EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22002A0430(01)

FTEHIM Bejn Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni kif imfassal biċ-Ċek, Eston, Ungeriż, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Slovakk u Sloven

OJ L 353, 31.12.2009, p. 71–90 (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
OJ L 114, 30.4.2002, p. 6–72 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 11 Volume 074 P. 97 - 170
Special edition in Romanian: Chapter 11 Volume 074 P. 97 - 170
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 060 P. 8 - 74

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2002/309(1)/oj

Related Council decision

31.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/71


Doplněk

Dohoda mezi Evropským společenstvím a jeho členskými státy na jedné straně a Švýcarskou konfederací na straně druhé o volném pohybu osob doplňuje zvláštní vydání 2004, kapitolu 11, svazek 41.

FTEHIM

Bejn Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni kif imfassal biċ-Ċek, Eston, Ungeriż, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Slovakk u Sloven

IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA, minn naħa waħda,

u

L-KOMUNITÀ EWROPEA,

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-RENJU TAL-OLANDA,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U TAL-IRLANDA TA’ FUQ,

min-naħa l-oħra, li minn hawn ’il quddiem jissejħu “l-Partijiet Kontraenti”,

Konvinti li l-moviment liberu tal-persuni bejn it-territorji tal-Partijiet Kontraenti huwa fattur essenzjali fl-iżvilupp armonjuż tar-relazzjonijiet tagħhom,

Determinati li jġibu fis-seħħ il-moviment liberu tal-persuni bejniethom ibbażat fuq ir-regoli li japplikaw fil-Komunità Ewropea,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU DAN IL-FTEHIM:

I.   DISPOŻIZZJONIJIET BAŻICI

Artikolu 1

Għan

L-għan ta’ dan il-Ftehim, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Iżvizzera, huwa:

(a)

li jingħata dritt ta’ dħul, residenza, aċċess għax-xogħol bħala persuni impjegati, l-istabbiliment fuq bażi ta’ impjieg indipendenti u d-dritt li joqogħdu fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

(b)

li tkun iffaċilitata l-provvista ta’ servizzi fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti, u b’mod partikolari li tkun liberalizzata l-provvista ta’ servizzi ta’ perjodu qasir;

(c)

li jingħata dritt ta’ dħul, u ta’ residenza, fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti lil persuni li ma jkollhomx attività ekonomika fil-pajjiż ospitant;

(d)

li jingħataw l-istess kondizzjonijiet ta’ għajxien, impjieg u xogħol bħal dawk li jingħataw liċ-ċittadini.

Artikolu 2

Non-diskriminazzjoni

B’applikazzjoni ta’ u skond id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III għal dan il-Ftehim, iċ-ċittadini ta’ Parti Kontraenti waħda li jkunu legalment residenti fit-territorju ta’ Parti Kontraenti oħra m’għandhomx ikunu suġġett għal kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

Artikolu 3

Id-dritt tad-dħul

Id-dritt tad-dħul taċ-ċittadini ta’ Parti Kontraenti waħda fit-territorju ta’ Parti Kontraenti oħra għandu jiġi ggarantit skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika

Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika għandhom jiġu ggarantiti sakemm ma jkunx provdut mod ieħor fl-Artikolu 10 u skond id-dispożizzjonijiet tal-Anness I.

Artikolu 5

Il-persuni li jipprovdu servizzi

(1)   Mingħajr preġudizzju għal ftehim speċifiċi oħra bejn il-Partijiet Kontraenti li jikkonċernaw speċifikament il-provvista tas-servizzi (inkluż il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi safejn dan ikopri l-provvista tas-servizzi), il-persuni li jipprovdu s-servizzi, inklużi l-kumpanniji skond id-dispożizzjonijiet tal-Anness I, għandhom ikollhom id-dritt li jipprovdu servizz fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 ġurnata ta’ xogħol effettiv f’sena kalendarja.

(2)   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom ikollhom id-dritt tad-dħul, u tar-residenza, fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra:

(a)

fejn ikollhom id-dritt li jipprovdu servizz taħt il-paragrafu 1 jew taħt id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim li jissemma fil-paragrafu 1;

(b)

jew, jekk il-kondizzjonijiet speċifikati f’(a) ma jkunux sodisfatti, fejn ikunu rċevew l-awtorizzazzjoni sabiex jipprovdu servizz mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti kkonċernata.

(3)   Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew tal-Iżvizzera li jidħlu fit-territorju ta’ Parti Kontraenti biss sabiex jirċievu servizzi għandhom ikollhom id-dritt tad-dħul u ta’ residenza.

(4)   Id-drittijiet li jissemmew f’dan l-Artikolu għandhom ikunu garantiti skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I, II u III. Il-limiti kwantitattivi tal-Artikolu 10 ma jistgħux jintużaw kontra l-persuni li jissemmew f’dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Id-dritt ta’ residenza għall-persuni li ma jeżerċitawx attività ekonomika

Id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Parti Kontraenti għandu jiġi ggarantit lill-persuni li ma jeżerċitawx attività ekonomika skond id-dispożizzjonijiet tal-Anness I relatati ma’ nies li mhumiex attivi.

Artikolu 7

Drittijiet oħra

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness I, għad-drittijiet li ġejjin li huma relatati mal-moviment liberu tal-persuni:

(a)

id-dritt għal trattament ugwali daqs iċ-ċittadini fir-rigward tal-aċċess għal, u l-eżerċizzju ta’, attività ekonomika, u l-kondizzjonijiet tal-għajxien, tal-impjieg u tax-xogħol;

(b)

id-dritt għal mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika li tagħti l-possibbiltà liċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti li jiċċaqilqu liberament ġewwa t-territorju tal-Istat ospitant u li jeżerċitaw l-okkupazzjoni tal-għażla tagħhom;

(c)

id-dritt li joqogħdu fit-territorju ta’ Parti Kontraenti wara t-tmiem ta’ attività ekonomika;

(d)

id-dritt ta’ residenza għall-membri tal-familja, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;

(e)

id-dritt tal-membri tal-familja li jeżerċitaw attività ekonomika, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;

(f)

id-dritt li jakkwistaw proprjetà immobbli safejn dan ikun marbut mal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn dan il-Ftehim;

(g)

matul il-perjodu transizzjonali, id-dritt, wara t-tmiem ta’ attività ekonomika jew ta’ perjodu ta’ residenza fit-territorju ta’ Parti Kontraenti, li jirritornaw hemmhekk sabiex jeżerċitaw attività ekonomika u d-dritt li jkollhom permess ta’ residenza temporanju mibdul f’wieħed permanenti.

Artikolu 8

Il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali

B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li:

(a)

jiġi żgurat trattament ugwali;

(b)

tiġi ddeterminata l-leġislazzjoni applikabbli;

(c)

tinħoloq aggregazzjoni, sabiex jiġi miksub u miżmum id-dritt għall-benefiċċji, u jiġu kkalkolati tali benefiċċji, b’kont meħud, mil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati, tal-perjodi kollha;

(d)

jitħallsu l-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

(e)

titrawwem assistenza u koperazzjoni amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet.

Artikolu 9

Diplomi, ċertifikati u kwalifiki oħra

Sabiex ikun iżjed faċli għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Iżvizzera li jiksbu aċċess għal u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni impjegati jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom u sabiex jipprovdu s-servizzi, il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, skond l-Anness III, fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki oħra, u tal-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Partijiet Kontraenti dwar l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet bħala persuni impjegati u bħala persuni li jaħdmu għal rashom u dwar il-provvista ta’ servizzi.

II.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet transizzjonali u żvilupp tal-Ftehim

(1)   Għal ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, l-Iżvizzera tista’ żżomm limiti kwantitattivi fir-rigward tal-aċċess għal attività ekonomika għaż-żewġ kategoriji ta’ residenza li ġejjin: residenza għal perjodu ta’ aktar minn erba’ xhur u inqas minn sena u residenza għal perjodu ta’, jew aktar minn, sena. M’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni fuq residenza għal inqas minn erba’ xhur.

Mill-bidu tas-sitt sena, il-limiti kwantitattivi kollha li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom ikunu aboliti.

(2)   Għal perjodu massimu ta’ sentejn, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jżommu l-kontrolli fuq il-prijorità tal-ħaddiema integrati fis-suq regolari tax-xogħol u fuq il-kondizzjonijiet tal-paga u tax-xogħol li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Parti Kontraenti l-oħra, inklużi l-persuni li jipprovdu s-servizzi li jissemmew fl-Artikolu 5. Qabel tmiem l-ewwel sena, il-Kumitat Konġunt għandu jqis jekk dawn ir-restrizzjonijiet jeħtieġx jinżammu jew le. Huwa jista’ jnaqqas il-perjodu massimu ta’ sentejn. Il-kontrolli fuq il-prijorità tal-ħaddiema integrati fis-suq regolari tax-xogħol m’għandhomx japplikaw għall-fornituri ta’ servizzi li ġew liberalizzati bi ftehim speċifiku bejn il-Partijiet Kontraenti li jikkonċerna l-provvista tas-servizzi (inkluż il-Ftehim dwar ċerti aspetti tal-akkwisti pubbliċi safejn dan ikopri l-provvista tas-servizzi).

