23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/30


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fit-8 ta’ Novembru 2022 – S.Ö. vs Stadt Duisburg

(Kawża C-684/22)

(2023/C 24/39)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: S.Ö.

Konvenut: Stadt Duisburg

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 20 TFUE jipprekludi dispożizzjoni li tipprevedi li, fil-każ ta’ akkwist volontarju ta’ nazzjonalità (mhux ipprivileġġjata) ta’ Stat terz, in-nazzjonalità tal-Istat Membru u, għaldaqstant, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jintilfu ipso jure jekk eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf iseħħ biss fil-każ li ċ-ċittadin barrani kkonċernat ikun ippreżenta minn qabel applikazzjoni għal ħruġ ta’ awtorizzazzjoni sabiex iżomm in-nazzjonalità tiegħu u sakemm din l-applikazzjoni tkun ingħatat risposta pożittiva qabel l-akkwist tan-nazzjonalità barranija?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv: l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-proċedura ta’ ħruġ tal-awtorizzazzjoni sabiex tinżamm in-nazzjonalità, ma jistgħux jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li jwasslu, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata kif ukoll dik tal-familja tagħha fir-rigward tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma ssirx jew tiġi ssostitwita b’rekwiżiti oħra?