KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fid-19 ta’ Lulju 2012 ( 1 )
Kawża C-26/11
Belgische Petroleum Unie VZW et
vs
Stat Belġjan
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti Kostituzzjonali (il-Belġju)]
“Karburanti — Obbligu ta’ bejgħ ta’ bijoetanol — Direttiva 98/70/KE — Il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil — Direttiva 2003/30/KE — Bijokarburanti — Kriterji ta’ sostenibbiltà — Direttiva 98/34/KE — Proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Il-karburanti mill-materji primi agrikoli, li għadhom jissejħu bijokarburanti, jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-klima għaliex l-użu tagħhom jipproduċi biss il-karbonju dijossidu li l-pjanti użati għall-produzzjoni tagħhom ikunu ħadu mill-atmosfera. Ladarba l-materji primi jistgħu jkunu prodotti fit-territorju Ewropew, l-użu tagħhom jagħti lill-agrikoltura Ewropea sors ta’ qligħ addizzjonali filwaqt li jnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt. Id-Direttiva 2003/30/KE ( 2 ) (iktar ’il quddiem: id-direttiva dwar il-bijokarburanti) għandha għalhekk bħala għan il-promozzjoni tal-użu rinforzat tal-bijokarburanti. |
|
2. |
Iktar tard, il-leġiżlatur Ewropew irrealizza li l-użu tal-bijokarburanti għandu wkoll xi żvantaġġi. Ġew għalhekk adottati d-Direttiva 2009/28/KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem: id-direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli) u d-Direttiva 2009/30/KE ( 4 ) sabiex ċertament issaħħaħ l-għan tal-użu tal-bijokarburanti, iżda b’assoċjazzjoni ma’ kriterji ta’ sostenibbiltà, intiżi sabiex jiġi evitat li l-produzzjoni ta’ bijokarburanti twassal għal ċerti danni ambjentali, bħal ħsarat lill-artijiet li fihom bijodiversità jew karbonju. |
|
3. |
Imbagħad wara l-adozzjoni taż-żewġ direttivi ċċitati iktar ’il fuq, il-Belġju stabbilixxa dik li huwa jsejjaħ kwota ta’ bijokarburanti, li timponi fuq l-impriżi taż-żejt li jikkummerċjalizzaw ċerta kwantità ta’ bijokarburanti, li tammonta għal 4 % tal-volum totali ta’ karburanti tradizzjonali kummerċjalizzati. F’dan ir-rigward għandu jiġi ddeterminat jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex kompatibbli mad-Direttiva 98/70/KE ( 5 ) dwar il-kwalità tal-karburanti (iktar ’il quddiem: id-Direttiva dwar il-karburanti). Din id-domanda tinteressa mhux biss lill-Istat Membru kkonċernat, il-Belġju, iżda wkoll lill-parti l-kbira tal-Istati Membri l-oħra, fejn jeżistu regoli simili ( 6 ). |
|
4. |
Min-naħa l-oħra, id-data tal-introduzzjoni tal-kwota tal-bijokarburanti fil-Belġju tqajjem ċerti domandi dwar l-effett tad-Direttivi f’dak iż-żmien. Għandu jiġi ċċarat ukoll jekk il-Belġju kkonsultax b’mod suffiċjenti mal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet Belġjani kkontestati, skont id-Direttiva 98/34/KE ( 7 ). |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Direttiva dwar il-karburanti
|
5. |
L-ewwel domanda tikkonċerna b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-karburanti, li ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2009/30. L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi li hija tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fil-25 ta’ Ġunju 2009, u l-Artikolu 4 jistabbilixxi t-terminu tat-traspożizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2010. |
|
6. |
L-Artikolu 3 tal-verżjoni l-ġdida tad-Direttiva dwar il-karburanti jirregola l-kwalità tal-petrol. Il-kontenut ta’ etanol permess huwa s-suġġett tal-paragrafu 3 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-fornituri jiżguraw it-tqegħid fis-suq ta’ petrol […] b’kontenut massimu ta’ etanol ta’ 5 % sal-2013 […] Huma għandhom jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni xierqa lill-konsumaturi dwar il-kontenut ta’ bijokarburant fil-petrol u, b’mod partikolari, dwar l-użu xieraq tat-taħlitiet differenti ta’ petrol.” |
|
7. |
Skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 3(2)(b) u tal-Anness I tal-verżjoni l-antika tad-Direttiva dwar il-karburanti ( 8 ), il-kontenut massimu ta’ etanol kien ukoll 5 %. |
|
8. |
Il-kwalità tal-karburant tad-diżil hija rregolata bl-Artikolu 4 tal-verżjoni l-ġdida tad-Direttiva dwar il-karburanti: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-karburant tad-diżil jista’ jitqiegħed fis-suq ġewwa t-territorju tagħhom biss jekk iħares l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness II. Minkejja r-rekwiżiti tal-Anness II, l-Istati Membri jistgħu jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ diżil b’kontenut ta’ aċidu grass methyl ester (FAME) ta’ aktar minn 7 %. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tingħata informazzjoni xierqa lill-konsumaturi rigward il-kontenut ta’ bijokarburant tal-karburant tad-diżil, b’mod partikolari l-FAME. 2. [...]” |
|
9. |
Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal-25 ta’ Ġunju 2009, id-Direttiva dwar il-karburanti ma kinitx tinkludi dispożizzjoni dwar il-kontenut ta’ aċidu grass methyl ester. |
|
10. |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti, li ma ġiex emendat bid-Direttiva 2009/30, jipprovdi għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-karburanti: “L-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojbixxi, jirrestrinġi jew jipprevjeni t-tqiegħid fis-suq ta’ karburanti li jaqblu mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.” |
|
11. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-karburanti, li baqa’ wkoll l-istess, jippermetti, f’ċerti kundizzjonijiet, lill-Istati Membri li jimponu rekwiżiti iktar stretti għal ċerti partijiet mit-territorju tagħhom jekk it-tniġġis atmosferiku jew tal-ilmijiet sotterranji jikkostiwixxi jew raġonevolment jista’ jkun mistenni li jikkostitwixxi problema serja u rikorrenti għal saħħet il-bniedem jew għall-ambjent. Dawn il-miżuri għandhom ikunu awtorizzati mill-Kummissjoni minn qabel. Skont l-premessa 20 tad-Direttiva dwar il-karburanti, din il-proċedura tikkostitwixxi deroga mill-proċedura għal għoti ta’ informazzjoni stabbilita mid-Direttiva 98/34. |
|
12. |
L-emendi tad-Direttiva dwar il-karburanti permezz tad-Direttiva 2009/30 kienu jinkludu dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-użu ta’ bijokarburanti. L-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva dwar il-karburanti jimponi fuq l-Istati Membri li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra prodott mill-karburanti: “L-Istati Membri għandhom jeħtieġu l-fornituri biex bl-aktar mod gradwali possibbli jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra tul iċ-ċiklu ta’ ħajja għal kull unità ta’ enerġija mill-karburant u mill-enerġija fornuti sa massimu ta’ 10 % sal-31 ta’ Diċembru 2020, meta mqabbel mal-istandard tal-linja bażi tal-karburant imsemmi fil-paragrafu 5(b). Dan it-tnaqqis għandu jikkonsisti fi:
