KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 ( 1 )
Kawża C-610/10
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 260(2) TFUE — Ammissibbiltà tar-rikors — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Sanzjoni pekunjarja”
|
1. |
F’din il-kawża, ġie ppreżentat rikors mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 260 TFUE, bħala riżultat tal-allegat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fit-2 ta’ Lulju 2002 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-2002”). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ma adottax il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ruħu mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/1/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1989, dwar l-għajnuna mogħtija fi Spanja mill-Gvern ċentrali u minn diversi Gvernijiet awtonomi lil MAGEFESA ( 3 ), produttriċi ta’ oġġetti tal-kċina magħmula mill-azzar li ma jissaddadx u ta’ strumenti elettriċi żgħar għad-dar ( 4 ), sa fejn din id-deċiżjoni ddikjarat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna mogħtija lil Indosa, lil Gursa, lil Migsa, u lil Cunosa, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, u l-Artikoli 2 u 3 ta’ dik id-Deċiżjoni ( 5 ). |
|
2. |
Għandu jiġi speċifikat li dan ir-rikors jirrigwarda biss in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002 dwar għajnuna mogħtija lil Indosa mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski taħt il-forma ta’ garanzija għal self ta’ ESP 300 miljun mogħtija direttament lil Indosa, ta’ garanzija għal self ta’ ESP 672 miljun għall-impriżi ta’ Magefesa u ta’ sussidju fuq l-interessi ta’ ESP 9 miljun. Fir-rigward tal-impriżi Gursa, Migsa u Cunosa, mill-2006, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-Deċiżjoni 91/1 kienet ġiet eżegwita peress li kienet temmew l-operazzjonijiet tagħhom u li l-attiv tagħhom intbiegħ bi prezz tas-suq. |
I – Il-proċedura prekontenzjuża
|
3. |
Sa mill-2004, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja skambjaw korrispondenza vasta dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002. Minħabba l-ammont kunsiderevoli ta’ ittri mibgħuta, ser insemmi biss l-iktar partijiet importanti ta’ din il-korrispondenza. |
|
4. |
Peress li Indosa diġà ġiet iddikjarata falluta fid-19 ta’ April 1994 iżda li hija kompliet bl-attivitajiet tagħha permezz tas-sussidjarja 100 % tagħha, jiġifieri l-kumpannija CMD ( 6 ), il-Kummissjoni talbet, diversi drabi, lill-awtoritajiet Spanjoli, informazzjoni dwar l-istat tal-istralċ ta’ Indosa. Hija ħeġġithom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffinalizzaw il-likwidazzjoni totali tal-attiv ta’ din l-impriża u t-tmiem tal-attivitajiet tagħha. |
|
5. |
L-awtoritajiet Spanjoli rrispondew li l-likwidazzjoni tal-attiv ta’ Indosa kienet għadha ma seħħitx peress li l-ftehim tal-istralċ dwar il-bejgħ tal-attiv kollu li jifforma l-patrimonju tal-kumpannija u t-tmiem tal-impriża approvat b’digriet tad-29 ta’ Settembru 2004, ma kienx għadu sar definittiv. Kien biss fit-30 ta’ Mejju 2006 li l-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li l-ftehim kien sar definittiv fit-2 ta’ Mejju 2006. |
|
6. |
Fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni kkonstatat li CMD, bħala sussidjarja 100 % ta’ Indosa, kompliet l-attività ssussidjata u ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli dwar il-fatt li l-eżekuzzjoni effettiva tad-Deċiżjoni 91/1 kienet tinħtieġ l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni mill-entità li effettivament ibbenefikat minnha. B’risposta għal din l-ittra, l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew l-informazzjoni rigward il-proċess ta’ bejgħ tal-uniku attiv ta’ Indosa, jiġifieri l-azzjonijiet ta’ CMD. Fl-aħħar nett, permezz ta’ żewġ ittri ta’ Settembru 2008, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li ma kienx hemm offerta valida għall-azzjonijiet ta’ CMD, u li finalment, l-attiv ta’ Indosa ma kienx ġie allokat. |
|
7. |
Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2007, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 91/1 kienet ġiet irreġistrata fil-passiv tal-falliment ta’ Indosa. F’Lulju 2008 il-Kummissjoni talbet dokument ta’ sostenn li madankollu, ma ġiex ipprovdut mill-awtoritajiet Spanjoli. |
|
8. |
Permezz tal-ittri tat-8 ta’ Ottubru 2008 u tat-13 ta’ Novembru 2008, l-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li CMD iddikjarat lilha nnifisha falluta fit-30 ta’ Lulju 2008. |
|
9. |
Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Awwissu 2009, tas-7 ta’ Settembru 2009 u tal-21 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli, l-ewwel nett, pjan iddettaljat li jindika d-data tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ CMD u tal-proċedura ta’ stralċ tal-attiv tagħha, it-tieni nett, informazzjoni dwar il-proċedura tat-trasferiment tal-attiv, it-tielet nett, prova li l-imsemmi trasferiment sar skont il-kundizzjonijiet tas-suq u, ir-raba’ nett, provi li l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni ġiet irreġistrata fil-passiv ta’ CMD bħala dejn kollettiv. |
|
10. |