(3)   Kull sena, mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u sa tmiem il-ħames sena, l-Iżvizzera għandha tirriserva, fil-kwoti totali tagħha, għall-persuni tal-Komunità Ewropea impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom mill-inqas 15 000 permess ġdid ta’ residenza li jkun validu għal perjodu ta’, jew ta’ aktar minn, sena u 115 500 permess validu għal aktar minn erba’ xhur u inqas minn sena.

(4)   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu dwar l-arranġamenti li ġejjin: jekk, wara ħames snin u sa 12-il sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, in-numru ta’ permessi ġodda ta’ residenza ta’ waħda miż-żewġ kategoriji li jissemmew fil-paragrafu 1 maħruġa lill-persuni tal-Komunità Ewropea impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom f’sena partikolari jaqbeż il-medja għat-tliet snin preċedenti b’aktar minn 10 %, l-Iżvizzera tista’, għas-sena ta’ wara, tillimita b’mod unilaterali n-numru ta’ permessi ġodda ta’ residenza ta’ dik il-kategorija għall-persuni tal-Komunità Ewropea impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom għall-medja tat-tliet snin preċedenti miżjuda b’5 %. Is-sena ta’ wara, in-numru jista’ jiġi limitat għall-istess livell.

Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti, in-numru ta’ permessi ta’ residenza ġodda maħruġa lil persuni tal-Komunità Ewropea impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom ma jistax ikun limitat għal inqas minn 15 000 permess validu fis-sena għal perjodu ta’, jew ta’ aktar minn, sena u 115 500 permess validu fis-sena għal aktar minn erba’ xhur u inqas minn sena.

(5)   Id-dispożizzjonijiet transizzjonali tal-paragrafi 1 sa 4, u b’mod partikolari dawk tal-paragrafu 2 li jikkonċernaw il-prijorità tal-ħaddiema integrati fis-suq regolari tax-xogħol u l-kontrolli fuq il-kondizzjonijiet tal-paga u tax-xogħol, m’għandhomx japplikaw għall-persuni impjegati jew għal dawk li jaħdmu għal rashom li, fi żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, ikunu awtorizzati jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti. B’mod partikolari, tali persuni għandhom igawdu minn mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika. Id-detenturi ta’ permessi ta’ residenza li jkunu validi għal sena għandhom ikollhom id-dritt li jkollhom il-permessi tagħhom imġedda; l-eżawriment tal-limiti kwantittativi ma jistax jingħata bħala raġuni sabiex dan ma jseħħx. Id-detenturi ta’ permessi ta’ residenza li jkunu validi għal perjodu ta’, jew ta’ aktar minn, sena għandhom awtomatikament ikollhom id-dritt li jkollhom il-permessi tagħhom imġedda. Tali persuni impjegati u tali persuni li jaħdmu għal rashom għalhekk għandhom igawdu d-drittijiet għall-moviment liberu mogħtija lil persuni stabbiliti fid-dispożizzjonijiet bażiċi ta’ dan il-Ftehim, u b’mod partikolari tal-Artikolu 7 tiegħu, minn meta jidħol fis-seħħ.

(6)   L-Iżvizzera għandha tgħaddi lill-Kumitat Konġunt b’mod regolari u fil-pront kwalunkwe statistika u informazzjoni utli, inklużi l-miżuri li jimplimentaw il-paragrafu 2. Parti Kontraenti tista’ titlob reviżjoni tas-sitwazzjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

(7)   L-ebda limitu kwantitattiv ma jista’ jiġi applikat għall-ħaddiema tal-fruntiera.

(8)   Id-dispożizzjonijiet transizzjonali dwar is-sigurtà soċjali u r-retroċessjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-qgħad huma stabbiliti fil-Protokoll għall-Anness II.

Artikolu 11

Il-proċedimenti ta’ appelli

(1)   Il-persuni li jkunu koperti minn dan il-Ftehim għandhom ikollhom dritt għal appell quddiem l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

(2)   L-appelli għandhom jiġu pproċessati f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

(3)   Il-persuni li jkunu koperti minn dan il-Ftehim għandhom ikollhom l-opportunità li jappellaw quddiem il-korp ġudizzjarju nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ deċiżjonijiet f’appelli, jew dwar in-nuqqas ta’ deċiżjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

Dan il-Ftehim m’għandu jipprekludi l-ebda dispożizzjoni nazzjonali aktar favorevoli li tista teżisti kemm għaċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom.

Artikolu 13

Waqfien

Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw irwieħhom li ma jadottaw l-ebda miżura restrittiva oħra vis-à-vis iċ-ċittadini ta’ xulxin fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim.

Artikolu 14

Kumitat Konġunt

(1)   Huwa b’dan stabbilit Kumitat Konġunt magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti. Huwa għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni u għall-applikazzjoni korretta tal-Ftehim. Għal dak il-għan għandu joħroġ rakkomandazzjonijiet. Għandu jieħu deċiżjonijiet fiċ-ċirkostanzi previsti fil-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jasal għad-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim reċiproku.

(2)   Fil-każ ta’ diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji, il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’, fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti, sabiex jeżamina miżuri adatti sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni. Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi liema miżuri jieħu fi żmien 60 ġurnata mid-data tat-talba. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż mill-Kumitat Konġunt. L-ambitu u l-perjodu ta’ tali miżuri m’għandhomx jeċċedu dak li huwa strettament neċessarju sabiex jinstab rimedju għas-sitwazzjoni. Għandha tingħata preferenza lill-miżuri li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim.

(3)   Għall-finijiet ta’ implimentazzjoni korretta tal-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti għandhom regolarment jiskambjaw informazzjoni u, fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

(4)   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta jkun neċessarju u mill-inqas darba fis-sena. Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ titlob li tissejjaħ laqgħa. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ fi żmien 15-il ġurnata minn talba taħt il-paragrafu 2.

(5)   Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu li għandhom jinkludu, inter alia, dispożizzjonijiet dwar kif jissejħu l-laqgħat, dwar il-ħatra tal-president u dwar il-mandat tal-president.

(6)   Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe grupp ta’ ħidma jew grupp ta’ esperti sabiex jassistuh fit-twettiq ta’ dmirijietu.

Artikolu 15

L-Annessi u l-Protokolli

L-Annessi u l-Protokolli għal dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minnu. L-Att Finali għandu jinkludi d-dikjarazzjonijiet.

Artikolu 16

Referenza għal-liġi Komunitarja

(1)   Sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa minn dan il-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi li huma ekwivalenti għal dawk li huma inklużi fl-atti legali tal-Komunità Ewropea, li ssir referenza għalihom, ikunu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

(2)   Sakemm l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tinvolvi kunċetti tal-liġi Komunitarja, għandu jittieħed kont tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. L-attenzjoni tal-Iżvizzera għandha tinġibed lejn il-ġurisprudenza ta’ wara dik id-data. Sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim jiffunzjona korrettament, il-Kumitat Konġunt għandu, fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti, jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ tali ġurisprudenza.

Artikolu 17

L-iżvilupp tal-liġi

(1)   Malli Parti Kontraenti waħda tibda l-proċess ta’ adozzjoni ta’ abbozz ta’ emenda fil-leġislazzjoni domestika tagħha, jew malli jkun hemm bidla fil-ġurisprudenza tal-awtoritajiet li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom m’hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi domestika f’qasam regolat minn dan il-Ftehim, hija għandha tinforma lill-Parti Kontraenti l-oħra permezz tal-Kumitat Konġunt.

(2)   Il-Kumitat Konġunt għandu jorganizza skambju ta’ fehmiet dwar l-implikazzjonijiet ta’ tali emenda għall-funzjonament korrett tal-Ftehim.

Artikolu 18

Reviżjoni

Jekk Parti Kontraenti tixtieq li dan il-Ftehim ikun rivedut, hija għandha tressaq proposta għal dan il-għan quddiem il-Kumitat Konġunt. L-emendi lil dan il-Ftehim għandhom jidħlu fis-seħħ wara li jitlestew il-proċeduri interni rispettivi, bl-eċċezzjoni tal-emendi għall-Annessi II u III, li għandhom jiġu adottati b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt u jistgħu jidħlu fis-seħħ immedjatament wara dik id-deċiżjoni.

Artikolu 19

Ir-riżoluzzjoni ta’ disputi

(1)   Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jressqu kwistjoni li tkun is-suġġett ta’ disputa li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim quddiem il-Kumitat Konġunt.

(2)   Il-Kumitat Konġunt jista’ jirriżolvi d-disputa. Għandha tingħata lill-Kumitat Konġunt kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun utli sabiex ikun possibbli eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni sabiex tinstab riżoluzzjoni aċċettabbli. Għal dan il-għan, il-Kumitat Konġunt għandu jqis kull mezz possibbli sabiex jinżamm il-funzjonament korrett ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 20

Ir-relazzjoni ma’ ftehim bilaterali dwar is-sigurtà soċjali

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor taħt l-Anness II, il-ftehim bilaterali dwar is-sigurtà soċjali bejn l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom jiġu sospiżi mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, safejn dan tal-aħħar ikopri l-istess suġġett.

Artikolu 21

Ir-relazzjoni ma’ ftehim bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja

(1)   Id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali bejn l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea dwar it-tassazzjoni doppja m’għandhomx ikunu milquta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jinċidu fuq id-definizzjoni fi ftehim dwar it-tassazzjoni doppja ta’ “ħaddiema tal-fruntiera”.