|
|
13. |
L-Artikolu 7b tad-Direttiva dwar il-karburanti jirregola l-użu ta’ bijokarburanti fil-kuntest tat-twettiq ta’ dawn il-miri: “Irrispettivament minn jekk il-materja prima kenitx ikkultivata ġewwa jew barra t-territorji tal-Komunità, l-enerġija mill-bijokarburanti għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 7a biss jekk tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu. […] 2. L-iffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett serra mill-użu ta’ bijokarburanti kkunsidrat għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ mill-anqas 35 %. [...]” |
|
14. |
L-Artikolu 7b(3) sa (5) tad-Direttiva dwar il-karburanti jeskludi milli jiġu kkunsidrati bijokarburanti li jsiru minn materja prima miksuba minn art b’valur għoli ta’ bijodiversità jew minn art b’ħażna għolja ta’ karbonju jew minn art tal-pit li jkun sarilha dranaġġ għal dan l-effett. L-Artikolu 7b(6) jeżiġi l-osservanza ta’ ċerti leġiżlazzjonijiet agrikoli tal-Unjoni. |
2. Direttiva dwar il-bijokarburanti
|
15. |
Id-Direttiva dwar il-bijokarburanti tal-2003 kienet l-ewwel leġiżlazzjoni li tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti. L-Artikolu 3 tagħha jistabbilixxi għanijiet fil-qasam tal-użu tal-bijokarburanti għat-trasport:
|
3. Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli
|
16. |
Id-Direttiva dwar il-bijokarburanti ġiet revokata fl-2009 permezz tad-Direttiva li tippromwovi l-użu tal-enerġija rinnovabbli ( 9 ), li fiha regoli eżawrjenti sabiex tippromwovi l-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli u sabiex titqies fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dawn ir-regoli huma inparti identiċi għall-emendi magħmula fl-istess waqt lid-Direttiva dwar il-karburanti. |
|
17. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli tipprovdi kwota obbligatorja għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport: “Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-forom kollha ta’ trasport fl-2020 huwa mill-inqas 10 % tal-konsum finali ta’ enerġija fit-trasport f’dak l-Istat Membru.” |
|
18. |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli jipprovdi l-istess kriterji ta’ sostenibbiltà bħal dawk tal-Artikolu 7b tad-Direttiva dwar il-karburanti. |
|
19. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 26(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli jħassru d-Direttiva dwar l-bijokarburanti f’żewġ stadji: “2. Fid-Direttiva 2003/30/KE, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(2), (3) u (5), u l-Artikoli 5 sa 6 għandhom jitħassru b’effett mill-1 ta’ April 2010. 3. Id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE għandhom jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012.” |
|
20. |
Skont l-Artikolu 28 tagħha, id-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2009, l-istess ġurnata tad-Direttiva 2009/30; min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 27(1) tagħha, it-terminu tat-traspożizzjoni skada essenzjalment fil-5 ta’ Diċembru 2010. |
4. Direttiva 98/34
|
21. |
Id-Direttiva 98/34 timponi fuq l-Istati Membri li jikkonsultaw mal-Kummissjoni qabel ma jadottaw ċerti dispożizzjonijiet li x’aktarx jaffettwaw is-suq intern. |
|
22. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi d-definizzjonijiet essenzjali li ġejjin: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
[...]
[...]”. |
|
23. |
23. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jistabbilixxi l-obbligu tal-għoti ta’ informazzjoni: “Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.” |
|
24. |
24. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-għoti ta’ informazzjoni, inkluża, b’mod partikolari, dik tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 1: “1. L-Artikoli 8 u 9 ma għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir-regolament u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew għal ftehim volontarji li permezz tagħhom l-Istati Membri:
|
B – Id-dritt Belġjan
|
25. |
25. Il-kwota ta’ bijokarburanti kkontestata fil-kawża prinċipali ġiet stabbilita bil-liġi Belġjana tat-22 ta’ Lulju 2009 dwar l-obbligu li jiżdied il-bijokarburant fil-karburanti fossili li jintużaw ( 10 ). |
|
26. |
26. L-Artikolu 2(5) sa (8) ta’ din il-liġi jiddefinixxi d-diversi bijokarburanti:
Ir-Re għandu jistabbilixxi, b’deċiżjoni mogħtija fil-Kunsill tal-Ministri, il-mezzi tal-prova u, jekk ikun il-każ, l-iskeda u l-metodu ta’ kalkolu tal-kriterji imsemmija hawn fuq.” |
|
27. |
27. L-Artikoli 4 u 5 jiddeterminaw il-kwota ta’ bijokarburanti li għandha tintlaħaq permezz tat-taħlit mal-karburanti tradizzjonali: “Artikolu 4. § 1. Kull kumpannija rreġistrata taż-żejt li tipprovdi prodotti tal-petrol u/jew prodotti tad-diżil għall-konsum hija obbligata tipprovdi fl-istess sena kalendarja kwantità ta’ bijokarburanti sostenibbili għall-konsum kif ġej:
§ 2 [...] Artikolu 5. Il-provvista għall-konsum ta’ bijokarburanti sostenibbli bħal dik imsemmija fl-Artikolu 4 tiġi effettwata permezz tat-taħlit mal-prodotti tal-petrol u/jew prodotti tad-diżil ipprovduti għall-konsum, b’konformità mal-istandards tal-prodotti NBN EN 590 għall-prodotti tad-diżil u NBN EN 228 għall-prodotti tal-petrol.” |
|
28. |
28. Skont l-Artikolu 13 tagħha, il-Liġi Belġjana kellha inizjalment tapplika mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2011, iżda kienet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2013 b’Digriet Irjali tat-23 ta’ Ġunju 2011 ( 11 ). |
III – Talba għal deċiżjoni preliminari
|
29. |
Diversi impriżi Belġjani tas-settur tal-karburanti (flimkien imsejħa iktar ’il quddiem: Belgische Petroleum Unie et) ikkontestaw il-kwota tal-bijokarburanti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana, li ressqet imbagħad lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:
|
|
30. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Belgische Petroleum Unie et, mill-Belgian Bioethanol Association VZW et (iktar ’il quddiem: Belgian Bioethanol et), mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, dawn il-partijiet kienu wkoll preżenti fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2012. |
IV – Evalwazzjoni ġuridika
A – Dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
31. |
