52005PC0310

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 27/2005, rigward l-aringi, il-kavalli, is-sawrell, il-qarnit u l-bastimenti li jkunu qed iwettqu s-sajd illegali /* KUMM/2005/0310 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.7.2005

KUMM(2005) 310 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 27/2005, rigward l-aringi, il-kavalli, is-sawrell, il-qarnit u l-bastimenti li jkunu qed iwettqu s-sajd illegali

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 27/2005[1] jiddetermina għall-2005 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċertu stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għall-bastimenti Komunitarji, f'ilmijiet fejn hemm rekwiżiti ta' limiti ta' qbid.

1. Il-Kummissjoni Internazzjonali tas-Sajd fil-Baħar Baltiku ( IBSFC ) f'Settembru 2004 adottat rakkomandazzjoni biex l-opportunitajiet ta' sajd għall-aringi jiġu miżjuda b'10 000 tunnellata għall-2004 fl-Unità ta' Ġestjoni 3, ħaġa li jkollha l-effett li tagħti lill-Finlandja 8 199 tunnellata addizzjonali ta' opportunitajiet ta' sajd għall-aringi. Il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill COM (2004) 797 biex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 2287/2003, li jiddetermina għall-2004 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċertu stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għall-bastimenti Komunitarji, f'ilmijiet fejn hemm rekwiżiti ta' limiti ta' qbid[2]. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta' ħin fil-Kunsill, ir-rakkomandazzjoni ma saretx parti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. B'kaġun ta' dan, il-Finlandja qabżet il-kwota tas-sajd tagħha għall-2004 b'7 856 tunnellata, minħabba li ma ġietx allokata s-sehem tagħha ta' l-10 000 tunnellata żejda. F'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Meju 1996 li introduċa kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għall-oħra tat-Totali ta' Qabdiet Permessi ( TAC ) u tal-kwoti[3], fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru .../... ta' .... li jadatta ċerti kwoti tal-ħut għall-2005 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 li introduċa kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għall-oħra tat- TAC u tal-kwoti[4], il-Kummissjoni ddeċidiet li, minħabba l-qbid żejjed, tnaqqas il-kwota Finlandiża għall-aringi għall-2005 b'7 856 tunnellata. Il-kwota Finlandiża għall-aringi fis-subdiviżjoni 30-31 għaldaqstant għandha tiġi miżjuda b'7 856 tunnellata, ġaladarba t-tnaqqis kien dovut għall-fatt li r-rakkomandazzjoni ta' l- IBSFC ma ġietx implimentata fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Din l-emenda mhijiex se jkollha l-effett li żżid il-kwantità ta' aringi li għandha taqbad il-Finlandja matul l-2005.

2. It-TAC adottat għall-kavall u s-sawrell fid-diviżjoni Vb ta' l- ICES ma kienx jinkludi opportunitajiet ta' sajd f'ibħra internazzjonali. Dan il-fatt jippermetti li qbid li fil-fatt ikun sar f'ibħra Komunitarji jiġi rrappurtat bħala qbid li jkun sar f'ibħra internazzjonali. Sabiex ir-rappurtar ħażin jiġi evitat, iż-żona ta' ġestjoni għandha tiġi emendata biex tinkludi l-ibħra internazzjonali tad-diviżjoni Vb ta' l- ICES .

3. Fil-Kunsill tas-Sajd f'Diċembru 2004, dikjarazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Kunsill stiednet lill-Kummissjoni biex, lejn il-bidu ta' l-2005, tressaq proposta biex tiġi żviluppata skema li tippermetti li l-ħut pelaġiku jintiżen wara t-trasport mill-port fejn ikun inħatt l-art. Proposta f'dan is-sens ġiet imfassla wara bosta konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri kkonċernati.

4. Id-daqs minimu tal-qarnit ( octopus vulgaris ) huwa stabbilit għal 750 gr fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni taż-żgħar ta' l-organiżmi tal-baħar.[5]

Dan id-daqs minimu japplika biss għall-qbid, il-ħatt fuq l-art u l-bejgħ tal-qarnit li jseħħ fl-ilmijiet marittimi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, u li jinsabu f'wieħed mir-reġjuni speċifikati fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98.

