Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument anċillari ma’ Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill- Parlament Ewropew - Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) - Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni ta' l-impatt {KUMM (2008) 46 finali} {SEG(2008) 111} /* SEK/2008/0112 finali */
[pic] | Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 1.2.2008 SEG(2008) 112 DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Dokument anċillari ma’KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEWLejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT {KUMM (2008) 46 finali} {SEG(2008) 111} DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Dokument anċillari ma’KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEWLejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT Din il-Valutazzjoni ta' l-Impatt ġiet imħejjija mis-servizzi tal-Kummissjoni bħala appoġġ għall-Komunikazzjoni "lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS)". L-isfond ġenerali tal-Komunikazzjoni għandu x'jaqsam mal-ħtieġa għal kwalità għolja ta' informazzjoni bħala appoġġ għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-ambjent, f'konformità mal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar. Din il-ħtieġa teżisti fl-isfond tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni li tevolvi b'mod rapidu, u li toffri lok konsiderevoli għas-simplifikar tas-sistemi ta' rapportar u l-użu aktar effiċjenti tad-dejta disponibbli. Problemi speċifiċi jinkludu l-ħtieġa għal aktar simplifikar ta' l-obbligi ta' rappurtar u sorveljanza u li jitnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat magħhom, nuqqasijiet relatati mad-disponibbiltà, l-affidabbiltà u r-rilevanza ta' informazzjoni f'waqtha, opportunitajiet mitlufa fir-rigward ta' l-immodernizzar tas-settur pubbliku u l-forniment tas-servizzi ta' l-Gvern elettroniku fil-qasam ta' l-ambjent, u nuqqasijiet fil-kapaċità li d-dejta tissarraf malajr f'informazzjoni li tkun rilevanti għall-politika u l-implimentazzjoni effiċjenti ta' metodi integrati għall-politika ambjentali. Hemm bosta inizjattivi għaddejjin fil-livelli Ewropew u nazzjonali li xi ftit jew wisq għandhom jindirizzaw il-problemi msemmija. Madankollu minkejja dawn l-inizjattivi kollha baqgħet sfida ewlenija fl-Ewropa u fil-livell globali li tiġi organizzata l-firxa sħiħa ta' dejta u informazzjoni dwar l-ambjent li tkun diġà nġabret, biex dawn, fejn ikun mixtieq, jiġu integrati, mad-dejta u l-informazzjoni eżistenti mill-oqsma soċjali u ekonomiċi, sabiex ikunu disponibbli flimkien ma' l-għodod li jippermettu lill-esperti jagħmlu l-analiżi tagħhom, u jikkomunikawhom b'tali mod li dawk li jfasslu l-politika pubblika u l-pubbliku jkunu jistgħu jifhmuhom u jużawhom bħala bażi għall-azzjonijiet tagħhom stess. Fl-istess ħin, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-UE għandhom bżonn 'sistema ta' rappurtar' li tkun effiċjenti u moderna biex jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom relatati mal-politiki u l-leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarji u internazzjonali, billi jevitaw id-duplikazzjoni ta' l-isforzi, l-irkib u interventi superfluwi. L-għanijiet ġenerali ta' l-SEIS huma li jittejbu d-disponibbiltà u l-kwalità ta' l-informazzjoni meħtieġa għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politka ambjentali tal-Komunità, jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-UE u jiġi modernizzat ir-rappurtar, u li jitrawwem l-iżvilupp tas-servizzi ta' l-informazzjoni u l-applikazzjonijiet li l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jużaw u jibbenefikaw minnhom. L-għanijiet