Permezz tal-ittri tal-21 ta’ Settembru 2009 u tat-13 ta’ Ottubru 2009, l-awtoritajiet Spanjoli rrispondew, l-ewwel nett, li l-attivitajiet ta’ CMD intemmew fit-30 ta’ Lulju 2009, it-tieni nett, li l-proċedura ta’ falliment kienet għaddejja quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti (mingħajr ma ġie ppreżentat pjan iddetaljat taż-żmien mitlub mill-Kummissjoni) u, it-tielet nett, li huma ma kienux jafu jekk l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni ġietx irreġistrata fil-passiv ta’ CMD. Fl-1 ta’ Diċembru 2009, huma bagħtu l-lista finali ta’ kredituri ta’ CMD approvata mill-qorti nazzjonali kompetenti. Il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski ma kinitx tidher fuq din il-lista għall-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 91/1. |
|
11. |
Fl-20 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta’ Spanja ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 228(2) KE, li kienet tindika li hija tirreżerva d-dritt, wara li tieħu konjizzjoni tal-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, jew jekk dawn l-osservazzjonijiet ma jintbagħtulhiex fit-terminu impost, biex toħroġ, jekk meħtieġ, opinjoni motivata, skont l-Artikolu 228(2) KE. |
|
12. |
Fis-26 ta’ Jannar 2010, b’risposta għal din l-ittra, l-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li s-sentenza tal-2002 kienet qiegħda fil-proċess li tiġi eżegwita, peress li Indosa kif ukoll CMD kienu qegħdin fil-proċess ta’ stralċ, kienu mingħajr l-impjegati tagħhom u kienu temmew l-attivitajiet tagħhom. |
|
13. |
Fit-18 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali li fiha stiednet lir-Renju ta’ Spanja, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-ittra. Il-Kummissjoni indikat li hija rriżervat, wara li tieħu konjizzjoni tal-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, jew jekk dawn l-osservazzjonijiet ma jintbagħtulhiex fit-terminu impost, li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) TFUE. |
|
14. |
L-awtoritajiet Spanjoli rrispondew għall-intimazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri tat-2 ta’ Ġunju 2010, tad-9 ta’ Ġunju 2010 u tad-29 ta’ Settembru 2010, li minnhom irriżulta li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski ma kinitx fost il-kredituri ta’ CMD u li hija kienet ser tidher bħala parti fi proċeduri ta’ falliment filwaqt li titlob li jiġi rreġistrat, fl-iskeda tal-passiv, id-dejn li Indosa kellha magħha rigward l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni bid-Deċiżjoni 91/1. Permezz tal-posta elettronika tas-7 ta’ Lulju 2010, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu l-pjan ta’ stralċ ta’ CMD approvat mill-qorti nazzjonali. |
|
15. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors fit-22 ta’ Diċembru 2010. |
II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet
|
16. |
Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
17. |
Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
18. |
Filwaqt li aġixxa skont l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit-22 ta’ Marzu 2011 ir-Renju ta’ Spanja invoka eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirriżerva sas-sentenza finali.. |
|
19. |
Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Mejju 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Repubblika Ċeka tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tar-Renju ta’ Spanja. Fl-intervent tagħha, ir-Repubblika Ċeka ffukat fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors. |
III – Evalwazzjoni
A – Fuq l-ammissibbiltà
|
20. |
Fl-eċċezzjoni tiegħu ta’ inammissibbiltà, ir-Renju ta’ Spanja kkontesta r-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża abbażi ta’ nuqqas ta’ opinjoni motivata. |
|
21. |
Din l-eċċezzjoni għandha l-oriġini tagħha f’emenda, imdaħħla mit-Trattat ta’ Lisbona, għall-proċedura li għandha bil-fors tippreċedi r-rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
|
22. |
Ir-Renju ta’ Spanja, ssostnut mir-Repubblika Ċeka, u l-Kummissjoni jikkontestaw il-punt dwar jekk ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża f’dan il-każ għandhiex tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Artikolu 228 KE, peress li nbdiet permezz tal-ittra ta’ intimazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2009, jiġifieri, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jew fuq il-bażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, peress li l-imsemmi artikolu għandu japplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, anki jekk il-proċedura prekontenzjuża nbdiet qabel l-imsemmi żmien. |
|
23. |
Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE hija retroattiva u għalhekk tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ non retroattività tar-regoli li jipprovdu għal sanzjonijiet inqas favorevoli. |
|
24. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi kkunsidrata bħala proċedura ġuridika speċjali ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi, fi kliem ieħor, bħala mod ta’ eżekuzzjoni ( 7 ). Hija għandha l-għan li tiżgura u tiggarantixxi l-istabilliment mill-ġdid tal-osservanza tal-legalità ( 8 ). Għandu jkun hemm proċedura prekontenzjuża qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, li r-regolarità tagħha tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-TFUE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett kawża ddefinita b’mod ċar ( 9 ). |
|
25. |
Eżatt bħal dik li tippreċedi r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċedura prekontenzjuża tar-rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kienet inizjalment, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 228 KE, komposta minn żewġ stadji suċċessivi, jiġifieri ittra ta’ intimazzjoni u opinjoni motivata. F’dan ir-rigward, jien ma nistax naqbel mar-Renju ta’ Spanja meta jgħid li l-kors ta’ proċedura prekontenzjuża kien biss ir-riżultat tal-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni. Kif enfasizzat din tal-aħħar fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-istadji tal-proċedura prekontenzjuża jirriżultaw direttament mill-Artikolu 228 KE. |
