Rapport mill-Kummissjoni - Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku {SEC(2004) 1720} /* KUMM/2004/0863 finali */
Brussel 5.1.2005 KUMM(2004) 863 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku {SEC(2004) 1720} WERREJ 1. L-ISFOND GĦAL DAN IR-RAPPORT 3 2. SINTEŻI 3 3. EVALWAZZJONI TAL-PROGRESS FIS-SETTUR TA’ L-ELETTRIKU 5 4 EVALWAZZJONI TAL-PROGRESS FIS-SETTUR TAL-GASS 7 5 IS-SIGURTÀ TAL-PROVVISTA 9 6 IS-SERVIZZ PUBBLIKU U L-ĦARSIEN TA' L-UTENT/KONSUMATUR 9 7 ASPETTI AMBJENTALI 10 8 KONKLUŻJONIJIET 10 1. L-ISFOND GĦAL DAN IR-RAPPORT Id-Direttivi l-ġodda dwar l-elettriku u l-gass[1] kellhom ikunu ġew trasposti mill-Istati Membri sa Lulju 2004 u r-Regolament dwar l-iskambji ta’ l-elettriku bejn il-pajjiżi[2] ukoll daħal fis-seħħ. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jinkiseb settur kompetittiv ta’ l-elettriku u tal-gass mifrux ma' l-Unjoni Ewropea kollha, kif kien maħsub fl-għanijiet tal-Kunsill ta' Liżbona[3] Id-Direttiva tobbliga lill-Kummissjoni li toħroġ rapporti regolari dwar il-ħidma tas-suq fuq bażi annwali, u għalhekk dan ir-rapport tħejja b’konsultazzjoni mal-Grupp Ewropew tar-Regolaturi għall-Elettriku u l-Gass (ERGEG) bl-użu sew tat-tagħrif tagħhom kif ukoll ta' l-informazzjoni ppublikata f'għadd ta’ sorsi[4]. Aktar tagħrif dettaljat jinsab f’dokument anċillari li ser jinħareġ fl-istess waqt ma’ dan ir-Rapport. 2. SINTEŻI Rapport reċenti imħejji għad-DĠ Intrapriża dwar it-tkabbir tal-produttività Ewropa[5] wera l-prestazjoni eċċellenti tas-settur ta’ l-utilitajiet kif jidher fil-qosor fit-Tabella 1 hawn taħt. Dan iservi biex jenfasiżża l-importanza tal-kontribut tal-ftuħ tas-swieq lejn it-titjib fl-effiċjenza f’dawn is-setturi u l-kontribut potenzjali mis-settur ta’ l-enerġija lejn l-għanijiet ta’ Liżbona. Tabella 1 Tkabbir fil-Produttività tax-Xogħol: Gass, Elettriku u Ilma % fis-sena | 1979-1990 | 1990-95 | 1995-2001 | UE-15 | 2.7 | 3.6 | 5.7 | L-Istati Uniti ta’ l-Amerika | 1.1 | 1.8 | 0.1 | Madankollu, ħafna aspetti ta’ l-implimentazzjoni jibqgħu ta’ diżappunt. F’Ottubru 2004, tmintax-il Stat Membru kellhom jintbagħtu ittra bi twissija li kienu għadhom ma nnotifikawx bis-sħiħ lill-Kummissjoni bil-miżuri legali meħuda sabiex jiġu trasposti l-aħħar Direttivi. Dan id-dewmien m’huwiex sodisfaċenti għaliex issa jidher ċar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi preċedenti[6] ma kinux biżżejjed sabiex jinkiseb l-għan tal-kompetizzjoni, ukoll għal utenti akbar. Klijenti bħal dawn is-soltu jkunu mistennija li jinnegozjaw fuq bażi regolari ma' min jipprovdi s-servizz. Madankollu, wara ħames snin ta’ kompetizzjoni għall-elettriku u aktar minn tliet snin għall-gass, inqas minn 50% bidlu minn fornitur għal ieħor fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri. Ukoll, ħafna m’humiex sodisfatti bil-firxa ta' servizzi li qed jiġu offruti. M’huwiex biżżejjed li jitqies biss l-għadd ta’ klijenti li jibdlu l-fornitur, iżda wkoll in-nazzjonalità tal-fornituri l-ġodda. F’ ħafna każijiet, il-klijenti rnexxilhom biss jibdlu l-fornitur li kellhom għal ieħor domestiku, bir-riżultat li l-penetrazzjoni tas-swieq nazzjonali minn kumpaniji barranin wkoll huwa diżappuntanti f’ħafna każijiet. Dan jirrifletti n-nuqqas ta’ integrazzjoni tas-swieq u punti ta’ kuntatt bejn