(2)   L-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim ma tista’ tiġi interpretata b’tali mod li tipprevjeni lill-Partijiet Kontraenti milli jiddistingwu, meta japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni fiskali tagħhom, bejn dawk li jħallsu t-taxxa li s-sitwazzjonijiet tagħhom mhumiex komparabbli, speċjalment fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom.

(3)   L-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim m’għandha timpedixxi lill-Partijiet Kontraenti milli jadottaw jew japplikaw miżuri sabiex jiżguraw l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv ta’ taxxi jew sabiex jimpedixxu l-evażjoni fiskali taħt il-leġislazzjoni jew il-ftehim fiskali nazzjonali mmirati lejn il-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja bejn l-Iżvizzera, minn naħa waħda, u Stat Membru wieħed jew aktar tal-Komunità Ewropea, min-naħa l-oħra, jew kwalunkwe arranġament fiskali ieħor.

Artikolu 22

Ir-relazzjoni ma’ ftehim bilaterali dwar materji diversi mis-sigurtà soċjali u mit-tassazzjoni doppja

(1)   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 20 u 21, dan il-Ftehim m’għandux jolqot dawk il-ftehim li jorbtu lill-Iżvizzera, minn naħa waħda, ma’ Stat Membru wieħed jew aktar tal-Komunità Ewropea, min-naħa l-oħra, bħal dawk li jikkonċernaw individwi privati, operaturi ekonomiċi, koperazzjoni transkonfinali jew traffiku lokali fuq il-fruntiera, safejn ikunu kompatibbli ma’ dan il-Ftehim.

(2)   F’każ ta’ li jkun hemm elementi li ma jkunux kompatibbli bejn tali ftehim u dan il-Ftehim, dan tal-aħħar għandu jipprevalixxi.

Artikolu 23

Id-drittijiet akkwistati

F’każ ta’ terminazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid, id-drittijiet akkwistati minn individwi privati m’għandhomx jiġu milquta. Bi ftehim reċiproku, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed fir-rigward ta’ drittijiet li qegħdin fil-proċess li jinkisbu.

Artikolu 24

L-ambitu territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorju tal-Iżvizzera u, min-naħa l-oħra, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dak it-Trattat.

Artikolu 25

Id-dħul fis-seħħ u t-tul ta’ żmien

(1)   Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skond il-proċeduri tagħhom. Għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara l-aħħar notifika tad-depożitu tal-istrumenti tar-ratifika jew ta’ approvazzjoni tas-seba’ ftehim kollha li ġejjin:

 

Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni;

 

Ftehim dwar it-trasport bl-ajru;

 

Ftehim dwar it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq it-triq jew bil-ferrovija;

 

Ftehim dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli;

 

Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-valutazzjoni ta’ konformità;

 

Ftehim dwar ċerti aspetti tal-akkwisti pubbliċi;

 

Ftehim dwar il-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika.

(2)   Dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż għal perjodu inizjali ta’ seba’ snin. Għandu jiġġedded b’mod indefinit sakemm il-Komunità Ewropea jew l-Iżvizzera ma tinnotifikax lill-Parti Kontraenti l-oħra li ddeċidiet mod ieħor qabel ma jiskadi l-perjodu inizjali. Fil-każ ta’ tali notifika, għandu japplika l-paragrafu 4.

(3)   Il-Komunità Ewropea jew l-Iżvizzera tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Parti l-oħra. Fil-każ ta’ tali notifika, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.

(4)   Is-seba’ Ftehim li jissemmew fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu japplikaw sitt xhur wara li tasal in-notifika ta’ nuqqas ta’ tiġdid li tissemma fil-paragrafu 2 jew ta’ terminazzjoni li tissemma fil-paragrafu 3.

Magħmul fil-Lussemburgu fil-wieħed u għoxrin ġurnata ta’ Ġunju fis-sena elf disa’ mija u disgħa u disgħin, duplikatament bil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża, Spanjola u Żvediża, b’kull wieħed minn dawk it-testi ugwalment awtentiku.

ANNESS I

IL-MOVIMENT LIBERU TAL-PERSUNI

I.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Id-dħul u l-ħruġ

(1)   Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħallu liċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti l-oħra u lill-membri tal-familja tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 3 ta' dan l-Anness, u lill-persuni stazzjonati, fis-sens tal-Artikolu 17 ta' dan l-Anness, jidħlu fit-territorju tagħhom sempliċement billi jippreżentaw karta tal-identità valida jew passaport validu.

L-ebda viża tad-dħul jew rekwiżit ekwivalenti ma jistgħu jintalbu ħlief fir-rigward ta' membri tal-familja u ta' ħaddiema stazzjonati fis-sens tal-Artikolu 17 ta' dan l-Anness li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta' Parti Kontraenti. Il-Parti Kontraenti kkonċernata għandha tagħti lil dawn il-persuni kull faċilità sabiex tinkiseb kwalunkwe viża neċessarja.

(2)   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħtu liċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti, u lill-membri tal-familja tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 3 ta' dan l-Anness, u lill-ħaddiema stazzjonati, fis-sens tal-Artikolu 17 ta' dan l-Anness, id-dritt li jħallu t-territorju tagħhom sempliċement billi jippreżentaw karta tal-identità valida jew passaport validu. Il-Partijiet Kontraenti ma jistgħu jitolbu l-ebda viża tal-ħruġ jew rekwiżit ekwivalenti mingħand iċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti l-oħra.

Il-Partijiet Kontraenti, fejn jaġixxu skond il-liġijiet tagħhom, għandhom joħorġu lil ċittadini ta'din ix-xorta, jew iġeddulhom, karta tal-identità jew passaport, li għandhom jiddikjaraw b'mod partikolari n-nazzjonalità tad-detentur.

Il-passaport irid ikun validu mill-inqas għall-Partijiet Kontraenti kollha u għall-pajjiżi li d-detentur irid jgħaddi minnhom meta jivvjaġġja bejniethom. Fejn il-passaport ikun l-uniku dokument li bih id-detentur jista' legalment iħalli l-pajjiż, il-perjodu ta' validità tiegħu ma jistax ikun inqas minn ħames snin.

Artikolu 2

Residenza u attività ekonomika

(1)   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet għall-perjodu transizzjonali, li huma stabbiliti fl-Artikolu 10 ta' dan il-Ftehim u fil-Kapitolu VII ta' dan l-Anness, iċ-ċittadini ta' Parti Kontraenti għandhom ikollhom id-dritt joqogħdu u jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra taħt il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitoli II sa IV. Dak id-dritt għandu jkun sostanzjat permezz tal-ħruġ ta' permess ta' residenza jew, għall-persuni minn żoni tal-fruntiera, permezz ta' permess speċjali.

Iċ-ċittadini ta' Parti Kontraenti għandhom ikollhom ukoll id-dritt li jżuru Parti Kontraenti oħra jew li jibqgħu hemmhekk wara perjodu ta' impjieg ta' inqas minn sena sabiex ifittxu impjieg u li joqogħdu hemmhekk għal ammont raġonevoli ta' żmien, li jista' jkun sa sitt xhur, sabiex ikunu jistgħu jsiru jafu dwar l-opportunitajiet ta' impjieg li jikkorrispondu għall-kwalifiki professjonali tagħhom u, jekk ikun neċessarju, jieħdu l-passi xierqa sabiex jiġu impjegati. Dawk li jkunu qed ifittxu impjieg għandhom ikollhom id-dritt, fit-territorju tal-Parti Kontraenti kkonċernata, li jirċievu l-istess għajnuna li l-aġenziji ta' impjieg f'dak l-Istat jagħtu liċ-ċittadini tiegħu. Jistgħu jiġu esklużi minn skemi ta' sigurtà soċjali għall-perjodu ta' tali residenza.

(2)   Iċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti li ma jeżerċitaw l-ebda attività ekonomika fl-Istat ospitant u li ma jkollhomx dritt ta' residenza skond id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan il-Ftehim għandhom ikollhom dritt ta' residenza sakemm jissodisfaw il-prerekwiżiti li ġew stabbiliti fil-Kapitolu V. Dak id-dritt għandu jkun sostanzjat permezz tal-ħruġ ta' permess ta' residenza.

(3)   Il-permess ta' residenza jew il-permess speċjali li jingħata liċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti għandu jinħareġ u jiġġedded bla ħlas jew fuq ħlas ta' somma li ma taqbiżx il-ħlasijiet jew it-taxxi li ċ-ċittadini ikunu meħtieġa jħallsu għall-ħruġ tal-karti tal-identità. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jissimplifikaw kemm jista' jkun il-formalitajiet u l-proċeduri sabiex jinkisbu dawk id-dokumenti.

(4)   Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jeħtieġu liċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti l-oħra li jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju.

Artikolu 3

Il-membri tal-familja

(1)   Persuna li jkollha d-dritt ta' residenza u li hija ċittadina ta' Parti Kontraenti għandha d-dritt li jingħaqdu magħha l-membri tal-familja tagħha. Persuna impjegata għandha jkollha abitazzjoni għall-familja tagħha li tkun meqjusa bħala ta' standard normali għaċ-ċittadini impjegati fir-reġjun fejn tkun impjegata, iżda din id-dispożizzjoni ma tistax twassal għal diskriminazzjoni bejn ċittadini impjegati u persuni impjegati mill-Parti Kontraenti l-oħra.