|
26. |
Il-bidla li saret permezz tat-Trattat ta’ Lisbona hija semplifikazzjoni u, konsegwentement, aċċelerazzjoni fil-proċedura prekontenzjuża billi tneħħa l-istadju tal-opinjoni motivata. Il-konsegwenza hija li l-Artikolu 260(2) TFUE ma jissuġġettax l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ħlief għall-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel jiġi ppreżentat ir-rikors. Fil-fehma tiegħi, l-ittra ta’ intimazzjoni li tistieden lill-Istat Membru kkonċernat jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija biżżejjed biex tiġi ggarantita l-osservanza tal-kundizzjoni msemmija. |
|
27. |
Tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 260(2) TFUE huwiex applikabbli biss għal proċeduri mibdija wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jkun ifisser li l-ittra ta’ intimazzjoni kellha tintbagħat lill-Stat Membru kkonċernat wara l-1 Diċembru 2009, jew jekk din tapplikax ukoll għal proċeduri mibdijin qabel l-imsemmija data, li jkun ifisser li r-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża jkollha tiġi evalwata abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE għal kull rikors ippreżentat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. |
|
28. |
F’dan ir-rigward, jien naqbel mar-Repubblika Ċeka li r-risposta tiddependi fuq l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk l-Artikolu 260(2) TFUE għandux jitqies bħala regola proċedurali jew pjuttost bħala regola sostantiva. Madankollu, bil-kontra ta’ dak li kien sostnut mir-Repubblika Ċeka, jien ma naħisbx li dan l-artikolu għandu jitqies fih innifsu bħala regola sostantiva. |
|
29. |
Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 260(2) TFUE għandu natura mħallta. Huwa regola sostantiva, li jiddefinixxi u jipprovdi għal sanzjonijiet pekunjarji għal “reat” ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ proċedura prekontenzjuża fejn l-Istat Membru kkonċernat se jkun jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, huwa regola proċedurali li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għal realizzazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mir-regola sostantiva. Dan japplika wkoll għar-rekwiżit li r-rikors jindika l-ammont tas-somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penalità. |
|
30. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sspeċifikat b’mod ċar li r-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fil-mument meta jidħlu fis-seħħ ( 10 ). |
|
31. |
Kienet tkun sitwazzjoni differenti kieku t-Trattat ta’ Lisbona kellu fih dispożizzjoni tranżitorja li tipprovdi li, jekk il-proċedura prekontenzjuża inbdiet qabel l-1 ta’ Diċembru 2009, għandu jiġi osservat l-Artikolu 228(2) KE. Madankollu, dan ma fihx dispożizzjoni bħal din. |
|
32. |
Konsegwentement, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 260(2) TFUE, ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża għandha tiġi evalwata abbażi tal-imsemmi artikolu għar-rikorsi kollha ppreżentati wara l-1 ta’ Diċembru 2009, ukoll jekk l-ittra ta’ intimazzjoni li tiftaħ il-proċedura prekontenzjuża tkun ġiet indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat qabel din id-data. |
|
33. |
F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jinkiser mill-applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE fil-każ preżenti, nista’ nispira ruħi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, skont liema dan il-prinċipju ma jistax jiġi estiż sabiex jipprojbixxi, b’mod ġenerali, li leġiżlazzjoni ġdida tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet maħluqa taħt sistema ta’ leġiżlazzjoni preċedenti ( 11 ). Jien nemmen li din il-ġurisprudenza tapplika wkoll, b’analoġija, għar-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ ċertezza legali u dak ta’ applikazzjoni immedjata ta’ regola proċedurali. |
|
34. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat ukoll li r-Renju ta’ Spanja ma jistax issostni li bħala riżultat tal-evalwazzjoni tar-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, huwa ma jkunx jista’ jagħraf, mingħajr ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li jieħu id-dispożizzjonijiet tiegħu konsegwentement, kif mitlub mill-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 12 ). Fil-fatt, l-obbligu li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi eżegwita s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà tinsab fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni wkoll qabel it-Trattat ta’ Lisbona u r-Renju ta’ Spanja kien informat adegwatament, permezz tal-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tat-18 ta’ Marzu 2010, dwar il-fatt li l-Kummissjoni kellha tibda kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) TFUE, minnufih wara li jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja. |
|
35. |
F’dak li jirrigwarda l-argument l-ieħor tar-Renju ta’ Spanja, skont liema l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE tikser il-prinċipju ta’ non retroattività tar-regoli li jipprovdu għal sanzjonijiet inqas favorevoli, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-Trattat ta’ Lisbona ma għamel l-ebda tibdil li jikkonċerna s-sanzjonijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