31. Belgian Biotehanol et jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba, minħabba nuqqas ta’ rabta bejn it-talba u l-kawża mressqa quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana. Il-kawża prinċipali għandha bħala suġġett l-ilment tal-ksur tal-libertà tal-kummerċ u tal-industrija ggarantita mid-dritt Belġjan. Ħadd ma sostna ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija tad-dritt tal-Unjoni. |
|
32. |
32. Fil-fatt, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinixxiet minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex x’taqsam mar-realtà tal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu sarulha ( 12 ). |
|
33. |
33. Il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana tqis li l-libertà tal-kummerċ u tal-industrija tinkiser jekk il-kwota Belġjana tal-bijokarburanti tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, għaliex ma jistax jingħad li hija ma għandha l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
B – Dwar id-Direttiva dwar il-karburanti
|
34. |
34. L-ewwel domanda tal-Qorti Kostituzzjonali hija b’mod partikolari dwar jekk il-kwota tal-bijokarburanti hijiex konċiljabbli mal-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti. Huwa minnu li d-domanda ssemmi biss l-obbligu stabbilit mill-Artikolu 4 tal-Liġi Belġjana li jipprovdi għall-konsum ċerta kwota ta’ bijokarburanti, iżda għandu jiġi kkunsidrat li, skont l-Artikolu 5 ta’ din il-Liġi, dan għandu jsir permezz ta’ taħlit mal-karburanti tradizzjonali. |
1. Dwar l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva dwar il-karburanti
|
35. |
35. Il-kwota Belġjana ta’ bijokarburanti tkun fi kwalunkwe każ illeċita jekk it-taħlit hekk prodott ikun inkompatibbli mal-ispeċifikazzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva għall-petrol u l-karburanti tad-diżil. |
|
36. |
36. Għall-verżjoni l-ġdida tad-Direttiva dwar il-karburanti, ma hemm l-ebda problema. L-Artikolu 3(3) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) jistabbilixxu l-kontenut massimu rispettivament ta’ etanol fil-petrol (5 %) u ta’ aċidu grass methyl ester fil-karburant diżil (7 %). Sa fejn hija tipprovdi f’kull wieħed minn dawn il-każijiet il-provvista għall-konsum ta’ 4 % ta’ bijokarburanti għat-taħlit mal-karburanti tradizzjonali, il-leġiżlazzjoni Belġjana ma teċċedix dan il-limitu. Ma hemm għalhekk l-ebda kontradizzjoni. |
|
37. |
37. Jekk wieħed jibbaża ruħu fuq l-verżjoni l-antika tad-Direttiva, is-sitwazzjoni tkun mod ieħor. Huwa minnu li l-Artikolu 3(2)(b) u l-Anness I jipprovdu wkoll sa 5 % ta’ etanol fil-petrol, iżda ż-żieda ta’ aċidu grass methyl ester fil-karburant diżil ma huwiex previst. |
|
38. |
38. Madankollu, meta l-kwota Belġjana daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009, id-Direttiva 2009/30 kienet diġà emendat id-Direttiva dwar il-karburanti, b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 4 tagħha, li jinteressawna hawnhekk. Dawn l-emendi daħlu fis-seħħ, minkejja t-terminu tat-traspożizzjoni, flimkien mad-Direttiva l-ġdida ( 13 ). Ma hemmx dispożizzjonijiet tranżitorji partikolari li jestendu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-antiki f’ċerti każijiet. Għalhekk, l-Artikoli 3 u 4 tal-verżjoni l-antika ma jistgħux iservu iktar ta’ punt ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-kwota Belġjana tal-bijokarburanti. |
|
39. |
39. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-kwota ta’ bijokarburanti hija kompatibbli mal-Artikoli 3 u 4 tal-verżjoni l-ġdida tad-Direttiva dwar il-karburanti. |
2. Rigward l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti
|
40. |
40. Madankollu l-partijiet involuti fil-proċedura jargumentaw li fuq kollox l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti, ma kienx emendat fl-2009. Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jipprevjenu t-tqegħid fis-suq ta’ karburanti li jaqblu mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva. Belgische Petroleum Unie et isostnu li l-obbligu li jiżdiedu l-bijokarburanti jirrestrinġi l-provvista għall-konsum tal-karburant. Din tammonta għall-impożizzjoni ta’ kundizzjoni addizzjonali għat-tqegħid fis-suq ta’ karburant li diġà jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva. |
a) Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti
|
41. |
41. Din il-perspettiva tibbaża ruħha fuq il-projbizzjoni li jiġu ristretti l-libertajiet fundamentali, li tapplika meta miżura x’aktarx li tippreġudika direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju ( 14 ) jew meta jkollha n-natura li tipprojbixxi, jew timpedixxi jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali ( 15 ). Fil-fatt, wieħed huwa inklinat li jaħseb a priori li meta ġiet stabbilita l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti, il-leġiżlatur kien spirat minn dawn il-projbizzjonijiet magħrufa sewwa. Huwa minnu wkoll li, bħal kull dispożizzjoni tad-dritt sekondarju oħra, din id-dispożizzjoni għandha, f’każ ta’ dubju, tkun suġġetta għal interpretazzjoni konformi mal-libertajiet fundamentali. |
|
42. |
42. Madankollu dan ma jfissirx li l-Artikolu 5 tad-Direttiva għandu jkun ekwivalenti għal libertà fundamentali li tipprekludi kwalunkwe restrizzjoni għall-bejgħ tal-karburanti li josservaw l-istandards, li l-kliem tad-dispożizzjoni jagħmluha applikabbli wkoll għall-fatti purament interni. Il-libertajiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ( 16 ) għandhom fil-fatt finalità differenti mill-projbizzjoni tar-restrizzjoni prevista fl-Artikolu 5. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-post okkupat minn din id-dispożizzjoni fis-sistema kif ukoll mill-għanijiet tad-Direttiva. |
|
43. |
43. Id-Direttiva dwar il-karburanti ma tfittixx l-armonizzazzjoni kompleta tas-settur ekonomiku tal-karburanti. Skont il-premessa 1 tagħha, hija tara pjuttost li jkunu approssimati l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-karburanti, jiġifieri r-regoli relattivi għall-kompożizzjoni u l-elementi tal-karburanti sabiex jiġi evitat li jinħolqu restrizzjonijiet għall-kummerċ minħabba standards differenti. Hija għalhekk neċessarja sabiex tillimita l-projbizzjoni ta’ restrizzjoni għal-leġiżlazzjonijiet li jirrigwardaw l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli għall-karburanti. |
|
44. |
44. Dan l-argument huwa kkorroborat mill-unika eċċezzjoni espliċitament prevista, dik tal-Artikolu 6 tad-Direttiva, li tirrigwarda unikament l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet ambjentali iktar stretti. Kieku l-leġiżlatur ried jistabbilixxi projbizzjoni globali ta’ restrizzjoni mal-Artikolu 5, huwa kien jadotta wkoll skema komprensiva ta’ deroga, li kienet tinkludi restrizzjonijiet potenzjali li ma jirriżultawx mill-Artikolu 6, pereżempju regolamenti fil-qasam tal-prezzijiet, regoli fil-qasam tas-sigurtà tal-bejgħ tal-karburanti jew regoli dwar il-pubbliċità tal-karburanti. |