l-infrastutturi. Fil-parti l-kbira tal-każi, il-fornituri barranin għandhom inqas minn 20% tas-sehem mis-suq. L-uniċi eċċezzjonijiet huma dawk is-swieq li huma integrati pjuttost tajjeb ma' Stati Membri ġirien jew dawk fejn il-fornituri ewlenin ġew, fil-fatt, privatizzati u mixtrija minn kumpaniji barranin. Minkejja li l-prezzijiet ta’ l-elettriku huma aktar baxxi milli kienu fl-1995 f’termini reali, żdiedu fl-aħħar 18-il xahar, sa ċertu punt minħabba ż-żieda fil-prezzijiet ta’ sorsi primarji ta’ l-enerġija. Fl-istess ħin, il-prezzijiet tal-gass huma ogħla milli kienu fl-1995 minħabba r-rabta kontinwa maż-żejt. Minkejja li varjazzjonijiet fil-prezzijiet bħal dawn huma normali, iż-żiediet ma jinżlux tajjeb ma' klijenti meta l-prospetti li jaqilbu minn fornitur għal ieħor jidhru li jkunu llimitati minn xkiel regolatorju, u fejn is-setgħa ta’ negozjar tal-klijenti hija dgħajfa minħabba l-istruttura mhix favorevoli tas-suq. Fost l-akbar utenti, jirriżulta t-tħassib partikolari li l-fornituri qegħdin jonqsu milli joffru firxa adegwata ta’ strutturi ta’ kuntratti, speċjalment arranġamenti fuq medda itwal ta’ żmien. Kwistjoni ewlenija hija marbuta man-nuqqas li l-provvista nazzjonali ta’ l-enerġija tiġi integrata bis-sħiħ f’suq Ewropew usa’. F'dan il-kuntest huwa essenzjali li r-regoli dwar l-iskambji ta' l-elettriku bejn il-pajjiżi jkomplu jittejbu sabiex jiġi żgurat li l-infrastruttura eżistenti tiġi utilizzata kemm jista' jkun. Bl-istess mod għall-gass, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament[7] propost huma importanti wkoll. Investiment ġdid fl-infrastruttura huwa wkoll meħtieġ, u l-progress f'dan ir-rigward jibqa' kajman, kif ġie osservat fost l-oħrajn fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Infrastruttura ta' l-Enerġija u s-Sigurtà tal-Provvista[8]. It-tieninett, Stati Membri għadhom jonqsu milli jindirizzaw il-kwistjoni ta' l-istruttura tas-suq. Kif intwera biċ-ċar f’rapporti preċedenti, is-swieq tal-gass u l-elettriku f’għadd kbir wisq ta’ Stati Membri huma ddominati minn kumpanija waħda jew tnejn, u ħafna drabi l-kapaċità għall-kompetizzjoni minn barra m’hijiex biżżejjed. Huwa imperattiv li jinstabu soluzzjonijiet għal problemi bħal dawn. It-tieletnett, minkejja li diġà sar ħafna progress fir-rigward tas- separazzjoni ta’ operaturi tan-netwerks u l-introduzzjoni ta’ l-aċċess regolat ta’ partijiet terzi , ċerti aspetti jibqgħu ma jilħqux l-istennijiet. Operatur kompletament indipendenti li jieħu ħsieb is-sistemi ta' trażmissjoni huwa kruċjali għal suq li jaħdem sewwa. Bl-istess mod, operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni għandhom ikunu separati biżżejjed minn kumpaniji ta’ provvista sabiex ikunu żgurati tariffi li jirriflettu kemm iqum tassew is-servizz u t-tneħħija ta’ kull sussidju minn oqsma oħra. L-indipendenza tar-regolaturi hija kruċjali f’dan ir-rigward sabiex aċċess ġust għan-netwerks ikun żgurat f’termini ta’ livelli ta’ tariffi u struttura. F’ dan ir-rigward is-settur tal-gass għadu lura ferm meta mqabbel ma' dak ta’ l-elettriku. Grupp ta’ kwistjonijiet finali li jistgħu jkunu ta’ xkiel għas-suq intern huma l-eżistenza sallum ta’ prezzijiet regolati għall-utenti aħħarija ta' l-elettriku u tal-gass , flimkien mas-suq kompetittiv u arranġamenti fil-medda t-twila għax-xiri tas-servizzi ta' l-enerġija (PPAs). Minkejja li kontrolli bħal dawn huma miżura ta’ tranżizzjoni li tiswa ħafna matul il-fażi tal-bidu tal-ftuħ tas-swieq, hemm ir-riskju li approċċ bħal dan jista’ jxekkel il-kompetizzjoni, inaqqas l-investiment u jikkonfondi u jikkontradixxi miżuri ta’ separazzjoni. 