36. |
Bħala konklużjoni, f’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja kellu, qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors, l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni, kif mitlub mill-Artikolu 260(2) TFUE. L-evidenza hija l-ittra ta’ intimazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2009 u l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tat-18 ta’ Marzu 2010, li bihom il-Kummissjoni stiednet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002. Jien nemmen li l-proċedura prekontenzjuża saret skont l-Artikolu 260(2) TFUE u, għal din ir-raġuni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja. |
B – Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
|
37. |
Fis-sentenza tal-2002, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Renju ta’ Spanja, billi ma adottax il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ruħu mad-Deċiżjoni 91/1, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, kif ukoll l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 91/1. L-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002 tippresupponi l-eżekuzzjoni ta’ din id-Deċiżjoni 91/1 u l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tippresupponi l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali. |
|
38. |
Għaldaqstant, il-konstatazzjoni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE tiddependi fuq il-punt dwar jekk dak l-Istat Membru rkuprax, mill-benefiċjarji, l-għajnuna ddikjarata illegali mid-Deċiżjoni 91/1. Għandu jitfakkar li r-rikors f’dan il-każ jikkonċerna biss l-għajnuna mogħtija lil Indosa mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski. |
|
39. |
Minħabba l-bidla tal-proċedura prekontenzjuża li tippreċedi r-rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħmul mit-Trattat ta’ Lisbona, għandha tiġi ddefinita mill-ġdid id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Skont ġurisprudenza stabbilita li tikkonċerna l-Artikolu 228(2) KE, l-imsemmija data kienet fl-iskadenza tat-terminu stabbilita fl-opinjoni motivata ( 13 ). |
|
40. |
Peress li l-istadju tal-opinjoni motivata tħassar, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens tal-Artikolu 260(2) TFUE għandha, b’analoġija mal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 228(2) KE, tkun fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni jew, eventwalment, fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali biex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-każ, hija it-22 ta’ Mejju 2010. |
|
41. |
Billi Indosa u s-sussidjarja tagħha, jiġifieri CMD, huma falluti, jidher utli li titfakkar il-ġurisprudenza dwar l-irkupru ta’ għajnuna minn impriżi fi stat ta’ falliment. Skont din il-ġurisprudenza, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ qabel u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi d-dejn relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv ( 14 ). Madankollu, ir-reġistrazzjoni fl-iskeda tal-passiv li tirrigwarda l-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata ma tistax tissodisfa l-obbligu ta’ rkupru ħlief jekk, fil-każ fejn l-awtoritajiet statali ma setgħux jiksbu lura l-ammont sħiħ ta’ għajnuna, il-proċedura ta’ falliment twassal għall-istralċ tal-impriża, jiġifieri t-tmiem definittiv tal-attività tagħha, li l-awtoritajiet statali jistgħu jikkawżaw fil-kapaċità tagħhom bħala azzjonisti jew kredituri ( 15 ). |
|
42. |
Din il-ġurisprudenza tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-għajnuna ddikjarata illegali bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ titqies rekuperabbli. L-ewwel kundizzjoni hija r-reġistrazzjoni ta’ djun relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata bħala dejn kollettiv u t-tieni hija t-tmiem definittiv tal-attività ssussidjata mill-għajnuna kkonċernata. |
|
43. |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, f’dan il-każ, huwa paċifiku li fid-data ta’ riferiment, jiġifieri t-22 ta’ Mejju 2010, id-djun relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna mogħtija mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski lil Indosa ma kinux irreġistrati bħala dejn kollettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD. |
|
44. |
Mill-proċess jirriżulta li l-ewwel dikjarazzjoni ta’ dejn ta’ EUR 16 828.34 ġiet ippreżentata mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski fl-10 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri wara li skada t-terminu fl-ittra ta’ intimazzjoni. Barra dan, is-somma ddikjarata ma kinitx korretta. Id-dikjarazzjoni ġdida ta’ dejn, din id-darba ta’ EUR 16 498 499 ġiet ippreżentata fit-3 ta’ Diċembru 2010. L-imsemmija dikjarazzjoni ġiet ikkoreġuta mid-dikjarazzjoni ta’ dejn tat-23 ta’ Frar 2011 għal EUR 22 469 459 u, finalment, mid-dikjarazzjoni ta’ dejn tas-7 ta’ Diċembru 2011 għal EUR 22 683 745. Mis-seduta jirriżulta li, wara d-deċiżjoni mill-qorti nazzjonali kompetenti tal-4 ta’ April 2012, id-djun li jammonta għal EUR 22 683 745 ġew finalment inklużi bħala dejn kollettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD. |
|
45. |
Peress li l-żewġ kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit l-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ ta’ impriża falluta huma kumulattivi u li għadni kemm urejt li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodissfata, nemmen li ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata jekk it-tieni kundizzjoni hijiex issodissfata biex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mir-Renju ta’ Spanja abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE. |