(2)   Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom:

a.

il-konjuġi u l-qraba tagħhom fil-linja dixxendenti li jkunu taħt il-21 sena jew li jkunu dipendenti;

b.

il-qraba tal-persuna fil-linja axxendenti u dawk tal-konjuġi li jkunu dipendenti mill-persuna;

c.

f'każ ta' student, il-konjuġi u t-tfal dipendenti tagħhom.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta' kwalunkwe membru tal-familja li mhux kopert mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu taħt (a), (b) u (c), jekk dik il-persuna tkun dipendenti jew tgħix fl-abitazzjoni taċ-ċittadin ta' Parti Kontraenti fil-pajjiż ta' provenjenza.

(3)   Meta jinħareġ permess ta' residenza lill-membri tal-familja ta' ċittadin ta' Parti Kontraenti, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jeħtieġu d-dokumenti elenkati hawn taħt biss:

a.

id-dokument li permezz tiegħu daħlu fit-territorju;

b.

dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta' oriġini jew ta' provenjenza bħala prova tar-relazzjoni tagħhom;

c.

għad-dipendenti, dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-istat ta' oriġini jew ta' provenjenza li jiċċertifika li jkunu dipendenti tal-persuna li tissemma fil-paragrafu 1 jew li jgħixu fid-dar tagħha f'dak l-Istat.

(4)   Il-perjodu ta' validità tal-permess ta' residenza li jinħareġ lil membru tal-familja għandu jkun l-istess bħal dak tal-permess li jinħareġ lill-persuna li huwa jiddependi minnha.

(5)   Il-konjuġi u t-tfal dipendenti jew it-tfal taħt il-21 sena ta' persuna li jkollha dritt ta' residenza għandhom ikollhom id-dritt li jibdew attività ekonomika irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

(6)   It-tfal ta' ċittadin ta' Parti Kontraenti, kemm jekk dan jeżerċita attività ekonomika fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra u kemm jekk le, għandhom jingħataw aċċess għal edukazzjoni ġenerali, apprendistati u korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali fuq l-istess bażi bħaċ-ċittadini tal-Istat ospitant, jekk dawk it-tfal qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jippromwovu inizjattivi sabiex jagħtu l-opportunità lil dawn it-tfal li jsegwu l-korsijiet li ssemmew aktar 'il fuq fl-aħjar kondizzjonijiet.

Artikolu 4

Id-dritt li joqogħdu (fit-territorju)

(1)   Iċ-ċittadini ta' Parti Kontraenti u membri tal-familja tagħhom għandhom ikollhom id-dritt li joqogħdu fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra wara li tkun intemmet l-attività ekonomika tagħhom.

(2)   Skond l-Artikolu 16 tal-Ftehim, qed issir referenza għar-Regolament (KEE) Nru 1251/70 (ĠU L 142, 1970, p. 24) (1) u għad-Direttiva 75/34/KEE (ĠU L 14, 1975, p. 10) (1).

Artikolu 5

L-ordni pubbliku

(1)   Id-drittijiet mogħtija taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim jistgħu jkunu ristretti biss permezz ta' miżuri li jkunu ġustifikati għal raġunijiet tal-ordni pubbliku, ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika.

(2)   Skond l-Artikolu 16 tal-Ftehim, qed issir referenza għad-Direttivi 64/221/KEE (ĠU 56, 1964, p. 850) (1), 72/194/KEE (ĠU L 121, 1972, p. 32) (1) u 75/35/KEE (ĠU L 14, 1975, p. 14) (1).

II.   IL-PERSUNI IMPJEGATI

Artikolu 6

Ir-regoli dwar ir-residenza

(1)   Persuna impjegata li tkun ċittadina ta' Parti Kontraenti (minn hawn 'il quddiem “persuna impjegata”) u tkun impjegata għal perjodu ta' sena jew aktar minn persuna li tħaddem fl-Istat ospitant għandha tirċievi permess ta' residenza li jkun validu għal mill-inqas ħames snin mid-data li fiha jinħareġ. Dan għandu jiġi estiż awtomatikament għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin. Meta jiġġedded għall-ewwel darba, il-perjodu ta' validità tiegħu jista' jkun limitat, iżda mhux għal inqas minn sena, fejn id-detentur tiegħu involuntarjament ikun ġie qiegħed għal aktar minn 12-il xahar konsekuttiv.

(2)   Persuna impjegata li tkun impjegata għal perjodu ta' aktar minn tliet xhur iżda inqas minn sena minn persuna li tħaddem fl-Istat ospitant għandha tirċievi permess ta' residenza għall-istess tul ta' żmien daqs il-kuntratt tagħha.

Persuna impjegata li tkun impjegata għal perjodu sa tliet xhur ma tinħtieġx permess ta' residenza.

(3)   Meta joħorġu permessi ta' residenza, il-Partijiet Kontraenti ma jistgħux jeħtieġu li persuna impjegata tippreżenta iktar mid-dokumenti li ġejjin:

(a)

id-dokument li permezz tiegħu daħlet fit-territorju tagħhom;

(b)

dikjarazzjoni kuntrattwali minn min iħaddimha jew konferma ta' ingaġġ bil-miktub.

(4)   Permess ta' residenza għandu jkun validu fit-territorju kollu tal-Istat li joħorġu.

(5)   Interruzzjonijiet fir-residenza ta' inqas minn sitt xhur konsekuttivi u assenzi sabiex ikunu sodisfatti l-obbligi tas-servizz militari m'għandhomx jinċidu fuq il-validità tal-permess ta' residenza.

(6)   Permess ta' residenza validu ma jistax jiġi rtirat mingħand persuna impjegata sempliċement għaliex din m'għadhiex taħdem, jew għaliex temporarjament ma tistax taħdem minħabba aċċident jew mard, jew għaliex b'mod involontarju tinsab qiegħda kif ġie ċċertifikat mill-uffiċċju kompetenti tal-impjiegi.

(7)   It-twettiq tal-formalitajiet sabiex jinkiseb permess ta' residenza m'għandux jimpedixxi lil applikant milli jibda jaħdem immedjatament taħt il-kuntratt li jkun ikkonkluda.

Artikolu 7

Ħaddiema tal-fruntiera impjegati

(1)   Ħaddiem tal-fruntiera impjegat huwa ċittadin ta' Parti Kontraenti li jkollhu r-residenza tiegħu fit-territorju ta' Parti Kontraenti u jeżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritorna lejn il-post ta' residenza tiegħu kuljum, jew għall-inqas darba f'ġimgħa.

(2)   Il-ħaddiema tal-fruntiera m'għandhomx jeħtieġu permess ta' residenza.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-impjieg jistgħu madanakollu joħorġu lill-ħaddiem tal-fruntiera permess speċjali għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin jew għal kemm idum l-impjieg tiegħu fejn dan ikun ta' aktar minn tliet xhur u inqas minn sena. Dan għandu jiġi estiż għal mill-inqas ħames snin sakemm il-ħaddiem tal-fruntiera jippreżenta prova li huwa tabilħaqq qed jeżerċita attività ekonomika.

(3)   Il-permessi speċjali għandhom ikunu validi fit-territorju kollu tal-Istat li joħroġhom.

Artikolu 8

Il-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika

(1)   Il-persuni impjegati għandhom ikollhom id-dritt għal mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika fit-territorju kollu tal-Istat ospitant.

(2)   Il-mobbiltà okkupazzjonali għandha tinkludi bidliet f'min iħaddem, fl-impjieg jew fl-okkupazzjoni u bidla minn status ta' impjegat għal wieħed ta' impjieg indipendenti. Il-mobbiltà ġeografika għandha tinkludi bidliet fil-post tax-xogħol u tar-residenza.

Artikolu 9

Trattament ugwali

(1)   Persuna impjegata li tkun ċittadina ta' Parti Kontraenti ma tistax tiġi trattata b'mod differenti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, minħabba n-nazzjonalità tagħha, minn ċittadini impjegati fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, speċjalment fir-rigward tal-paga, tat-tkeċċija, jew tal-għoti lura tal-post jew tal-impjieg jekk issir qiegħda.

(2)   Persuna impjegata u l-membri tal-familja tagħha li jissemmew fl-Artikolu 3 ta' dan l-Anness għandhom igawdu l-istess konċessjonijiet fiskali u l-istess benefiċċji soċjali bħaċ-ċittadini impjegati u bħall-membri tal-familja tagħhom.

(3)   Għandha wkoll ikollha d-dritt fuq l-istess bażi u bl-istess termini bħaċ-ċittadini impjegati għal edukazzjoni fi stabbilimenti ta' taħriġ vokazzjonali u f'ċentri ta' taħriġ vokazzjonali mill-ġdid u ta' riabilitazzjoni okkupazzjonali.

(4)   Kwalunkwe klawżola fi ftehim kollettiv jew individwali jew fi kwalunkwe arranġament kollettiv ieħor li jikkonċerna l-aċċess għall-impjieg, l-impjieg, il-paga u termini oħra tal-impjieg u tat-tkeċċija, għandhom isiru awtomatikament bla effett sakemm tipprovdi għal jew tawtorizza kondizzjonijiet diskriminatorji fir-rigward ta' persuni barranin impjegati li jkunu ċittadini tal-Partijiet Kontraenti.

