KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fid-19 ta’ Lulju 2012 ( 1 )
Kawżi C-182/11 u C-183/11
Econord Spa
vs
Comune di Cagno
Comune di Varese
u
Econord Spa
vs
Comune di Solbiate
Comune di Varese
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja)]
“Ġestjoni tas-servizz muniċipali tat-tindif minn kumpannija li fiha l-komun ikollu sehem minoritarju — Għoti mingħajr sejħa għal offerti — Kuntratti in house — Eżerċizzju, min-naħa tal-awtorità kontraenti, ta’ kontroll fuq il-kumpannija analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti proprji tagħha — Pluralità ta’ awtoritajiet kontraenti — ‘Assimetrija’ bejn id-diversi awtoritajiet kontraenti”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Permezz ta’ żewġ domandi preliminari magħquda f’din il-kawża, il-Consiglio di Stato ressaq id-dubji tiegħu dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ sistema ta’ provvista ta’ servizzi pubbliċi fejn ma kienx hemm proċedura pubblika ta’ sejħa għal offerti. Iktar preċiżament, hemm sitwazzjoni fejn diversi komuni Taljani għandhom sehem simboliku fil-kapital ta’ kumpannija pubblika, li hija kkontrollata fil-maġġoranza tagħha mill-komun tal-belt ta’ Varese, u li hija fdata bis-servizz pubbliku ta’ tindif urban f’dawn il-lokalitajiet kollha. |
|
2. |
B’dan il-mod, din il-kawża terġa’ tqiegħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-problema tal-in house providing. Fil-fatt, il-problema preċiża f’dan il-każ hija dik ta’ pluralità ta’ entitajiet pubbliċi li jużaw kumpannija ad hoc maħluqa minn korp pubbliku ieħor ferm iktar importanti u li, konsegwentement, iżomm fil-konfront ta’ oħrajn kapaċità deċiżjonali ta’ eġemonija ċara fi ħdan din il-kumpannija ad hoc. F’liema kundizzjonijiet kull waħda minn dawn l-entitajiet minuri l-oħrajn tista’ leġittimament tirrikorri għall-għażla ta’ kuntratt in house? B’mod iktar konkret, tqum il-kwistjoni f’liema kundizzjonijiet jista’ wieħed iqis li dawn l-entitajiet jeżerċitaw fuq il-kumpannija ad hoc“kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti proprji tagħhom”, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza Teckal ( 2 ). Fil-fatt, dan huwa s-suġġett ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
3. |
Fil-passat, diġà kien hemm fil-ġurisprudenza diversi każijiet li kellhom xebh mal-kawża preżenti. F’dawn il-kawżi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat każ b’każ il-pożizzjoni statutarja tal-entità pubblika fl-organi ta’ ġestjoni tal-kumpannija pubblika ad hoc sabiex tiddetermina jekk il-“kontroll analogu” tal-kumpannija aġġudikatriċi kienx fil-fatt eżerċitat kollettivament. Il-kawża li ressaq il-Consiglio di Stato titlob impliċitament lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tmur lil hinn minn din l-analiżi każ b’każ, sabiex tistabbilixxi qafas ta’ kriterji oġġettivi li jippermetti li jiġi evalwat il-livell meħtieġ ta’ influwenza tal-entità pubblika fil-funzjonament tal-kumpannija ad hoc biex din tkun tista’ tuża l-eċċezzjoni tal-għoti ta’ kuntratt in house. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
|
4. |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi ( 3 ), “‘[k]untratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi [u awtorità kontraenti waħda jew iktar] u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva” [Artikolu 1(2)(a)], filwaqt li “‘[k]onċessjoni tas-servizz’ huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas” (Artikolu 1(4)). |
B – Id-dritt nazzjonali
|
5. |
L-Artikolu 30 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267, tat-18 ta’ Awwissu 2000 (test uniku tal-liġijiet dwar is-sistema ta’ korpi lokali) ( 4 ), jagħti lill-korpi lokali l-fakultà li jikkonkludu ma’ xulxin, permezz ta’ kuntratti, ftehim “sabiex jeżerċitaw b’mod ikkoordinat funzjonijiet u servizzi determinati”. |
|
6. |
L-Artikolu 113 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267 iċċitat iktar ’il fuq, bit-titolu “Ġestjoni tan-netwerks u għoti ta’ servizzi pubbliċi lokali ta’ interess ekonomiku”, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti, kien fih id-dispożizzjonijiet li ġejjin fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu: “4. Fil-każ ta’ separazzjoni tal-attività ta’ provvista tas-servizzi, għall-ġestjoni tan-netwerks, tal-installazzjonijiet u tal-affarijiet patrimonjali oħrajn, il-korpi lokali, anki fi sħab, għandhom jirrikorru lejn:
[…] 5. “Il-provvista ta’ servizz għandha ssir skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan is-settur u fid-dawl tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, billi d-dritt li jiġi pprovdut is-servizz jingħata lil: […]
|
III – Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari
|
7. |
Il-komun ta’ Varese kien waqqaf, f’data li ma tidhirx fil-proċess, kumpannija b’responsabbiltà limitata “in house”, ASPEM SpA, għall-ġestjoni fit-territorju tagħha, fost affarijiet oħrajn, tas-servizz pubbliku ta’ tindif urban. Fil-mument meta seħħew il-fatti, dik l-impriża kienet proprjetà fil-kważi totalità tagħha tal-komun ta’ Varese. |
|
8. |
Fl-2005, b’sensiela ta’ deċiżjonijiet tal-“kunsilli muniċipali” tagħhom, il-komuni ta’ Cagno u ta’ Solbiate ddeċidew li jagħżlu bħala s-sistema ppreferuta, għall-ġestjoni tat-tindif urban, il-ġestjoni kkoordinata ma’ komuni oħrajn skont l-Artikoli 30 u 113(5)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267 tal-2000, u approvaw f’dan is-sens il-kuntratt konkluż mal-komun ta’ Varese għall-ġestjoni tas-servizz ta’ tindif urban magħmul mill-ASPEM. Fl-aħħar nett, kull “kunsill muniċipali” ddeċieda li jakkwista sehem fil-kumpannija ASPEM. Komuni żgħar oħra tal-provinċja ta’ Varese adottaw deċiżjonijiet paralleli. |