|
45. |
45. Regoli tad-dritt sekondarju oħra, bħal, pereżempju, fil-qasam tat-tassazzjoni tal-prodotti petroliferi ( 17 ), jikkonfermaw il-portata limitata tal-projbizzjoni ta’ restrizzjoni li tinsab fid-Direttiva. Jekk din l-projbizzjoni tiġi interpretata b’mod estensiv, tassazzjoni esaġerata simili tkun ukoll iġġustifikata, iżda r-relazzjoni bejn tassazzjoni u projbizzjoni ta’ restrizzjoni ma hija indirizzata mkien. |
|
46. |
46. Fil-qosor, l-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprekludi esklużivament dispożizzjonijiet li jirrigwardaw direttament l-ispeċifikazzjonijiet tal-karburanti. |
b) Dwar l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ restrizzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti
|
47. |
47. Minn perspettiva strettament formali, il-kwota Belġjana ta’ bijokarburanti ma tipprovdix speċifikazzjoni addizzjonali dwar il-karburant. Il-Belġju, il-Belgian Bioethanol et u l-Kummissjoni ġustament enfażizzaw li l-obbligu ta’ bejgħ ta’ bijokarburanti mħalltin ma’ oħrajn ma jfissirx li dan japplika għal kull litru ta’ karburant. Il-manifatturi jistgħu jagħżlu li jinkludu 4 % ta’ bijokarburant għal kull litru jew li jikkumpensaw il-bejgħ ta’ ċerti lottijiet li ma kienx fihom bijokarburanti billi jkabbru l-perċentwali tal-bijokarburanti f’lottijiet oħra. |
|
48. |
48. Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni Belġjana hija ekwivalenti għal speċifikazzjoni addizzjonali, peress li f’kull każ l-impriżi għandhom iħalltu kwantitajiet sinjifikattivi ta’ karburanti mibjugħa minnhom mal-bijokarburanti. Il-fatt li huma jistgħu jvarjaw il-perċentwali tal-bijokarburant preżenti fit-taħlit bil-kundizzjoni li jbigħu total ta’ kwantità suffiċjenti, mingħajr ma jaqbżu l-kontenut massimu previst mid-Direttiva, ma jbiddilx in-natura tal-obbligu, li hija li frazzjoni sinjifikattiva tal-karburanti mibjugħa għandha tkun imħallta mal-bijokarburanti. |
|
49. |
49. Huwa minnu li l-Pajjiżi l-Baxxi qajmu numru ta’ metodi oħra kif jiġu kkummerċjalizzati kwantitajiet korrispondenti ta’ bijokarburanti, iżda dawn il-metodi ma humiex rilevanti għal dan il-każ. Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi Belġjana, il-bijokarburanti għandhom fil-fatt ikunu pprovduti għall-konsum permezz ta’ taħlit mal-prodotti tal-petrol u/jew prodotti tad-diżil. |
|
50. |
50. Konklużjoni simili kienet, barra minn hekk, mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali Belġjana fejn hija kkonstatat — sussegwentement għall-Kunsill tal-Istat Belġjan fil-proċess leġiżlattiv ( 18 ) — li l-leġiżlazzjoni Belġjana hija “standard tal-prodott” fis-sens tad-dispożizzjonijiet dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-organi tal-Istat ( 19 ). |
|
51. |
51. Din l-ispeċifikazzjoni addizzjonali rrestrinġiet il-provvista għall-konsum ta’ karburanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-karburanti. Il-bejgħ ta’ dawn il-karburanti huwa inqas attraenti meta l-impriża hija obbligata li tbigħ 4 % ta’ bijokarburanti. Ir-rispett lejn dan l-obbligu jista’ jwassal għal spejjeż ogħla u għal riskji ikbar. |
|
52. |
52. Huwa għalhekk li l-kwota ta’ bijokarburanti tirrestrinġi bħala prinċipju l-provvista għall-konsum ta’ karburanti fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva. |
c) Dwar l-eċċezzjonijiet possibbli għall-projbizzjoni tar-restrizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti
|
53. |
53. Jifdal li jiġi analizzat jekk il-kwota ta’ bijokarburanti taqax taħt eċċezzjoni għall-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 5 tad-Direttiva. Dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jirriżultaw minn din id-direttiva jew minn direttivi oħra. |
i) Dwar l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva dwar il-karburanti
|
54. |
54. L-Artikolu 3(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma jistgħux jitqiesu bħala eċċezzjonijiet għall-Artikolu 5. Huwa minnu li huma jimponu fuq l-Istati Membri li jippermettu t-taħlit indikat, iżda xejn ma juri li huma jistgħu jirrikjedu l-inklużjoni tal-bijokarburanti. |
ii) Dwar l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-karburanti
|
55. |
55. Lanqas ma jidher li hija applikabbli l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-karburanti li għandhom speċifikazzjonijiet ambjentali iktar stretti. Għal din jonqos l-awtorizzazzjoni indispensabbli tal-Kummissjoni. Imsemmija diversi drabi matul il-proċedura, l-opinjoni ċirkustanzjali ppreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Awwissu 2007 dwar abbozz preċedenti ( 20 ) tal-Liġi Belġjana kienet intgħamlet mhux għall-finijiet tal-Artikolu 6, iżda fil-kuntest tal-proċedura tad-Direttiva 98/34. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-kwota tal-bijokarburanti Belġjana. |
iii) Dwar l-Artikolu 7a u 7b tad-Direttiva dwar il-karburanti
|
56. |
56. Il-kwota tal-bijokarburanti tista’, madankollu, tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva dwar il-karburanti. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jimponu fuq il-fornituri tal-enerġija biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra b’ċerti perċentwali għal kull unità ta’ enerġija ta’ karburant fornuta. Il-premessa 9 tad-Direttiva 2009/30, li daħlet dan l-għan fid-Direttiva dwar il-karburanti, tipprovdi li dan għandu mill-inqas parzjalment iseħħ permezz tal-użu tal-bijokarburanti. Konsegwentament, l-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva jeżiġi li l-iffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra li jirriżulta mill-użu ta’ bijokarburanti għandu jkun inizjalment ta’ mill-inqas 35 %, imbagħad dan il-perċentwali jsir 50 % u mbagħad 60 %. Għalhekk l-impożizzjoni fuq l-impriżi tal-karburanti tal-użu tal-bijokarburanti ma tistax tkun kuntrarja għad-Direttiva dwar il-karburanti u b’mod partikolari għall-Artikolu 5 tagħha. |
|
57. |
57. It-terminu tat-traspożizzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet żgur li kien għadu ma skadix fil-mument tal-adozzjoni tal-kwota Belġjana tal-bijokarburanti, iżda d-Direttiva tipproduċi effetti legali fir-rigward tal-Istati Membri sa mid-dħul fis-seħħ tagħha ( 21 ) u hija tista’ ċertament tkun suġġetta għal traspożizzjoni antiċipata ( 22 ). Huwa għalhekk li l-Bejġju jista’ jinvoka l-Artikolu 7a(2) qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni. |
|
58. |