3. EVALWAZZJONI TAL-PROGRESS FIS-SETTUR TA’ L-ELETTRIKU 3.1 Ħarsa fil-qosor Minkejja li ħafna mill-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-kompetizzjoni ttieħdu, jew huma fil-proċess li jittieħdu, ix-xkiel imsemmi fit-Tieni Taqsima jidher f’ħafna mis-swieq ta’ l-elettriku ta’ l-Ewropa kif jidher fil-qosor fit-tabella hawn taħt. Tabella 2 Ix-xkiel ewlieni għall-kompetizzjoni[9]fil-qosor Bdil tal-fornituri: Utenti kbar | a. L-ebda kwistjoni kbira | SE, FI, DK, NO, UK, | <50% | b. Separazzjoni \ Regolament | LU, AT, DE | minn 10% (LU) sa 35% (DE) | c. Struttura tas-Suq jew Nuqqas ta' Integrazzjoni | FR, BE, GR, IE, ES, NL, LT, IT, SI, CZ, SK, LV | minn 0% (GR) sa 35% (NL) | d. PPAs fit-tul \ prezzijiet regolati għall-utenti aħħarija | PT, EE, PL, HU, | minn 0% (EE) sa 25% (HU) | Flimkien ma' dan, fl-Istati gżejjer ta' Malta u Ċipru ma tantx hemm lok għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni għall-provvista ta' l-elettriku. 3.2 Regolazzjoni u Separazzjoni Effettiva Fornituri ġodda ikunu jistgħu jidħlu fis-suq biss jekk ikollhom aċċess ġust għan-netwerks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. Operatur indipendenti tas-sistemi ta’ trażmissjoni huwa ingredjent essenzjali għal suq ta' l-elettriku li jaħdem sewwa. Sussidji minn setturi oħra għandhom jitneħħew u aċċess imsejjes fuq prezzijiet regolati ppublikati li jirriflettu n-nefqa operattiva ta' l-impriża-netwerk in kwistjoni. Tariffi tan-netwerk issa jistgħu jitqabblu mhux ħażin fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, u huwa mistenni li r-regolaturi jsegwu mill-qrib lil dawk li jiddevjaw mill-firxa normali. 3.3 Struttura tas-Suq u Integrazzjoni L-istruttura tas-suq hija problema kbira f’ħafna partijiet tas-suq ta’ l-elettriku ta’ l-UE, u jidher ċar li kienu biss dawk ir-reġjuni fejn hemm biżżejjed fornituri, jiġifieri r-Renju Unit u s-suq Nordiku, li rnexxielhom iwasslu suq tassew kompetittiv għad-diversi kategoriji ta’ utenti. Barra minn hekk, hafna mis-swieq tal-produzzjoni ta’ l-elettriku fi Stati Membri ġodda huma kkaratterizzati mit-tkomplija ta’ atti ta' ftehim fit-tul dwar ix-xiri ta’ l-enerġija. Dan ifisser li l-kompetizzjoni m’hijiex daqshekk mifruxa daqs kemm jidher fl-analiżi ta’ l-ishma tas-suq. Fl-aħħar mill-aħħar, għan ewlieni huwa l-iżvilupp ta' suq likwidu tal-bejgħ bl-ingrossa. Dan se jippermetti lill-parteċipanti fis suq, inklużi atturi ġodda potenzjali, li jixtru u jbiegħu l-elettriku liberament sabiex ikunu jistgħu iqabblu l-portafolli tal-ġenerazzjoni u tal-provvista tagħhom. Madankollu, l-iskambji ta’ l-enerġija fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri għadhom m'humiex likwidi biżżejjed f'dan ir-rigward. Hemm ukoll livell baxx wisq ta’ trasparenza fir-rigward tal-formazzjoni tal-prezzijiet f’ħafna swieq tal-bejgħ bl-ingrossa. Naturalment, l-interkonnesjonijiet bejn l-Istati Membri, jipprovdu potenzjal sinjifikanti għaż-żieda fil-livell ta’ kompetizzjoni. Madankollu, l-iżviluppi