17.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 252/18 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul București (ir-Rumanija) fit-28 ta’ Marzu 2023 – Engie România SA vs Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei
(Kawża C-205/23, Engie România)
(2023/C 252/20)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Tribunalul București
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Engie România SA
Konvenut: Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei
Domandi preliminari
1) |
Allegat ksur tal-obbligu ta’ trasparenza li jaqa’ fuq il-fornituri tal-gass naturali fir-relazzjoni tagħhom mal-konsumaturi domestiċi u li huwa traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ksur li huwa meqjus bħala reat amministrattiv f’din il-leġiżlazzjoni, jista’ jwassal ukoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti tobbliga lil fornitur ta’ gass naturali japplika fir-relazzjoni tiegħu mal-konsumaturi prezz, impost permezz ta’ mezzi amministrattivi, li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ffissar tal-prezz b’mod liberu fis-suq tal-gass naturali, prinċipju li huwa stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (1)? |
2) |
L-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq fornitur tal-gass naturali kemm mill-awtorità tal-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll mill-awtorità regolatorja tal-enerġija, permezz tal-ħruġ ta’ żewġ rapporti distinti ta’ reati li jimponu l-istess miżuri fuq il-fornitur (duplikazzjoni ta’ atti amministrattivi li jimponu miżuri), tista’ titqies bħala restrizzjoni ġġustifikata tal-prinċipju ne bis in idem, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew jikser dan il-prinċipju? Tali kumulu ta’ atti minn awtoritajiet differenti li jimponu l-istess miżuri, ibbażati fuq fatti identiċi, josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità? |