58. Madankollu, kif ġie ġustament osservat mill-Belgische Petroleum et, l-Artikolu 7b tad-Direttiva jippermetti — fl-implementazzjoni ta’ dan l-obbligu — li jiġu kkunsidrati l-bijokarburanti jekk dawn ikunu ġew immanifatturati skont il-kriterji ta’ sostenibbiltà li jirriżultaw mill-Artikolu 7b(3) sa (6). Dawn il-kriterji jipprojbixxu b’mod partikolari li wieħed jirrikorri għal ċerti artijiet b’valur ambjentali għoli u jeżiġu l-osservanza tad-dritt ambjentali agrikolu tal-Unjoni fil-kuntest tal-manifattura tal-bijokarburanti jew ta’ materji primi simili fit-territorju tal-Unjoni. |
|
59. |
59. Il-kwota Belġjana ta’ bijokarburanti taqa’ għalhekk taħt l-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva dwar il-karburanti biss kemm-il darba hija tiggarantixxi li l-bijokarburanti jew il-materji primi użati jkunu ġew immanufatturati bl-osservanza tal-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 7b(3) sa (6). |
|
60. |
60. Il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet Belġjani jipprovdux din il-garanzija ma hijiex is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-indikazzjonijiet fornuti f’din it-talba ma jippermettux li dan jiġi vverifikat. Hija għalhekk kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali. Madankollu, ma huwiex ċar li d-definizzjoni tal-bijokarburanti li tinsab fl-Artikolu 2(8) tal-Liġi Belġjana tat-22 ta’ Lulju 2009 hija suffiċjenti għal dan il-għan. |
iv) Dwar id-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli
|
61. |
61. Dak li japplika għall-Artikoli 7a u 7b tad-Direttiva dwar il-karburanti japplika wkoll bħala regola għad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-kwota ta’ bijokarburanti hija mezz li jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-kwota tal-użu ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Mandankollu, il-bijokarburanti għandhom ikunu mmanifatturati bl-osservanza tal-kriterji ta’ sostenibbiltà. Huwa għalhekk li l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma tistax tbiddel ir-riżultat tal-analiżi tad-Direttiva dwar il-karburanti. |
v) Dwar l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-karburanti
|
62. |
62. Jekk l-osservanza tal-kriterji ta’ sostenibbiltà ma hijiex iggarantita, dejjem tibqa’ l-possibbiltà li l-kwota ta’ bijokarburanti tiġi bbażata fuq l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-2003 dwar il-karburanti. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom, billi jiffissaw miri indikattivi nazzjonali, jiżguraw li jilħqu mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, fis-settur tat-trasport, proporzjon minimu ta’ 5.75 % ta’ bijokarburanti fil-petrol u d-diżil imqiegħda fis-suq nazzjonali. |
|
63. |
63. Kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva dwar il-bijokarburanti ma timponix fuq l-Istati Membri l-metodi ta’ implementazzjoni sabiex jintlaħqu dawn il-miri indikattivi, iżda tħallilhom f’dan ir-rigward għażla libera tan-natura tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, u hekk l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Għandu b’mod partikolari jiġi kkunsidrat bħala metodu xieraq l-iffissar ta’ kwota obbligatorja ta’ bijokarburanti mill-impriżi petroliferi ( 23 ). Huwa għalhekk li l-projbizzjoni ta’ restrizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti ma tistax bħala prinċipju toħloq ostakolu għall-iffissar ta’ din il-kwota. |
|
64. |
64. Il-premessa 21 tad-Direttiva dwar il-bijokarburanti tfakkar madankollu li politika nazzjonali biex tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti ma għandhiex twassal għall-projbizzjoni tal-moviment ħieles tal-karburanti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet armonizzati ambjentali kif stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Id-Direttiva dwar il-bijokarburanti għandha tkun interpretata b’tali mod li l-miżuri ta’ implementazzjoni tagħha jirrispettaw il-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE ( 24 ). Dawn il-miżuri ma għandhomx għalhekk jistabbilixxu restrizzjoni illeċita għall-kummerċ tal-karburanti. |
|
65. |
65. Kif diġà rajna, il-kwota ta’ bijokarburanti tirrendi inqas attraenti l-kummerċ tal-karburanti tradizzjonali li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tad-Direttiva dwar il-karburanti ( 25 ). It-talba għal deċiżjoni preliminari donnha turi wkoll li d-dispożizzjonijiet Belġjani kkontestati jirrestrinġu l-moviment liberu tal-merkanzija ( 26 ), jiġifieri li l-kwota tapplika kemm għall-karburanti importati u kif ukoll għal dawk ipprovduti għall-konsum fil-pajjiż. Madankollu, anki jekk hija tapplika biss għall-produzzjoni nazzjonali tal-karburanti, il-kwota tal-bijokarburanti tista’ tal-inqas indirettament tillimita l-importazzjoni taż-żejt mhux ipproċessat jew ta’ materji primi oħrajn għall-produzzjoni tal-karburanti. Ikun għalhekk inqas attrajenti li dawn jintużaw għall-manifattura tal-karburanti intiżi għall-konsum intern. |
|
66. |
66. Miżuri nazzjonali li x’aktarx jostakolaw il-kummerċ intra-Komunitarju jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba rekwiżiti imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent kemm-il darba l-miżuri inkwistjoni jkunu proporzjonati mal-għan segwit ( 27 ). |
|
67. |
67. Jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta diġà leġiżlazzjonijiet rilevanti, dawn il-leġiżlazzjonijiet isaħħu tali ġustifikazzjoni, iżda għandhom ukoll jiġu osservati ( 28 ). |
|
68. |
68. Kif turi s-sentenza Plantanol ( 29 ) rigward id-Direttiva dwar il-bijokarburanti, l-Istati Membri jistgħu leġittimament fil-bidu jaħsbu li l-kwota fil-kuntest tal-miri previsti hija ġġustifikata mingħajr restrizzjonijiet oħra minħabba rekwiżiti imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent. |
|
69. |
69. Imbagħad l-adozzjoni tal-Artikolu 7b(3) sa (6) tad-Direttiva dwar il-karburanti kif ukoll tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li ħadet post id-Direttiva dwar il-karburanti, juru madankollu li issa l-Unjoni tikkunsidra iktar li l-użu tal-bijokarburanti neċessarjament jissodisfa rekwiżit imperattiv ta’ protezzjoni tal-ambjent. Skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2009/30 u l-premessa 69 tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-artijiet li fihom bijodiversità kbira għandhom ikunu protetti mill-qerda li tirriżulta mill-produzzjoni ta’ materji primi li jservu għall-manifattura tal-bijokarburanti. Skont il-premessi 12 u 14 tad-Direttiva 2009/30 u l-premessi 70 u 71 tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, dan japplika wkoll għall-artijiet bi preżenza għolja ta’ karbonju fil-ħamrija jew fil-veġetazzjoni, għax il-konsegwenzi negattivi tar-rilaxx ta’ dan il-karbonju jistgħu jkunu superjuri għall-vantaġġi tal-użu tal-bijokarburanti. |
