21.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 296/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Duisburg (il-Ġermanja) fid-19 ta’ April 2023 – OB vs Mercedes-Benz Group AG

(Kawża C-251/23, Mercedes-Benz Group)

(2023/C 296/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Duisburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: OB

Konvenut: Mercedes-Benz Group AG

Domandi preliminari

1)

Vettura privata b’magna diesel bl-istandard ta’ emissjonijiet Euro 5, indipendentement mill-fatt jekk hijiex mgħammra b’ċirkwit fis-sistema ta’ kontroll tagħha li bħala kunċett jista’ jiġi kklassifikat bħala apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (1), tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew, meta, huwa ċar mill-bidu nett, minħabba d-disinn tagħha u s-sistema ta’ kontroll għall-funzjonijiet li hija mgħammra bihom, wara li tkun saħħnet il-magna, li hija tarmi iktar minn 180 mg għal kull kilometru ta’ ossidu tan-nitroġenu bil-funzjoni “mix”, meta jgħaddi f’dan l-istat minn ċiklu ta’ test taħt in-New European Driving Cycle (NEDC)?

2)

Element tad-disinn f’vettura li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor sabiex jaġġusta, skont ir-riżultat ta’ din l-identifikazzjoni, il-parametri tal-proċess ta’ kombustjoni fil-magna, jista’ jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, u, għaldaqstant, jikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, meta t-tibdil tal-parametri tal-proċess ta’ kombustjoni skont ir-riżultat tal-identifikazzjoni magħmula mill-element tad-disinn, minn naħa, ċertament iżid l-emissjonijiet ta’ sustanza ta’ ħsara partikolari, pereżempju l-ossidu tan-nitroġenu, iżda fl-istess ħin, min-naħa l-oħra, inaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanza waħda oħra jew iktar ta’ ħsara, bħall-partikolat, l-idrokarburi, il-monossidu tal-karbonju u/jew id-diossidu tal-karbonju?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv: taħt liema kundizzjonijiet l-element tad-disinn jikkostitwixxi, f’tali każ, apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007?

4)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimponu li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jaqa’ kollu kemm huwa fuq ix-xerrej ta’ vettura u, mingħajr ma l-manifattur tal-vettura jkollu jipprovdi informazzjoni f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-istruttorja tal-kawża, jiksru l-Artikoli 18(1), 26 (1) u 46 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (2), imsemmija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Marzu 2023, QB vs Mercedes-Benz Group AG (C-100/21, ECLI:EU:C:2023:229), sa fejn minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirriżulta li x-xerrej ta’ vettura għandu jkollu dritt għal kumpens mingħand il-manifattur fil-każ li din tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit (ara l-punti 91 u 93 tal-imsemmija sentenza)?

5)

Fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda tkun fl-affermattiv: x’inhu t-tqassim tal-oneru tal-prova taħt id-dritt Ewropew fil-kawża bejn ix-xerrej ta’ vettura u l-manifattur tagħha dwar dritt għal kumpens tal-ewwel wieħed fil-konfront tat-tieni wieħed fir-rigward tal-eżistenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007? Kull waħda mill-partijiet tibbenefika minn tnaqqis fl-oneru tal-prova jew huma għandhom xi obbligi u, jekk iva, liema? Jekk japplikaw l-obbligi: x’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità magħhom?


(1)  ĠU 2007, L 171, p. 1.

(2)  ĠU 2007, L 263, p. 1.