(5)   Persuna impjegata li tkun ċittadina ta' Parti Kontraenti u li tkun impjegata fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għandha tgawdi minn trattament ugwali f'termini ta' sħubija ta' organizzazzjonijiet ta' trade unions u ta' eżerċizzju ta' drittijiet ta' union, inklużi d-dritt tal-vot u d-dritt ta' aċċess għal pożizzjonijiet eżekuttivi jew maniġerjali fi ħdan organizzazzjoni ta' trade union; tista' tkun prekluża mill-involviment fl-amministrazzjoni ta' korpi regolati mil-liġi pubblika u milli tokkupa kariga regolata mil-liġi pubblika. Barra minn hekk, għandha jkollha d-dritt li tkun eliġibbli għall-elezzjoni għal korpi li jirrapreżentaw l-impjegati f'intrapriża.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu bla preġudizzju għal-liġijiet jew għar-regolamenti fl-Istat ospitant li jagħtu drittijiet aktar estensivi lill-persuni impjegati mill-Parti Kontraenti l-oħra.

(6)   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 ta' dan l-Anness, persuna impjegata li tkun ċittadina ta' Parti Kontraenti u li tkun impjegata fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għandha tgawdi mid-drittijiet kollha u mill-vantaġġi kollha mogħtija liċ-ċittadini impjegati fir-rigward ta' djar, inkluż id-dritt ta' proprjetà fuq id-dar li teħtieġ.

Tali ħaddiem għandu jkollu l-istess dritt bħaċ-ċittadini li jirreġistra fuq il-listi tad-djar fir-reġjun fejn huwa impjegat, fejn jeżistu tali listi; għandu jgawdi mill-benefiċċji u mill-prioritajiet li jirriżultaw.

Jekk il-familja tiegħu baqgħet fl-Istat ta' provenjenza tiegħu, għandha titqies għal dan l-iskop bħala residenti fir-reġjun imsemmi, fejn il-ħaddiema nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni simili.

Artikolu 10

Impjieg fis-servizz pubbliku

Ċittadin ta' Parti Kontraenti li jeżerċita attività bħala persuna impjegata jista' jiġi rrifjutat id-dritt li jibda jaħdem fis-servizz pubbliku li jinvolvi l-eżerċizzju ta' poter pubbliku u huwa maħsub li jipproteġi l-interessi ġenerali tal-Istat jew ta' korpi pubbliċi oħra.

Artikolu 11

Il-koperazzjoni relatata ma' servizzi ta' impjieg.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkoperaw, fi ħdan in-network tal-EURES (is-Servizzi ta' Impjieg Ewropej), b'mod partikolari sabiex ikunu stabbiliti l-kuntatti, jitqabblu l-postijiet tax-xogħol battala mal-applikazzjonijiet u jkun hemm skambju ta' informazzjoni dwar l-istat tas-suq tax-xogħol u dwar il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol.

III.   PERSUNI LI JAĦDMU GĦAL RASHOM

Artikolu 12

Ir-regoli dwar ir-residenza

(1)   Ċittadin ta' Parti Kontraenti li jixtieq li jkun stabbilit fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra sabiex isegwi attività għal rasha (minn hawn 'il quddiem “persuna li taħdem għal rasha”) għandu jirċievi permess ta' residenza validu għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin mid-data li fiha jinħareġ, sakemm huwa jippreżenta prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa stabbilit jew li jixtieq jagħmel dan.

(2)   Il-permess ta' residenza għandu jiġi estiż awtomatikament għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin, sakemm il-persuna li taħdem għal rasha tippreżenta prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li teżerċita attività ekonomika permezz ta' impjieg għal rasha.

(3)   Meta jinħarġu l-permessi ta' residenza, il-Partijiet Kontraenti ma jistgħux jeħtieġu li l-persuni li jaħdmu għal rashom jippreżentaw iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

id-dokument li permezz tiegħu daħlu fit-territorju tagħhom;

(b)

il-prova li tissemma fil-paragrafi 1 u 2.

(4)   Permess ta' residenza għandu jkun validu fit-territorju kollu tal-Istat li joħorġu.

(5)   Interruzzjonijiet fir-residenza ta' inqas minn sitt xhur konsekuttivi u assenzi sabiex ikunu sodisfatti l-obbligi tas-servizz militari m'għandhomx jinċidu fuq il-validità tal-permess ta' residenza.

(6)   Permessi ta' residenza validi ma jistgħux jiġu rtirati mingħand il-persuni li jissemmew fil-paragrafu 1 sempliċement għaliex ma jibqgħux jaħdmu għaliex milquta minn inkapaċità temporanja minħabba mard jew aċċident.

Artikolu 13

Ħaddiema tal-fruntiera li jaħdmu għal rashom

(1)   Ħaddiem tal-fruntiera li jaħdem għal rasu huwa ċittadin ta' Parti Kontraenti li huwa residenti fit-territorju ta' Parti Kontraenti u li jeżerċita attività ta' impjieg għal rasu fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritorna għall-post ta' residenza tiegħu kuljum jew għall-inqas darba f'ġimgħa.

(2)   Ħaddiema tal-fruntiera li jaħdmu għal rashom m'għandhomx jinħtieġu permess ta' residenza.

L-awtoritajiet rilevanti tal-Istat ikkonċernat madanakollu jistgħu joħorġu permess speċjali lil ħaddiem tal-fruntiera li jaħdem għal rasu li jkun validu għal mill-inqas ħames snin sakemm dan jippreżenta prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li qiegħed jeżerċita jew jixtieq jeżerċita attività ta' impjieg għal rasu. Il-permess għandu jiġi estiż għal mill-inqas ħames snin, sakemm il-ħaddiem tal-fruntiera jippreżenta prova li qiegħed jeżerċita attività ta' impjieg għal rasu.

(3)   Il-permessi speċjali għandhom ikunu validi fit-territorju kollu tal-Istat li joħroġhom.

Artikolu 14

Il-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika

(1)   Il-persuni li jaħdmu għal rashom għandhom ikollhom id-dritt għal mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika fit-territorju kollu tal-Istat ospitant.

(2)   Il-mobbiltà okkupazzjonali għandha tinkludi bidla fl-okkupazzjoni u l-bdil minn status ta' persuna li taħdem għal rasha għal dak ta' impjegata. Il-mobbiltà ġeografika għandha tinkludi bidliet fil-post tax-xogħol u ta' residenza.

Artikolu 15

Trattament ugwali

(1)   Fir-rigward tal-aċċess għal attività ta' impjieg għal rasu u l-eżerċizzju tagħha, ħaddiem li jaħdem għal rasu għandu jingħata trattament fil-pajjiż ospitant li ma jkunx inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu stess.

(2)   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta' dan l-Anness għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-persuni li jaħdmu għal rashom li jissemmew f'dan il-Kapitolu.

Artikolu 16

L-eżerċizzju tal-awtorità pubblika

Persuna li taħdem għal rasha tista' tiġi mċaħħda mid-dritt li teżerċita attività li tinvolvi, anke fuq bażi okkażjonali, l-eżerċizzju ta' awtorità pubblika.

IV.   IL-PROVVISTA TA' SERVIZZI

Artikolu 17

Persuni li jipprovdu servizzi

Fir-rigward tal-provvista tas-servizzi, dan li ġej għandu jkun projbit taħt l-Artikolu 5 ta' dan il-Ftehim:

(a)

kwalunkwe restrizzjoni fuq il-provvista transkonfinali tas-servizzi fit-territorju ta' Parti Kontraenti li ma taqbiżx id-90 ġurnata ta' xogħol effettiv għal kull sena kalendarja;

(b)

kwalunkwe restrizzjoni fuq id-dritt tad-dħul u ta' residenza fil-każijiet koperti mill-Artikolu 5(2) ta' dan il-Ftehim li tikkonċerna:

(i)

il-persuni li jipprovdu s-servizzi li jkunu ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea jew tal-Iżvizzera u li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' Parti Kontraenti divers minn dak tal-persuna li tkun qiegħda tirċievi s-servizzi;

(ii)

impjegati, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, tal-persuni li jipprovdu s-servizzi, li jkunu integrati fis-suq tax-xogħol regolari ta' Parti Kontraenti waħda u ġew stazzjonati għall-provvista ta' servizz fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1.

Artikolu 18

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 ta' dan l-Anness għandhom japplikaw għall-kumpanniji iffurmati skond il-liġi ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew tal-Iżvizzera u li għandhom l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju ta' Parti Kontraenti.

Artikolu 19

Persuna li tipprovdi servizzi li jkollha d-dritt jew li ġiet awtorizzata sabiex tipprovdi servizz tista', għall-finijiet tal-provvista tiegħu, teżerċita temporanjament l-attività tagħha fl-Istat fejn jiġi provdut is-servizz bl-istess termini bħal dawk imposti minn dak l-Istat fuq iċ-ċittadini tiegħu, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness u tal-Annessi II u III.

Artikolu 20

(1)   Il-persuni li jissemmew fl-Artikolu 17(b) ta' dan l-Anness li jkollhom id-dritt li jipprovdu servizz m'għandhomx jeħtieġu permess ta' residenza għal perjodi ta' residenza ta' 90 ġurnata jew inqas. Tali residenza għandha tkun koperta mid-dokumenti li jissemmew fl-Artikolu 1, li permezz tagħhom daħlu fit-territorju.