f’dan ir-rigward kienu varji. Ċerti gruppi ta’ Stati Membri, bħalma huma l-pajjiżi Nordiċi, dawk fuq il-peniżola Iberika u fuq il-gżira ta’ l-Irlanda, urew li m’huwiex impossibbli li l-proġetti jiġu rrealizzati jekk ikun hemm impenn politiku b’saħħtu biżżejjed. Titjib aktar ġenerali għandu jirriżulta mill-implimentazzjoni tar-Regolament 1228/03 marbut mat-trażmissjoni ta’ l-elettriku minn pajjiż għal ieħor. Il-koordinament ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità minn fruntiera għall-oħra permezz ta’, pereżempju, l-ideat ta' "l-akkoppjament tas-swieq", li ġew suġġeriti mill-parteċipanti tal-Forum ta’ Firenze ser iżidu l-likwidità u jgħinu d-dħul ta’ atturi ġodda fis-swieq nazzjonali. 3.4 Żviluppi tal-prezzijiet Bl-eċċezzjoni ta’ l-Italja, fl-2004 kien hemm konverġenza tal-prezzijiet bl-ingrossa lejn il-livell ta’ madwar €30/MWh, kemm fi swieq bilaterali, kif ukoll fl-iskambji standardizzati ta’ l-enerġija. Madankollu, swieq bil-quddiem juru li l-prezzijiet x'aktarx jiżdiedu, u l- base-load [10] għall-2005 teċċedi sewwa t-€30/MWh. Sa ċertu punt, dan jirrappreżenta reazzjoni għall-prezzijiet ogħla tas-sorsi primarji ta’ l-enerġija fuq is-swieq dinjija. Il-prezzijiet għall-utenti aħħarija, li jinkludu wkoll l-infiq marbut man-netwerk u marġni għall-provvista bl-imnut, ma qorbux lejn xulxin. Hemm firxa wiesgħa ta’ livelli ta’ prezzijiet għall-klijenti aħħarija fl-Istati Membri differenti. Il-prezzijiet ta’ l-elettriku għal utenti kbar ivarjaw minn inqas minn €40/MWh fil-Latvja sa kważi €80/MWh fl-Italja. Bl-istess mod, il-prezzijiet għall-klijenti żgħar u għad-djar privati ivarjaw minn anqas minn €60/MWh sa ‘l fuq minn €120/MWh. 3.5 Konklużjonijiet Kienu ħafna l-kisbiet li saru mill-introduzzjoni tal-kompetizzjoni 'l hawn, inkluż l-istabbiliment tal-prinċipji ta' aċċess regolat għal partijiet terzi, is-separazzjoni tan-netwerks u livell ta' integrazzjoni tas-swieq nazzjonali f'raggruppamenti akbar. Madankollu, kif ġie identifikat f’ħafna rapporti preċedenti tal-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-konċentrazzjoni hija bħalissa l-aktar ostaklu importanti għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni aktar b’saħħitha. Filwaqt li dan jibqa' jgħodd, il-konsumaturi jistgħu jitilfu l-kunfidenza fis-suq u jitolbu regolazzjoni aktar stretta. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni li tipprojbixxi l-akkwist ta' GDP min-naħa ta' EDP u ENI[11], tirrifletti preċedent importanti dwar il-mod li bih il-Kummissjoni biħsiebha tittratta r-ristrutturar possibbli ta' l-industrija. L-indipendenza ta’ l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ż-żieda fil-livell ta’ interkonnettività disponibbli huma essenzjali għal aktar żvilupp tas-swieq ta' l-elettriku. Mingħajr investimenti bħal dawn, il-kontestabilità tas-suq se tibqa’ ristretta u l-kumpaniji stabbiliti ser iżommu parti kbira mill-vantaġġi li diġà għandhom. Użu akbar tal-politika dwar il-kompetizzjoni fuq livell nazzjonali, flimkien ma' trasparenza ogħla fl-imġieba tal-parteċipanti fi swieq tal-bejgħ bl-ingrossa, jistgħu wkoll jagħtu l-frott, u l-kooperazzjoni bejn regolaturi nazzjonali, awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni Ewropea wkoll għandha l-potenzjali li twassal għal titjib sinjifikanti. 