|
9. |
Skont it-tagħrif li pprovda l-Gvern Taljan, il-kapital soċjali ta’ ASPEM jammonta għal EUR 173 785, maqsum f’numru ekwivalenti ta’ ishma ta’ valur minimu ta’ euro l-wieħed. Il-komun ta’ Varese, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kellu 173467 sehem, filwaqt li l-bqija ta’ 318-il sehem kienu maqsumin bejn 36 komun u l-provinċja ta’ Varese, li kull wieħed kellhom bejn sehem wieħed u 19-il sehem. |
|
10. |
Min-naħa l-oħra, il-komuni ta’ Cagno u ta’ Varese flimkien mal-komuni kkonċernati l-oħrajn għamlu ftehim ta’ azzjonisti ma’ ASPEM li jagħtihom id-dritt li jiġu kkonsultati, li jinnominaw membru tal-kumitat ta’ awdituri kif ukoll li jinnominaw membru tal-bord tad-diretturi, bi ftehim komuni mal-muniċipalitajiet l-oħrajn li jagħmlu parti minn din l-għaqda ta’ komuni. |
|
11. |
Il-komuni ta’ Cagno u ta’ Solbiate kkunsidraw li, fid-dawl ta’ dawn il-miżuri kollha, l-għoti tas-servizz lill-ASPEM kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni ta’ kuntratt “in house”. |
|
12. |
Madankollu, il-kumpannija ECONORD SpA ppreżentat żewġ rikorsi straordinarji quddiem il-Kap tal-Istat fejn talbet l-annullament tal-ftehim iċċitati iktar ’il fuq tal-kunsilli muniċipali tal-komun ta’ Cagno (Kawża C-182/11) u ta’ Solbiate (Kawża C-183/11) billi sostniet, fost l-oħrajn, li kien hemm ksur tal-prinċipju tal-“kontroll analogu”, fid-dawl tas-sehem żgħir ħafna tal-komuni ċċitati iktar ’il fuq fil-kapital soċjali ta’ ASPEM. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri ġiet mitluba l-opinjoni tal-Consiglio di Stato, li waslet lil dan sabiex iressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
13. |
Fid-dawl tad-dubji li jeżistu dwar l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza fuq il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-kuntratti msejħin “in house”, il-Consiglio di Stato ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari (il-kliem tagħha huwa identiku fiż-żewġ kawżi magħquda f’dan il-każ): “Il-prinċipju li jipprovdi li s-sitwazzjoni tal-korp pubbliku individwali parteċipanti fil-kumpannija ad hoc (kumpannija li twaqqfet sabiex tipprovdi ċerti servizzi muniċipali) hija rrilevanti, għandu japplika wkoll fil-każ fejn wieħed mill-komuni assoċjati jkollu sehem wieħed biss fil-kumpannija ad hoc u fejn il-ftehim tal-azzjonisti konkluż bejn korpi pubbliċi ma jkunx tali li jagħti lill-komun parteċipanti kontroll effettiv kwalunkwe fuq il-kumpannija, b’mod li l-parteċipazzjoni fil-kumpannija tista’ titqies biss bħala rappreżentazzjoni formali ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi?” |
IV – Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
14. |
Id-domandi preliminari ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2011. |
|
15. |
Il-komuni ta’ Cagno u ta’ Solbiate (flimkien) ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom f’din il-kawża, kif għamlu l-Italja, l-Awstrija, il-Polonja u l-Kummissjoni. F’din il-kawża ma sarux seduti. |
V – Analiżi tad-domanda preliminari
A – Osservazzjonijiet preliminari
|
16. |
Qabel ma tingħata risposta għad-domanda preliminari, hemm bżonn li ssir sensiela ta’ osservazzjonijiet preliminari. Fl-ewwel lok, nikkunsidra li għandhom jiġu miċħudin l-oġġezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati rispettivament mill-komuni ta’ Cagno u Solbiate u mill-Gvern Taljan. |
|
17. |
Min-naħa, il-komuni konvenuti jsostnu li f’Ġunju 2011, wara l-fatti li wasslu għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u bilkemm xahar qabel ma sar l-imsemmi rinviju, huma kienu taw is-servizz ikkontestat lill-ASPEM, din id-darba wara sejħa għal offerti pubblika. Skont il-konvenuti, dan il-fatt jirrendi r-rikors inutli u d-domanda preliminari inammissibbli. Madankollu nikkunsidra li dan l-argument ta’ inammissibbiltà ma għandux jiġi milqugħ, għaliex hemm lok għalfejn jitqies li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali għadha meħtieġa mil-lat tal-interessi tal-kumpannija Econord. |
|
18. |
Nikkunsidra wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tilqa’ l-argument tal-Gvern Taljan li jgħid li d-domanda preliminari hija inammissibbli minħabba nuqqas ta’ deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża. Il-Gvern Taljan jafferma b’mod partikolari li l-Consiglio di Stato ma jipprovdix biżżejjed tagħrif fuq il-kapital tal-ASPEM u lanqas fuq l-istatuti soċjali tiegħu. Madankollu naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, bl-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha, tagħti risposta utli lill-Consiglio di Stato, naturalment, mingħajr preġudizzju għar-rinviju eventwali lil dan l-organu għall-evalwazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi ta’ fatt. |
|
19. |
Minbarra ż-żewġ oġġezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajmin espressament mill-partijiet, jidhirli li huwa opportun li jiġi rrilevat hawnhekk li, jekk f’din il-kawża l-Consiglio di Stato qiegħed jintervjeni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet konsultattivi tiegħu (meta jagħti opinjoni fil-qafas ta’ rikors straordinarju ppreżentat lill-President tar-Repubblika), il-ġurisprudenza diġà indikat li, f’dan il-każ, dan l-organu jista’ jiġi kkunsidrat bħala qorti fis-sens u għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE ( 5 ). |
|
20. |
