32010D0444

2010/444/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/444/PESK tal- 11 ta’ Awwissu 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM)

Official Journal L 211 , 12/08/2010 P. 0032 - 0032


Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/444/PESK

tal- 11 ta’ Awwissu 2010

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1) Fis- 17 ta’ Ottubru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/724/PESK [1] li taħtar lis-Sur Erwan FOUÉRÉ bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem "ir-RSUE") f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM).

(2) Fis- 16 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/156/PESK [2] li testendi l-mandat tar-RSUE sal- 31 ta’ Awwissu 2010.

(3) Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sat- 28 ta’ Frar 2011 jew sakemm il-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem "ir-RGħ"), li funzjonijiet adatti korrispondenti għal dawk skont id-Deċiżjoni 2010/156/PESK ġew stabbiliti fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u jtemm il-mandat.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/156/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Erwan FOUÉRÉ bħala r-RSUE f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huwa b’dan estiż sat- 28 ta’ Frar 2011 jew sakemm il-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta mir-RG, li funzjonijiet adatti korrispondenti għal dawk skont id-Deċiżjoni attwali ġew stabbiliti fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u jtemm il-mandat.";

(2) L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 5

Finanzjament

1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill- 1 ta’ April 2010 sal- 31 ta’ Awwissu 2010 għandu jkun ta’ EUR 340000.

2. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill- 1 ta’ Settembru 2010 sat- 28 ta’ Frar 2011 għandu jkun ta’ EUR 310000.

3. In-nefqa għandha tiġi amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għan-nefqa kollha.".

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brusell, il- 11 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. Vanackere

[1] ĠU L 272, 18.10.2005, p. 26.

[2] ĠU L 67, 17.3.2010, p. 6.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet