23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/48


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2022 – Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-681/22)

(2023/C 24/63)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentanti: A. Gavela Llopis u M.J. Ruiz Sánchez, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1614 (1) tal-15 ta’ Settembru 2022 li jiddetermina ż-żoni eżistenti tas-sajd fil-baħar fond u l-istabbiliment ta’ lista taż-żoni fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x’aktarx ikun hemm ekosistemi vulnerabbli tal-baħar, f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-lista ta’ żoni li fihom huwa magħruf li jinsabu jew li x’aktarx ikun hemm ekosistemi vulnerabbli tal-baħar, imsemmija fl-Artikolu 2 u fl-Anness II tiegħu;

b’mod sussidjarju, tiddikjara l-invalidità tal-Artikolu 9(6) u (9) tar-Regolament 2016/2336 (2), b’mod konformi mal-Artikolu 277 TFUE;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/1614, inkwantu jistabbilixxi ż-żoni fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x’aktarx ikun hemm ekosistemi vulnerabbli tal-baħar, jikser ir-Regolament bażiku u l-prinċipju ta’ proporzjonalità:

F’dan ir-rigward ir-Renju ta’ Spanja jirrileva:

1)

l-assenza ta’ analiżi tal-effett ta’ rkapti fissi tas-sajd fil-baħar fond tikser ir-Regolament bażiku u l-prinċipju ta’ proporzjonalità;

2)

id-determinazzjoni taż-żoni fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x’aktarx ikun hemm ekosistemi vulnerabbli tal-baħar tikser ir-Regolament bażiku u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 9(6) u (9) tar-Regolament 2016/2336:

F’dan ir-rigward ir-Renju ta’ Spanja jirrileva:

1)

ir-riferiment għal att ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu kkompletati elementi essenzjali tar-Regolament 2016/2336 jikser l-Artikolu 291 TFUE;

2)

il-projbizzjoni ġenerali ta’ sajd permezz ta’ rkapti tal-qiegħ fiż-żoni kollha fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x’aktarx ikun hemm ekosistemi vulnerabbli tal-baħar tikser ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1614 tal-15 ta’ Settembru 2022 li jiddetermina ż-żoni eżistenti tas-sajd fil-baħar fond u l-istabbiliment ta’ lista taż-żoni fejn huwa magħruf li jinsabu jew li x’aktarx ikun hemm ekosistemi vulnerabbli tal-baħar (ĠU 2022, L 242, p. 1).

(2)  Regolament (UE) 2016/2336 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 (ĠU 2016, L 354, p. 1).