21.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 313/33


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2020 – Banco Cooperativo Español vs SRB

(Kawża T-499/20)

(2020/C 313/48)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Banco Cooperativo Español, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: D. Sarmiento Ramírez-Escudero, J. Beltrán de Lubiano Sáez de Urabain u P. Biscari García, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

(i)

tiddikjara l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63;

(ii)

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, minħabba ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/79 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament 806/2014, interpretati fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

(iii)

fi kwalunkwe każ, tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tagħti lok għal effetti retroattivi mid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2016 u, għalhekk, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jagħti lok għal tali effetti;

(iv)

fi kwalunkwe każ, tordna lil SRB jikkumpensa lill-Banco Cooperativo Español:

a.

l-ammont li jikkorrispondi għall-interessi moratorji fir-rigward tas-somma mħallsa fl-2016 għall-perijodu bejn it-23 ta’ Ġunju 2016 u d-data ta’ ħlas minn SRB tas-somom dovuti, ikkalkolati abbażi tar-rata ta’ rifinanzjament applikabbli tal-BĊE (attwalment 0 %), miżjuda bi 3,5 punti perċentwali;

b.

sussidjarjament, fil-każ biss fejn il-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija sostantivament konformi mad-dritt iżda ma tipproduċix effetti retroattivi, l-ammont li jikkorrispondi għall-interessi moratorji fir-rigward tas-somma mħallsa fl-2016 għall-perijodu bejn it-23 ta’ Ġunju 2016 u d-19 ta’ Marzu 2020, data li fiha d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi l-effetti tagħha, ikkalkolati abbażi tar-rata ta’ rifinanzjament applikabbli tal-Bank Ċentrali Ewropew (attwalment 0 %), miżjuda bi 3,5 punti perċentwali;

c.

iktar sussidjarjament, l-ammont li jikkorrispondi għall-qligħ li kienet tikseb ir-rikorrenti li kieku akkwistat, waqt l-irkant tas-16 ta’ Ġunju 2016, bonds tal-Istat Spanjol għal 10 snin ta’ valur ekwivalenti għall-kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016, ikkalkolat mit-23 ta’ Ġunju 2016 sad-data ta’ ħlas minn SRB tas-somom dovuti (jew, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija sostantivament konformi mad-dritt iżda ma tipproduċix effetti retroattivi, sad-19 ta’ Marzu 2020).

(v)

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tad-19 ta’ Marzu 2020 dwar il-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet ex ante lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/2020/16) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Ir-rikorrenti tqis li SRB ried jattribwixxi effetti retroattivi lid-deċiżjoni kkontestata, billi jistabbilixxi d-data tal-effetti tagħha għall-15 ta’ April 2016, data li fiha ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante li jikkorrispondu għas-sena 2016.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni (ĠU 2005, L 11, p. 44).

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-artikolu inkwistjoni tar-Regolament ta’ Delega:

a)

Jikser l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 sa fejn jistabbilixxi sistema ta’ kalkolu li timponi fuq entità li għandha profil ta’ riskju konservattiv kontribuzzjoni ex ante li tikkorrispondi għal entità li għandha profil ta’ riskju għoli ħafna.

b)

Jikser l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn jirrestrinġi b’mod inġustifikat id-dritt fundamentali tal-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti.

c)

Jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kontabbiltà doppja li tirriżulta minn ċerti elementi tal-passiv tar-rikorrenti, u li jwassal b’hekk għal restrizzjoni mhux neċessarja u sproporzjonata manifestament inġustifikata.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament 806/2014, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-motivi li jiġġustifikaw l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 juru b’mod ċar in-neċessità li l-profil ta’ riskju tar-rikorrenti jiġi aġġustat għall-ispeċifiċità operazzjonali tan-network kooperattiv li hija tmexxi, kif meħtieġ mill-artikoli ċċitati iktar ’il fuq. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-kontenut tagħha jirrifletti l-applikazzjoni stretta u letterali ta’ prinċipju li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-profil ta’ riskju tar-rikorrenti, tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u, b’mod partikolari, ir-Regolament 806/2014, li l-Artikolu 70 tiegħu, dwar kontribuzzjonijiet ex ante, jirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 u għal-leġiżlazzjoni applikabbli tagħha.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li jippermetti li jiġu attribwiti effetti retroattivi għal deċiżjoni.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-ġurisprudenza sa fejn

a)

L-għanijiet allegati minn SRB li jiġġustifikaw l-applikazzjoni retroattiva tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex għanijiet ta’ interessi ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ġenerali tan-nuqqas ta’ applikazzjoni retroattiva tal-atti tal-Unjoni,

b)

Fi kwalunkwe każ, ir-retroattività la hija essenzjali u lanqas neċessarja sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet sa fejn jeżistru alternattivi inqas vinkolanti għall-partijiet li jippermettu t-twettiq tagħhom; u

c)

L-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti ġew miskura peress li l-aġir ta’ SRB imur kontra l-effetti stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-323/16.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ SRB skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE u 87(3) tar-Regolament 806/2014 minħabba arrikkiment indebitu.

d)

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li SRB huwa marbut jikkumpensa lil Banco Cooperativo Español abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba arrikkiment indebitu, għall-interessi li ddekorrew bejn il-mument tal-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016 – ħlas li, mill-annullament tad-deċiżjoni tal-2016 fil-Kawża T-323/16, ma huwa bbażat fuq ebda deċiżjoni ta’ SRB – u l-mument ta’ ħlas definittiv jew, sussidjarjament, id-data tad-deċiżjoni kkontestata.