2.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/42


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-147/23)

(2023/C 155/54)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Owsiany-Hornung, J. Baquero Cruz, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (1), u billi naqset milli tikkomunika l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26(1) u (3) tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lill-Polonja tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla ammont mit-tnejn li ġejjin: i) ammont ta’ kuljum ta’ EUR 13 700 immultiplikat bin-numru ta’ jiem li ddekorrew bejn id-data ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fl-imsemmija direttiva u d-data li fih intemm il-ksur, jew, fil-każ fejn is-sitwazzjoni ma tkunx ġiet irregolarizzata, id-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża inkwistjoni; ii) somma f’daqqa minima ta’ EUR 3 836 000;

fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fl-ewwel inċiż ikompli sad-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża inkwistjoni, tikkundanna lill-Polonja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 53 430 għal kull jum ta’ dewmien ikkalkolat mid-data ta’ għoti tas-sentenza fil-kawża inkwistjoni sad-data li fiha l-Polonja tikkonforma ruħha mal-obbligi taħt id-Direttiva; u

tikkundanna lill-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2019/1937 tistabbilixxi sistema effikaċi għall-protezzjoni tal-persuni li jaħdmu fi ħdan organizzazzjoni privata jew pubblika jew li jżommu kuntatt ma’ tali organizzazzjonijiet meta dawn il-persuni jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’ċerti oqsma.

Konformement mal-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kellhom obbligu li jadottaw liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva sa mhux iktar tard mis-17 ta’ Diċembru 2021. Konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri kellhom ukoll l-obbligu li jikkomunikaw immedjatament lill-Kumissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet adottati.

Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Polonja fis-27 ta’ Jannar 2022. Fil-15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Polonja. Minkejja dan, il-miżuri ta’ traspożizzjoni baqgħu ma ġewx adottati mir-Repubblika tal-Polonja u lanqas ma ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU 2019, L 305, p. 17.