4 EVALWAZZJONI TAL-PROGRESS FIS-SETTUR TAL-GASS 4.1 Ħarsa fil-Qosor Il-ħolqien tas-suq intern tal-gass jeħtieġ aktar integrazzjoni u l-isforzi sabiex il-provvista tkun diversifikata għandhom jiġu intensifikati għal dan il-għan. Huwa ċar li dawk l-Istati Membri li m’humiex integrati sewwa mal-ġirien tagħhom u li għandhom disponibbiltà limitata ta’ sorsi esterni kellhom aktar diffikultà fl-iżvilupp tal-kompetizzjoni. B’kuntrast ma’ dan, dawk li għandhom numru ta’ sorsi differenti disponibbli, u li implimentaw ukoll ir-rilaxx tal-kapaċità jidhru li sejrin ferm aħjar. Flimkien mar-Renju Unit, li ghandu struttura kompetittiva matura; u ma' l-Irlanda, fejn l-utenti l-kbar kellhom il-libertà ta' l-għażla għal ħafna snin, l-aħjar prestazzjoni tidher fis-swieq li jinsabu qrib ta' firxa varjata ta' riżorsi, bħalma huma l-Belġju, id-Danimarka u l-Olanda. L-Italja u Spanja wkoll għamlu progress sinjifikanti fl-aħħar sena. Fl-Istati Membri kollha msemmija hawn fuq, huwa stmat li għall-inqas 30% ta’ l-utenti l-kbar bidlu minn fornitur għal ieħor. Mill-bqija, Franza biss qiegħda toqrob lejn livell ta’ żvilupp bħal dan, partikolarment fir-reġjuni tat-Tramuntana tagħha. Il-progress fil-Ġermanja u l-Awstrija għadu ta’ diżappunt kbir, filwaqt li l-Istati Membri l-ġodda għandhom numru ta’ kwistjonijiet pendenti li x’aktarx ser ixekklu l-ħidma tal-kompetizzjoni. 4.2 Regolazzjoni u Separazzjoni Effettiva Għall-gass, l-aċċess ġust għan-netwerks jeħtieġ mhux biss prezzijiet ta’ l-aċċess li jirriflettu l-ispejjeż, iżda wkoll kundizzjonijiet flessibbli li jippermettu d-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq. B’mod ġenerali, sistema ta’ dħul-ħruġ kemm għat-tariffi kif ukoll għar-riżervar tal-kapaċità fuq in-netwerk ta’ trażmissjoni, aktar twassal għall-iżvilupp ta’ suq kompetittiv, u l-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri mexjin f'din id-direzzjoni. Madankollu, f’ċerti każi, proċeduri inflessibbli mingħajr mekkaniżmi adegwati ta' l-annullament awtomatiku f'każ ta' nuqqas ta' użu (" use it or lose it ") għadhom ta' xkiel għal operaturi ġodda fis-suq. Tariffi għolja, partikolarment għall-użu ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni bi pressjoni baxxa, ukoll jibqgħu jikkawżaw il-problemi. Reġimi ta’ bilanċ u ħażna huma wkoll kwistjonijiet sensittivi meta wieħed jiġi għall-ftuħ effettiv tas-suq. Ħafna reġimi jibqgħu x’aktarx inċerti, partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda. In-nuqqas, sal-ġurnata tal-lum, li jintlaħaq qbil dwar proċeduri minimi standard għall-aċċess għall-ħażna fil-Forum ta’ Madrid ta' dan l-aħħar, huwa għalhekk ta’ dispjaċir kbir. 4.3 Struttura tas-Suq u Integrazzjoni Problema ewlenija fuq livell nazzjonali hija li ħafna drabi hemm biss kumpanija waħda li twassal il-gass fis-suq. Dan għandu impatt importanti fuq il-potenzjal għall-kompetizzjoni fuq livell ta’ provvista. Ukoll jekk hemm aktar minn fornitur wieħed, il-kompetizzjoni bejniethom tista’ ma tagħtix frott jekk kollha kemm huma jixtru mingħand l-istess bejjiegħ bl-ingrossa. M'għandniex xi ngħidu, jekk jista’ jinħoloq suq Ewropew usa’ għall-gass naturali, dan it-tħassib jista’ jitnaqqas. Żvilupp aktar fil-fond tas-suq intern baqa', madankollu, ristrett mill-eżistenza kontinwa ta’ riżervazzjonijiet fit-tul tal-kapaċità ta’ trażmissjoni. In-nuqqas ta’ koerenza bejn l-istrutturi tariffarji ta’ operaturi individwali ta’ sistemi ta’ trażmissjoni wassal ukoll għan-nuqqas ta’ kompetizzjoni f’ċerti żoni. Sabiex il-gass jiġi ttrasportat minn Zeebrugge lejn, pereżempju, Budapest, ikun meħtieġ l-użu ta’ għallinqas ħames netwerks differenti u l-kumplessità tal-kalkolu tat-tariffa tkun ta’ diżinċentiv sinjifikanti għal kwalunkwe utent tan-netwerk. 