|
46. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali biex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet dwar l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li kien akkużat bih skont l-Artikolu 260(2) TFUE, naqas milli jadotta l-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002 dwar l-irkupru tal-għajnuna li d-Deċiżjoni 91/1 iddikjarat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-deċiżjoni u l-Artikolu 260(1) TFUE. |
C – Fuq il-pagamenti ta’ penalità
|
47. |
B’riferiment għall-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha SEC(2005) 1658 tat-13 ta’ Diċembru 2005 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 KE ( 16 ), kif aġġornata bil-Komunikazzjoni SEC(2010) 923, tal-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni tipproponi pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 131 136 kull jum. Hija tal-opinjoni li l-imsemmija pagamenti ta’ penalità, ikkalkolata abbażi ta’ somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 640 immultipplikat b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5, b’koeffiċjent ta’ tul ta’ 3 u ta’ fattur n ta’ 13.66, huma proporzjonali mal-gravità u t-tul tal-ksur fid-dawl tal-ħtieġa li tagħti lil tali pagamenti ta’ penalità effett koerċittiv u dissważiv. |
|
48. |
Il-Kummissjoni ġġustifikat l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità bil-fatt li l-għajnuna inkwistjoni kienet għadha ma ġietx irkuprata u, għalhekk, id-Deċiżjoni 91/1 kif ukoll is-sentenza tal-2002 baqgħu mhux eżegwiti. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni identifikat tliet kundizzjonijiet sabiex l-għajnuna tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala rkuprata. L-ewwel nett, il-krediti li jirriżultaw mill-għajnuna inkwistjoni għandhom ikunu rreġistrati bħala dejn kollettiv, it-tieni nett, l-attività ssussidjata trid tintemm u, it-tielet nett, l-attiv tal-impriża Indosa għandu jinbiegħ bi prezz tas-suq, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet. |
|
49. |
Fis-seduta, il-Kummissjoni biddlet l-argument tagħha fuq dan il-punt. Hija argumentat li, anki jekk id-djun li rriżultaw mill-għajnuna inkwistjoni ġew finalment, fl-4 ta’ April 2012, irreġistrati bħala dejn kollettiv, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-Renju ta’ Spanja huwa akkużat bih kompla billi l-attività ssussidjata ma ntemmietx. Għaldaqstant jidher li l-Kummissjoni abbandunat il-kundizzjoni tal-bejgħ tal-attiv bil-prezz tas-suq. |
|
50. |
Fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja, dan huwa tal-opinjoni li, f’dan il-każ, ma hemmx il-ħtieġa li jiġu imposti s-sanzjonijiet pekunjarji billi l-awtoritajiet għamlu dak kollu possibbli biex jirkupraw l-għajnuna ddikjarata illegali permezz tad-Deċiżjoni 91/1 u li, konsegwentement, is-sanzjonijiet pekunjarji eventwali ma humiex tali li jbiddlu l-aġir tagħhom. F’dak li jirrigwarda iktar speċifikatament il-pagamenti ta’ penalità, ir-Renju ta’ Spanja bbaża ruħu fuq is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja ( 17 ), biex isostni li minħabba r-reġistrazzjoni ta’ djun relatati mal-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata illegali permezz tad-Deċiżjoni 91/1 bħala dejn kollettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD, is-sentenza tal-2002 kienet ġiet finalment eżegwita u li għal din ir-raġuni, ma hemmx lok li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità. |
|
51. |
Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xiereq li timponi tali sanzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja jipproponi pagamenti ta’ penalità trimestrali fl-ammont ta’ EUR 12 269.70 kkalkolata abbażi ta’ somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 9.98 ( 18 ) immultiplikata b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1, b’koeffiċjent ta’ tul ta’ 1, b’fattur n ta’ 13.66 u, minħabba l-applikazzjoni trimestrali ta’ pagamenti ta’ penalità, b’fattur ta’ 90. |
|
52. |
Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu qabel kollox jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li akkużat bih ir-Renju ta’ Spanja bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza 2002 kompliex sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif mitlub mill-ġurisprudenza għal dak li jikkonċerna l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ( 19 ). |
|
53. |
Kif diġà indikajt f’dawn il-konklużjonijiet, l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002 tippresupponi l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 u l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tippresupponi l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali. |
|
54. |
Jien ikkonstatajt ukoll li, għal impriża fi stat ta’ falliment, bħal f’dan il-każ, il-ġurisprudenza timponi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-għajnuna ddikjarata illegali bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun tista’ titqies irkuprata, jiġifieri r-reġistrazzjoni tad-djun relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna bħala dejn kollettiv u t-tmiem definittiv tal-attività ssussidjata mill-għajnuna ikkonċernata ( 20 ). |
|
55. |
