25.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 284/20


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (l-Isvezja) fl-24 ta’ Mejju 2022 – BSH Hausgeräte GmbH v Aktiebolaget Electrolux

(Kawża C-339/22)

(2022/C 284/23)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: BSH Hausgeräte GmbH

Konvenut: Aktiebolaget Electrolux

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 1215/2012 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-frażi “proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ privattivi […] indipendentement minn jekk il-kwistjoni titqajjem permezz ta’ azzjoni jew permezz ta’ eċċezzjoni” tfisser li qorti nazzjonali, li, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima dwar ksur ta’ privattiva, ma għadx għandha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni ta’ kwistjoni ta’ ksur jekk titqajjem eċċezzjoni li l-privattiva inkwistjoni ma hijiex valida, jew id-dispożizzjoni legali għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali ma għandhiex ġurisdizzjoni biss sabiex tieħu konjizzjoni tal-eċċezzjoni ta’ invalidità?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda hija affettwata minn jekk il-liġi nazzjonali tkunx tinkludi dispożizzjonijiet legali, simili għal dawk stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Paragrafu 61 tal-Patentlagen (il-Liġi dwar il-Privattivi), li jfisser li, sabiex tinstema’ eċċezzjoni ta’ invalidità mqajma f’kawża ta’ ksur, il-konvenut għandu jressaq azzjoni separata għal dikjarazzjoni ta’ invalidità?

3)

L-Artikolu 24(4) tar-Regolament 1215/2012 (2) għandu jiġi interpretat li japplika għal qrati ta’ pajjiż terz, jiġifieri, f’dan il-każ, fis-sens li jagħti wkoll ġurisdizzjoni esklużiva lil qorti fit-Turkija f’dak li jirrigwarda l-parti tal-privattiva Ewropea li ġiet ivvalidata hemmhekk?


(1)  ĠU 2012, L 351, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1).