19.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 359/39


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Brně (ir-Repubblika Ċeka) fl-20 ta’ Ġunju 2022 – CV vs Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky

(Kawża C-406/22)

(2022/C 359/44)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Krajský soud v Brně

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CV

Konvenuti: Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky

Domandi preliminari

1)

Il-kriterju ta’ indikazzjoni bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tal-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2013/32/UE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, li jinsab fl-Anness I(b) ta’ din id-direttiva (jiġifieri li pajjiż partikolari joffri protezzjoni mill-persekuzzjoni u t-trattament ħażin bis-saħħa tal-mod li bih jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b’mod partikolari drittijiet li għalihom ma tista’ tiġi awtorizzata l-ebda deroga konformement mal-Artikolu 15(2) tal-imsemmija konvenzjoni Ewropea), għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk pajjiż jidderoga mill-obbligi previsti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali fil-każ ta’ stat ta’ emerġenza fis-sens tal-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni, huwa ma jibqax jissodisfa l-imsemmi kriterju sabiex jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu?

2)

L-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jindika biss parzjalment pajjiż bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu, b’eċċezzjonijiet territorjali speċifiċi li fihom ma tapplikax il-preżunzjoni tan-natura bla periklu tal-imsemmija parti tal-pajjiż għall-applikant, u li jekk Stat Membru jindika bħala bla periklu pajjiż b’tali eċċezzjonijiet territorjali, l-imsemmi pajjiż ma jkunx jista’ jitqies fl-intier tiegħu bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet ta’ din id-direttiva?

3)

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għal waħda miż-żewġ domandi preliminari ta’ hawn fuq, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni li tikkonstata n-natura manifestament infondata ta’ applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva, deċiżjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 31(8)(b) ta’ din id-direttiva, għandha ex officio, anki fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet imqajma mill-applikant, tieħu inkunsiderazzjoni l-kontradizzjoni bejn l-indikazzjoni ta’ pajjiż bħala pajjiż bla periklu u d-dritt tal-Unjoni għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq?


(1)  ĠU 2013, L 180, p. 60.