15.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 462/32 |
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2021 minn Ryanair DAC, Laudamotion GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża T-677/20, Ryanair u Laudamotion vs Il-Kummissjoni (Austrian Airlines; Covid-19)
(Kawża C-591/21 P)
(2021/C 462/37)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Ryanair DAC, Laudamotion GmbH (rappreżentanti: V. Blanc, E. Vahida u F.-C. Laprévote, avocats, D. Pérez de Lamo u S. Rating, abogados, I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Ir-Repubblika tal-Awstrija, Austrian Airlines AG
Talbiet
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla s-sentenza appellata; |
— |
tannulla, skont l-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4684 final tas-6 ta’ Lulju 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57539 (2020/N) – L-Awstrija – COVID-19 – Għajnuna favur Austrian Airlines; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u għal dawk imġarrba minn Ryanair, u tikkundanna lill-intervenjenti fl-ewwel istanza u eventwalment f’dan l-appell għall-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Sussidjarjament:
— |
tannulla s-sentenza appellata: |
— |
tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal evalwazzjoni mill-ġdid; |
— |
tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż marbuta mal-ewwel istanza u mal-appell. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw seba’ aggravji.
L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-possibbiltà ta’ “tixrid” ta’ għajnuna lejn jew minn Lufthansa.
It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit li għajnuna mogħtija taħt l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma għandhiex isservi bħala kumpens għad-dannu mġarrab minn vittma waħda.
It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li kien hemm ksur mhux iġġustifikat tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti meta ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-dannu kkawżat lil Austrian Airlines mill-pandemija tal-COVID-19.
Is-sitt aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti fir-rigward tan-nuqqas li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.
Is-seba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.