(2)   Il-persuni li jissemmew fl-Artikolu 17(b) ta' dan l-Anness li jkollhom id-dritt jew li ġew awtorizzati sabiex jipprovdu servizz għal perjodu li jaqbeż id-90 ġurnata għandhom jirċievu, sabiex jissostanzjaw dak id-dritt, permess ta' residenza għal perjodu daqs dak tal-provvista tas-servizzi.

(3)   Id-dritt ta' residenza għandu japplika fit-territorju kollu tal-Iżvizzera jew tal-Istat Membru tal-Komunità Ewropea kkonċernat.

(4)   Għall-finijiet ta' ħruġ ta' permessi ta' residenza, il-Partijiet Kontraenti ma jistgħux jeħtieġu mill-persuni li jissemmew fl-Artikolu 17(b) ta' dan l-Anness iktar minn:

(a)

id-dokument li permezz tiegħu daħlu fit-territorju;

(b)

il-prova li qed jipprovdu jew jixtiequ jipprovdu servizz.

Artikolu 21

(1)   Il-perjodu totali tal-provvista tas-servizzi taħt l-Artikolu 17(a) ta' dan l-Anness, kemm jekk kontinwa kif ukoll jekk tikkonsisti f'perjodi suċċessivi ta' provvista, ma jistax jaqbeż id-90 ġurnata ta' xogħol effettiv għal kull sena kalendarja.

(2)   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-twettiq, mill-persuna li tipprovdi servizz, tal-obbligi legali tagħha taħt il-garanzija mogħtija lill-persuna li tirċievi s-servizz jew għal każijiet ta' force majeure.

Artikolu 22

(1)   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 u 19 ta' dan l-Anness m'għandhomx japplikaw għal attivitajiet li jinvolvu, anki fuq bażi okkażżjonali, l-eżerċizzju ta' awtorità pubblika fil-Parti Kontraenti kkonċernata.

(2)   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 u 19 ta' dan l-Anness u l-miżuri li ġew adottati taħthom m'għandhomx jipprekludu l-applikabbiltà ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jipprovdu għall-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg għall-persuni impjegati li ġew stazzjonati sabiex jipprovdu servizz. Skond l-Artikolu 16 ta' dan il-Ftehim, qiegħda ssir referenza għad-Direttiva 96/71/KE tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas tal-provvista ta' servizzi (ĠU L 18, 1997, p. 1) (2).

(3)   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17(a) u 19 ta' dan l-Anness għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jipprevalixxu fil-Partijiet Kontraenti kollha fi żmien id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim fir-rigward ta':

(i)

l-attivitajiet ta' aġenziji ta' impjieg temporanji u ad interim;

(ii)

servizzi finanzjarji fejn il-provvista tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel fit-territorju ta' Parti Kontraenti u l-fornitur ikun suġġett għal superviżjoni prudenzjali mill-awtoritajiet ta' dik il-Parti Kontraenti.

(4)   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17(a) u 19 ta' dan l-Anness għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi rispettivi tal-Partijiet Kontraenti li jikkonċernaw il-provvista ta' servizzi ta' 90 ġurnata ta' xogħol effettiv jew inqas li jkunu meħtieġa minn rekwiżiti imperattivi fl-interess pubbliku.

Artikolu 23

Il-persuni li jirċievu s-servizzi

(1)   Persuna li tirċievi s-servizzi fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta' dan il-Ftehim m'għandhiex teħtieġ permess ta' residenza għal perjodu ta' residenza ta' tliet xhur jew inqas. Għal perjodu li jaqbeż it-tliet xhur, għandu jinħareġ, lil persuna li tirċievi s-servizzi, permess ta' residenza daqs kemm idum is-servizz. Tista' tkun eskluża minn skemi ta' sigurtà soċjali matul il-perjodu ta' residenza tagħha.

(2)   Permess ta' residenza għandu jkun validu fit-territorju kollu tal-Istat li joħorġu.

V.   IL-PERSUNI LI MA JEŻERCITAWX ATTIVITÀ EKONOMIKA

Artikolu 24

Ir-regoli dwar ir-residenza

(1)   Persuna li tkun ċittadina ta' Parti Kontraenti li ma teżerċitax attività ekonomika fl-Istat ta' residenza u li m'għandha l-ebda dritt ta' residenza skond id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan il-Ftehim għandha tirċievi permess ta' residenza validu għal mill-inqas ħames snin sakemm iġġib prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandha, għaliha stess u għall-membri tal-familja tagħha:

(a)

mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex ma jkollhiex tapplika għall-benefiċċji tal-assistenza soċjali matul iż-żjara tagħha;

(b)

kopertura tal-assigurazzjoni kontra r-riskji kollha ta' mard (3).

Il-Partijiet Kontraenti jistgħu, jekk iqisuh neċessarju, jeħtieġu li l-permess ta' residenza jiġi validat mill-ġdid fi tmiem l-ewwel sentejn ta' residenza.

(2)   Il-mezzi finanzjarji għandhom jitqiesu bħala suffiċjenti jekk jaqbżu l-ammont li taħtu ċ-ċittadini, b'kont meħud tas-sitwazzjoni personali tagħhom u, fejn ikun xieraq, dik tal-familja tagħhom, jistgħu jitolbu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Fejn dik il-kondizzjoni ma tistax tiġi applikata, il-mezzi finanzjarji tal-applikant għandhom jitqiesu bħala suffiċjenti jekk ikunu akbar mil-livell tal-pensjoni minima tas-sigurtà soċjali li titħallas mill-Istat ospitant.

(3)   Persuni li kienu impjegati għal inqas minn sena fit-territorju ta' Parti Kontraenti jistgħu joqogħdu hemm sakemm jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-benefiċċji tal-qgħad li għalihom għandhom dritt taħt il-liġi nazzjonali li fejn xieraq, tkun komplementata mid-dispożizzjonijiet tal-Anness II, għandhom jitqiesu bħala mezzi finanzjarji fis-sens tal-paragrafi 1(a) u 2 ta' dan l-Artikolu.

(4)   Student li m'għandux dritt ta' residenza fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra fuq il-bażi ta' kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan il-Ftehim għandu jinħariġlu permess ta' residenza għal perjodu limitat għal dak tat-taħriġ jew għal sena, jekk it-taħriġ idum aktar minn sena, sakemm jissodisfa lill-awtorità nazzjonali kkonċernata, permezz ta' dikjarazzjoni jew, jekk jagħżel dan, bi kwalunkwe mezz ieħor li jkun tal-inqas ekwivalenti, li jkollhu mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jiżgura li la huwa, la l-mara u lanqas it-tfal dipendenti tiegħu ma jkunu se jagħmlu kwalunkwe talba għas-sigurtà soċjali tal-Istat ospitant matul iż-żjara tagħhom, u sakemm huwa jkun reġistrat fi stabbiliment approvat għall-iskop li jsegwi, bħala l-attività prinċipali tiegħu, kors ta' taħriġ vokazzjonali u jkolluu kopertura tal-assigurazzjoni tal-mard kontra kull riskju. Dan il-Ftehim ma jirregolax l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali jew għall-għajnuna ta' manteniment li tingħata lill-istudenti li jkunu koperti minn dan l-Artikolu.

(5)   Permess ta' residenza għandu jiġi estiż awtomatikament għal mill-inqas ħames snin sakemm jibqgħu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà. Il-permessi ta' residenza għall-istudenti għandhom jiġu estiżi kull sena għal perjodu daqs il-perjodu ta' taħriġ li jkun fadal.

(6)   Interruzzjonijiet fir-residenza ta' inqas minn sitt xhur konsekuttivi u assenzi sabiex ikunu sodisfatti l-obbligi tas-servizz militari m'għandhomx jolqtu l-validità tal-permess ta' residenza.

(7)   Permess ta' residenza għandu jkun validu fit-territorju kollu tal-Istat li joħorġu.

(8)   Id-dritt ta' residenza għandu jibqa' sakemm il-benefiċjarji ta' dak id-dritt jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

VI.   IX-XIRI TA' PROPRJETÀ IMMOBBLI

Artikolu 25

(1)   Ċittadin ta' Parti Kontraenti li jkollhu dritt ta' residenza u li jkollhu r-residenza prinċipali tiegħu fl-Istat ospitant għandu jgawdi l-istess drittijiet bħal ċittadin fir-rigward tax-xiri ta' proprjetà immobbli. Jista' jistabbilixxi r-residenza prinċipali tiegħu fl-Istat ospitant meta jrid skond ir-regoli nazzjonali rilevanti irrispettivament minn kemm idum l-impjieg tiegħu. It-tluq mill-Istat ospitant m'għandu jinvolvi l-ebda obbligu li jiddisponi minn tali proprjetà.

(2)   Iċ-ċittadin ta' Parti Kontraenti li jkollhu dritt ta' residenza iżda li ma jkollux ir-residenza prinċipali tiegħu fl-Istat ospitant għandu jgawdi mill-istess drittijiet bħal ċittadin fir-rigward tax-xiri ta' proprjetà immobbli meħtieġa għall-attività ekonomika tiegħu. It-tluq mill-Istat ospitant m'għandu jinvolvi l-ebda obbligu li jiddisponi minn tali proprjetà. Jista' wkoll ikun awtorizzat jixtri t-tieni residenza jew villeġjatura. Dan il-Ftehim m'għandux jolqot ir-regoli li japplikaw għal investiment purament ta' kapital jew għall-kummerċ ta' art mhux mibnija u ta' appartamenti.

