13.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/19


Appell ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2022 mir-Repubblika Portugiża mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-21 ta’ Settembru 2022 fil-Kawża T-95/21, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-736/22 P)

(2023/C 94/21)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellant: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: P. Barros da Costa, L. Borrego u A. Soares de Freitas, aġenti, assistiti minn M. Gorjão-Henriques u A. Saavedra, advogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2022, fil-Kawża T-95/21, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, EU:T:2022:567, li ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Portugiża li talbet l-annullament tal-Artikolu 1, flimkien mal-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) applikata mill-Portugall favur iż-Żona Ħielsa ta’ Madeira (ŻĦM) – Skema III (1);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-kawża, inklużi dawk tar-Repubblika Portugiża, flimkien mal-ispejjeż relatati mal-kawża għal miżuri provviżorji (T-95/21 R).

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) TFUE u tar-Regolament (UE) 2015/1589 (2) (Artikolu 1(b)(ii) kif ukoll l-Artikoli 21 sa 23), inkwantu l-għajnuna hija eżistenti u mhux għajnuna ġdida

L-Iskema III taż-ŻĦM tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna eżistenti (u mhux għajnuna ġdida), awtorizzata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet tagħha tal-2007 u tal-2013. Il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi billi teżenta lill-Kummissjoni milli tissuġġetta l-Iskema III taż-ŻĦM għall-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna eżistenti, li għaliha jirreferu l-Artikolu 108(1) TFUE u l-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament (UE) 2015/1589.

2.

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżit dwar l-oriġini tal-qliegħ li għalih japplika t-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul applikabbli għall-persuni ġuridiċi ġaladarba l-iskema taż-ŻĦM ġiet eżegwita konformement mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-2007 u tal-2013 u mal-Artikoli 107 u 108 TFUE

Ir-rekwiżit li l-qliegħ jirriżulta minn attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż addizzjonali tal-impriżi rreġistrati fiż-ŻĦM marbuta man-natura ultraperiferika, fejn il-benefiċċji fiskali jista’ jkollhom biss effett fuq il-qliegħ tagħhom li jirriżulta minn tranżazzjonijiet direttament suġġetti għal dawn l-ispejjeż addizzjonali u fejn jiġu esklużi l-attivitajiet imwettqa barra minn Madeira minn impriżi b’liċenzja fiż-ŻĦM b’attività internazzjonali.

3.

Żball ta’ liġi minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, motivazzjoni insuffiċjenti jew motivazzjoni kontradittorja – nuqqas ta’ koerenza bejn ir-rekwiżiti legali internazzjonali fil-qasam fiskali tal-OECD u l-interpretazzjoni mogħtija għall-kunċett ta’ “attivitajiet effettivament u materjalment fir-reġjun”

Il-Qorti Ġenerali twettaq żball billi ma tispjegax il-koerenza bejn ir-rekwiżiti legali internazzjonali fil-qasam fiskali tal-OECD (u tal-Unjoni Ewropea nnifisha) u l-interpretazzjoni mogħtija lill-kunċett ta’ “attivitajiet effettivament u materjalment fir-reġjun” fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna pubblika.

4.

Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-rekwiżit ta’ “attivitajiet effettivament u materjalment fir-reġjun” minħabba nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċentru tal-interessi prinċipali, tal-effett ta’ tixrid tal-għajnuna (spillover effect) u tal-libertajiet fundamentali

Il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi billi ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-“ċentru tal-interessi prinċipali” ta’ impriża fl-interpretazzjoni ta’ “attivitajiet effettivament u materjalment fir-reġjun”. Il-Qorti Ġenerali twettaq żball fl-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni, li tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-persuni, ta’ servizzi u ta’ kapital, skont l-Artikoli 45 et seq. TFUE, u l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna pubblika għar-reġjunijiet ultraperiferiċi.

5.

Żbalji ta’ liġi li jikkonsistu f’nuqqas ta’ motivazzjoni, motivazzjoni insuffiċjenti u/jew distorsjoni tal-provi u/jew sostituzzjoni ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni – rekwiżit dwar il-ħolqien u ż-żamma tal-postijiet tax-xogħol

Il-Qorti Ġenerali żbaljat billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma imponietx lill-awtoritajiet Portugiżi l-użu ta’ metodi “ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time” (FTE) u “unitajiet ta’ xogħol annwali” (ALU). Id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni preliminari ta’ftuħ tal-proċeduri jikkontradixxu din l-interpretazzjoni b’mod dirett.

6.

Sussidjarjament, żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżit dwar il-ħolqien u ż-żamma tal-postijiet tax-xogħol u/jew motivazzjoni kontradittorja u/jew insuffiċjenti

Għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tar-rekwiżit tal-Iskema III taż-ŻĦM fir-rigward tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol, id-deċiżjoni kkontestata twettaq żball ta’ liġi billi tapplika l-metodoloġija ta’ definizzjoni ta’ postijiet ta’ xogħol f’“FTE” u “ALU”, peress li l-kunċett ta’ post tax-xogħol applikabbli għall-iskema taż-ŻĦM huwa dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali industrijali.

7.

Żball ta’ liġi peress li l-awtoritajiet nazzjonali kkomunikaw lill-Kummissjoni “metodu li jista’ jippermetti li jiġu vverifikati r-realtà u l-permanenza tal-postijiet tax-xogħol” skont l-Iskema III

Is-sentenza appellata hija limitata minn żball ta’ liġi inkwantu tqis li l-Kummissjoni sempliċement iddikjarat li l-awtoritajiet nazzjonali ma adottawx metodu li jista’ jippermetti li tiġi vverifikata r-realtà u l-permanenza tal-postijiet tax-xogħol tal-benefiċjarji tal-Iskema III, peress li l-Kummissjoni waslet biss għal konklużjoni tal-allegat nuqqas ta’ twettiq tar-rekwiżit ta’ ħolqien u żamma tal-postijiet tax-xogħol bl-applikazzjoni nieqsa minn evalwazzjoni kritika tal-kunċetti ta’ FTE u ALU.

8.

Żball ta’ liġi minħabba taqlib tar-regoli tal-oneru tal-prova

Il-Qorti Ġenerali taqleb ir-regoli dwar l-oneru tal-prova peress li kellha tkun il-Kummissjoni li tipprova li l-awtoritajiet Portugiżi ma kinux fil-qagħda li jivverifikaw ir-realtà kif ukoll il-permanenza tal-postijiet tax-xogħol iddikjarati. Kienet il-Kummissjoni li kellha tidentifika liema kienu l-impriżi li kellhom liċenzja fiż-ŻĦM li bbenefikaw mill-għajnuna użata b’mod allegatament abbużiv.

9.

Is-sentenza appellata tikser id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

Is-sentenza appellata tikser id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Portugiża kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal ċertezza legali, aspettattivi leġittimi u amministrazzjoni tajba.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) applikata mill-Portugall favur iż-Żona Ħielsa ta’ Madeira (ŻĦM) – Skema III.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).