Sabiex jingħata kontribut għall-konservazzjoni ta' dan l-istokk, u b'mod partikolari biex jitħarsu ż-żgħar, jeħtieġ li jiġi stabbilit ukoll daqs minimu għall-qarnit li joriġina mill-ibħra marittimi li jinsabu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-pajjiżi terzi li jinsabu fir-reġjun tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant ( CECAF ).

Id-daqs minimu huwa ta' 450 gr (piż ħaj) jew ta' 400 gr (piż imnaddaf). Qarnit iżgħar minn hekk ma jistax jinżamm abbord jew jiġi trasbordat, maħtut, ittrasportat, maħżun, esibit jew offrut għall-bejgħ, mibjugħ jew imqiegħed fis-suq.

5. F'Mejju 2005, il-Kummissjoni tas-Sajd għall-Atlantiku tal-Grigal ( NEAFC ) għamlet, permezz ta' votazzjoni postali, rakkomandazzjoni biex għadd ta' bastimenti jitniżżlu fil-lista ta' bastimenti li jkun ġie kkonfermat li jkunu wettqu sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Rakkomandazzjoni dwar miżuri li kellhom jiġu applikati fuq bastimenti bħal dawn ġiet adottata fi Frar 2004. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fl-ordni legali Komunitarju għandha tiġi żgurata.

Il-Kunsill huwa mitlub li jadotta din il-proposta malajr kemm jista' jkun sabiex is-sajjieda jkunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom għall-istaġun tas-sajd.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 27/2005, rigward l-aringi, il-kavalli, is-sawrell, il-qarnit u l-bastimenti li jkunu qed iwettqu s-sajd illegali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni għas-Sajd[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 27/2005[7] jiddetermina għall-2005 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċertu stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għall-bastimenti Komunitarji, f'ilmijiet fejn hemm rekwiżiti ta' limiti ta' qbid.

(2) Il-Kummissjoni Internazzjonali tas-Sajd fil-Baħar Baltiku (IBSFC) f'Settembru 2004 adottat rakkomandazzjoni biex l-opportunitajiet ta' sajd għall-aringi jiġu miżjuda b'10 000 tunnellata għall-2004 fl-Unità ta' Ġestjoni 3, ħaġa li jkollha l-effett li tagħti lill-Finlandja 8 199 tunnellata addizzjonali ta' opportunitajiet ta' sajd għall-aringi. Din ir-rakkomandazzjoni ma saretx parti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. B'konsegwenza ta' dan, il-Finlandja fl-2004 qabżet il-kwota tas-sajd tagħha b'7 856 tunnellata, minħabba li t-tunnellati addizzjonali ma ġewx allokati. Fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 776/2005 tad-19 ta' Mejju 2005 li jadatta ċerti kwoti ta' ħut għall-2005 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 li introduċa kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għall-oħra tat- TAC u l-kwoti [8] , fl-2005 l-kwota Finlandiża għall-aringi tnaqset b'7 856 tunnellata minħabba l-qbid żejjed. Il-kwota Finlandiża għall-kavall fis-subdiviżjoni 30-31 għaldaqstant għandha tiġi miżjuda b'7 856 tunnellata, ġaladarba t-tnaqqis kien dovut għall-fatt li r-rakkomandazzjoni ta' l- IBSFC ma ġietx implimentata fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Din l-emenda mhijiex se jkollha l-effett li żżid il-kwantità ta' aringi li għandha taqbad il-Finlandja matul l-2005.

(3) It-Totali tal-Qbid Permess ( TAC ) adottat għall-kavall fiż-żona ta' ġestjoni IIa (ilmijiet mhux tal-KE), Vb (ilmijiet tal-KE), VI, VII, VIIIa,b,d,e, XII, XIV għandu jkopri ilmijiet tal-KE u l-ilmiiet internazzjonali ta' Vb sabiex jiġi evitat l-irrappurtar ħażin. Iż-żona ta' ġestjoni għaldaqstant għandha tiġi emendata f'dan is-sens.