(3)   Ħaddiem tal-fruntiera għandu jgawdi mill-istess drittijiet bħal ċittadin fir-rigward tax-xiri ta' proprjetà immobbli għall-attività ekonomika tiegħu u bħala residenza sekondarja. It-tluq mill-Istat ospitant m'għandu jinvolvi l-ebda obbligu li jiddisponi minn tali proprjetà. Jista' wkoll ikun awtorizzat jixtri villeġjatura. Dan il-Ftehim m'għandux jolqot ir-regoli li japplikaw fl-Istat ospitant għal investiment purament ta' kapital jew għall-kummerċ ta' art mhux mibnija u ta' appartamenti.

VII.   DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI U ŻVILUPP TAL-FTEHIM

Artikolu 26

Dispożizzjonijiet ġenerali

(1)   Meta r-restrizzjonijiet kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 10 ta' dan il-Ftehim ikunu applikati, id-dispożizzjonijiet inklużi f'dan il-Kapitolu għandhom jissupplimentaw jew jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan l-Anness, skond kif ikun il-każ.

(2)   Meta r-restrizzjonijiet kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 10 ta' dan il-Ftehim ikunu applikati, l-eżerċizzju ta' attività ekonomika għandu jkun suġġett għall-ħruġ ta' permess ta' residenza u/jew tax-xogħol.

Artikolu 27

Regoli relatati mar-residenza ta' persuni impjegati

(1)   Il-permess ta' residenza ta' persuna impjegata li jkollha kuntratt ta' impjieg għal perjodu ta' inqas minn sena għandu jkun estiż sa total ta' 12-il xahar sakemm il-persuna impjegata tipprova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li kapaċi teżerċita attività ekonomika. Għandu jinħareġ permess ta' residenza ġdid sakemm il-persuna impjegata iġġib prova li hija kapaċi teżerċita attività ekonomika u li l-limiti kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 10 ta' dan il-Ftehim ma ntlaħqux. M'għandu jkun hemm l-ebda obbligu li persuna titlaq mill-pajjiż bejn żewġ kuntratti ta' impjieg skond l-Artikolu 24 ta' dan l-Anness.

(2)   Matul il-perjodu li jissemma fl-Artikolu 10(2) ta' dan il-Ftehim, Parti Kontraenti tista' teħtieġ li jiġi preżentat kuntratt bil-miktub jew abbozz ta' kuntratt qabel ma jinħareġ l-ewwel permess ta' residenza.

(3)

(a)

Il-persuni li preċedentement kellhom impjiegi temporanji fit-territorju tal-Istat ospitant għal mill-inqas 30 xahar għandhom ikollhom awtomatikament id-dritt li jibdew jaħdmu għal perjodu mhux limitat (4). Ma jistgħux jiġu mċaħħda dan id-dritt minħabba li ġie eżawrit in-numru ggarantit ta' permessi ta' residenza.

(b)

Il-persuni li preċedentement kellhom impjieg staġjonali fit-territorju tal-Istat ospitant għal total ta' mhux inqas minn 50 xahar matul l-aħħar 15-il sena u ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet sabiex ikollhom id-dritt għal permess ta' residenza skond id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) hawn fuq għandhom ikollhom awtomatikament id-dritt li jibdew jaħdmu għal perjodu mhux limitat.

Artikolu 28

Ħaddiema tal-fruntiera impjegati

(1)   Ħaddiem tal-fruntiera impjegat huwa ċittadin ta' Parti Kontraenti li jkollhu l-post ta' residenza normali tiegħu fiż-żoni tal-fruntiera tal-Iżvizzera jew ta' Stati ġirien u li jeżerċita attività bħala persuna impjegata fiż-żoni tal-fruntiera ta' Parti Kontraenti oħra fejn ġeneralment jirritorna għar-residenza prinċipali tiegħu kuljum, jew għall-inqas darba f'ġimgħa. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “żoni tal-fruntiera” tfisser iż-żoni definiti fil-ftehim li ġew konklużi bejn l-Iżvizzera u l-ġirien tagħha dwar moviment fiż-żoni tal-fruntiera.

(2)   Il-permess speċjali għandu jkun validu fiż-żona tal-fruntiera kollha tal-Istat li joħorġu.

Artikolu 29

Id-dritt tal-persuni impjegati li jirritornaw

(1)   Persuna impjegata li, fid-data li fiha daħal fis-seħħ dan il-Ftehim, kellha permess validu ta' residenza għal mill-inqas sena u li wara ħalliet il-pajjiż ospitant għandha jkollha d-dritt għal aċċess preferenzjali għall-kwota għal permess ġdid ta' residenza fi żmien sitt snin mit-tluq tagħha sakemm iġġib prova li hija kapaċi ssegwi attività ekonomika.

(2)   Ħaddiem tal-fruntiera għandu jkollu d-dritt għal permess speċjali ġdid fi żmien sitt snin mit-tmiem tal-impjieg preċedenti tiegħu tul perjodu mhux interrott ta' tliet snin, bla ħsara għall-verifika tal-kondizzjonijiet tal-paga u tax-xogħol tiegħu jekk huwa impjegat għas-sentejn ta' wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, sakemm iġib prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa kapaċi jeżerċita attività ekonomika.

(3)   Iż-żgħażagħ li ħallew it-territorju ta' Parti Kontraenti wara li kienu joqogħdu hemmhekk għal mill-inqas ħames snin qabel ma kellhom 21 sena għandhom ikollhom id-dritt għal perjodu ta' erba' snin li jirritornaw f'dak il-pajjiż u jeżerċitaw attività ekonomika.

Artikolu 30

Il-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika ta' persuni impjegati

(1)   Persuna impjegata li jkollha permess ta' residenza validu għal inqas minn sena, għat-tnax-il xahar wara l-bidu tal-impjieg tagħha, għandha jkollha d-dritt għal mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika. Id-dritt għal bidla fl-istatus minn persuna impjegata għal persuna li taħdem għal rasha għandu jkun permess ukoll bla ħsara għall-konformità mal-Artikolu 10 ta' dan il-Ftehim.

(2)   Il-permessi speċjali li jinħarġu lill-ħaddiema tal-fruntiera impjegati għandhom jagħtu d-dritt għal mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika fiż-żoni tal-fruntiera kollha tal-Iżvizzera jew tal-Istati ġirien tagħha.

Artikolu 31

Ir-regoli relatati mar-residenza ta' persuni li jaħdmu għal rashom

Ċittadin ta' Parti Kontraenti li jixtieq li jkun stabbilit fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra sabiex isegwi attività ta' impjieg għal rasu (minn hawn 'il quddiem “ħaddiem li jaħdem għal rasu”) għandu jirċievi permess ta' residenza li jkun validu għal perjodu ta' sitt xhur. Għandu jirċievi permess ta' residenza li jkun validu għal mill-inqas ħames snin sakemm iġib prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qabel it-tmiem tal-perjodu ta' sitt xhur li huwa qiegħed jeżerċita attività ta' impjieg għal rasu. Jekk ikun neċessarju, il-perjodu ta' sitt xhur jista' jkun estiż b'massimu ta' xahrejn jekk ikun hemm probabbiltà ġenwina li se jippreżenta tali prova.

Artikolu 32

Il-ħaddiema tal-fruntiera li jaħdmu għal rashom

(1)   Ħaddiem tal-fruntiera li jaħdem għal rasu huwa ċittadin ta' Parti Kontraenti li s-soltu joqgħod fiż-żoni tal-fruntiera tal-Iżvizzera jew tal-Istati ġirien u jeżerċita attività ta' impjieg għal rasu fiż-żoni tal-fruntiera tal-Parti Kontraenti l-oħra fejn, fil-prinċipju, ġeneralment jirritorna lejn ir-residenza prinċipali tiegħu kuljum jew għall-inqas darba f'ġimgħa. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “żoni tal-fruntiera” tfisser iż-żoni definiti fil-ftehim li ġew konklużi bejn l-Iżvizzera u l-Istati ġirien tagħha dwar moviment fiż-żoni tal-fruntiera.

(2)   Ċittadin ta' Parti Kontraenti li, fil-kapaċità tiegħu bħala ħaddiem tal-fruntiera, jixtieq jeżerċita attività ta' impjieg għal rasu fiż-żoni tal-fruntiera tal-Iżvizzera jew tal-Istati ġirien tagħha għandu jirċievi permess preliminari speċjali ta' sitt xhur bil-quddiem. Għandu jirċievi permess speċjali għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin sakemm iġib prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, qabel it-tmiem ta' dak il-perjodu ta' sitt xhur, li huwa qiegħed jeżerċita attività ta' impjieg għal rasu. Jekk ikun neċessarju, il-perjodu ta' sitt xhur jista' jkun estiż b'massimu ta' xahrejn jekk hemm probabbiltà ġenwina li se jippreżenta tali prova.

(3)   Il-permessi speċjali għandhom ikunu validi fiż-żona tal-fruntiera kollha tal-Istat li joħroġhom.

Artikolu 33

Id-dritt tal-persuni li jaħdmu għal rashom li jirritornaw

(1)   Persuna li taħdem għal rasha li kellha permess ta' residenza li kien validu għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin u li ħalliet l-Istat ospitant għandha jkollha d-dritt għal permess ġdid fi żmien sitt snin mit-tluq tagħha sakemm diġà ħadmet fil-pajjiż ospitant għal perjodu mhux interrott ta' tliet snin u sakemm iġgib prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li hija kapaċi ssegwi attività ekonomika.

