3.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 235/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-15 ta’ Marzu 2023 – T.G. vs Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid

(Kawża C-158/23, Keren (1))

(2023/C 235/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: T.G.

Konvenut: Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalifika) (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 7b tal-Wet inburgering (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika), li abbażi tagħha l-persuni li għandhom l-istatus ta’ ażil għandhom l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, u jekk ma jagħmlux dan jeħlu multa?

2)

L-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala prinċipju li l-persuni li għandhom l-istatus ta’ ażil isostnu huma stess l-ispejjeż kollha tal-programmi ta’ integrazzjoni?

3)

Il-fatt li l-persuni li għandhom l-istatus ta’ ażil jisgħu jiksbu self mingħand l-awtoritajiet pubbliċi sabiex iħallsu l-ispejjeż tal-programmi ta’ integrazzjoni u li d-dejn tagħhom għal dan is-self jinħafer fil-każ li huma jgħaddu, fi żmien xieraq, mill-eżami tagħhom ta’ integrazzjoni ċivika jew fil-każ ta’ eżenzjoni jew rilaxx, fi żmien xieraq, mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, huwa rilevanti għar-risposta għat-tieni domanda?

4)

Jekk l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jippermetti li l-persuni li għandhom l-istatus ta’ ażil jiġu imposti obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, u jekk ma jagħmlux dan jeħlu multa, u jippermetti li huma jkollhom isostnu l-ispejjeż kollha tal-programmi ta’ integrazzjoni, l-ammont tas-self li għandu jiġi rrimborsat, flimkien jew le mal-multa, jippreġudika t-twettiq tal-għan u tal-effett utli tal-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika?


(1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

(2)  ĠU 2011, L 337, p. 9.