(4) It- TAC adottat għas-sawrell fiż-żona ta' ġestjoni Vb (ilmijiet tal-KE), VI, VII, VIIIa,b,d,e, XII, XIV għandu jkopri ilmijiet tal-KE u l-ilmijiet internazzjonali ta' Vb sabiex jiġi evitat l-irrappurtar ħażin. Iż-żona ta' ġestjoni għaldaqstant għandha tiġi emendata f'dan is-sens.

(5) Sabiex jiġi permess l-użin ta' l-aringi, il-kavall u s-sawrell wara t-trasport mill-port fejn il-qabdiet ikunu nħattu l-art, għandhom jiġu implimentatai miżuri kumplementari fl-2005.

(6) Sabiex jingħata kontribut għall-konservazzjoni tal-qarnit, u b'mod partikolari biex jitħarsu ż-żgħar, jeħtieġ li fl-2005 jiġi stabbilit daqs minimu għall-qarnit mill-ibħra marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-pajjiżi terzi u li jinsabu fir-reġjun CECAF , sakemm jiġi adottat Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni taż-żgħar ta' l-organiżmi tal-baħar[9].

(7) F'Mejju 2005, il-Kummissjoni tas-Sajd għall-Atlantiku tat-Tramuntana ( NEAFC ) għamlet, permezz ta' votazzjoni postali, rakkomandazzjoni biex għadd ta' bastimenti jitniżżlu fil-lista ta' bastimenti li jkun ġie kkonfermat li jkunu wettqu sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Rakkomandazzjoni dwar miżuri li kellhom jiġu applikati fuq bastimenti bħal dawn ġiet adottata fi Frar 2004. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fl-ordni legali Komunitarju għandha tiġi żgurata.

(8) Sabiex tiżgura l-għejxien tas-sajjieda tal-Komunità, huwa importanti li ż-żoni tas-sajd jinfetħu malajr kemm jista' jkun. Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, huwa essenzjali li tingħata deroga għall-perjodu ta' sitt ġimgħat imsemmi f'paragrafu I(3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej.

(9) Ir-Reġolament (KE) Nru 27/2005 għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi IA, IB u III tar-Regolament (KE) Nru 27/2005 huma emendati skond l-Anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

L-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 27/2005 huma emendati kif ġej:

(1) Fl-Anness IA:

Il-punt dwar l-ispeċi Aringa fis-Subdiviżjoni 30-31 taż-żona hija ssostitwita b'dan li ġej:

'Speċi: | Aringa | Żona | Sub-diviżjonijiet 30-31 |

Clupea harengus | HER/3D30.; HER/3D31. |

Il-Finlandja | 60 327 |

L-Iżvezja | 11 529 |

KE | 71 856 |

TAC | 71 856 | TAC analitiku fejn ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96. ’ |

(2) Fl-Anness IB:

(a) Il-punt dwar l-ispeċi Kavall fiż-żona IIa (ilmijiet mhux tal-KE), Vb (ilmijiet tal-KE), VI, VII, VIIIa, b, d, e, XII, XIV huwa ssostiwit b'dan li ġej:

'Speċi: | Kavalli | Żona | IIa (ibħra mhux tal-KE), Vb (ibħra tal-KE u ibħra internazzjonali), VI, VII, VIIIa, b, d, e, XII, XIV |

Scomber scombrus | MAC/2CX14- |

Il-Ġermanja | 13 845 |

Spanja | 20 |

L-Estonja | 115 |

Franza | 9 231 |

L-Irlanda | 46 149 |

Il-Latvja | 85 |

Il-Lituwanja | 85 |

L-Olanda | 20 190 |

Il-Polonja | 844 |

Ir-Renju Unit | 126 913 |

KE | 217 477 |

In-Norveġja | 8 500 | (1) |

Il-Gżejjer Faroe | 3 322 | (2) |

TAC | 420 000 | (3) | TAC analitiku fejn ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96. |