|
70. |
70. Dawn il-konstatazzjonijiet ġodda dwar ir-riskji tal-promozzjoni tal-bijokarburanti żgur li diġà kienu akkwistaw ċerta importanza qabel l-adozzjoni taż-żewġ direttivi tal-2009, iżda l-Istati Membri għandhom ikunu jafu bihom sa mhux iktar tard minn din id-data. Huwa għalhekk li dawn għandhom ikunu kkunsidrati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent. |
|
71. |
71. Huwa minnu li t-termini ta’ traspożizzjoni tad-direttivi jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-adattament tad-dritt nazzjonali jieħu ċertu żmien. Huwa għalhekk li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet eżistenti, il-kriterji ta’ sostenibbiltà jsiru rilevanti biss mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, jiġifieri mit-30 ta’ Diċembru 2010, li hija d-data tat-tmiem tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-emendi magħmula lid-Direttiva dwar il-karburanti. |
|
72. |
72. Madankollu, dan ma japplikax għar-restrizzjonijiet ġodda, bħall-kwota Belġjana tal-bijokarburanti, li ġew stabbiliti wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tad-Direttiva 2009/30. |
|
73. |
73. F’din id-data, l-Istati Membri żgur li ma kinux obbligati jadottaw miżuri ta’ traspożizzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu previst. Jirriżulta, madankollu, mill-Artikolu 4(3) TUE moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 288 TFUE, kif ukoll mid-Direttivi stess li, matul dan it-terminu, l-Istati ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu serjament it-twettiq tar-riżultat preskritt minn din id-Direttiva ( 30 ). |
|
74. |
74. Ma għandux jiġi eskluż li din “il-projbizzjoni li l-għanijiet ta’ direttiva jiġu ostakolati” ( 31 ) tipprekludi l-introduzzjoni ta’ kwota ta’ bijokarburanti li ma josservawx il-kriterji ta’ sostenibbiltà. Fil-fatt, iż-żieda fid-domanda għal bijokarburanti tista’ tikkawża, mill-manifattura tal-materji primi, id-danni irreparabbli li l-kriterji ta’ sostenibbiltà għandhom jevitaw. |
|
75. |
75. Madankollu, ma huwiex neċessarju li jiġi deċiż il-punt dwar jekk il-projbizzjoni li tostakola l-għanijiet ta’ direttiva tapplikax f’dan il-każ. Fil-fatt il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk id-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u d-Direttiva 2009/30 jipprekludux il-kwota Belġjana tal-bijokarburanti, iżda jekk ir-restrizzjoni magħmula lill-moviment liberu tal-merkanzija minħabba din il-kwota tistax tkun iġġustifikata permezz ta’ rekwiżiti imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent, bħal dawk li d-Direttiva dwar il-bijokarburanti tippermetti deroga mill-projbizzjoni ta’ restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-karburanti. L-interpretazzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ ġustifikazzjoni għandha tqis l-evalwazzjonijiet miġjuba mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-atti legali fis-seħħ. Għal dan ma huwiex neċessarju li titqajjem il-projbizzjoni li tostakola l-għanijiet tad-direttiva jew li tistenna l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ( 32 ). |
|
76. |
76. Għalhekk, il-Belġju ma jistax igawdi mill-ġustifikazzjoni bbażata fuq id-Direttiva dwar il-bijokarburanti li l-kwota ta’ bijokarburanti tosserva l-kriterji ta’ sostenibbiltà. |
|
77. |
77. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-argument tiegħi li l-kriterji ta’ sostenibbiltà għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-bijokarburanti, hemm lok li jiġi nnotat li kull ġustifikazzjoni bbażata fuq din id-direttiva neċessarjament spiċċat fl-1 ta’ Jannar 2012, id-data tar-revoka tagħha permezz tal-Artikolu 26(3) tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. |
vi) Rigward l-Artikolu 193 TFUE
|
78. |
78. Il-Belġju jipprevali ruħu wkoll mill-Artikolu 193 TFUE, li jippermetti lill-Istati Membri li jadottaw miżuri iktar iebsa fid-dawl tal-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, kwota ta’ bijokarburanti li ma tosservax il-kriterji ta’ sostenibbiltà ma tikkostitwixxix miżura iktar iebsa, għax hija ddgħajjef il-protezzjoni tal-ambjent meta mqabbla mal-livelli rikjesti mill-Unjoni. |
|
79. |
79. Barra minn hekk, l-Artikolu 193 TFUE japplika biss għall-miżuri ambjentali tal-Unjoni li huma bbażati fuq l-Artikolu 192 TFUE. Skont il-premessa 95 tad-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-premessa 23 tad-Direttiva 2009/30, il-kriterji ta’ sostenibbiltà ġew ibbażati fuq il-kompetenza fil-qasam tas-suq intern li tirriżulta mill-Artikolu 114 TFUE. F’dan il-każ, il-miżuri ta’ protezzjoni iktar iebsa ma humiex legali ħlief fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114(5) sa (7), TFUE. Il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma humiex, madankollu, sodisfatti fil-każ inkwistjoni, peress li l-Belġju ma ssottomettiex lill-Kummissjoni t-talba rikjesta. |
vii) Konklużjoni intermedjarja
|
80. |
80. Għalhekk, il-kwota Belġjana ta’ bijokarburanti hija kompatibbli mad-Direttiva dwar il-karburanti biss kemm-il darba tosserva l-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 7b(3) sa (6). |
3. Dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju
|
81. |
81. Ma huwiex neċessarju li jiġu speċifikament eżaminati d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li l-Qorti Kostituzzjonali qajmet sussidjarjament, jiġifieri l-Artikolu 4(3), TUE, l-Artikolu 26(2), l-Artikolu 28 kif ukoll l-Artikoli 34 sa 36 TFUE. Jekk il-kwota Belġjana ta’ bijokarburanti tosserva l-kriterji ta’ sostenibbiltà, hija tkun kompatibbli mas-suq intern, għaliex hija intiża sabiex timplementa obbligu ta’ dritt sekondarju li ma huwiex ikkontestat. Jekk, min-naħa l-oħra, hija ma tosservax il-kriterji ta’ sostenibbiltà, hija tkun mill-bidu nett illegali minħabba ksur tad-dritt sekondarju. |
4. Dwar ir-risposta għad-domanda 1
|
82. |
82. Ir-risposta għall-ewwel domanda għalhekk għandha tkun li l-Artikoli 3, 4, 5, 7a u 7b tad-Direttiva dwar il-karburanti ma jipprekludux dispożizzjoni leġiżlattiva adottata wara l-25 ta’ Ġunju 2009, li bis-saħħa tagħha l-kumpanniji rreġistrati taż-żejt jipprovdu prodotti tal-petrol u/jew prodotti tad-diżil għall-konsum, ikunu obbligati li fl-istess sena kalendarja jipprovdu kwantità ta’ bijokarburanti sostenibbli għall-konsum, jiġifieri bijoetanol pur jew fil-forma ta’ bijo-ETBE, li jammonta għal mhux inqas minn 4 % fil-volum tal-kwantità ta’ prodotti tal-petrol ipprovduti għall-konsum, u aċidu grass methyl ester li jammonta għal mhux inqas minn 4 % fil-volum tal-kwantità ta’ prodotti tad-diżil ipprovduti għall-konsum, billi jiġu inklużi fil-petrol jew fil-prodott diżil, bl-intiża li l-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 7b ta’ din id-direttiva għandhom ikunu ġew osservati matul il-manifattura ta’ dawn il-bijokarburanti. |
