderixxi għaliha wara li jkunu ġew osservati l-kondizzjonijiet f'paragarfu 1, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data tad-depozitu minn dan l-Istat tad-dokument approprjat. Artikolu 15 Denunzja 1. Din il-Konvenzjoni tista tiġi denunzjata minn kull Parti li hi Stat f'kull ħin wara d-data li fiha din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għal dak l-Istat. 2. Id-denunzja għandha ssir billi jiġi depożitat strument mas-Segretarju Ġenerali. 3. Denunzja għandha jkollha effett sena, jew perjodu itwal skond kif speċifikat fl-istrument tad-denunzja, wara li tkun ġiet depozitata mas-Segretarju Ġenerali. Artikolu 16 Reviżjoni jew emenda 1. Tista' tissejjaħ konferenza għall-iskop li jkun hemm reviżjoni jew emenda ta' din il-Konvenzjoni mill-Organizzazzjoni. 2. L-Organizzazzjoni għandha ssejjaħ konferenza tal-Partijiet li huma Stati biex jirrevedu jew jemendaw din il-Konvenzjoni fuq talba ta' mhux anqs minn terz tal-Partijiet li huma Stati. Artikolu 17 Depositarju 1. Din il-Konvenzjoni għandha tiġi depożitata mas-Segretarju Ġenerali. 2. Is-Segretarju Ġenerali għandu: (a) javża lill-Istati kollha li ffirmaw jew aderixxew għal din il-Konvenzjoni bi: (i) kull firma ġdida jew depożitu ta' strument flimkien mad-data tagħhom; (ii) id-data tal-bidu fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni; (iii) id-depożitu ta' kull strument ta' denunzja ta' din il-Konvenzjoni flimkien mad-data tad-depożitu u d-data li fiha d-denunzja tibda tgħodd; u (iv) dikjarazzjonijiet u notifikazzjonijiet oħra magħmula taħt din il-Konvenzjoni. (b) jibgħat kopji veri iċċertifikati ta' din il-Konvenzjoni lill-Istati li huma Firmatarji u lill-Istati kollha li jaderixxu għal din il-Konvenzjoni. Artikolu 18 Trasmissjoni lin-Nazzjonijiet Uniti. Hekk kif din il-Konvnzjoni tidħol fis-seħħ, it-test għandu jintbagħat mis-Segretarju Ġenerali lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti biex ikun reġistrat u ppubblikat skond l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Artikolu 19 Ilsna Din il-Konvenzjoni hija stabbilita f'oriġinali waħda fl-ilsien Għarbi, Ċiniż, Ingliż, Franċiż, Russu u Spanjol, bl-awtentiċità indaqs ta' kull test. MAGĦMULA ĠEWWA LONDRA llum it-tlieta u għoxrin ta' Marzu, tas-sena elfejn u wieħed. B'SINJAL TA' XHIEDA TA' DAN, l'hawn taħt iffirmati, awtorizzati kif imiss, mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom iffirmaw din il-Konvenzjoni. -------------------------------------------------- Noti ta' spjegazzjoni +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------