__________ |

(1) Is-sajd għal dan il-ħut jista' jsir biss fiż-żoni IIa, VIa (fit-Tramuntana ta' 56°30' N), IVa, VIId, e, f, h. (2) Li minnhom 1 002 tunnellati jistgħu jinqabdu fit-Taqsima IVa ta' l-ICES fit-Tramuntana ta' 59° N (żona tal-KE) mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Frar u mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru. Kwantità ta' 2 763 tunnellata tal-kwota tal-Gżejjer Faroe tista' tinqabad fit-Taqsima VIa ta' l-ICES (fit-Tramuntana ta' 56°30' N) matul is-sena u/jew fit-Taqsimiet VIIe, f, h, ta' l-ICES u/jew fit-Taqsima IVa ta' l-ICES. (3) TAC għaż-żona tat-Tramuntana miftiehem bejn il-KE, in-Norveġja u l-Gżejjer Faroe. |

Kundizzjonijiet Speċjali |

Fil-limiti tal-kwoti hawn fuq imsemmija, mhux aktar mill-kwantitajiet mogħtija hawn taħt jistgħu jinqabdu fiż-żoni speċifikati, u biss matul il-perjodi mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Frar u mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru. |

IVa (ibħra tal-KE ) MAC/*04A-C |

Il-Ġermanja | 4 175 |

Spanja | 0 |

Franza | 2 784 |

L-Irlanda | 13 918 |

L-Olanda | 6 089 |

Ir-Renju Unit | 38 274 |

KE | 65 240 |

In-Norveġja | 8 500 |

Il-Gżejjer Faroe | 1 002 | (1) |

(1) Fit-Tramuntana ta' 59° N (iż-żona tal-KE) mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Frar u mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru.' |

(b) Il-punt dwar l-ispeċi Sawrell fiż-żona Vb (ilmijiet tal-KE), VI, VII, VIIIa, b, d, e, XII, XIV huwa ssostiwit b'dan li ġej:

'Speċi: | Sawrell | Żona | Vb (ibħra tal-KE u ibħra internazzjonali), VI, VII, VIIIa, b, d, e, XII, XIV |

Trachurus spp. | JAX/578/14 |

Id-Danimarka | 12 088 |

Il-Ġermanja | 9 662 |

Spanja | 13 195 |

Franza | 6 384 |

L-Irlanda | 31 454 |

L-Olanda | 46 096 |

Il-Portugall | 1 277 |

Ir-Renju Unit | 13 067 |

KE | 133 223 |

Il-Gżejjer Faroe | 4 955 | (1)(2) |

TAC | 137 000 | TAC analitiku fejn japplikaw l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96. |

__________ |

(1) Din il-kwota tista' tinqabad fiż-żoni IV, VIa (fit-Tramuntana ta' 56° 30' N) u VIIe, f, h ta' l-ICES. (2) Fi kwota totali ta' 6 500 tunnellata għas-Subżoni IV, VIa (fit-Tramuntana ta' 56°30' N) u VII e, f, h ta' l-ICES.' |

(3) Fl-Anness III:

(a) Il-punt 9 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

‘9. Proċeduri għall-ħatt l-art u l-użin ta’ aringi, kavalli u sawrell

9.1 Ambitu

9.1.1 Il-proċeduri li ġejjin japplikaw għall-ħatt l-art fil-Komunità Ewropea minn bastimenti tal-Komunità u minn pajjiżi terzi ta' kwantitajiet, għal kull ħatt l-art, li jaqbżu l-10 tunnellati ta' aringi, kavalli u sawrell, jew taħlita tagħhom, maqbuda fi:

a) għall-aringi, is-Subżoni I, II, IV, VI u VII u d-Diviżjonijiet III a u Vb ta' l- ICES ;

b) għall-kavalli u s-sawrell, fis-Subżoni III, IV, VI u VII u d-Diviżjoni IIa ta' l- ICES .

9.2 Portijiet deżinjati

9.2.1 Il-ħatt l-art imsemmi fil-punt 9.1 huwa permess biss f'portijiet deżinjati.

9.2.2 Kull Stat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b'bidliet fil-lista ta' portijiet deżinjati li ġiet ikkomunikata fl-2004, li fihom jista' jsir il-ħatt l-art ta' aringi, kavalli u sawrell, kif ukoll b'bidliet fil-proċeduri ta' spezzjoni u sorveljanza għal dawk il-portijiet, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-irreġistrar u r-rappurtar tal-kwantitajiet ta' kull speċi u stokk imsemmi/ja fil-punt 9.1.1, f'kull ħatt l-art. Dawk il-bidliet iridu jiġu kkomunikati għall-inqas 15-il jum qabel ma jidħlu fis-seħħ. Il-Kummissjoni tikkomunika din l-informazzjoni, flimkien mal-portijiet deżinjati minn pajjiżi terzi, lill-Istati Membri kkonċernati kollha.