4.4 Prezzijiet Il-prezzijiet tal-gass jibqgħu taħt l-influwenza qawwija tal-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, ħafna drabi inkluż fil-kuntratti bejn l-importaturi tal-gass u l-pajjiżi li jipproduċuh. Iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt matul l-2004 għalhekk waslet biex tinfluwenza s-suq tal-gass u l-gass naturali mibjugħ bl-ingrossa żdied minn madwar €10/MWh għal madwar €12/MWh sa tard fl-2004. Minkejja li l-prezzijiet għall-bejgħ bl-ingrossa tal-gass huma simili fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, l-aħħar informazzjoni fuq il-livell ta’ bejgħ bl-imnut, ippublikata mill-Eurostat, għadha turi diverġenza konsiderevoli li tvarja minn €10/MWh sa €25/MWh għal utenti kbar u minn €15/MWh sa €40/MWh għal djar privati. 4.5 Konklużjoni Is-swieq tal-gass jibqgħu suġġetti għal riġiditajiet sinjifikanti f’ħafna każi, x’aktarx b’riżultat li għad hemm nuqqas ta’ integrazzjoni bejn is-swieq nazzjonali. Mingħajr kompetizzjoni minn pajjiżi oħra, l-operaturi stabbiliti jistgħu faċilment jipproteġu l-pożizzjoni tagħhom. Ukoll, reġimi ta' bbilanċjar u ta' ħażna li ftit li xejn huma f'lokhom, kif ukoll tariffi għolja ta' distribuzzjoni iwasslu għal diffikultajiet fil-bdil minn fornitur għalieħor f'diversi pajjiżi. 5 IS-SIGURTÀ TAL-PROVVISTA Elettriku Ġeneralment, il-qagħda rigward l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea hija sodisfaċenti. Minkejja li fl-2003 irriżultaw xi diffikultajiet, il-qagħda ta’ l-Italja u Spanja issa tjiebet ferm hekk kif kapaċità ġdida żdiedet mas-sistemi eżistenti. Madankollu, il-pajjiżi Nordiċi għadhom f’qagħda relattivament iebsa[12]. Miżuri speċjali jeżistu f'numru ta' każi sabiex jinkoraġġixxu l-investiment fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni. Ħafna Stati Membri għandhom xi forma ta' ħlasijiet espliċiti għall-kapaċità filwaqt li n-Norveġja u l-Iżvezja ukoll għandhom forma ta' skema ta' għażla tal-kapaċità. Oħrajn għandhom xi forma ta' appoġġ tal-kapaċità fil-konfigurazzjoni ta' l-ibbilanċjar tas-swieq jew fil-ksib tal-kapaċità ta' riżerva mit-TSO. Fl-aħħar, ċerti Stati Membri wżaw il-possibilità ta' proċess ta' tender . L-iżvilupp ta' l-interkonnettività huwa wkoll meħtieġ f'numru ta' każijiet sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni disponibbli u sabiex jitnaqqas il-piż żejjed fuq is-sistema li jirriżulta mill-konġestjoni f'ċerti punti dgħajfa. L-Unjoni Ewoprea għadha xi ftit lura milli tilħaq l-għan stabbilit mill-Kunsill Ewropew f' Barċellona li l-interkonnessjonijiet bejn il-pajjiżi għandhom jirrappreżentaw għall-inqas 10% tal-kapaċità ta' produzzjoni f'kull Stat Membru sa l-2005. