Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda l-Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE dwar miżuri ta’ ħarsien kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti jew lil prodotti tal-pjanti u kontra t-tifrix tagħhom fil-Komunità /* KUMM/2005/0038 finali */
Brussel 07.02.2005 KUMM(2005) 38 finali Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda l-Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE dwar miżuri ta’ ħarsien kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti jew lil prodotti tal-pjanti u kontra t-tifrix tagħhom fil-Komunità (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, kif emendata b’mod partikolari mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/102/KE, fiha ħtiġijiet ġodda għall-importazzjoni tal-prodotti ta’ l-injam fl-UE mill-1 ta’Marzu ‘l-quddiem. Il-miżuri, li għandhom x’jaqsmu mal-materjal ta’ l-ippakkettjar u mal-paljol, jallinjaw il-miżuri tal-Komunità ma’ l-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji (ISPM) Nru 15 dwar “Il-Linji ta’ Gwida biex jiġi irregolat l-ippakkettjar ta’ l-injam fil-kummerċ internazzjonali” li ġie addottat f’Marzu ta’ l-2002. Dan l-Istandard jipprevedi għall-materjal ta’ l-ippakkjar ta’ l-injam it-trattament bis-sħana jew il-fumigazzjoni, kif ukoll li l-injam jiġi mmarkat. L-Istandard isemmi wkoll li xi pajjiżi jistgħu jeħtieġu li l-materjal isir minn injam ittundjat bla qoxra, jekk hemm ġustifikazzjoni teknika għal dan. Billi l-esperti ta’ l-Istati Membri raw li din il-ġustifikazzjoni hija disponibbli, din il-ħtieġa fakultattiva hija issa inkluża fid-Direttiva 2000/29/KE (permezz ta’ l-emenda Dir. 2004/102/KE) Sadanittant, numru ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-Istati Uniti, avviċinaw lis-servizzi tal-Kummissjoni, u xeħtu dubji dwar il-ġustifikazzjoni teknika. Il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jipposponu għal 12-il xahar il-miżuri li għandhom x’jaqsmu mat-tneħħija tal-qxur tas-siġar biex iħallu iktar ħin għad-dibattitu u għar-riċerka speċifika. Abbozz ta' Direttiva tal-Kummissjoni li tista’ temenda id-Direttiva 2000/29/KE u, b’mod partikolari, tiddeferi l-implimentazzjoni tal-miżuri għall-ippakkettjar tal-materjal u l-paljol mill-1 ta’ Marzu ta’ l-2005 sa’ l-1 ta’Marzu 2006, ma rċeviet l-ebda opinjoni mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti fil-21 ta’ Jannar 2005: 94 vot għal (BE,EE,EL,CY,LT,LU,NL,PL,SI,FI), 215 kontra (DK, DE,ES,FR,IE,IT,LV,HU,MT,AT,PT,SK,SE,UK) u 12-il astensjoni (CZ).L-Istati Membri kollha li vvutaw kontra spjegaw li hemm biżżejjed ġustifikazzjoni teknika biex jinżammu id-dispożizzjonijiet eżistenti. Iċ-CZ asteniet għal raġunijiet legali minħabba li jkun impossibli għaċ-CZ li timplimenta differiment fil-ħin. Insegwitu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/29/KE, il-Kummissjoni tressaq immediatament lill-Kunsill il-Proposta mehmuża għal Direttiva tal-Kunsill u tinforma lill-Parlament Ewropew. Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill m’għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-Komunit Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda l-Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE dwar miżuri ta’ ħarsien kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti jew lil prodotti tal-pjanti u kontra t-tifrix tagħhom fil-Komunità IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri ta’ ħarsien kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti u lil prodotti tal-pjanti u kontra t-tifrix tagħhom fil-Komunità[1], u b'mod partikolari l-punt (d) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 14 tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2], Billi: (1) Id-Direttiva 2004/102/KE temenda l-Annessi II, III, IV u V għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar miżuri ta’ ħarsien kontra d-dħul fil-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti u lil prodotti tal-pjanti u kontra t-tifrix tagħhom fil-Komunità, u għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri sa l-1 ta' Marzu 2005. (2) Id-Direttiva 2004/102/KE fiha dispożizzjonijiet dwar l-injam u l-prodotti ta’ l-injam. Il-miżuri dwar il-pelits, kaxex u l-paljol iqabblu l-miżuri tal-Komunità ma’ dawk ta’ l-Istandard Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji (ISPM) Nru 15 ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Biedja dwar “Linji ta’ Gwida biex jiġi regolat il-materjal għall-ippakkjar ta’ l-injam fil-kummerċ internazzjonali” li kien adottat f’Marzu 2002 mir-Raba’ Kummissjoni Interim dwar Miżuri Fitosanitarji (ICPM). (3) L-istandard Nru 15 jgħid li l-ippakkjar bl-injam (inkluż il-paljol) magħmul mill-injam mhux ipproċessat tal-koniferi u mhux tal-koniferi, għandu jkun suġġett għal miżuri approvati bħalma hu t-trattament bis-sħana (56° C għal mill-inqas 30 minuta) jew fumigazzjoni bil-Metil Bromidju . Barra minn hekk l-injam għandu jkollu marka speċifika li tiċċertifika li l-injam kien suġġett għal miżura approvata. (4) L-Istandard jgħid ukoll li l-pajjiżi jistgħu jitolbu li l-materjal għall-ippakkjar magħmul mill-injam suġġett għal miżura approvata għandu jkun magħmul minn injam li tneħħitlu l-qoxra ta’ barra u li fuqu jkollu marka suġġetta għal "ġustifikazzjoni teknika". (5) Pajjiżi terzi talbu li l-Komunità tqis metodi oħra biex tilħaq l-istess għan. Għal dan il-għan, għaddejja riċerka dwar l-aspetti tekniċi tat-tneħħija tal-qoxra ta’ l-injam, b’mod partikolari l-effiċjenza tat-“tnaqqis tar-riskju ta’ insetti jew annimali li jeqirdu l-pjanti” fit-tneħħija tal-qoxra li jiżdied mal-miżuri ta’ trattament. (6) Waqt l-istennija tar-riżultati ta' din ir-riċerka, huwa xieraq li għall-injam li tneħħietlu l-qoxra, tiġi posposta l-applikazzjoni tal-ħtiġijiet li għandhom jiġu użati. (7) Id-Direttiva 2000/29/KE għandha, għalhekk, tkun emendata. (8) Il-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti ma tawx opinjoni fiż-żmien stipulat mill-President tiegħu, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 2000/29/KE hija emendata kif ġej: 1. Fl-Anness IV, Parti A, taqsima I, punt 2, il-paragrafu li ġej jiżdied fl-aħħar tal-kolonna tal-lemin: “L-ewwel inċiż, li jitlob li materjal ta’ l-ippakkjar ta’ l-injam ikun magħmul minn injam ittundjat bla qoxra, għandha tapplika biss mill-1 ta’ Marzu 2006”. 2. Fl-Anness IV, Parti A, taqsima I, punt 8, il-paragrafu li ġej jiżdied fl-aħħar tal-kolonna tal-lemin: “L-ewwel linja tal-punt (a), li titlob li materjal ta’ l-ippakkjar ta’ l-injam ikun magħmul minn injam ittundjat bla qoxra, għandha tapplika biss mill-1 ta’ Marzu 2006”. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2005, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Dawn għandhom minnufih jgħaddu lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-iskeda ta’ korrispondenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2005. Meta l-Istat Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva u jkollhom magħhom referenza għall-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li se jadottaw fil-qasam koperta b’din id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, Għall-Kunsil Il-President [1] ĠU L 169 ta’ l-10.7.2000, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/102/KE (ĠU L 309, tas-6.10.2004. p. 9). [2] ĠU C , , p. .