9.3 Dħul fil-port

9.3.1 Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd imsemmi fil-punt 9.1.1 jew ir-rappreżentant tiegħu jeħtieġlu jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih għandu jinħatt l-art il-ħut, talanqas 4 sigħat qabel id-dħul fil-port ta' l-Istat Membru kkonċernat fejn għandu jsir il-ħatt l-art b'dan li ġej:

(a) il-port li biħsiebu jidħol fih, l-isem u n-numru ta' reġistrazzjoni tal-bastiment;

(b) il-ħin li fih mistenni jasal f'dak il-port;

(c) il-kwantitajiet f'kilogrammi ta' piż ħaj għal kull speċi miżmuma abbord;

(d) iż-żona ta' ġestjoni, skond l-Anness I ta' dan ir-Regolament, fejn tkun saret il-qabda.

9.4 Rilaxx

9.4.1 l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat jesiġu li r-rilaxx ma jibdiex sakemm tingħata l-awtorizzazzjoni.

9.5 Ġurnal ta' abbord

9.5.1 B'deroga mid-dispożizzjonijiet tal-punt 4.2 ta' l-Annes IV tar-Regolament (KEE) Nru 2807/83, immedjatament mal-wasla fil-port, il-kaptan ta' bastiment tas-sajd jeħtieġlu jressaq il-paġna jew il-paġni rilevanti tal-ġurnal ta' abbord kif mitlub mill-awtorità kompetenti fil-port tal-ħatt l-art.

Il-kwantitajiet miżmuma abbord, innotifikati qabel il-ħatt l-art kif imsemmi fil-punt 9.3.1.(c), jeħtieġ li jkunu daqs il-kwantitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta' abbord wara li jiġi konkluż.

B'deroga mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2807/83, il-marġni permess ta' tolleranza fl-estimi rreġistrati fil-ġurnal ta' abbord tal-kwantitajiet, f'kilogrammi, ta' ħut miżmuma abbord huwa ta' 8%;

9.6 L-użin tal-ħut frisk

9.6.1 Ix-xerrejja kollha tal-ħut frisk jeħtiġilhom jiżguraw li l-kwantitajiet kollha li jirċievu jintiżnu fuq sistemi approvati mill-awtoritajiet kompetenti. L-użin isir qabel ma l-ħut jiġi magħżul, ipproċessat, maħżun, u ttrasportat mill-port tal-ħatt l-art jew mibjugħ mill-ġdid. Il-figura li tirriżulta mill-użin tintuża sabiex jimtlew id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u n-noti ta' bejgħ.

9.6.2 Fid-determinazzjoni tal-piż, kull tnaqqis għall-ilma m'għandux jaqbeż it-2%.

9.7 L-użin ta' ħut frisk wara t-trasport

9.7.1 B'deroga mill-punt 9.6.1., l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-ħut frisk jintiżen wara t-trasport mill-port tal-ħatt l-art, sakemm il-ħut jiġi ttrasportat lejn destinazzjoni fl-Istat Membru li ma tkunx imbiegħda aktar minn 60 kilometru mill-port tal-ħatt l-art, u sakemm:

(a) It-tanker li fih jiġi ttrasportat il-ħut ikun akkumpanjat minn spettur mill-post tal-ħatt l-art sal-post fejn il-ħut jintiżen, jew

(b) fil-post tal-ħatt l-art, l-awtoritajiet kompetenti jagħtu l-approvazzjoni tagħhom biex il-ħut jiġi ttrasportat, suġġetta għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(i) immedjatament qabel ma t-tanker jitlaq mill-port tal-ħatt l-art, ix-xerrej jew l-aġent tiegħu jagħti dikjarazzjoni miktuba lill-awtoritajiet kompetenti, li fiha jsemmi l-ispeċi tal-ħut u l-isem tal-bastiment li minnu l-ħut se jiġi rilaxxat, in-numru uniku ta' l-identità tat-tanker u dettalji tad-destinazzjoni fejn il-ħut ikun se jintiżen, kif ukoll il-ħin mistenni tal-wasla tat-tanker fid-destinazzjoni;

(ii) kopja tad-dikjarazzjoni prevista f'(i) tinżamm mis-sewwieq matul it-trasport tal-ħut, u tingħata lir-riċevitur tal-ħut fid-destinazzjoni.

