18.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 329/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija) fid-29 ta’ Ġunju 2023 – Proċeduri kriminali kontra VB

(Kawża C-400/23, VB II)

(2023/C 329/15)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski gradski sad

Parti fil-proċeduri prinċipali

VB

Domandi preliminari

1.1

It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (1) għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn persuna tiġi kkundannata in absentia, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, u fejn tkun ġiet imposta fuqha piena li ċċaħħadha mil-libertà, din il-persuna għandha tiġi informata bid-deċiżjoni tal-kundanna tagħha waqt l-arrest tagħha għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena?

1.2

X’tifsira għandha tingħata lir-rekwiżit previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, li “jiġu infurmati bid-deċiżjoni”, u dan ir-rekwiżit jeħtieġ li tingħata kopja ta’ din id-deċiżjoni?

1.3

Fir-rigward ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni parti ta’ din l-ewwel domanda, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 tipprekludi d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li tiżgura li tingħata kopja ta’ din id-deċiżjoni?

2.1

Leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ eżami ta’ akkuża kriminali u ta’ għoti ta’ deċiżjoni ta’ kundanna fl-assenza tal-persuna kkundannata, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, ma tipprevedi ebda modalità u ebda kundizzjoni ta’ informazzjoni tal-persuna kkundannata in absentia dwar id-dritt tagħha għal proċess ġdid fil-preżenza tagħha u, b’mod iktar preċiż, ma tipprevedix li tali informazzjoni għandha tingħata waqt l-arrest tal-persuna kkundannata in absentia, hija kompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343?

2.2

Huwa rilevanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 423 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”)) tipprevedi l-għoti lill-persuna kkundannata in absentia ta’ informazzjoni dwar id-dritt tagħha għal proċess ġdid, iżda dan biss wara li din il-persuna tkun talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ kundanna u proċess ġdid fil-preżenza tagħha, billi din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha fil-forma ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata b’reazzjoni għal din it-talba?

2.3

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, ir-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2016/343 ikunu osservati jekk il-qorti li teżamina akkuża kriminali u tagħti deċiżjoni ta’ kundanna fil-konfront ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ proċedura kriminali in absentia, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, tindika, fis-sentenza tagħha, id-dritt ta’ din il-persuna għal proċess ġdid jew għal rimedju ġudizzjarju ieħor u tobbliga lill-persuni li jwettqu l-arrest tal-persuna kkundannata jagħtuha kopja ta’ din id-deċiżjoni?

2.4

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jipprekludi d-deċiżjoni ta’ qorti, li tagħti deċiżjoni ta’ kundanna fil-konfront ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ proċedura kriminali in absentia, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, tindika, fid-deċiżjoni ta’ kundanna tagħha, id-dritt ta’ din il-persuna għal proċess ġdid jew għal rimedju ġudizzjarju ieħor taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva u tobbliga lill-persuni li jkunu ser iwettqu l-arrest tal-persuna kkundannata jagħtuha kopja ta’ din id-deċiżjoni ta’ kundanna?

3.

Liema huma l-ewwel u l-aħħar mumenti possibbli li fihom il-qorti għandha tiddetermina jekk il-proċedura kriminali żvolġietx fl-assenza tal-persuna li kienet is-suġġett tal-proċedura mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 u tieħu miżuri sabiex tiżgura li din il-persuna tiġi informata konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva?

4.

Fl-għoti tad-deċiżjoni msemmija fit-tielet domanda, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-prosekutur u tal-avukat difensur tal-persuna li hija s-suġġett ta’ proċedura kriminali in absentia?

5.1

X’tifsira għandha tingħata lill-espressjoni “possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni” li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343: dritt għal azzjoni legali quddiem istanza superjuri jew kontestazzjoni ta’ deċiżjoni li kisbet is-saħħa ta’ res judicata?

5.2

X’għandha tinkludi l-informazzjoni li għandha tingħata, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, lil persuna kkundannata in absentia, f’sitwazzjoni fejn ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2), dwar “id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9”: informazzjoni dwar id-dritt li tikseb tali rimedju ġudizzjarju jekk tikkontesta l-kundanna in absentia tagħha jew dwar id-dritt li tressaq talba f’dan is-sens, talba li l-fondatezza tagħha ser tiġi evalwata fi stadju ulterjuri?

6.

X’tifsira għandha tingħata lill-espressjoni “rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali”, użata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343?

7.

Leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 423(3) tan-NPK) li tirrikjedi d-dehra personali tal-persuna kkundannata in absentia bħala kundizzjoni preliminari obbligatorja għall-eżami u għall-aċċettazzjoni tat-talba tagħha għal proċess ġdid hija konformi mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343?

8.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 japplikaw għall-persuni meħlusa mill-akkuża?


(1)   ĠU 2016, L 65, p. 1.