30.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju) fid-29 ta’ Settembru 2022 – Belgian Association of Tax Lawyers et vs Premier ministre/Eerste Minister

(Kawża C-623/22)

(2023/C 35/27)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour constitutionnelle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Belgian Association of Tax Lawyer, Ordre des barreaux francophones et germanophone, Orde van Vlaamse Balies et, Institut des conseillers fiscaux et des experts-comptables et

Konvenut: Premier ministre/Eerste Minister

Domandi preliminari

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti transkonfinali rapportabbli (1) tikser l-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u iktar speċifikament il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jiggarantixxu, sa fejn id-Direttiva 2018/822 ma tillimitax l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-arranġamenti transkonfinali li għandhom jiġu ddikjarati għat-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda tirrendih applikabbli għat-taxxi kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (2), li jinkludi fid-dritt Belġjan mhux biss it-taxxa fuq il-kumpanniji iżda wkoll taxxi diretti li ma humiex it-taxxa fuq il-kumpanniji u t-taxxi indiretti, bħat-taxxi ta’ reġistrazzjoni?

2)

Id-Direttiva 2018/822 tikser il-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali ggarantit mill-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tikser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sa fejn il-kunċetti ta’ “arranġament” (u għalhekk dawk ta’ “arranġament transkonfinali”, ta’ “arranġament kummerċjabbli” u ta’ “arranġament imfassal għal għan speċifiku”), ta’ “intermedjarju”, ta’ “parteċipant”, ta’ “intrapriża assoċjata”, il-klassifikazzjoni “transkonfinali”, id-diversi “karatteristiċi distintivi” u tal-“kriterju tal-benefiċċju prinċipali”, li d-Direttiva 2018/822 tuża sabiex tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-arranġamenti transkonfinali li għandhom jiġu ddikjarati, ma humiex suffiċjentement ċari u preċiżi?

3)

Id-Direttiva 2018/822, b’mod partikolari peress li ddaħħal l-Artikolu 8ab(1) u (7) tad-Direttiva 2011/16, tikser il-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali ggarantit mill-Artikolu 49(1) tal-Karta Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sa fejn il-punt ta’ tluq tal-perijodu ta’ 30 jum li fih l-intermedjarju jew il-kontribwent ikkonċernat għandu jissodisfa l-obbligu ta’ dikjarazzjoni ta’ arranġament transkonfinali li għandu jiġi ddikjarat ma huwiex iffissat b’mod suffiċjentement ċar u preċiż?

4)

Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2018/822 jikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sa fejn l-Artikolu 8ab(5) il-ġdid, li daħħal fid-Direttiva 2011/16, jipprevedi li, jekk Stat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jagħti lill-intermedjarji d-dritt li jiġu eżentati mill-obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar arranġament transkonfinali li għandu jiġi ddikjarat fejn l-obbligu ta’ dikjarazzjoni jmur kontra s-sigriet professjonali applikabbli bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru, dan l-Istat Membru għandu jobbliga lill-imsemmija intermedjarji jikkomunikaw mingħajr dewmien lil kwalunkwe intermedjarju ieħor jew, fl-assenza ta’ tali intermedjarju, lill-kontribwent ikkonċernat, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni tagħhom, peress li minn dan l-obbligu jirriżulta li intermedjarju li jkun suġġett għas-sigriet professjonali kriminalment issanzjonat bis-saħħa tad-dritt tal-imsemmi Stat Membru ikollu jaqsam ma’ intermedjarju ieħor, li ma jkunx il-klijent tiegħu, l-informazzjoni li jkun kiseb waqt l-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu?

5)

Id-Direttiva 2018/822 tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sa fejn l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-arranġamenti transkonfinali li għandhom jiġu ddikjarati jwassal għal indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-intermedjarji u tal-kontribwenti kkonċernati li ma jkunx raġonevolment iġġustifikat u proporzjonat fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu u li ma jkunx rilevanti fir-rigward tal-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern?


(1)  ĠU 2018, L 139, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 31, p. 108 u fil-ĠU 2020, L 279, p. 23.

(2)  ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58.