9.8 Fattura

9.8.1 Flimkien ma' l-obbligi stipulati fl-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 2847/93, min jipproċessa jew min jixtri l-kwantitajiet [ta' ħut frisk?] li jkunu nħattu l-art jeħtieġlu jressaq lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat kopja tal-fattura, jew dokument minflokha, kif imsemmi fl-Artikolu 22(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat - sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' evalwazzjoni[10].

9.8.2 Fi kwalunkwe fattura jew dokument ta' dan it-tip, irid jidher it-tagħrif rekwiżit mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 2847/93, kif ukoll l-isem u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-bastiment li minn fuqu l-ħut ikun inħatt l-art. Din il-fattura jew dan id-dokument t/irid t/jintwera malli jintalab, jew fi żmien 12-il siegħa mill-ħin li fih ikun seħħ l-użin.

9.9 L-użin tal-ħut frisk

9.9.1 Kulmin jixtri jew iżomm il-ħut iffriżat għandu jiżgura li l-kwantitajiet li jkunu nħattu l-art jintiżnu qabel ma l-ħut jiġi pproċessat, maħżun, ittrasportat mill-port tal-ħatt l-art jew mibjugħ mill-ġdid. Kull piż tara daqs il-piż tal-kaxxi, kontenituri tal-plastik jew ta' tip ieħor li fihom il-ħut li għandu jintiżen huwa ppakkjat jistgħu jitnaqqsu mill-piżijiet tal-kwantitajiet tal-ħatt l-art.

9.9.2 Inkella, il-piż tal-ħut iffriżat ippakkjat f'kaxxi jista' jiġi ddeterminat permezz tal-moltiplikazzjoni tal-piż medju ta' kampjun rappreżentattiv ibbażat fuq l-użin tal-kontenut imneħħi mill-kaxxa u mingħajr ippakkjar tal-plastik, qabel jew wara li jkun inħall is-silġ fuq il-ħut. L-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha b'kull bidla fil-metodoloġija tat-teħid ta' kampjuni approvata mill-Kummissjoni matul l-2004. Il-bidliet jiġu approvati mill-Kummissjoni. Il-figura li tirriżulta mill-użin tintuża sabiex jimtlew id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u n-noti ta' bejgħ.

9.10 Faċilitajiet ta' użin

9.10.1 Fejn jintużaw faċilitajiet ta' l-użin operati mis-settur pubbliku, min jiżen iħut irid jagħti lix-xerrej tikketta ta' l-użin li fuqha jidhru d-data u l-ħin ta' l-użin u n-numru ta' l-identità tat-tanker. Kopja tat-tikketta ta' l-użin tinhemeż mal-fattura mressqa lill-awtoritajiet kompetenti, kif jipprevedi l-punt 9.8.

9.10.2 Fejn jintużaw faċilitajiet ta' l-użin operati mill-privat, is-sistema jeħtiġilha tkun ġiet approvata, ikkalibrata u ssiġillata mill-awtoritajiet kompetenti u tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) Min jiżen il-ħut jeħtieġlu jżomm reġistru ta' l-użin imqassam f'paġni li jindika:

(i) l-isem u n-numru ta' reġistrazzjoni tal-bastiment li minnu jkun inħatt il-ħut,

(ii) in-numru ta' l-identità tat-tankers fil-każijiet fejn il-ħut ikun ġie ttrasportat mill-port tal-ħatt l-art qabel l-użin,

(iii) l-ispeċi tal-ħut,

(iv) il-piż ta' kull ħatt l-art,

(v) id-data u l-ħinijet li fihom ikun inbeda u ntemm l-użin.