(2)   Ħaddiem tal-fruntiera li jaħdem għal rasu għandu jkollu d-dritt għal permess speċjali ġdid fi żmien perjodu ta' sitt snin mit-tmiem tal-attività preċedenti li damet għal perjodu mhux interrott ta' erba' snin sakemm iġib prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa kapaċi jeżerċita attività ekonomika.

(3)   Iż-żgħażagħ li ħallew it-territorju ta' Parti Kontraenti wara li kienu joqogħdu hemm għal mill-inqas ħames snin qabel ma kellhom 21 sena għandhom ikollhom id-dritt għal perjodu ta' erba' snin li jirritornaw f'dak il-pajjiż u jeżerċitaw attività ekonomika.

Artikolu 34

Il-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika tal-persuni li jaħdmu għal rashom

Il-permessi speċjali li jinħarġu lill-ħaddiema tal-fruntiera li jaħdmu għal rashom għandhom jagħtu d-dritt għal mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika fiż-żoni tal-fruntiera tal-Iżvizzera jew tal-Istati ġirien tagħha. Il-permessi ta' residenza preliminari ta' sitt xhur li jinħarġu bil-quddiem (fil-każ tal-ħaddiema tal-fruntiera, permessi speċjali) għandhom jagħtu d-dritt għall-mobbiltà ġeografika biss.

PROTOKOLL DWAR IR-RESIDENZI SEKONDARJI FID-DANIMARKA

Il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li l-Protokoll Nru 1 għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-akkwist ta’ proprjetà immobbli fid-Danimarka japplika wkoll għal dan il-Ftehim dwar l-akkwist tat-tieni dar min-naħa taċ-ċittadini Żvizzeri fid-Danimarka.

PROTOKOLL DWAR IL-GŻEJJER AALAND

Il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li l-Protokoll Nru 2 għall-Att tal-Adeżjoni tal-Finlandja għall-Unjoni Ewropea dwar il-Gżejjer Aaland japplika wkoll għal dan il-Ftehim.

L-ATT FINALI

Il-plenipotenzjarji ta’

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-RENJU TAL-OLANDA,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U TAL-IRLANDA TA’ FUQ,

u

TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

minn naħa waħda

u

TAL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA,

min-naħa l-oħra,

li ltaqgħu fil-21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu sabiex ikun iffirmat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, adottaw id-Dikjarazzjonijiet Konġunti li jissemmew aktar ‘l isfel u li huma mehmuża ma’ dan l-Att Finali:

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-liberalizzazzjoni ġenerali tal-provvista tas-servizzi,

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-pensjonijiet tal-irtirar tal-impjegati preċedenti tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej li huma residenti fl-Iżvizzera,

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-ftehim,

Dikjarazzjoni Konġunta dwar aktar negozjati.

Ħadu nota wkoll tad-dikjarazzjonijiet li ġejjin li huma annessi ma’ dan l-Att Finali:

Dikjarazzjoni mill-Iżvizzera dwar it-tiġdid tal-Ftehim,

Dikjarazzjoni mill-Iżvizzera dwar il-migrazzjoni u l-politika ta’ kenn politiku,

Dikjarazzjoni mill-Iżvizzera dwar ir-rikonoxximent tad-diplomi tal-arkitetti,

Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha dwar l-Artikoli 1 u 17 tal-Anness I,

Dikjarazzjoni dwar l-attendenza Żvizzera għall-kumitati.

Magħmul fil-Lussemburgu fil-wieħed u għoxrin ġurnata ta’ Ġunju fis-sena elf disa’ mija u disgħa u disgħin.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

dwar il-liberalizzazzjoni ġenerali tal-provvista tas-servizzi

Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw irwieħhom li jibdew kemm jista' jkun malajr in-negozjati dwar il-liberalizzazzjoni ġenerali tal-provvista tas-servizzi fuq il-bażi tal-acquis communautaire.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

dwar il-pensjonijiet tal-irtirar tal-impjegati preċedenti tal-istituzzjonijiet tal-komunitajiet ewropej li huma residenti fl-iżvizzera

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Iżvizzera jimpenjaw irwieħhom li jfittxu soluzzjoni xierqa għall-problema tat-tassazzjoni doppja tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impjegati preċedenti tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej li huma residenti fl-Iżvizzera.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

dwar l-applikazzjoni tal-ftehim

Il-Partijiet Kontraenti se jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex japplikaw l-acquis communautaire għaċ-ċittadini tal-Parti Kontraenti l-oħra skond il-Ftehim li ġie konkluż bejniethom.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

dwar aktar negozjati

Il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jidħlu f’negozjati sabiex jikkonkludu ftehim f’oqsma ta’ interess komuni bħall-aġġornament tal-Protokoll 2 għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-1972 u l-parteċipazzjoni Żvizzera f’ċerti programmi ta’ taħriġ, taż-żgħażagħ, tal-medja, tal-istatistika u tal-ambjent tal-Komunità. Ix-xogħol preparatorju għal dawn in-negozjati għandu jipproċedi b’rata mgħaġġla hekk kif in-negozjati bilaterali korrenti jiġu konklużi.

DIKJARAZZJONI MILL-IŻVIZZERA

dwar it-tiġdid tal-ftehim

L-Iżvizzera tiddikjara li se tilħaq deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-ftehim matul is-seba’ sena tal-applikazzjoni tiegħu, fuq il-bażi tal-proċeduri interni applikabbli.

DIKJARAZZJONI MILL-IŻVIZZERA

dwar il-politika ta’ migrazzjoni u ta’ kenn politiku

L-Iżvizzera tafferma mill-ġdid ix-xewqa tagħha li tirrinforza l-koperazzjoni mal-UE u mal-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-politika ta’ migrazzjoni u ta’ kenn politiku. Għal dan il-għan, l-Iżvizzera hija lesta li tipparteċipa fis-sistema tal-UE għall-koordinazzjoni tal-applikazzjoni għall-kenn politiku, u tipproponi li jinbdew negozjati għall-konklużjoni ta’ konvenzjoni li tkun parallela għall-Konvenzjoni ta’ Dublin (Konvenzjoni li Tiddetermina l-Istat Responsabbli sabiex Jeżamina l-Applikazzjonijiet għall-Kenn Politiku li ġew Iddepożitati f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990).

DIKJARAZZJONI MILL-IŻVIZZERA

dwar ir-rikonoxximent tad-diplomi tal-arkitetti

L-Iżvizzera se tipproponi lill-Kumitat Konġunt tal-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni, malli dan ikun stabbilit, li tittieħed deċiżjoni sabiex id-diplomi tal-arkitetti li jingħataw mill-universitajiet Żvizzeri tax-xjenzi applikati jkunu inklużi fl-Anness III għall-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/384/KEE tal-10 ta’ Ġunju 1986.

DIKJARAZZJONI MILL-KOMUNITÀ U MILL-ISTATI MEMBRI TAGĦHA

dwar l-artikoli 1 u 17 tal-anness I

Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiddikjaraw li l-Artikoli 1 u 17 tal-Anness I għall-Ftehim għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-acquis communautaire fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta’ stazzjonar ta’ impjegati li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz fil-kuntest tal-provvista transkonfinali tas-servizzi.

DIKJARAZZJONI

dwar l-attendenza żvizzera għall-Kumitati

Il-Kumitat jaqbel li r-rappreżentanti tal-Iżvizzera jistgħu, sa fejn il-kwistjonijiet ikun jikkonċernawhom, jattendu l-laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi esperti ta’ ħidma li ġejjin bħala osservaturi:

il-kumitati ta’ programmi ta’ riċerka, inkluż il-Kumitat tar-Riċerka Xjentifika u Teknika (CREST);

il-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti;

il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi tal-edukazzjoni superjuri;

il-kumitati konsultattivi dwar ir-rotot tal-ajru u dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

Ir-rappreżentanti tal-Iżvizzera ma għandhomx ikunu preżenti meta jivvutaw dawn il-kumitati.

Fil-każ ta’ kumitati oħrajn li jittrattaw oqsma koperti minn dawn l-istrumenti ta’ ftehim li fihom l-Iżvizzera adottat l-acquis communautaire jew miżuri ekwivalenti, il-Kummissjoni sejra tikkonsulta lill-esperti Żvizzeri permezz tal-metodu speċifikat fl-Artikolu 100 tal-Ftehim ŻEE.


(1)  Kif inhu fis-seħħ fid-data ta' l-iffirmar tal-Ftehim.

(2)  Kif inhu fis-seħħ fid-data ta' l-iffirmar tal-Ftehim.

(3)  Fl-Iżvizzera, l-assigurazzjoni kontra l-mard għal persuni li ma jagħżlux li jagħmluha d-domiċilju tagħhom trid tinkludi kopertura f'każ ta' aċċidenti u maternità.

(4)  M'għandhomx ikunu suġġetti għall-prijorità mogħtija lill-ħaddiema li jkunu integrati fis-suq regolari tax-xogħol jew għall-monitoraġġ tal-konformità mal-kondizzjonijiet tal-paga u ta' l-impjieg f'settur jew f'post partikolari.


Top