C – Dwar il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni
|
83. |
83. It-tieni domanda hija dwar jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jimponix fuq il-Belġju li jikkonsulta lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kwota ta’ bijokarburanti qabel ma’ dawn jidħlu fis-seħħ. |
|
84. |
84. L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jimponi fuq l-Istati Membri li jikkomunikaw immedjatament kwalunkwe abbozz ta’ regolament tekniku lill-Kummissjoni. |
|
85. |
85. Skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 98/34 hija intiża sabiex, permezz ta’ kontroll preventiv, tipproteġi l-moviment liberu tal-merkanzija, li huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-Komunità. Dan il-kontroll huwa utli sa fejn regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt id-Direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-iskambji ta’ merkanzija bejn Stati Membri, peress illi dawn l-ostakoli jistgħu jiġu aċċettati biss jekk huma neċessarji sabiex jiġu sodisfatti rekwiżiti imperattivi li jridu jilħqu għan ta’ interess ġenerali ( 33 ). |
|
86. |
86. Peress li l-obbligu ta’ notifika previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jikkostitwixxi mezz essenzjali għat-twettiq ta’ dan il-kontroll Komunitarju, l-effikaċja ta’ dan il-kontroll tissaħħaħ jekk din id-direttiva tiġi interpretata fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi difett sostanzjali ta’ proċedura li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, b’mod li dawn ir-regolamenti ma jkunux jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ individwi ( 34 ). |
|
87. |
87. Huwa għalhekk li l-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk il-kwota Belġjana ta’ bijokarburanti tikkostitwixxix regolament tekniku fis-sens tad-Direttiva 98/34 u konsegwentement għandhiex tkun innotifikata. |
|
88. |
88. Skont il-ġurisprudenza, mill-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 jirriżulta f’dan ir-rigward li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” jinqasam fi tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel lok, “l-ispeċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva, fit-tieni lok, “il-ħtiġiet oħra” kif iddefiniti fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva u, fit-tielet lok, “il-projbizzjoni tal-manifattura, ta’ l-importazzjoni, tat-tqiegħid fis-suq jew ta’ l-użu ta’ prodott” imsemmija fl-Artikolu 1(11) tal-istess direttiva ( 35 ). |
|
89. |
89. Il-kwota ta’ bijokarburanti ma fihiex projbizzjoni u ma hemmx lok hawnhekk li jiġi kkunsidrat jekk il-fatt li ma huwiex neċessarju li jiġu inklużi l-bijokarburanti ma’ kull litru ta’ karburant jeskludix li huwa każ ta’ speċifikazzjoni teknika, peress li fi kwalunkwe każ dan huwa każ ta’ “ħtiġiet oħra” kif iddefinit fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 98/34. |
|
90. |
90. Skont il-ġurisprudenza, sabiex ikun każ ta’ “ħtiġiet oħra”, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni, in-natura jew it-tqegħid fis-suq tal-prodott ikkonċernat ( 36 ). Madankollu, il-kwota ta’ bijokarburanti tinfluwenza l-kompożizzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-petrol u tal-karburanti diżil minħabba l-fatt li hija implementata billi jiġu inklużi l-bijokarburanti ma’ dawn il-prodotti. |
|
91. |
91. Il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana invokat l-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34, iżda din id-dispożizzjoni ma tħassarx l-obbligu tal-konsultazzjoni. L-eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu fil-fatt tapplika biss għall-miżuri li għalihom l-Istati Membri jikkonformaw ma’ atti vinkolanti tal-Komunità li għandhom bħala effett l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniki jew regolamenti li jirrigwardaw is-servizzi. |
|
92. |
92. Il-kwota ta’ bijokarburanti ma tikkorrispondix għal speċifikazzjoni tal-Unjoni, iżda tittrasponi fil-fatt obbligu tad-dritt tal-Unjoni li jagħti lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni għall-implementazzjoni tiegħu. Sabiex jiġu evitati żbalji fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni hija bħala prinċipju neċessarja. |
|
93. |
93. Madankollu, il-Kummissjoni ġustament tosserva li fil-każ inkwistjoni, l-ebda konsultazzjoni ma kienet neċessarja fir-realtà. |
|
94. |
94. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkonstatat li, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 98/34 espost fil-punt 85 iktar ’il fuq, l-emendi mwettqa għall-abbozz ta’ regolament tekniku diġà nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, li jipprovdu biss, fil-konfront tal-abbozz innotifikat, għal flessibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-prodott ikkonċernat u li, għaldaqstant, inaqqsu l-impatt sussegwenti fuq l-iskambji kummerċjali, ma jikkostitwixxux bidla sinjifikattiva tal-abbozz. Għaldaqstant, tali emendi ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ notifika minn qabel ( 37 ). |
|
95. |
95. Wara t-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Belġju kkonsulta lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ abbozz preċedenti, li abbażi tiegħu l-prodotti tal-petrol għandu jkun fihom 7 % etanol u l-prodotti diżil 5 % aċidu grass methyl ester ( 38 ). Il-Kummissjoni kienet argumentat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-karburanti stabbilixxiet limitu ta’ 5 % etanol għall-petrol, filwaqt li l-Artikolu 4 ma jipprovdix l-inklużjoni tal-aċidu grass methyl ester fil-karburanti diżil, minkejja li l-Artikolu 5 jipprekludi regolamenti li jipprovdu kwota determinata ta’ bijokarburanti għal kull litru ta’ karburant. |
|
96. |
96. Il-kwota Belġjana ta’ bijokarburanti ġiet żviluppata b’mod li tqis dawn l-osservazzjonijiet u l-emendi li seħħew fil-frattemp għall-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva dwar il-karburanti. Il-kwoti jibqgħu taħt il-limiti pprovduti għall-prodotti tal-petrol u l-prodotti diżil. Dawn ma japplikawx neċessarjament għal kull litru ta’ karburant meħud b’mod individwali. |
|
97. |
97. Għalhekk, din hija biss miżura ta’ flessibbiltà tar-regolament preċedenti li ma tirrikjedix konsultazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni. |
|
98. |
98. Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE jimponi fil-prinċipju bħala rekwiżit ieħor in-notifika lill-Kummissjoni ta’ abbozz ta’ standard li permezz tiegħu l-kumpanniji rreġistrati taż-żejt li jipprovdu għall-konsum prodotti tal-petrol u/jew prodotti diżil ikunu obbligati li jipprovdu għall-konsum ukoll, matul l-istess sena kalendarja, ċerta kwantità ta’ bijokarburanti sostenibbli, billi jinkluduhom fil-petrol jew fil-prodott diżil. Madankollu, dan l-obbligu ta’ notifika ma japplikax meta l-abbozz inkwistjoni sempliċement jagħmel iktar flessibbli abbozz li jkun diġà ġie nnotifikat. |
V – Konklużjoni
|
99. |
99. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 188).
( 3 ) Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16).
( 4 ) Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjonijiet tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li jħassru d-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 140, p. 88).
( 5 ) Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 182).
( 6 ) Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, ‘Enerġija rinnovabbli: progress magħmul sabiex jintlaħaq l-għan tal-2020’, tal-31 ta’ Jannar 2011 (COM/2011/31, p. 12), għoxrin Stat Membru introduċew f’dak iż-żmien obbligi simili.
( 7 ) Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti teknici u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), fil-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2006/96/KE tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar l-adozzjoni ta’ ċerti direttivi fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 352M, p. 709).
( 8 ) Direttiva 98/70 fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003 li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE d-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447), tali li baqgħet tapplika sal-25 ta’ Ġunju 2009.
( 9 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
( 10 ) Moniteur belge tat-3 ta’ Awwissu 2009, p. 51920.
( 11 ) Moniteur belge tat-30 ta’ Ġunju 2011, p. 37981.
( 12 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C-355/97, Ġabra p. I-4977, punt 22); tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25); tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C-478/07, Ġabra p. I-7721, punt 63); u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C-145/10, Ġabra p. I-12533, punt 59).
( 13 ) Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu invokati dispożizzjonijiet ġodda qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni, ara l-punt 57 iktar ’l isfel.
( 14 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 33).
( 15 ) Dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels (C-379/09, Ġabra p. I-1379, punt 22); dwar il-libertà ta’ stabbiliment, ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C-384/08, Ġabra p. I 2055 punt 43); dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ara s-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Guiot (C-272/94, Ġabra p. I-1905, punt 10), u tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C-403/08 u C-429/08, Ġabra p. I-9083, punt 85); fl-aħħar, dwar il-moviment liberu tal-kapital, ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 184).
( 16 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Knoors (115/78, Ġabra p. 399, punt 17), tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37), u tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C-96/08, Ġabra p. I-2911, punt 45).
( 17 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li bniet il-qafas Komunitarju tat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku. (ĠU L 283, p. 51).
( 18 ) DOC 52 2037/001 tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Belġju, tad-9 ta’ Ġunju 2009, p. 17, 20 et seq (punt 5.2).
( 19 ) Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-22 ta’ Diċembru 2010, Belgische Petroleum Unie et (149/2010, punt B.5.2).
( 20 ) Anness 4 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
( 21 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 119).
( 22 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-320/03, Ġabra p. I-9871, punt 80), u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-422/05, Ġabra p. I-4749, punt 52).
( 23 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C-201/08, Ġabra p. I-8343, punti 35 et seq).
( 24 ) Ara s-sentenza tal-Qori tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C-309/02, Ġabra p. I-11763, punt 36).
( 25 ) Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt B.11.
( 27 ) Ara sempliċement is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (302/86, Ġabra p. 4607, punt 8); tad-9 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-2/90, Ġabra p. I-4431, punt 22); u s-sentenza Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 75).
( 28 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 74 et seq). Ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punti 77 et seq).
( 29 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.
( 30 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 45), tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 121); tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 62), u tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C-165/09 sa C-167/09, Ġabra p. I-4599, punt 78).
( 31 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi tat-18 ta’ Mejju 2004, Wippel (C-313/02, Ġabra 2004 p. I-9483, punt 60), tas-27 ta’ Ottubru 2005, Adeneler et (C-212/04, Ġabra 2006, p. I-6057, punt 48), u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et (C-165/09 sa C-167/09, punti 83 et seq).
( 32 ) Ara l-punti 58 sa 63 tal-konklużjonijiet tiegħi Wippel u l-punti 45 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħi Adeneler, it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, il-kunsiderazzjonijiet żviluppati dwar l-interpretazzjoni konformi mad-direttiva qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni.
( 33 ) Sentenzi tal-15 ta’ April 2010, Sandström (C-433/05, Ġabra p. I-2885, punt 42), u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz (C-361/10, Ġabra p. I-5079, punt 10, flimkien mal-ġurisprudenza hemm iċċitata).
( 34 ) Sentenza Sandström (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 43).
( 35 ) Sentenza Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 11, flimkien mal-ġurisprudenza hemm iċċitata).
( 36 ) Sentenza Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 20, flimkien mal-ġurisprudenza hemm iċċitata).
( 37 ) Sentenza Sandström (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 47).
( 38 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt B.5.1.