(b) fejn l-użin jitwettaq fuq sistema ta' conveyor belt , din tiġi mgħammra b'miter li jirreġistra t-total kumulattiv tal-piż. Dan it-total kumulattiv jitniżżel fir-reġistru mqassam f'paġni msemmi fil-punt (a);

(c) ir-reġistru ta' l-użin u l-kopji tad-dikjarazzjonijiet bil-miktub previsti fil-punt 9.7.1. (b) (ii) jinżammu għal tliet snin.

9.11 Aċċess ta' l-awtoritajiet kompetenti

L-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess sħiħ f'kull waqt għas-sistema ta' l-użin, ir-reġistri ta'l-użin, id-dikjarazzjonijiet bil-miktub u l-postijiet kollha fejn il-ħut jiġi pproċessat u miżmum.

9.12 Kontrolli reċiproċi

9.12.1 L-awtoritajiet kompetenti iwettqu kontrolli reċiproċi fuq kull ħatt l-art, bejn dawn li ġejjin:

(a) kwantitajiet skond l-ispeċi indikati fl-avviż minn qabel tal-ħatt l-art, imsemmija fil-punt 9.3.1. u l-kwantitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment,

(b) kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fil-ġurnal ta' abbord tal-bastiment u d-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art jew il-fattura jew dokument ekwivalenti msemmi fil-punt 9.8.,

(c) kwantitajiet skond l-ispeċi rreġistrati fid-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art u l-fattura jew dokument ekwivalenti msemmi fil-punt 9.8.

9.13 Spezzjoni sħiħa

9.13.1 L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jeħtiġilhom jiżguraw li talanqas 15% tal-kwantitajiet tal-ħut li jkunu nħattu l-art u talanqas 10% tal-ħatt l-art tal-ħut jgħaddu minn spezzjonijiet sħaħ li jridu jinkludu dan li ġej:

(a) monitoraġġ ta' l-użin tal-qabda mill-bastiment, skond l-ispeċi. Fil-każ ta' bastimenti li jippumpjaw il-qabda l-art, jiġi ssorveljat l-użin ta' l-iskarika globali mill-bastimenti magħżula għall-ispezzjoni. Fil-każ ta' bastimenti bil-friża, jingħaddu l-kaxxi kollha. Jintiżen kampjun rappreżentattiv tal-kaxxi/ pallets sabiex jiġi stabbilit il-piż medju tal-kaxxi/ pallets . It-teħid ta' kampjuni tal-kaxxi jsir ukoll skond metodoloġija approvata għall-identifikazzjoni ta' piż nett medju tal-ħut (mingħajr ippakkjar, silġ);

(b) minbarra l-kontrolli reċiproċi li jissemmew fil-punt 9.12, verifika reċiproka ta' dawn li ġejjin:

(i) kwantitajiet skond l-ispeċi mniżżla fir-reġistru ta' l-użin u l-kwantitajiet skond l-ispeċi mniżżla fil-fattura jew f'dokument ekwivalenti li jissemma fil-punt 9.8.;

(ii) id-dikjarazzjonijiet bil-miktub li jkunu rċevew l-awtoritajiet kompetenti skond il-punt 9.7.1. (b)(i) u d-dikjarazzjonijiet bil-miktub miżmuma minn min ikun irċieva l-ħut, skond il-punt 9.7.1 (b)(ii);

(iii) in-numri ta' l-identità ta' tankers li jidhru fid-dikjarazzjonijiet bil-miktub previsti fil-punt 9.7.1 (b)(i) u r-reġistri ta' l-użin.

(c) jekk ir-rilaxx jisfa interrott, il-permess ikun meħtieġ qabel ma jista' jerġa jinbeda mill-ġdid;

(d) verifika li l-bastiment m'għandux iżjed ħut abbord, ladarba r-rilaxx ikun intemm.

9.13.2 L-attivitajiet kollha ta' spezzjoni li huma koperti mill-punt 9 jiġu ddokumentati. Din id-dokumentazzjoni tinżamm għal 3 snin.'

(b) Il-Parti B li ġejja tiġi miżjuda:

'PARTI I

CECAF

B'deroga mid-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2,17 u l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98, id-daqs minimu tal-qarnit ( Octopus vulgaris ) fl-ilmijiet marittimi li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-pajjiżi terzi u li jinsabu fir-reġjun tas- CECAF huwa ta' 450 gr (piż ħaj) jew 400 gr (piż imnaddaf).'