speċifiċi huma: 1. li jinkiseb ftehim politiku ċar dwar sett ta' prinċipji li fuqu għandha tiġi bbażata s-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża. 2. li tissokta r-razzjonalizzazzjoni tal-'bażi ta' l-għarfien' permezz tal-valutazzjoni u s-simplifikar tar-rekwiżiti eżistenti ta' rappurtar fi ħdan il-leġiżlazzjoni ambjentali filwaqt li jiġu implimentati soluzzjonijiet teknoloġiċi ta' informazzjoni u komunikazzjoni għar-rappurtar elettroniku; 3. li jiġu stabbiliti u implimentati ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta' dejta u ta' informazzjoni flimkien ma' infrastruttura effiċjenti tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni li tippermetti l-iskoperta, il-valutazzjoni, l-aċċess u l-qsim ta' dejta u informazzjoni relatati ma' l-ambjent; 4. li jiġu rinfurzati u fejn meħtieġ, stabbiliti infrastrutturi u servejs ta' monitoraġġ għall-ġbir u l-arkivjar ta' dejta relatata ma' l-ambjent u 'adattata għall-iskop' li jkunu effiċjenti fl-ispejjeż u flessibbli iżda li jistgħu jiġu sostnuti għal perjodu ta' żmien twil. Minbarra l-"għażla żero" (kollox jibqa' għaddej bħas-soltu), ġew identifikati erba' għażliet kif ġej: - għażla 1: din il-Komunikazzjoni nnifisha, li tikkorrispondi ma' l-għan speċifiku 1. L-għan primarju tal-Komunikazzjoni hija li tipprovdi l-qafas politiku u kunċettwali meħtieġ għall-iggwidar tal-proċess eżistenti lejn direzzjoni komuni u biex jitrawmu inizjattivi ġodda li għandhom l-istess għan. Il-Komunikazzjoni telenka wkoll il-prinċipji li fuqhom se tissejjes l-SEIS; - għażla 2: l-aġġornament tad-Direttiva dwar Rappurtar Standardizzat, li tikkorrispondi għall-għan speċifiku 2 iżda li tista' taqdi, talanqas b'mod indirett, l-għan speċifiku 3. L-għan ikun biex id-direttiva tiġi eżaminata fid-dettall u b'mod kritiku fid-dawl tan-nuqqasijiet tagħha u t-tibdiliet għaddejjin fid-direttivi taħt l-ambitu tagħha. Aġġornament bħal dan ikun jippermetti li x-xejriet ġodda fit-tfassil tal-politika ambjentali jiġu riflessi filwaqt li jiġi żgurat qafas ta' rappurtar aktar koerenti u allinjat; - għażla 3: l-espansjoni u/jew l-armonizzazzjoni tal-ġbir u l-arkivjar mandatorji tad-dejta fi ħdan l-oqfsa regolatorji tal-Komunità. Din l-għażla tikkorrispondi ma' l-għan speċifiku 4, u se tinvolvi l-valutazzjoni tal-metodi kurrenti ma' dan l-għan speċifiku u l-għanijiet globali ta' l-SEIS. Se jiġu proposti emendi fil-leġiżlazzjoni eżistenti kif jixraq u se jiġu fformulati proposti regolatorji ġodda biex jimtlew il-lakuni identifikati fl-infrastrutturi tad-dejta jew ta' l-osservazzjoni. - għażla 4: qafas regolatorju ġdid għall-SEIS li jkopri l-konformità u r-rappurtar statutorju ta' qabel, u li jwassal għall-ksib bis-sħiħ ta' l-għanijiet speċifiċi 2 u 3. Dan ikun jinkludi dispożizzjonijiet li jimmiraw li jtejbu l-kwalità u d-disponibbiltà tad-dejta meħtieġa għall-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-politiki ambjentali fi ħdan qafas loġikament koerenti, u li jiġu ssimplifikati d-diversi metodi ta' bħalissa għall-ġbir tad-dejta, il-monitoraġġ u r-rappurtar fl- acquis dwar l-ambjent. L-ispejjeż u l-benefiċċji ta' l-implimentazzjoni ta' l-SEIS se jiddependu fuq il-firxa taż-żmien li fiha sseħħ, u l-miżuri preċiżi li jittieħdu sabiex issir. Madankollu, il-benefiċċji potenzjali ta' sistema bħal din xorta waħda mistennija li jkunu konsiderevoli. It-titjib fil-mekkaniżmi għall-ġbir, l-iskambju u l-użu tad-dejta mistenni li jżid b'mod sinifikanti l-użu li jsir mit-tali dejta, kif ukoll tnaqqis sinifikanti fl-ispiża għall-utenti. Titjib fl-aċċess u l-interoperabilità tas-sistemi tad-dejta se jnaqqsu wkoll il-ħtieġa għar-rekwiżiti ta' rappurtar, li jwassal