Fl-opinjoni tiegħi, l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja ( 21 ), anki jekk ir-Renju Spanjol iddeduċa minnha li l-Istat Membru jissodisfa l-obbligu li jirkupra għajnuna mill-Istat illegali billi jirreġistra d-djun inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment. Huwa veru li f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja rabtet biss l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali mar-reġistrazzjoni tad-djun fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment u, simultanjament, espressament ċaħdet il-kundizzjoni tal-bejgħ tal-attiv tal-impriża bi prezz tas-suq ( 22 ). Madankollu dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat il-kundizzjoni tat-tmiem tal-attività ssussidjata mill-għajnuna mill-Istat illegali, li tirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita preċedenti ( 23 ). |
|
56. |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali f’din il-kawża, id-djun li jammontaw għal EUR 22 683 745 relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna mogħtija mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski lil Indosa ġew irreġistrati bħala dejn kollettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD. |
|
57. |
Il-kwistjoni problematika hija dwar jekk l-attività ssussidjata mill-għajnuna ddikjarata illegali mid-Deċiżjoni 91/1 kinitx realment mitmuma. |
|
58. |
Għalkemm Indosa kienet ġiet dikjarata falluta fl-1994, l-attività inkwistjoni baqgħet isseħħ permezz ta’ CMD. Din tal-aħħar ukoll kienet ġiet iddikjarata falluta fl-2008 u, skont l-allegatazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, it-tmiem tal-attivitajiet tagħha sar finali wara d-digriet tal-qorti nazzjonali kompetenti, tal-24 ta’ Lulju 2009 dwar l-estinzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol tal-persunal tagħha kollu kemm hu. Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja stess ammetta fir-risposta tiegħu bil-miktub għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-attività fil-faċilitajiet ta’ CMD inżammet u dan permezz tal-kumpannija Euskomenaje, stabbilita fit-3 ta’ Settembru 2009, li tuża l-bini ta’ CMD sabiex timmanifattura u tikkummerċjalizza l-prodotti li din tal-aħħar kienet timmanifattura qabel. Dan kien possibbli bis-saħħa tal-awtorizzazzjoni, magħmula mill-amministraturi tal-falliment ta’ CMD, tat-trasferiment provviżorju tal-attiv ta’ din tal-aħħar favur Euskomenaje. |
|
59. |
Huwa minnu li r-Renju ta’ Spanja rnexxielu jipprova li l-Gvern Bask ħa serje ta’ miżuri biex jipprevjeni li Euskomenaje tkun tista’ tkompli xi attività fil-bini ta’ CMD. Il-fatt jibqa’ li, fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali f’din il-kawża, Euskomenaje xorta baqgħet għadejja bl-istess attivitajiet fil-faċilitajiet ta’ CMD. Dan il-fatt kien ikkonfermat mir-Renju ta’ Spanja stess fis-seduta. |
|
60. |
Jien inqis li ġie suffiċjentement stabbilit li l-kundizzjoni ta’ tmiem tal-attività ssussidjata mill-għajnuna illegali ma kinitx sodisfatta f’dan il-każ fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali u li, konsegwentement, l-għajnuna mill-Istat iddikjarat illegali bid-Deċiżjoni 91/1 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rkuprata. Għal din ir-raġuni, għandhom jiġu imposta pagamenti ta’ penalità fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja li għandha tipperswadih itemm, fl-iqsar żmien possibbli, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu akkużat bih li, kieku x’aktarx, jibqa’ jippersisti ( 24 ). |
|
61. |
Fir-rigward tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li l-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li jkunu kemm xierqa għaċ-ċirkustanzi u proporzjonati għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll għall-kapaċità li jħallas tal-Istat Membru kkonċernat. Il-kriterji bażiċi biex jiżguraw in-natura repressiva tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt Komunitarju huma, fil-prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad tal-gravità tiegħu u l-kapaċità tal-Istat Membru inkwistjoni li jħallas. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi kif ukoll l-urġenza li biha l-Istat Membru kkonċernat ikun imġiegħel iwettaq l-obbligi tiegħu ( 25 ). |
|
62. |
Rigward l-ewwel kriterju, jiġifieri t-tul tal-ksur, f’dan il-każ iktar minn għaxar snin għaddew mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-2002, li tagħha r-Renju ta’ Spanja huwa akkużat li bin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Dan huwa ovvjament żmien pjuttost kunsiderevoli. Għandu jingħad ukoll li dan huwa l-itwal perijodu ta’ żmien li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt kellha tittratta fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għal din ir-raġuni, naqbel mal-Kummissjoni li hawnhekk għandu jiġi applikat il-koeffiċjent ta’ tul ogħla, jiġifieri 3. |
|
63. |
F’dak li jirrigwarda t-tieni kriterju, jiġifieri l-gravità tal-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat in-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni 91/1 u tas-sentenza tal-2002. L-importanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li huma miksura f’din il-kawża hija riflessa b’mod partikolari fil-fatt li r-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat illegali jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-għajnuna u tneħħi mingħand il-benefiċjarju l-vantaġġ li dan kellu fuq il-kompetituri tiegħu ( 26 ). |
|
64. |