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummisjoni pproponiet fl-abbozz tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Provvista u l-Infrastruttura ta' l-Elettriku, li l-livell ta' koordinament għandu jiżdied u r-rwol tar-regolaturi nazzjonali għandu jittejjeb fir-rigward tal-kwistjoni ta' l-interkonnessjonijiet. Il-Gass Għalissa, il-kapaċità ta' importazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea tidher li hija aktar minn biżżejjed sabiex tlaħħaq mad-domanda. Sakemm il-kapaċità hija disponibbli hemm diġà inċentivi qawwija għall-pajjiżi li jipproduċu u għall-fornituri ta' l-UE sabiex jikkonkludu kuntratti ħalli jlaħħqu mad-domanda dejjem tikber għall-gass. Fil-preżent, għalhekk, ftit hemm miżuri speċifiċi ħafna li qed jiġu implimentati f'dan il-qasam fuq livell ġenerali. Fil-medda tan-nofs, għadd ta' proġetti, partikolarment għal terminals LNG jew għadhom ma tlestewx jew inkella għadhom qed jiġu kkunsidrati. Huwa mistenni li investimenti bħal dawn sejrin isiru mingħajr miżuri speċifiċi ta' appoġġ. 6 IS-SERVIZZ PUBBLIKU U L-ĦARSIEN TA' L-UTENT/KONSUMATUR Sa Lulju 2007, il-klijenti kollha ser isiru klijenti eliġibbli li għandhom il-possibiltà li jagħżlu l-aktar fornituri attraenti ta' l-elettriku u l-gass. F' dan il-kuntest, huwa importanti li l-ftuħ tas-suq jipprovdi lill-klijenti l-istess livell ta' kredibilità fir-rigward tal-provvista ta' l-elettriku u l-gass u għall-inqas l-istess livell ta' trasparenza u komprensibbiltà dwar il-modalità tat-tariffi fir-rigward ta' dan is-servizz, kemm jekk għażlu li jibdlu minn fornitur għal ieħor u kemm jekk le. B'mod simili, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar l-ittikkettar tas-sorsi ta' l-enerġija, l-Istati Membri se jeħtiġilhom jiżguraw l-implimentazzjoni bla skossi ta' din il-kundizzjoni sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata. Ċerti djar privati u impriżi żgħar esprimew il-fehma li għażla infurmata tal-konsumaturi ħafna drabi m'hix possibbli għaliex it-tqabbil tal-prezzijiet jew m'huwiex disponibbli jew inkella ma jiftiehemx faċilment. It-titjib f'dan ir-rigward huwa meħtieġ u l-industrija u r-regolaturi għandhom jiżguraw li informazzjoni valida dwar il-prezzijiet u s-servizzi hija disponibbli b'mod oġġettiv u trasparenti. Minbarra li tiżgura li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tad-Direttivi msemmija hawn fuq, il-kwestjoni ewlenija l-oħra għall-Kummissjoni hija dik li tieħu ħsieb li l-obbligi tas-servizzi pubbliċi ma jwasslux għal tgħawwiġ fis-suq, u li jippermettu l-aċċess ugwali tal-fornituri għall-klijenti. F' dan ir-rigward, diġà ġie nnutat l-effett possibbli ta' tgħawwiġ li jista' jkollhom il-prezzijiet aħħarija rregolati. 7 ASPETTI AMBJENTALI Is-suq intern ta' l-enerġija jeħtieġ li jiżviluppa b'mod konsistenti ma' l-għanijiet ta' sostenibbiltà tal-Komunità. Dan ifisser li l-inċentivi meħtieġa għall-appoġġ tad-dħul fis-suq ta' l-enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet u l-ġestjoni tad-domanda għandhom jibqgħu jinżammu. Il-liberalizzazzjoni toffri wkoll l-opportunità għal operaturi ġodda innovativi sabiex dawn jidħlu fis-suq u jippermettu strateġiji ta' differenzjazzjoni tas-suq, pereżempju fuq il-bażi ta' karatteristiċi ambjentali. It-tagħrif provdut mill-awtoritajiet fl-Istati Membri juri li politika bħal din tkompli tagħti l-frott. Aktar minn 7000MW addizzjonali ta' enerġija rinnovabbli u kapaċità ta' ġenerazzjoni effiċjenti CHP żdiedet mal-portafolli tal-kumpaniji matul l-2003, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu fil-Ġermanja u Spanja. Dan irrappreżenta ferm aktar minn 50% tal-kapaċità ġdida ta' ġenerazzjoni miżjuda fl-2003. Il-prospett għal aktar żvilupp huwa sinjifikanti bid-dehra fis-suq ta' teknoloġiji ġodda, bħalma hija l-mikro-koġenerazzjoni. Ħafna Stati Membri jkomplu wkoll isegwu approċċ attiv lejn il-ġestjoni tad-domanda permezz ta' inċentivi fiskali. 