għal simplfikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dejta u tal-flussi tad-dejta, inkluż it-tneħħija gradwali jew it-tħassir ta rekwiżi ta' rappurtar li m'humiex aġġornati jew inkella tilfu s-siwi tagħhom. Benefiċċji oħra jinkludu leġiżlazzjoni aħjar, analiżijiet aktar effiċjenti fil-livell ta' l-UE, gwadanni fl-effiċjenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-impenji tal-politika internazzjonali u obbligi ta' evalwazzjoni, li ċ-ċittadini jingħataw is-setgħa permezz tad-disponibbiltà fuq firxa wiesgħa ta' l-informazzjoni, titjib fid-disponibbilità tad-dejta biex tintuża mir-riċerkaturi, u dehra aħjar ta' l-UE fid-diversi fora globali. Fuq in-naħa tan-nefqa, huwa mistenni li saħansitra investimenti inizjali li jkunu relattivament modesti u li jmooru għall-implimentazzjoni tal-viżjoni ta' l-SEIS għandhom, jekk jitfasslu b'mod tajjeb, iwasslu għal benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li mbagħad jistgħu jerġgħu jiġu investiti għall-iżvilupp tas-sistema. It-tipi ta' investimenti li se jkunu meħtieġa jinkudu sforzi rinfurzati sabiex l-implimentazzjoni tad-direttiva INSPIRE issir b'suċċess; tibdil potenzjali fil-mudelli ta' l-istituzzjonijiet organizzattivi u tan-negozju involuti fil-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta li tkun rilevanti għall-ambjent; sforzi sostnuti jew rinfurzati mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet ta' l-UE sabiex ir-rekwiżiti leġiżlattivi jiġu aġġornati u simplifikati u sistemi ta' rappurtar ċentralizzati; aktar analiżi sabiex ir-rekwiżiti reali ta' dejta u informazzjoni jiġu kkjarifikati u biex jiġu żviluppati l-istrumenti legali u/jew finanzjarji; u aktar investimenti sabiex tinħoloq dejta ġdida li bħalissa mhix qed tinġabar iżda li tirriżulta li tkun essenzjali għas-sostenn tal-politika, jew biex is-sistemi tal-monitoraġġ u tad-dejta jiġu armonizzati. L-aġġornament tad-direttiva dwar ir-rappurtar standardizzat se jġib miegħu benefiċċji immedjati fis-simplifikazzjoni, u minbarra dan fl-Istati Membri se jistimola aktar is-simplifikar u l-konformità mal-prinċipji ta' l-SEIS. Iċ-ċittadini b'mod partikolari għandhom igawdu minn żieda fit-trasparenza u d-disponibbiltà ta' l-informazzjoni li jagħmluha faċli biex jiġu sfruttati bis-sħiħ it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li jevolvu b'mod rapidu. Jidher ukoll li hemm lok sinifikanti għal titjib ta' l-effiċjenza fl-ispejjeż fl-isforzi nazzjonali għal monitoraġġ permezz ta' aktar armonizzazzjoni. Ġeneralment il-proporzjon tal-valur meta mqabbel ma' l-ispiża tal-monitoraġġ ambjentali huwa stmat bħala favorevoli sew, u għalhekk aktar armonizzazzjoni u saħansitra espansjoni ta' l-obbligi tal-monitoraġġ li hemm bħalissa f'dan l-istadju m'għandhomx jitwarrbu. Madankollu, qabel ma jistgħu jiġu kkunsidrati l-proposti leġiżlattivi meħtieġa tenħtieġ analiżi aktar dettaljata inklużi skemi possibbli ta' proġetti pilota li jinvolvu l-Istati Membri. Abbażi ta’ din l-analiżi, l-għażliet 1 sa 3 huma meqjusa bħala ġustifikati. Ir-raba' għażla tad-definizzjoni ta' qafas ġdid regolatorju inklużi l-obbligi dettaljati għandha tkun l-aħjar waħda f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-assigurazzjoni li jintlaħqu l-għanijiet ta' l-SEIS, iżda tista' tiqies bħala preskrittiva ż-żejjed, għandha mnejn tkun nieqsa mill-flessibblità li tippermetti adattament aktar spontanju mal-prijoritajiet politiċi li jevolvu u l-possibiltajiet teknoloġiċi, u tista' tidher li qed tmur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, fid-dawl ta' l-effettività potenzjali tagħha xieraq fis-snin li ġejjin li strument bħal dan jingħata aktar kunsiderazzjoni.