Fl-aħħar nett nippreċiża li l-proċess ma jurix b’mod ċar jekk is-servizz ikkontestat kienx is-suġġett ta’ kuntratt ta’ ġestjoni suġġett għad-Direttiva 2004/18 jew jekk kienx is-suġġett ta’ konċessjoni, liema ħaġa tiddependi fondamentalment mis-sistema ta’ ħlas ta’ ASPEM ( 6 ). Madankollu, dan il-fatt ma għandu l-ebda importanza għall-finijiet tad-domanda mressqa, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-ġurisprudenza tagħha fuq l-eċċezzjoni tal-kuntratti “in house” hija rilevanti kemm għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18, applikabbli għal ċerti kuntratti, kif ukoll għal dik tal-Artikoli 25 TUE, 49 TFUE u 56 TFUE kif ukoll għall-prinċipji ġenerali li tagħhom jikkostitwixxu l-espressjoni speċifika, li għandhom jiġu osservati fl-għoti tal-konċessjonijiet ( 7 ). |
B – Id-domanda preliminari
|
21. |
Din il-kawża tirrigwarda, għal darba oħra u b’mod ċar ħafna, l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza Teckal, jiġifieri dik li tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom korp pubbliku jista’ jafda lil entità legalment distinta l-provvista ta’ servizz tal-kompetenza tiegħu mingħajr ma jagħmel sejħa għal offerti minn qabel, bil-kundizzjoni li “l-korp jeżerċita fuq dik l-entità kontroll analogu għal dak li huwa jeżerċita fuq id-dipartimenti proprji tiegħu” (l-ewwel kundizzjoni stabbilita mis-sentenza Teckal) u li “din il-persuna twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-korp jew korpi li jipposseduha” (it-tieni kundizzjoni tas-sentenza Teckal) ( 8 ). Madankollu, għandu jiġi indikat li din id-domanda preliminari hija bbażata fuq l-eżami tal-ewwel kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Teckal, filwaqt li t-tieni kundizzjoni fl-ebda mument ma hija kkunsidrata. |
|
22. |
Inżid ngħid li fid-domanda tiegħu, il-Consiglio di Stato jibda mill-hekk imsejjaħ “prinċipju li jipprovdi li s-sitwazzjoni individwali ta’ kull korp pubbliku parteċipanti fil-kumpannija ad hoc hija irrilevanti”, prinċipju li jidher li jislet mill-ġurisprudenza Coditel ( 9 ). Madankollu, din l-espressjoni ma tantx hija feliċi, b’mod partikolari sa fejn din tagħti l-impressjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja marret ferm iktar ’il bogħod f’din is-sentenza minn dak li, fil-fehma tiegħi, realment riedet tgħid. Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu konsegwentement jiġi ppreċiżat jekk il-ġurisprudenza dwar kuntratti “in house” effettivament ifformulatx il-prinċipju ċċitat iktar ’il fuq. |
|
23. |
Għalhekk, inqis li d-domanda tal-Consiglio di Stato hija essenzjalment intiża sabiex jiġi ddeterminat f’liema ċirkustanzi jista’ jiġi konkluż li l-korpi pubbliċi li jkollhom sehem minoritarju, anki minimu, fil-kapital ta’ kumpannija ad hoc jistgħu jaslu biex jeżerċitaw fuqha “kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti proprji tagħhom” u partikolarment, jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta f’każ bħal dak ta’ llum fejn, barra minn hekk, “il-ftehim tal-azzjonisti konklużi bejn il-korpi pubbliċi ma humiex adatti sabiex jagħtu kontroll effettiv kwalunkwe” fuq il-kumpannija ad hoc. |
|
24. |
Filwaqt li nibbaża ruħi fuq dan il-qari tad-domanda, ser norganizza l-analiżi tiegħi f’żewġ partijiet. Għalhekk, fl-ewwel lok ser nipprova niddetermina ċ-ċirkustanzi konkreti li għandhom ikunu sodisfatti sabiex, fil-każ ta’ kumpannija li l-kapital tagħha jkun miżmum primarjament minn korp pubbliku b’mod eġemoniku, u b’titolu minoritarju minn grupp ieħor ta’ korpi pubbliċi, ikun possibbli li jitqies li dawn tal-aħħar jeżerċitaw fuq il-kumpannija ad hoc“kontroll analogu għal dak li dawn jeżerċitaw fuq id-dipartimenti proprji tagħhom”. Fit-tieni lok, skont l-informazzjoni kkomunikata mill-qorti tar-rinviju, ser nipprova nanalizza jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti f’dan il-każ partikolari. |
C – Il-“kontroll analogu” fuq kumpannija proprjetà ta’ diversi korpi pubbliċi, f’sitwazzjoni ta’ assimetrija manifesta tal-poter ta’ wieħed mill-korpi fir-rigward tal-oħrajn
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
25. |
Biex nibda, għandu jiġi mfakkar li, loġikament u skont ġurisprudenza stabbilita, xejn ma jipprekludi li l-kundizzjoni ta’ “kontroll analogu” tiġi sodisfatta meta l-kapital tal-kumpannija aġġudikatriċi jkun miżmum mhux minn korp wieħed, iżda minn diversi korpi pubbliċi. |
|
26. |
Is-sentenza Coditel iddikjarat litteralment li “l-kontroll eżerċitat fuq l-entità konċessjonarja għandu jkun effettiv imma ma huwiex indispensabbli li jkun individwali”, għaliex l-eżiġenza “li l-kontroll eżerċitat minn awtorità pubblika f’każ paragunabbli għandu jkun individwali għandha l-effett li timponi sejħa għal offerti fil-parti l-kbira tal-każijiet fejn awtorità pubblika għandha l-intenzjoni li tassoċja ruħha ma’ grupp kompost minn awtoritajiet pubbliċi oħra, bħal kooperattiva interkomunali” ( 10 ). Din il-ġurisprudenza kienet ġiet ikkonfermata fis-sentenza Sea ċċitata iktar ’il fuq, li tindika fil-punt 63 tagħha li “jekk awtorità pubblika ssir soċju minoritarju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital kollu kemm huwa pubbliku sabiex din tingħata l-amministrazzjoni ta’ servizz pubbliku, il-kontroll li l-awtoritajiet pubbliċi soċji fi ħdan din il-kumpannija jeżerċitaw fuqha jista’ jiġi kkwalifikat bħala analogu għall-kontroll li huma jeżerċitaw fuq is-servizzi tagħhom stess meta dan jiġi eżerċitat b’mod konġunt minn dawn l-awtoritajiet”. |
|
27. |
Barra minn hekk, dejjem f’din il-perspettiva, il-fatt li l-awtorità kontraenti żżomm, waħidha jew ma korpi pubbliċi oħrajn, it-totalità tal-kapital tal-kumpannija ad hoc jidher li jindika li hija teżerċita fuq il-kumpannija ad hoc“kontroll analogu” għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti proprji tagħha ( 11 ). Madankollu, għandhom isiru żewġ preċiżazzjonijiet importanti fuq din l-aħħar affermazzjoni. |
a) Il-parteċipazzjoni ta’ sieħeb privat teskludi li l-korpi pubbliċi jkunu jistgħu jeżerċitaw “kontroll analogu” fuq il-kumpannija