(c) Il-Parti J li ġejja tiġi miżjuda:

'PARTI J

L-ATLANTIKU TAL-GRIGAL Bastimenti li jwettqu sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

Dawk il-bastimenti li l-Kummissjoni tas-Sajd għall-Atlantiku tal-Grigal ( NEAFC ) tkun niżżlet fil-lista ta' bastimenti li jkun ġie kkonfermat li jkunu wettqu sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (bastimenti IUU ) huma elenkati fl-Appendiċi 5. Il-miżuri li ġejjin japplikaw għal dawn il-bastimenti:

(a) Bastimenti IUU li jidħlu f'portijiet mhumiex awtorizzati li fihom iħottu jew jittrasbordaw, u jiġu spezzjonati mill-awtoritajiet kompetenti. Dawn l-ispezzjonijiet jinkludu d-dokumenti tal-bastiment, il-ġurnali ta’ abbord, it-tagħmir tas-sajd, il-qabdiet li jkollhom abbord u kwalunkwe ħaġa oħra li torbot ma' l-attivitajiet tal-bastiment fiż-Żona Regolatorja tan- NEAFC . Tagħrif dwar ir-riżultat ta' l-ispezzjonijiet jintbagħat immedjatament lill-Kummissjoni.

(b) Bastimenti tas-sajd, bastimenti ta' appoġġ, bastimenti tal-fjuwil, bastimenti-omm u bastimenti tal-merkanzija li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru bl-ebda mod ma għandhom jgħinu bastimenti IUU jew jieħdu sehem fit-trasbord jew f'operat konġunt tas-sajd ma' bastimenti mniżżla fuq dik il-lista;

(c) fil-portijiet, il-bastimenti IUU ma jiġux fornuti bil-provvisti, fjuwil jew servizzi oħra;

(d) Bastimenti IUU ma jingħatawx awtorizzazzjoni li jistadu fl-ibħra Komunitarji, u ma jistgħux jinkrew;

(e) l-importazzjoni ta' ħut li jkun ġej minn bastimenti IUU hija pprojbita;

(f) L-Istati Membri jirrifjutaw li jagħtu l-bandiera tagħhom lill-bastimenti IUU , u jħeġġu lill-importaturi, t-trasportaturi u lis-setturi l-oħra kkonċernati biex joqogħdu lura milli jinnegozjaw dwar il-ħut maqbud minn dawn il-bastimenti jew jittrasbordawh.

Hekk kif in- NEAFC tadotta lista ġdida, il-Kummissjoni temenda l-elenku biex jiġi konformi mal-lista tan- NEAFC . ’

(d) L-Appendiċi 5 li ġej huwa miżjud:

Appendiċi 5 għall-Anness III

Elenku ta' bastimenti li n- NEAFC kkonferma li wettqu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

Isem il-bastiment | L-Istat tal-bandiera |

FONTENOVA | Il-Panama |

IANNIS | Il-Panama |

LANNIS I | Il-Panama |

LISA | Il-Commonwealth ta' Dominika |

KERGUELEN | It-Togo |

OKHOTINO | Il-Commonwealth ta' Dominika |

OLCHAN | Il-Commonwealth ta' Dominika |

OSTROE | Il-Commonwealth ta' Dominika |

OSTROVETS | Il-Commonwealth ta' Dominika |

OYRA | Il-Commonwealth ta' Dominika |

OZHERELYE | Il-Commonwealth ta' Dominika' |

[1] ĠU L 12, ta' l-14.1.2005, p. 1.

[2] ĠU L 344, tal-31.1.2003, p. 1.

[3] ĠU L 115, tad-9.6.1996, p. 3.

[4] ĠU

[5] ĠU L 125, tas-27.4.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 602/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 (ĠU L 97, ta' l-1.4.2004, p. 1).

[6] ĠU L 358, tal-31.12.2002, p. 59.

[7] ĠU L 12, ta' l-14.1.2005, p. 1.

[8] ĠU L 130, tas-24.5.2005, p. 7.

[9] ĠU L 125, tas-27.4.1998, p. 1.

[10] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.