22.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/41


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2022 – PH et vs BĊE

(Kawża T-323/22)

(2022/C 318/56)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PH, PI, PJ, PK (rappreżentanti: D. Hillemann, C. Fischer u T. Ehls, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla ex tunc id-Deċiżjoni ECB-SSM-2022-EN-4 QLF-2020-0037 tal-BĊE tat-22 ta’ Marzu 2022 dwar l-oġġezzjoni għall-akkwist ta’ ishma kkwalifikati u l-qbiż ta’ 50 % tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot, innotifikata fl-istess data;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħdax-il motiv.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2c, paragrafu 1b, Nru 1 tal-Kreditwesengesetz (il-Liġi is-Settur tal-Kreditu, iktar 'il quddiem il-“KWG”) (1) fir-rigward ta’ “affidabbiltà”.

Dan il-motiv huwa mressaq fir-rigward tan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-provi prodotti, l-użu ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni inammissibbli u evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ġuridikament żbaljata tal-Artikolu 2c, paragrafu 1b, Nru 4 KWG fir-rigward tal-“kompetenza professjonali”.

Dan il-motiv huwa mressaq fir-rigward tat-teħid bħala bażi ta’ ċirkustanzi mhux xierqa u mhux tal-kunsiderazzjoni tal-esperjenza tal-ewwel rikorrent.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ġuridikament żbaljata tal-Artikolu 2c paragrafu 1b Nru 6 KWG fir-rigward tas-“solidità finanzjarja”.

Dan il-motiv huwa ppreżentat fir-rigward ta’ rekwiżiti li ma jsibu l-ebda bażi legali fil-liġi u kalkolu żbaljat tar-rekwiżiti ta’ kapital mill-konvenut.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ġuridkament żbaljata tal-Artikolu 2c, paragrafu 1b, Nru 2 KWG fir-rigward tal-“osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali”.

Dan il-motiv huwa mressaq fir-rigward tad-definizzjoni ta’ strateġija, ta’ proċeduri sabiex tiġi ddeterminata u żgurata l-kapaċità ta’ teħid ta’ riskju, tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ kontroll intern, tal-persunal u tal-esternalizzazzjoni futura tal-attivitajiet.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ġuridikament żbaljata tal-Artikolu 2c, paragrafu 1b, Nru 5 KWG fir-rigward ta’ suspett ta’ ħasil ta' flus u finanzjament tat-terroriżmu.

Dan il-motiv huwa ppreżentat fir-rigward tan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ miżuri meħuda/ppjanati, provi prodotti u nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ assenza ta’ indizji ta’ suspett.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 19 u tal-premessa 75 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (2), fuq użu ħażin ta’ poter u fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġuni għal rifjut ta’ permess sabiex jiġi akkwistat il-bank kkonċernat.

Dan il-motiv huwa mressaq fir-rigward tal-portata u l-kwalità u ż-żmien tal-provi rodotti u l-kwistjoni tal-affinità tar-riskji tal-ewwel rikorrent.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-fatti rilevanti u żbalji ta’ evalwazzjoni.

Dan il-motiv huwa mressaq fir-rigward tan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-provi, tad-dikjarazzjonijiet u tal-informazzjoni prodotti.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Dan il-motiv huwa mressaq fir-rigward tal-assenza ta’ ħtieġa li jiġi pprojbit l-akkwist u li jiġu injorati miżuri iktar moderati.

9.

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligi ta’ premura u ta’ imparzjalità.

Dan il-motiv huwa mressaq fir-rigward tan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-attività kummerċjali ta’ suċċess ippruvata tal-ewwel rikorrent u l-kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi mhux rilevanti għad-deċiżjoni appellata.

10.

L-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.

Dan il-motiv huwa mressaq fir-rigward tal-ksur tal-libertà tax-xogħol fl-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-libertà tal-kompetizzjoni u tal-libertà ta’ attività ekonomika fl-Artikolu 16 tagħha.

11.

Il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Dan l-aħħar motiv huwa mressaq fir-rigward tal-integrità u tas-solidità finanzjarja tal-ewwel tliet rikorrenti.


(1)  Gesetz über das Kreditwesen: ir-riferimenti għal din il-leġiżlazzjoni Ġermaniża jinsabu fir-rikors.

(2)  ĠU 2013, L 287, p. 6.