|
28. |
Fl-ewwel lok, “il-parteċipazzjoni, anki minoritarja, ta’ kumpannija privata fil-kapital ta’ kumpannija li għaliha tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti in kwistjoni teskludi fi kwalunkwe każ li din l-awtorità kontraenti tista’ teżerċità fuq din il-kumpannija kontroll simili għal dak li hija teżerċità fuq id-dipartimenti tagħha stess.” ( 12 ). Din il-preċiżazzjoni tista’ tkun importanti f’din il-kawża għaliex għalkemm jidher li fil-mument tal-għoti kkontestat, ASPEM kienet kumpannija li l-kapital tagħha kien għal kollox pubbliku, il-Kummissjoni stabbilixxiet li fil-15 ta’ Ġunju 2009, din il-kumpannija kienet għaddiet taħt il-kontroll tal-grupp A2A, li hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha jista’ jinżamm minn azzjonisti privati. |
|
29. |
Skont il-ġurisprudenza Sea ċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li wara l-għoti dirett tas-servizz, “iżda dejjem matul it-terminu tal-validità ta’ dan il-kuntratt, azzjonisti privati jitħallew jipparteċipaw fil-kapital ta’ din il-kumpannija, jikkostitwixxi bidla ta’ kundizzjoni fundamentali tal-kuntratt li jkun jeħtieġ sejħa għal offerti” ( 13 ). Għaldaqstant, f’dan il-każ partikolari, kieku kien hemm konferma ta’ dħul ta’ kapital privat meta l-kuntratt jew il-konċessjoni kienet fis-seħħ, dan kien ikun biżżejjed biex jiġi eskluż mill-bidu li l-kundizzjoni ta’ kontroll analogu tiġi sodisfatta. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkonferma dawn il-punti. |
b) In-natura għal kollox pubblika tal-kumpannija ma hijiex indikazzjoni konklużiva
|
30. |
Fit-tieni lok, għandu jingħad minn issa li l-ġurisprudenza lanqas ma tikkunsidra n-natura għal kollox pubblika ta’ kumpannija bħala indikazzjoni konklużiva li l-korpi kollha li jipposseduha jeżerċitaw fuqha “kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess” ( 14 ). |
|
31. |
Għaldaqstant, lil hinn min-natura għal kollox pubblika tal-kumpannija ad hoc, l-eżami tal-ewwel kundizzjoni magħmula fis-sentenza Teckal għandu jieħu inkunsiderazzjoni, kif tindika l-Qorti tal-Ġustizzja, “d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kollha kif ukoll ċirkustanzi rilevanti” u tal-fatt li “[m]inn dan l-eżami għandu jirriżulta li l-entità li tieħu l-konċessjoni kkonċernata hija suġġetta għal kontroll li jippermetti lill-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni li tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ l-imsemmija entità. Għandu jkun hemm possibbiltà ta’ influwenza determinanti kemm fuq l-għanjiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti” ( 15 ). |
2. Fuq l-hekk imsejjaħ “prinċipju li jipprovdi li s-sitwazzjoni tal-korp pubbliku individwali parteċipanti fil-kumpannija […] hija irrilevanti”
|
32. |
F’dak li jirrigwarda l-mertu ta’ din il-kwistjoni, għandha qabel kollox tiġi osservata l-formula użata mill-qorti tar-rinviju biex tiġbor fil-qosor il-ġurisprudenza inkwistjoni, jiġifieri l-prinċipju “ta’ irrilevanza” tas-sitwazzjoni tal-korp pubbliku li għandu parti mill-kapital tal-kumpannija ad hoc. |
|
33. |
Kif intqal, is-sentenzi Coditel u Sea jistabbilixxu li, anki fil-każ li korpi pubbliċi jkollhom biss sehem minoritarju ħafna fil-kapital tal-kumpannija konċessjonarja, il-kundizzjoni ta’ “kontroll analogu” tista’ tiġi sodisfatta mill-mument li l-kontroll, eżerċitat flimkien mal-proprjetarji l-oħrajn tal-kumpannija aġġudikatriċi, ikun effettiv. |
|
34. |
Fil-fehma tiegħi, dan ifisser li l-entità pubblika aġġudikatriċi għandha tipparteċipa fil-kontroll effettiv tal-kumpannija konċessjonarja, tal-inqas f’miżura proporzjonali għall-piż relattiv tagħha mqabbel mat-totalità tal-entitajiet pubbliċi li jikkontrollaw konġuntament il-kumpannija. Sabiex jiġi evalwat il-piż relattiv tal-korp inkwistjoni, il-qrati jistgħu jużaw kriterji bħal volum tal-baġit tal-korp lokali, il-popolazzjoni tiegħu jew il-bżonnijiet tiegħu b’relazzjoni mas-servizz immexxi minn din il-kumpannija. |
|
35. |
Għaldaqstant, jekk wieħed juża t-terminoloġija tad-domanda preliminari, dak li huwa “rrilevanti” għall-finijiet tal-ewwel kundizzjoni Teckal ma huwiex il-pożizzjoni jew is-sehem tal-korp pubbliku fil-kontroll effettiv tal-kumpannija konċessjonarja, iżda l-pożizzjoni jew is-sehem tagħha fil-kapital tagħha. Dawn iż-żewġ ishma (sehem fil-ġestjoni u sehem fil-kapital) jistgħu jkunu minoritarji, iżda l-ebda waħda minnhom ma tista’ tkun ineżistenti. |
|
36. |
Dan huwa għaliex għandha tiġi enfasizzata b’mod partikolari l-kwalifika tal-“prinċipju ta’ irrilevanza” użata fid-domanda preliminari. Fil-każijiet ta’ kontroll kollettiv tal-kumpannija, il-kundizzjoni ta’ “kontroll analogu” tiġi sodisfatta biss jekk kull waħda mill-entitajiet pubbliċi aġġudikatriċi jkollha fiha nnifisha l-kapaċità li tinfluwenza, b’mod ftit jew wisq importanti, kemm l-“għanijiet strateġiċi” kif ukoll id-“deċiżjonijiet importanti” tal-kumpannija ( 16 ). Jekk ikun biżżejjed, għall-validazzjoni tal-eċċezzjoni tal-kuntratt in house, sehem żgħir (anki simboliku) fil-kapital tal-kumpannija, il-kundizzjoni tal-“kontroll analogu” tkun nieqsa minn kull sens ( 17 ). |
3. Il-kriterji tan-nuqqas ta’ awtonomija u ta’ skop kummerċjali
|
37. |
Wara li ntqal dan, iċ-ċirkustanzi li għandhom jeżistu biex jiġi kkunsidrat li entità pubblika li jkollha sehem minoritarju teżerċita influwenza msejħa “determinanti” fuq id-deċiżjonijiet u l-għanijiet tal-kumpannija jistgħu jiġu limitati għal żewġ kategoriji: in-nuqqas ta’ awtonomija u n-nuqqas ta’ skop kummerċjali. |
|
38. |
Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) tad-19 ta’ April 2007 ( 18 ), aċċettat li erba’ Comunidades Autónomas espagnoles jeżerċitaw fuq l-impriża pubblika Tragsa “kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess” u dan minkejja l-fatt li bejniethom kellhom biss 1 % tal-kapital (0.25 % kull waħda), kontra d-99 % tal-Istat Spanjol. Din is-sitwazzjoni ma kinitx differenti ħafna minn dik eżaminata fil-kawża Consorcio Aziende Metano (Coname) fejn, sentejn qabel biss, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li sehem ta’ 0.97 % fil-kapital tal-kumpannija aġġudikatriċi kien fin-natura tiegħu dgħajjef wisq biex jippermetti lil komun jeżerċita “kontroll analogu” ( 19 ). Madankollu, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Tragsa kienet ibbażata fuq ċirkustanzi speċifiċi bħall-fatt li l-kumpannija kienet obbligata li twettaq xogħlijiet li ordnawlha l-Comunidades Autónomas, li hija ma setgħetx tiffissa liberament il-prezz ta’ dawn l-interventi u li r-relazzjonijiet tagħha ma kinux ta’ natura kuntrattwali ( 20 ). |
|
39. |
Dan jista’ jispjega l-fatt li, ulterjorment, il-ġurisprudenza espressament indikat li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat fis-sentenza Asemfo li l-kundizzjoni tal-kontroll analogu setgħet tiġi sodisfatta b’sehem fil-kapital li jlaħħaq 0.25 %, dan kien ġara f’“ċerti ċirkustanzi” ( 21 ). |
|
40. |
Is-sentenza Coditel iċċitata iktar ’il fuq ikkonfermat il-fehma li qed insostni. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat l-ewwel kundizzjoni tas-sentenza Teckal u enfasizzat il-fatt li l-konċessjonarja kienet kumpannija kooperattiva interkomunali li l-bord tad-diretturi tagħha kien ikkostitwit minn rappreżentanti tal-muniċipalitajiet assoċjati, innominati mil-laqgħa ġenerali, li min-naħa tagħha kienet komposta mir-rappreżentanti ta’ dawn il-muniċipalitajiet. Għalhekk, il-komuni kollha assoċjati kienu jikkontrollaw konġuntament l-organi deċiżjonali tal-kumpannija, partikolarment il-bord tad-diretturi, organu li għandu poteri kbar u li jistabbilixxi b’mod partikolari l-prezzijiet ( 22 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni f’din il-kawża li l-kumpannija riedet tilħaq primarjament għan ta’ interess muniċipali u ma kellhiex skop kummerċjali, għaliex ma setgħetx taħdem bħall-kumpanniji limitati jew kumpanniji b’responsabbiltà limitata, billi tiffissa l-għanijiet tagħha indipendentement mill-azzjonisti tagħha ( 23 ). |
|
41. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan it-tip ta’ analiżi wkoll fis-sentenza Sea. Minn naħa, hija kkunsidrat il-fatt li l-istatuti tal-kumpannija kienu ġew emendati biex jissovvrapponu fuq il-laqgħa ġenerali u fuq il-bord tad-diretturi strutturi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet intiżi biex jiggarantixxu kontroll imsaħħaħ. B’mod partikolari, dan kien kumitat magħqud u ta’ diversi kumitati tekniċi, kollha komposti minn rappreżentanti ta’ entitajiet assoċjati. Il-linji gwida adottati minn dawn il-kumitati kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mil-laqgħa ġenerali ( 24 ). Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li s-sentenza stabbilixxiet li ma kienx jidher li l-kumpannija kellha skop kummerċjali, sa fejn il-“portata ġeografika tal-attivitajiet tal-kumpannija konċessjonarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx mifruxa lil hinn mit-territorju tal-muniċipalitajiet li huma azzjonisti tagħha u, min-naħa l-oħra, li din il-kumpannija jkollha bħala għan li tamministra s-servizzi pubbliċi biss għal dawn il-muniċipji” ( 25 ). |
|
42. |
Għaldaqstant, l-element ċentrali ta’ kull analiżi tal-ġurisprudenza huwa li l-kumpannija ma għandhiex tgawdi minn marġni ta’ awtonomija b’mod li tipprekludi lill-korpi lokali milli jeżerċitaw fuqha kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti proprji tagħhom ( 26 ). |
|
43. |
Dan huwa għalfejn qari attent tas-sentenza Teckal, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat għall-ewwel darba l-kundizzjonijiet tal-kuntratt in house, iwassalna għall-konklużjoni li l-bażi ta’ din l-eċċezzjoni għall-eżiġenza ġenerali ta’ sejħa għal offerti pubblika hija li ma tistax teżisti relazzjoni kuntrattwali fis-sens strett bejn l-awtorità kontraenti u l-kumpannija, minħabba n-nuqqas ta’ “kunsens ta’ żewġ volontajiet awtonomi li jirrappreżentaw interessi leġittimi differenti” ( 27 ). |
|
44. |
Fi kliem ieħor, il-mekkaniżmu tal-kuntratt “in house” ma jistax jiġi implementat ħlief meta l-kumpannija ma jkollhiex il-pożizzjoni ta’ terz fir-rigward tal-awtorità kontraenti. Għal dan l-iskop, għandu jiġi vverifikat li l-kumpannija ma għandha l-ebda awtonomija fil-konfront tal-awtorità kontraenti li teżerċita f’dan il-każ il-poter tagħha ta’ awto-organizzazzjoni ( 28 ). |
|
45. |
Kienet din il-linja ta’ raġunament li ġiet żviluppata fil-kawża Asemfo, fejn, kif indikajt diġà, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm “kontroll analogu” filwaqt li bbażat ruħha fuq in-nuqqas ta’ awtonomija tal-kumpannija biex tiffissa t-tariffi tagħha, u, mid-dehra, biex tiddeċiedi l-ħidmiet li kellha twettaq. |
|
46. |
Madankollu, nikkunsidra li l-iktar eżami eżiġenti li sar fis-sentenzi Coditel u Sea huwa ferm iktar ġust u komplet. Kif indikat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat f’dawn is-sentenzi żewġ ċirkustanzi kumulattivi: jiġifieri, minn naħa, is-sitwazzjoni statutarja tal-korp pubbliku fl-organi ta’ ġestjoni tal-kumpannija u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ “skop kummerċjali” ta’ din il-kumpannija. |
|
47. |
