4.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 314/16


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2023 – Imerys Aluminates Groupe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-391/23)

(2023/C 314/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Imerys Aluminates Groupe (Pariġi, Franza) (rappreżentant: Y. Martinet, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li l-Kummissjoni Ewropea, f’dokument imsejjaħ “Frequently Asked Questions on Free Allocation Rules for the EU ETS post 2020” (Mistoqsijijiet li Jsiru Spiss dwar Regoli ta’ Allokazzjoni B’Xejn fl-Unjoni Ewropea wara l-2020), bid-data tat-22 ta’ Lulju 2019, adottat interpretazzjoni li taffettwa ħażin lir-rikorrenti u li torbot lill-Istati Membri, kif interpretata mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) (qorti nazzjonali tal-aħħar istanza);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tikkumpensa d-dannu subit mill-kumpannija Imerys Aluminates minħabba l-adozzjoni tad-dokument imsejjaħ “Frequently Asked Questions on Free Allocation Rules for the EU ETS post 2020” (Mistoqsijijiet li Jsiru Spiss dwar Regoli ta’ Allokazzjoni B’xejn fl-Unjoni Ewropea wara l-2020), bid-data tat-22 ta’ Lulju 2019, li jammontaw għal EUR 40 075 347;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas imwettaq mill-Kummissjoni li jirriżulta mill-adozzjoni ta’ dokument tat-22 ta’ Lulju 2019 intitolat “Frequently Asked Questions on Free Allocation Rules for the EU ETS post 2020” (Mistoqsijijiet li Jsiru Spiss dwar Regoli ta’ Allokazzjoni B’Xejn fl-Unjoni Ewropea wara l-2020, iktar 'il quddiem il-“FAQ”). Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

L-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

It-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

It-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali fil-każ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1447 tat-12 ta’ Marzu 2021 li jiddetermina l-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2021 sal-2025 skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għandu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi b’mod impliċitu r-regoli ta’ interpretazzjoni espliċitament stipulati fil-FAQ bid-data tat-22 ta’ Lulju 2019.


(1)  ĠU 2021, L 87, p. 29.