8 KONKLUŻJONIJIET L-Ewropa hija fil-proċess li toħloq komunità wiesgħa ta' l-enerġija, bbażata fuq regoli u prassi komuni, li tmur lil hinn sew mill-fruntieri ta' l-Unjoni. L-Istati Membri għandhom iżommu l-impenn tagħhom lejn dan il-għan fid-deċiżjonijiet li jieħdu rigward l-implimentazzjoni tad-Direttivi u r-ristrutturar ta' l-industrija. Huwa biss b'hekk li l-għan ta' suq kompetittiv u żgur jista' jinkiseb. Fid-dawl ta' dan, il-kwistjoni ta' l-investiment fl-infrastruttura u l-operat b'saħħtu tan-netwerks, b'appoġġ għas-suq kompetittiv, tibqa' waħda kritika. Minkejja li numru ta' kwistjonijiet minn dawn ġew indirizzati, it-tħassib li ntwera fil-Komunikazzjonijiet preċedenti u d-Direttiva proposta dwar l-Infrastruttura u s-Sigurtà tal-Provvista jibqgħu rilevanti, u xi forma ta' progress huwa meħtieġ f' dan ir-rigward. Ir-rwol ta' regolaturi indipendenti jibqa' element kruċjali fl-introduzzjoni tal-kompetizzjoni u d-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward tat-tariffi tan-netwerks u r-regoli importanti oħra tas-suq jibqgħu jinfluwenzaw l-iżvilupp tas-suq. F' dan il-kuntest huwa importanti li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ikollhom biżżejjed riżorsi u kompetenzi. Wieħed għad irid jara jekk it-titijib li sar taħt din id-Direttiva huwiex biżżejjed jew le sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-suq intern, speċjalment jekk Stati Membri jieħdu approċċ minimalista lejn it-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni kurrenti. Ħaġa waħda li hija ċerta hija li fl-ambjent globali ġdid ta' prezzijiet ogħla ta' l-enerġija primarja, huwa aktar importanti minn qatt qabel għall-Komunità li tirrispetta l-impenn tagħha lejn suq kompetittiv. [1] Direttivi 2003/54 u 2003/55 [2] Regolament 1228/2003 [3] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew 24/3/2000 (Ingliż) Nr: 100/1/00 23-24 ta’ Marzu 2000 [4] Pereżempju: “Studju kwalitattiv – konsumaturi Ewropej u servizzi ta’ interess ġenerali fl-UE 25 (Diċembru 2003) DG għas-Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur” [5] Produttività u kompetittività ta’ l-UE: Perspettiva ta’ l-industrija: Mary O’Mahony u Bart van Ark (ed.) għad-DĠ Intrapriża, Kummissjoni Ewropea 2003 [6] Direttivi 96/92 u 98/30 [7] COM (2003) 741 [8] COM (2003) 743 [9] F;din it-tabella, l-aktar xkiel importanti għal kull Stat Membru huwa identifikat. Madankollu ma jfissirx li ma jeżistux ostakoli oħra. [10] Il- baseload tfisser it-twassil ta’ ammont kostanti matul 24 siegħa [11] Stqarrija għall-istampa IP/04/1455, tad-9 ta’ Diċembru 2004 [12] Fuq il-bażi ta’ tagħrif maħruġ minn operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni. Pereżempju Tbassir dwar l-Adegwatezza tas-Sistemi 2004—2010, UCTE, Diċembru 2003: Ħarsa lura lejn l-Adegwatezza tas-Sistemi 2003, UCTE, Ġunju 2004