Madankollu, fuq dan il-punt, huwa meħtieġ fil-fehma tiegħi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 u tas-sentenza tal-2002 li seħħet wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors. Nixtieq nenfasizza b’mod partikolari żewġ fatti: l-ewwel, li d-djun relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna mogħtija lil Indosa ġew finalment irreġistrati bħala dejn kollettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD u t-tieni, li l-awtoritajiet nazzjonali aġixxew biex jiksbu t-tmiem definittiv u mhux biss formali tal-attività ssussidjata bl-għajnuna mill-Istat illegali, anki jekk l-isforzi tagħhom ma rnexxewx biex jintlaħaq, f’dan il-mument, l-għan mixtieq. |
|
65. |
Dawn iż-żewġ fatti jiġġustifikaw, fl-opinjoni tiegħi, li jitbaxxa l-koeffiċjent ta’ gravità, propost mill-Kummissjoni, għal-livell 4. |
|
66. |
Fir-rigward tat-tielet kriterju, jiġifieri l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-metodu li jikkonsisti fil-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku b’koeffiċjent speċifiku għal dak l-Istat Membru huwa strument adegwat sabiex tiġi riflessa l-kapaċità tal-imsemmi Stat li jħallas filwaqt li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. ( 27 ). Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, għandu jintuża fattur n ta’ 13.66 għar-Renju ta’ Spanja. |
|
67. |
Bil-koeffiċjenti proposti, naslu għal pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 104 909 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 u tas-sentenza 2002. |
|
68. |
Għal dak li jirrigwarda l-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità, jien tal-opinjoni li l-pagamenti tal-penalità kkalkolati għal kull jum huma f’dan il-każ l-iktar adegwati sabiex jintemm l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Renju ta’ Spanja fl-iqsar żmien possibbli. |
D – Fuq is-somma f’daqqa
|
69. |
Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt madwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-Renju ta’ Spanja huwa akkużat bih, il-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura disważiva, bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Rigward l-ammont tas-somma f’daqqa, hija tipproponi l-multiplikazzjoni tal-ammont ta’ EUR 143 43 ( 28 ) bin-numru ta’ jiem li għaddew bejn is-sentenza tal-2002 u d-data tal-eżekuzzjoni mir-Renju ta’ Spanja tal-obbligi tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ din, dik tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża. |
|
70. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju li tiġi applikata somma f’daqqa, ir-Renju ta’ Spanja jipproponi somma ta’ EUR 44.80 għal kull jum, ikkalkolat fuq il-bażi ta’ somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 3.28 ( 29 ) immultiplikata b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1 u b’ fattur n ta’ 13.66. |
|
71. |
Fir-rigward tas-somma f’daqqa, għandu jitfakkar li l-impożizzjoni ta’ tali tip ta’ sanzjoni pekunjarja ma tistax tkun ta’ natura awtomatika f’każijiet ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 260(1) TFUE. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija dispożizzjoni tat-TFUE tatha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk timponix jew le tali sanzjoni ( 30 ) fid-dawl tal-provi kollha rilevanti li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-attitudni tal-Istat Membru kkonċernat ( 31 ). |
|
72. |
Jien inqis li, f’dan il-każ, huwa speċjalment it-tul tal-ksur li jimmilita favur l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Dan huwa żmien pjuttost kunsiderevoli peress li għaddew iktar minn għaxar snin mill-għoti tas-sentenza tal-2002, li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha huwa akkużat bih ir-Renju ta’ Spanja. |
|
73. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li r-ripetizzjoni ta’ aġir illegali fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun kriterju għall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ( 32 ), li tikkorrispondi, fil-fehma tiegħi, għan-natura preventiva tas-sanzjonijiet pekunjarji ( 33 ). Fil-każ tar-Renju ta’ Spanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkonstatat istanzi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatati man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiddikjaraw l-għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, b’mod partikolari fis-sentenzi tagħha tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja ( 34 ) u tal-14 ta’ Diċembru 2006 Il-Kummissjoni vs Spanja ( 35 ). |
|
74. |
Fir-rigward tas-somma f’daqqa, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta bil-proposta tal-Kummissjoni u li l-iffissar ta’ dan l-ammont huwa fid-diskrezzjoni tagħha ( 36 ). Is-somma f’daqqa għandha tkun iffissata b’mod li tkun, minn naħa, adattata għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa oħra, proporzjonata man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġie kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm b’mod partikolari elementi bħat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu illi jippersisti wara d-data tas-sentenza li tkun ikkonstatatu u l-gravità tal-ksur ( 37 ). |
|
75. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 62 sa 64 ta’ dawn il-Konklużjonijiet dwar it-tul u l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-Renju ta’ Spanja huwa akkużat bih, l-ammont ta’ EUR 20 miljun jidhirli li huwa xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti. |
IV – Konklużjoni
|
76. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) C-499/99, Ġabra p. I-6031.