Huwa ċar li dawn iż-żewġ elementi huma biss indikazzjonijiet tan-nuqqas tal-awtonomija ċċitata iktar ’il fuq, iżda nikkunsidra li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kienet teħtieġ li jingħaqdu dawn iż-żewġ elementi, il-garanzija tal-eżistenza ta’ “kontrol analogu” tkun ikbar. Fil-fehma tiegħi, diffiċli wieħed japprezza dan il-kontroll analogu mingħajr preżenza diretta tal-awtoritajiet kontraenti fl-organi tal-ġestjoni jew, bl-istess mod, mingħajr pożizzjoni statutorja li tiżgura l-“influwenza determinanti” meħtieġa mill-ġurisprudenza fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet. |
|
48. |
Għaldaqstant, fi ftit kliem, nikkunsidra li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jeżerċitaw kontroll analogu fuq il-kumpannija aġġudikatriċi sakemm ikollhom pożizzjoni statutorja li tippermettilhom jinfluwenzaw b’mod konġunt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet importanti u l-għanijiet strateġiċi ta’ din il-kumpannija. Fi kwalunkwe każ, il-kumpannija ma tistax tkun ikkontrollata esklużivament mill-entità pubblika li jkollha sehem maġġoritarju fil-kapital tagħha. |
|
49. |
Bl-istess mod, għandu jiġi vverifikat il-fatt li l-kumpannija ma għandhiex skop kummerċjali u, fl-aħħar mill-aħħar, awtonomija biex tadotta deċiżjonijiet fir-rigward tal-korpi pubbliċi li jikkontrollawha b’mod konġunt. |
D – Evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kontroll analogu f’din il-kawża
|
50. |
Għall-applikazzjoni f’dan il-każ tal-fatturi kollha esposti sa issa, għandha tiġi enfasizzata, l-ewwel nett, il-ftit informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju għall-finijiet rilevanti. |
|
51. |
Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda s-sehem eventwali tal-komuni ta’ Cagno u Solbiate fl-organi ta’ ġestjoni tal-kumpannija ASPEM, id-domanda preliminari tindika li, skont ftehim bejn il-kumpannija u l-korpi li għandhom sehem minoritarju fil-kapital tagħha, dawn il-korpi għandhom, fi kwalunkwe każ, id-dritt li jiġu “kkonsultati”, li jinnominaw membru tal-kumitat tal-awdituri kif ukoll id-dritt li jinħatar membru tal-bord tad-diretturi bi ftehim komuni mal-korpi l-oħrajn kollha li jipparteċipaw fil-ftehim tal-għaqda tal-komuni. |
|
52. |
Għaldaqstant, f’dan il-każ, lil hinn min-natura simbolika tas-sehem fil-kapital, hemm ċertu sehem tal-azzjonisti minoritarji fl-organi ta’ ġestjoni tal-kumpannija. Madankollu, wieħed għandu jaqbel li l-ħatra ta’ membru tal-bord tad-diretturi, bi ftehim komuni mal-azzjonisti minoritarji kollha (total ta’ 36 korp), flimkien man-nomina mill-korpi kollha, ta’ membru tal-kunsill tal-awdituri, u l-eżistenza ta’ “dritt ta’ konsultazzjoni” astratt ta’ frekwenza ta’ darbtejn fis-sena tista’ ma tkunx biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li l-korpi ċċitati iktar ’il fuq għandhom il-poter li jinfluwenzaw b’mod effettiv l-“għanijiet strateġiċi” u d-“deċiżjonijiet importanti” tal-kumpannija ASPEM. |
|
53. |
Min-naħa l-oħra, ma huwiex irraġonevoli li jitqies li l-effettività legali ta’ ftehim ta’ azzjonisti li jispeċifika dan is-sehem tista’ tkun diskutibbli, u li l-imsemmi “dritt ta’ konsultazzjoni” dwar l-“iżvilupp tas-servizz” ( 29 ) ma jiggarantixxix li jiġi estiż għad-“deċiżjonijiet importanti” u għall-“għanijiet strateġiċi” tal-kumpannija kkunsidrata b’mod sħiħ ( 30 ). |
|
54. |
Għaldaqstant, mad-daqqa ta’ għajn, ħlief fil-każ ta’ evalwazzjoni definittiva kuntrarja mill-qorti tar-rinviju, in-natura dipendenti tal-kumpannija tidher li topera primarjament f’relazzjoni mal-azzjonist maġġoritarju, billi huwa diskutibbli r-rwol tal-azzjonisti minoritarji fil-kontroll de facto tal-kumpannija. |
|
55. |
Il-Gvern Taljan innifsu jidher li jsegwi l-istess raġunament meta jsostni li “s-sitta u tletin komun assoċjat, anki jekk jieħdu azzjonijiet miftehma flimkien kontinwament, ma jkollhom l-ebda poter reali li jinfluwenzaw il-kumpannija, li, fl-aħħar mill-aħħar, tappartjeni (għall-inqas mill-15 ta’ Jannar 2009) għall-komun ta’ Varese biss u ma tista’ bl-ebda mod tiġi kkunsidrata bħala struttura organizzattiva ta’ wieħed minn dawk is-36 komun”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni esprimiet ruħha wkoll fl-istess sens. |
|
56. |
Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi evalwat jekk ASPEM għandhiex jew le “skop kummerċjali” li jdgħajjef il-kontroll eżerċitat mill-entitajiet li għandhom sehem mill-kapital tagħha, għandhom jiġu analizzati wkoll, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 73 tas-sentenza Sea, fatturi bħall-portata ġeografika u materjali tal-attivitajiet ta’ din il-kumpannija, jew il-possibbiltà li din tibda relazzjonijiet ma’ impriżi tas-settur privat. |
|
57. |
Madankollu, id-digriet tar-rinviju ma jipprovdi kważi l-ebda element ċar fuq dan is-suġġett. Il-Gvern Taljan isostni min-naħa tiegħu li ASPEM tidher li għandha għan soċjali “partikolarment wiesa’” (jinkludi mhux biss il-ġestjoni kompleta taċ-ċiklu tal-iskart urban, iżda anki l-produzzjoni ta’ enerġija, il-provvista ta’ ilma tax-xorb u s-servizzi ta’ tisħin), u min-naħa l-oħra li l-istatuti tagħha jippermettulha li topera f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħrajn tas-settur meta tipparteċipa fi proċeduri ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi. |
|
58. |
Huwa minnu li l-fatt li ASPEM tista’ eventwalment toffri s-servizzi tagħha lil operaturi ekonomiċi privati ma huwiex biżżejjed, skont il-ġurisprudenza, biex jiġi kkunsidrat li din il-kumpannija għandha “skop kummerċjali”. Kif tippreċiża s-sentenza Sea, it-tieni kundizzjoni li tagħmel is-sentenza Teckal (il-kumpannija aġġudikatriċi għandha twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-entitajiet li jikkontrollawha) titlef l-iskop tagħha jekk l-ewwel kundizzjoni tkun interpretata fis-sens li tipprojbixxi kull attività aċċessorja, inkluż mas-settur privat ( 31 ). |
|
59. |
Madankollu, ma għandux jiġi injorat li l-fatt li ASPEM għandha għan partikolarment wiesa’ u li eventwalment hija tista’ tiġi involuta fl-għoti ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom l-entità pubblika b’ishma minoritarji fil-kapital tagħha bilkemm ikollha poter deċiżjonali, jista’ jkun indikattiv li din il-kumpannija tgawdi minn grad ta’ awtonomija li jirrendi prekarju l-kontroll tal-korpi pubbliċi li jkollhom sehem minoritarju fil-kapital tagħha. |
|
60. |
Fi ftit kliem, f’dan il-punt għandu jidher ċar li l-problema fundamentali ma hijiex li s-sehem tal-komuni ta’ Cagno u Solbiate fil-kapital ta’ ASPEM huwa nettament minoritarju, iżda li l-fakultajiet supplimentari ta’ kontroll li ngħatawlhom jistgħu jkunu kjarament, anki jekk eżerċitati b’mod konġunt, mhux biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jitkellem dwar influwenza li tista’ tiġi kkwalifikata bħala “determinanti” fuq id-deċiżjonijiet u l-iffissar tal-għanijiet tal-kumpannija u, fl-aħħar mill-aħħar, ta’ nuqqas ta’ awtonomija tagħha fil-konfront tal-komuni. |
|
61. |
Hawnhekk hemm lok li ssir insistenza fuq il-fatt li t-tagħrif li għandna ma huwiex konkret biżżejjed, għaliex, pereżempju, ma nafux fhiex jikkonsisti dan id-“dritt ta’ konsultazzjoni” ta’ darbtejn fis-sena, x’ammont ta’ influwenza għandu l-membru tal-bord tad-diretturi maħtur mill-azzjonisti minoritarji jew ukoll x’inhi l-effettività legali reali tal-ftehim tal-azzjonisti. |
|
62. |
Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. B’mod ġenerali, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Stato, permezz tad-domanda tagħha esprimiet il-viżjoni tagħha fuq l-affarijiet: “il-ftehim tal-azzjonisti konklużi bejn il-korpi pubbliċi ma humiex tali li jagħtu lill-komun parteċipanti l-iċken kontroll effettiv fuq il-kumpannija”, sa tali punt li wieħed jista’ jikkunsidra “li l-parteċipazzjoni fil-kumpannija tista’ titqies biss bħala sempliċi rappreżentazzjoni formali ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi”. |
|
63. |
Meta tpoġġi s-sitwazzjoni f’dawn it-termini, fil-każ ta’ konferma ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrispondi d-domanda preliminari fis-sens li l-kundizzjoni li l-awtorità kontraenti teżerċita fuq il-kumpannija aġġudikatriċi “kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti proprji tagħha” ma tidhirx li hija sodisfatta f’każ fejn, bħal f’din il-kawża, kull awtorità kontraenti għandha biss sehem wieħed fil-kumpannija u l-ftehim bejn l-azzjonisti konklużi bejn il-korpi pubbliċi ma jagħtux lil dawn il-komuni kontroll effettiv fuq il-kumpannija. |
|
64. |
Fl-aħħar nett, kollox iwassal għall-kunsiderazzjoni li l-kundizzjoni li teħtieġ li l-entitajiet pubbliċi jipparteċipaw fl-organi ta’ ġestjoni tal-kumpannija u, fl-aħħar mill-aħħar, fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet importanti tagħha, ma hijiex sodisfatta, tal-inqas b’mod proporzjonali mal-piż tal-entitajiet pubbliċi aġġudikaturi kkonċernati fost it-totalità tal-entitajiet pubbliċi li jikkontrollaw flimkien il-kumpannija, u lanqas il-kundizzjoni li l-kumpannija ma għandhiex “skop kummerċjali” li jista’ jdgħajjef il-kontroll li dawn l-entitajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw fuqha. Sabiex jiġi evalwat dan il-“piż relattiv” tal-korpi pubbliċi kkonċernati jistgħu jintużaw kriterji bħall-baġit tal-korp pubbliku, il-popolazzjoni tiegħu jew il-bżonnijiet tiegħu fir-rigward tas-servizz ġestit mill-kumpannija inkwistjoni. |
|
65. |
Fil-każ ta’ konferma ta’ dak kollu li jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-fatti, evalwazzjoni differenti toħloq riskju għoli ta’ frodi tal-liġi, għaliex toffri lill-entitajiet pubbliċi l-possibbiltà li jevitaw l-eżiġenzi tar-regoli ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika billi jkun hemm pussess minimu tal-kapital b’sehem strettament formali fil-ġestjoni u t-teħid ta’ deċiżjoni tal-kumpannija. Is-sehem fil-kontroll, għalkemm huwa kollettiv, għandu jkun effettiv u ftehim ta’ azzjonisti li jintroduċi bdil purament “kosmetiku” jew simboliku fl-organi ta’ ġestjoni tal-kumpannija ma jidhirx li huwa biżżejjed biex jiggarantixxi din l-effettività. |
|
66. |
Bħala konklużjoni, nikkunsidra li jeżistu diversi indikazzjonijiet li jippermettu li jingħad li lis-sehem tal-komuni ta’ Cagno u Solbiate fil-kumpannija ASPEM ma huwiex biżżejjed biex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni ta’ “kontroll analogu”. L-evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi tal-każ għandha ssir mill-qorti nazzjonali. |
VI – Konklużjoni
|
67. |
Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato bil-mod li ġej: “Għall-finijiet tal-eċċezzjoni tal-kuntratt in house, is-sehem minoritarju jew maġġoritarju tal-entità pubblika fil-kapital tal-kumpannija li tixtieq tatribwixxi servizz lilha huwa fil-prinċipju mingħajr rilevanza. Madankollu, wieħed ma jistax jitkellem fuq ‘prinċipju ta’ irrilevanza’ mill-pożizzjoni ta’ din l-entità pubblika fil-kontroll effettiv tas-soċjetà. B’mod partikolari, ma huwiex possibbli li wieħed joqgħod fuq l-eċċezzjoni tal-kuntratt ‘in house’ fil-każ fejn, minn naħa, kull waħda mill-awtoritajiet kontraenti inkwistjoni tkun proprjetarja ta’ sehem wieħed biss fil-kumpannija u min-naħa l-oħra, il-ftehim bejn l-azzjonisti konklużi mill-entitajiet pubbliċi ma jagħtux lill-komun li għandu sehem kontroll apprezzabbli u proporzjonali fuq il-kumpannija, liema ċirkustanzi għandhom jiġu evalwati, fl-aħħar mill-aħħar, mill-qorti nazzjonali”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1999 (Teckal, C-107/98, Ġabra p. I-8121).