( 3 ) Magefesa hija kumpannija holding Spanjola magħmula prinċipalment minn erba’ impriżi industrijali: Industrias Domésticas SA (iktar ’il quddiem “Indosa”), Manufacturas Gur SA (iktar ’il quddiem “Gursa”), Manufacturas Inoxidables Gibraltar SA (iktar ’il quddiem “Migsa”), u Cubertera del Norte SA (iktar ’il quddiem “Cunosa”).
( 4 ) ĠU 1991, L 5, p. 18.
( 5 ) Fis-sentenza tal-2002, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tar-Renju ta’ Spanja skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/509/KE, tal-14 ta’ Ottubru 1998, dwar għajnuna mogħtija minn Spanja lil impriżi tal-grupp Magefesa u suċċessuri tagħha (ĠU L 198, p. 15). Madankollu, dan ir-rikors japplika biss għall-allegat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tas-sentenza tal-2002 fir-rigward tad-Deċiżjoni 91/1.
( 6 ) Il-kumpannija CMD ġiet stabilita mill-amministratur tal-proċedura ta’ falliment ta’ Indosa fl-1994 bil-għan li tiġi kkummerċjalizzata l-produzzjoni tagħha. L-azzjonijiet ta’ CMD kienu l-uniku attiv ta’ Indosa.
( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, Ġabra p. I-6263, punt 92).
( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 93).
( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-508/10, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet din il-karatteristika għar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, fl-opinjoni tiegħi din tapplika wkoll għal rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE.
( 10 ) Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad-29 ta’ Marzu 2011 ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 88), u tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C-17/10, punt 47).
( 11 ) Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Flos (C-168/09, Ġabra p. I-181, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġina 10, punt 81).
( 13 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-496/09, Ġabra p. I-11483, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 73).
( 15 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-454/09, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) ĠU 2007, C 126, p. 15.
( 17 ) iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġina 13.
( 18 ) Is-somma bażika b’rata fissa proposta mir-Renju ta’ Spanja tikkorrispondi għall-multiplikazzjoni ta’ somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 640 stabbilita mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC (2005) 1658, tat-13 ta’ Diċembru 2005, b’ 25 % (peress li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat jirrigwarda biss waħda mill-erba’ kumpanniji ta’ Magefesa li rċevew għajnuna illegali skont id-Deċiżjoni 91/1) u b’6.24 % (peress li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna għajnuna mogħtija mill-Gvern ta’ reġjun li tirrappreżenta 6.24% tal-prodott gross domestiku Spanjol).
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 42);
( 20 ) Ara l-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 21 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.
( 22 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 74 u 75).
( 23 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C-121/07, Ġabra p. I-9159, punt 58).
( 25 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-369/07, Ġabra p. I-5703, punti 114 u 115).
( 26 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 118 u 120).
( 27 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) L-ammont ta’ EUR 143 43 huwa r-riżultat tal-multiplikazzjoni tas-somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 210 bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5 u l-fattur n ta’ 13.66.
( 29 ) Bħas-somma bażika b’rata fissa fil-każ ta’ pagamenti ta’ penalità, is-somma bażika b’rata fissa proposta mir-Renju ta’ Spanja għas-somma f’daqqa tirriżulta permezz tal-multiplikazzjoni b’25 % u b’6.24 % tas-somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 210 stabbilita mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni SEC (2005) 1658 tat-13 ta’ Diċembru 2005.
( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 63) u tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 144).
( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota tal-qiegħ 24, punt 62) u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-568/07, Ġabra p. I-4505, punt 44), u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-109/08, Ġabra p. I-4657, punt 51), kif ukoll tas-7 Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-369/07, iċċitata fin-nota tal-qiegħ 25, punt 144).
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 67) u tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 91).
( 33 ) Fir-rigward tan-natura preventiva, ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota tal-qiegħ il-paġna 24, punt 59).
( 34 ) C-177/06, Ġabra p. I-7689.
( 35 ) C-485/03 sa 490/03, Ġabra p. I-11887.
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 64);
( 37 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 93 u 94).