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.
( 4 ) GURI Nru 227, tat-28 ta’ Settembru 2000, suppliment ordinarju Nru 162.
( 5 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 1997, Garofalo et (C-69/96 sa C-79/96, Ġabra p. I-5603, punti 25 sa 27); u tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C-305/08, Ġabra p. I-12129, punt 25). Ara wkoll, fir-rigward tan-Nederlandse Raad van State, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 1973, (36/73, Ġabra p. 1299).
( 6 ) Fuq l-istat tal-ġurisprudenza fuq dan il-punt, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Eurawasser (C-206/08, Ġabra p. I-8377, punti 53 et seq).
( 7 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 49); tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-485/03 sa C-490/03, Ġabra p. I-11887, punt 62); u tal-10 ta’ Settembru 2009, Sea (C-573/07, Ġabra p. I-8127, punti 35 sa 37).
( 8 ) Sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50.
( 9 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C-324/07, Ġabra p. I-8457; iktar ’il quddiem is-“sentenza Coditel”).
( 10 ) Sentenza Coditel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 47.
( 11 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei (C-340/04, Ġabra p. I-4137, punt 37, iktar ’il quddiem “is-sentenza Carbotermo”).
( 12 ) Ara s-sentenza Sea ċċitata iktar ’il fuq, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza li hija msemmija fiha.
( 13 ) Sentenza Sea ċċitata iktar ’il fuq, punt 53.
( 14 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Carbotermo, punt 37; u Sea, punt 45. Ara fl-istess sens, is-sentenza Coditel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31.
( 15 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Parking Brixen (punt 65) u Carbotermo (punt 26); kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-371/05, Ġabra p. I-110, punt 24); u s-sentenzi Coditel (punt 28) u Sea ċċitata iktar ’fuq (punt 65).
( 16 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Parking Brixen (punt 65); Coditel (punt 28). Għalkemm il-ġurisprudenza hawnhekk titkellem fuq “influwenza determinanti”, nikkunsidra li l-aġġettiv jirriferi għall-kontroll eżerċitat kollettivament mill-korpi pubbliċi, u li din il-kundizzjoni għandha tiġi mmodifikata fil-każijiet ta’ kontroll effettiv.
( 17 ) F’dan ir-rigward, ma huwiex irrilevanti l-fatt li, fis-sentenza Teckal, il-Qorti tal-Ġustizzja titkellem dwar kontroll analogu għal dak eżerċitat mill-“entità territorjali” b’din tkun fis-singular, filwaqt li, meta tifformula t-tieni kundizzjoni, hija teħtieġ li l-kumpannija inkwistjoni twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha “mal-entità jew l-entitajiet” li jikkontrollawha. Fil-fehma tiegħi, dan jeskludi l-possibbiltà ta’ applikazzjoni analoġika f’dan il-każ partikolari, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni Teckal, tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza Carbotermo ċċitata iktar ’il fuq, punt 70.
( 18 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C-295/05, Ġabra p. I-2999).
( 19 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C-231/03, Ġabra p. I-7287, punt 24).
( 20 ) Sentenza Asemfo, punt 60. Dan huwa l-element kwalitattiv li jagħmel il-każ Coname differenti mill-każ Asemfo, għalkemm, kif jitfakkar fis-sentenza Coditel, f’din is-silta tas-sentenza Coname “il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttrattatx il-kwistjoni dwar jekk tali kontroll setax jiġi eżerċitat b’mod konġunt” (sentenza Coditel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-kumpannija aġġudikatriċi f’Coname kienet għall-inqas parzjalment miftuħa għall-kapital privat (sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).
( 21 ) Sentenza Coditel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53.
( 22 ) Sentenza Coditel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 sa 35.
( 23 ) Sentenza Coditel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 sa 38.
( 24 ) Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kien hemm dubju fuq l-effettività ta’ dan il-kontroll, u rriferiet l-interpretazzjoni ta’ dan il-punt lill-qorti tar-rinviju. Sentenza Sea, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81 sa 88.
( 25 ) Sentenza Sea, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 sa 76.
( 26 ) Ara s-sentenza Coditel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39.
( 27 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 1999 fil-kawża Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64.
( 28 ) Fir-rigward ta’ dan il-punt, ara Bernal Blay, M.A., “Un paso en falso en la interprétación del criterio del control análogo al de los propios servicios en las relaciones in house (pass falz fl-interpretazzjoni tal-kriterju tal-kontroll analogu għal dak tad-dipartimenti proprji tal-entità aġġudikatriċi fir-relazzjonijiet in house)”, (Revista española de Derecho administrativo, Nru 137, 2008).
( 29 ) Iż-żewġ korpi kkonċernati ddikjaraw dan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.
( 30 ) Fuq dan il-punt, nikkondividi l-opinjoni li esprima l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2006 dwar il-kawża Asemfo ċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li l-kontroll “fuq id-definizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u proġetti partikolari – kontroll inerenti għal kull missjoni li entità pubblika tafda lil dipartiment tagħha jew lil persuna legali esterna – ma huwiex il-kontroll li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għalih meta titkellem dwar ‘influwenza deċiżiva kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti’ ta’, f’dan il-każ, dipartiment strumentali ‘proprju’” (punt 98).
( 31 ) Sentenza Sea, iċċitata iktar ’il fuq, punti 79 u 80.